Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2024 dwar kuxjenza storika Ewropea (2023/2112(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2022 dwar l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ edukazzjoni ċivika(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” (COM(2020)0565),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 2016 bit-titolu “Appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti” (COM(2016)0379),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kulturali Ewropea tad-19 ta’ Diċembru 1954(9),
– Wara li kkunsidra l-istudju li sar għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tiegħu intitolat “European Historical Memory: Policies, Challenges and Perspectives” (Memorja Storika Ewropea: Politiki, Sfidi u Perspettivi)(10),
– wara li kkunsidra l-istudju li sar għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tiegħu intitolat “European Identity”(11),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0402/2023),
A. billi l-passat kumpless, mimli kunflitti u kkontestat tal-Ewropa joħloq kemm sfida kif ukoll opportunità għall-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li jirrikonoxxi li kuxjenza storika infurmata tajjeb trawwem fehim reċiproku u tolleranza;
B. billi l-inġustizzji bbażati fuq il-ġeneru, it-twemmin u l-etniċità ilhom ankrati fl-istorja Ewropea għal ħafna sekli, inkluż fil-forma ta’ antisemitiżmu u antiżingariżmu, u kellhom konsegwenzi għall-Ewropa u għall-bqija tad-dinja;
C. billi l-involviment konxju mal-istorja u l-inġustizzji storiċi jgħin biex jiġu indirizzati forom differenti ta’ intolleranza u inugwaljanza u biex jinbnew soċjetajiet aktar inklużivi;
D. billi l-istorja qatt ma għandha tkun relativata, mgħawġa jew iffalsifikata għal skopijiet politiċi;
E. billi n-negazzjoniżmu storiku u forom oħrajn ta’ interpretazzjonijiet mgħawġin tal-istorja jirrappreżentaw theddida maġġuri li tqajjem sfiduċja u kunflitt bejn il-popli u n-nazzjonijiet u jimminaw l-isforzi biex jitrawmu l-ġustizzja storika u r-rikonċiljazzjoni;
F. billi meta wieħed jiffaċċja l-passat, jeħtieġ li dan isir bl-akbar imparzjalità u oġġettività kemm fl-akkademja storika kif ukoll fl-isfera politika;
G. billi l-memorja storika tinkorpora grad distint ta’ soġġettività, peress li l-għażla ta’ x’wieħed jiftakar u kif jiġi interpretat il-passat neċessarjament jinvolvu ġudizzji ta’ valur;
H. billi, filwaqt li hemm “fatti storiċi” bbażati fuq il-ħidma storika professjonali, inkluża r-riċerka, it-tagħlim u l-ħarsien tas-sorsi u tas-siti storiċi, ma hemm l-ebda “verità storika” monolitika, inkontestabbli u dejjiema li grupp jew nazzjon speċifiku wieħed jista’ jimmonopolizza u jsostni li hija esklużivament tiegħu, jew li juża biex jiċħad l-eżistenza ta’ popli, nazzjonijiet jew stati oħrajn;
I. billi l-approċċi interdixxiplinari u l-kuntestwalizzazzjoni huma elementi essenzjali għall-edukazzjoni tal-istorja, li jeħtieġ li jiġu assoċjati mal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea kif ukoll ma’ programmi ta’ skambju u mobilità;
J. billi t-trawwim ta’ kuxjenza storika kritika bejn il-fruntieri permezz ta’ mezzi edukattivi u mezzi oħra huwa ċentrali biex l-Ewropej ikunu jistgħu jifhmu u jirrikonċiljaw ruħhom mal-passat tagħhom, jittrattaw b’fiduċja l-preżent u jaħdmu lejn futur komuni;
K. billi l-kuxjenza storika Ewropea hija mifhuma bħala kapaċità individwali kif ukoll kollettiva u ħila li wieħed jifhem, jivvaluta b’mod kritiku u jitgħallem b’mod riflessiv mill-istorja, u dan jiffaċilita r-rikonoxximent tal-konnessjoni inseparabbli u l-interdipendenza bejn il-passat, il-preżent u l-futur;
Nittrattaw il-passat tal-Ewropa bħala riskju u opportunità
1. Jirrikonoxxi li l-istorja diversa u spiss konfliġġenti tan-nazzjonijiet u l-istati Ewropej tagħmel kwalunkwe sforz biex l-istorja tiġi ttrattata f’livell politiku diffiċli u potenzjalment perikoluż, u li t-tentattivi biex jiġi ggwidat il-mod kif jiġi kkommemorat u interpretat il-passat dejjem huma ta’ sfida;
2. Jenfasizza l-potenzjal tal-prinċipju ta’ historia magistra vitae u jqis b’mod speċjali il-perjodi traġiċi u l-elementi skuri tal-istorja tal-Ewropa, mhux biss bħala tfakkira vigoruża tal-iżbalji tal-passat li r-ripetizzjoni tagħhom għandha tiġi evitata, iżda wkoll bħala sejħa għal ħidma konġunta lejn soċjetajiet demokratiċi u inklużivi fl-Unjoni u globalment;
3. Iqis li approċċ responsabbli, ibbażat fuq l-evidenza u kritiku għall-istorja, iffukat fuq il-valuri komuni Ewropej, huwa sine qua non għal kwalunkwe korp politiku demokratiku, sabiex il-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jiġu sensibilizzati għall-kisbiet u l-aberrazzjonijiet tal-passat bl-istess mod, sabiex jissaħħaħ diskors pubbliku awtoriflessiv u jitrawmu l-komprensjoni u r-rikonċiljazzjoni fi ħdan u fost gruppi soċjali, nazzjonijiet u stati partikolari;
Il-politika tal-passat fl-Unjoni Ewropea – valutazzjoni kritika
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ valutazzjoni onesta tal-“politika tal-passat” tal-UE, li matulha stinkat biex iżżid il-leġittimità tal-proġett Ewropew, issaħħaħ is-sens ta’ appartenenza Ewropew u trawwem il-koeżistenza paċifika tal-popli tal-kontinent, billi tirrikonoxxi bl-istess mod il-kisbiet u n-nuqqasijiet eżistenti, u billi tiskrutinizza l-modi li bihom iċ-ċittadini tħeġġew jiffaċċjaw il-passat;
5. Jirrikonoxxi l-firxa ta’ inizjattivi tal-passat u tal-preżent fil-livell Ewropew biex titrawwem memorja storika Ewropea komuni, inkluż il-Jum ta’ Tifkira tal-Olokawstu, il-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji u Awtoritarji kollha, l-istabbiliment ta’ linja ddedikata għat-tifkira fil-programm preċedenti Ewropa għaċ-Ċittadini u l-programm attwali Ċittadinanza, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri (CERV), u diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament bħal dawk tat-2 ta’ April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu u tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu li għad hemm kompetizzjoni moħbija u inkompatibilità parzjali bejn oqfsa differenti tal-memorja u kulturi ta’ tifkira fl-Ewropea, inkluż bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant, iżda wkoll bejn xi pajjiżi u xi nazzjonaijiet f’ċerti partijiet tal-kontinent; jenfasizza li l-pajjiżi Ewropej kollha għandhom esperjenzi konkordanti u diverġenti li jappartjenu għal storja Ewropea komuni; jirrikonoxxi d-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji Nazisti, faxxisti u komunisti kif ukoll taħt il-kolonjaliżmu, u r-rwol li dawn ir-reati kellhom fit-tiswir ta’ perċezzjonijiet storiċi fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-distakki reġjonali u ideoloġiċi eżistenti fis-sensibilizzazzjoni storika fost il-pajjiżi u l-popli Ewropej bil-għan li tinbena bażi komuni għad-djalogu kif ukoll fehim u rispett reċiproku;
7. Jirrikonoxxi li l-orruri tal-passat iservu bħala “mit negattiv ta’ bażi” u jipprovdu sens qawwi ta’ skop għall-proġett Ewropew ta’ paċi, iżda jirrikonoxxi li l-preokkupazzjoni tal-Unjoni prinċipalment bin-narrazzjoni ta’ storja dwarha nnifisha ex negativo, għandha r-riskju li jrawwem skema sewda u bajda tal-istorja teleoloġika u simplistika li potenzjalment ixxekkel komprensjoni infurmata bis-sħiħ tal-passat kumpless tal-Ewropa u tnaqqas l-inċentivi biex jiġu sfidati l-istereotipi u l-oġġetti sagri tal-istorja nazzjonali li ma jintmessux;
Lejn kuxjenza storika infurmata fl-Ewropa
8. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ komprensjoni usa’ u aktar olistika tal-istorja Ewropea biex tinħoloq kuxjenza storika Ewropea li tkun kritika u awtoriflessiva, b’mod partikolari billi l-ambitu ta’ inizjattivi ta’ tifkira attwali Ewropej jitwessa’, filwaqt li jitqiesu wkoll il-gruppi li sa issa kienu sottorappreżentati, u billi jiġu promossi modi innovattivi kif tiġi mgħallma l-istorja;
9. Jisħaq fuq l-importanza li nimxu lil hinn minn “kultura ta’ tifkira” Ewropea li fil-biċċa l-kbira tagħha tkun minn fuq għal isfel u kkonċernata mid-definizzjoni ta’ dak li l-Ewropej għandhom jiftakru u nimxu lejn “kultura li niftakru” minn isfel għal fuq, immexxija miċ-ċittadini u bbażata fuq prinċipji u valuri komuni Ewropej, li tikkonċentra fuq l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet sabiex il-passat jitqies mill-ġdid b’mod kritiku fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u bl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
10. Jirrikonoxxi l-importanza kruċjali li l-passat tal-Ewropa jiġi indirizzat abbażi tal-valuri ewlenin Ewropej minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-tradizzjonijiet etiċi u filosofiċi li fuqhom huma msejsa dawn il-valuri, u li tinħoloq sfera miftuħa ta’ diskussjoni li tagħmilha possibbli wkoll li jiġu indirizzati elementi diffiċli tal-istorja nazzjonali u li tipprevedi komprensjoni reċiproka u rikonċiljazzjoni kemm fi ħdan kif ukoll bejn in-nazzjonijiet Ewropej, kif ukoll bejn nazzjonijiet Ewropej u l-bqija tad-dinja;
11. Iqis il-libertà li wieħed jgħallem, jistudja u jwettaq riċerka, inkluż l-aċċess liberu għall-arkivji u s-sorsi, flimkien mal-espressjoni artistika libera, bħala prerekwiżit għall-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ għarfien imparzjali u bbażat fuq l-evidenza f’soċjetajiet demokratiċi, u għal trattament kritiku tal-istorja b’mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw dawk il-libertajiet li bħalissa jinsabu f’riskju, speċjalment minħabba każijiet ta’ miżapproprjazzjoni tal-liġijiet tal-memorja, inkluż permezz tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt tal-UE;
12. Jenfasizza r-rwol vitali tat-tagħlim u jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-kurrikuli u l-metodoloġiji tat-tagħlim attwali bil-għan li jibdlu l-enfasi mill-istorja nazzjonali għall-istorja Ewropea u globali u sabiex jippermettu aktar enfasi fuq fehim storiku sovranazzjonali, b’mod partikolari billi jippermettu perspettivi multipli tal-istorja u billi jrawmu stili ta’ tagħlim korrispondenti li jiffavorixxu r-riflessjoni u d-diskussjoni aktar milli t-trasferiment tal-għarfien u li jkunu ggwidati mill-objettiv ġenerali li l-istudenti jitgħallmu “kif jaħsbu” aktar milli “x’jaħsbu”;
13. Jenfasizza l-importanza vitali tat-tagħlim dwar l-integrazzjoni Ewropea, l-istorja, l-istituzzjonijiet u l-valuri fundamentali tal-Unjoni u ċ-ċittadinanza Ewropea biex jinħoloq sens Ewropew ta’ appartenenza; jitlob li t-tagħlim tal-istorja Ewropea u l-integrazzjoni Ewropea, li jeħtieġ li jitqies f’kuntest globali, u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, isiru parti integrali mis-sistemi edukattivi nazzjonali; jirrikonoxxi l-isforzi li saru fil-livell tal-UE biex jittejjeb l-għarfien dwar l-Unjoni u l-istorja tagħha, inklużi l-hekk imsejħa azzjonijiet Jean Monnet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu, inkluż permezz tal-Grupp ta’ Ħidma taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni dwar l-Ugwaljanza u l-Valuri, fuq riżultati tanġibbli li jindirizzaw speċifikament l-iżvilupp tal-kuxjenza storika Ewropea, u jiżviluppaw b’mod konġunt “manwal tal-UE” ta’ attivitajiet kurrikulari li jipprovdi linji gwida komuni u fatti u ċifri imparzjali għat-tagħlim tal-istorja Ewropea;
14. Iqis li x-xoviniżmu, l-isterjotipi tas-sessi, l-asimmetriji tal-poter u l-inugwaljanzi strutturali għandhom għeruq fondi fl-istorja Ewropea, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ approċċ li jkun multikulturali u sensittiv għall-ġeneru biżżejjed fit-tagħlim tal-istorja; iqis li huwa vitali li tiġi indirizzata l-marġinalizzazzjoni tan-nisa u ta’ gruppi soċjetali oħra sottorappreżentati fl-istorja, u jistieden lill-Istati Membri jipprevedu enfasi korrispondenti aktar b’saħħitha fil-kurrikuli nazzjonali;
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ tagħlim tal-istorja interdixxiplinari u intersezzjonali li japplika pedagoġija innovattiva u ċċentrata fuq l-istudent bħal approċċi interattivi, ta’ rakkontar tal-istejjer u bbażati fuq it-tagħlimiet meħuda għall-ġenerazzjonijiet kollha, li jagħmel użu minn sett komprensiv ta’ sorsi, teknoloġiji u materjali tat-tagħlim, inklużi kotba tal-iskola tal-istorja u stejjer orali transfruntiera u tranżnazzjonali, u li jippromwovi ħiliet analitiċi u ta’ ħsieb kritiku;
16. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali li għandhom l-għalliema fil-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-kompetenzi meħtieġa biex jiġu mifhuma u vvalutati b’mod kritiku l-fatti storiċi, u jenfasizza l-importanza li l-għalliema mhux biss jirċievu taħriġ adegwat iżda wkoll jinvolvu ruħhom fi żvilupp professjonali kontinwu, inklużi attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transnazzjonali; jissottolinja, f’dan il-kuntest, il-valur miżjud tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+;
17. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu materjali għat-tagħlim (tal-istorja) u taħriġ imfassla apposta li jippermettu lill-għalliema jiffukaw aħjar fuq l-aspetti tranżnazzjonali u d-diversi uċuħ tal-istorja, juża didattika adegwata u prinċipji ta’ tagħlim modern u jkun primarjament ikkonċernat bil-formazzjoni ta’ żgħażagħ li jirriflettu dwarhom infushom;
18. Jenfasizza li hemm valur kbir fil-ġbir tad-data u t-tqabbil u l-evalwazzjoni tal-metodi u l-għodod għat-tagħlim tal-istorja, u jilqa’ l-ħidma kemm tal-organizzazzjonijiet governattivi speċjalizzati kif ukoll tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi f’dan il-qasam, inkluż l-Osservatorju dwar it-Tagħlim tal-Istorja fl-Ewropa tal-Kunsill tal-Ewropa u l-EUROCLIO; jenfasizza l-ħtieġa li aktar Stati Membri tal-UE jipparteċipaw fl-Osservatorju;
19. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-mużewijiet li jindirizzaw b’mod kritiku l-istorja kkontestata tal-Ewropa bħala għodda għat-tagħlim dwar il-passat u l-bini ta’ għarfien storiku, b’mod partikolari “Dar l-Istorja Ewropea” bħala proġett emblematiku li għalih għandhom ikunu disponibbli biżżejjed riżorsi sabiex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni usa’ għall-pubbliku Ewropew;
20. Jenfasizza l-importanza li jiġu ppreservati l-wirt kulturali u storiku rikk u s-siti ta’ tifkira tal-Ewropa, b’mod partikolari bħala mezz biex tiġi stabbilita kuxjenza storika kritika, sakemm dawn ma jiġux abbużati għal skopijiet ideoloġiċi, u jenfasizza r-rwol li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u l-istituzzjonijiet indipendenti li jippromwovu l-wirt Ewropew, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, jista’ jkollhom f’dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiddefinixxu u jipproteġu l-postijiet ta’ memorja demokratika, speċjalment dawk relatati ma’ gruppi sottorappreżentati; jenfasizza l-potenzjal tal-Europeana li sservi bħala l-librerija diġitali, l-arkivji, il-mużew u l-pjattaforma edukattiva tal-Ewropa;
21. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-media diġitali u l-livell dejjem jiżdied ta’ diġitalizzazzjoni fl-edukazzjoni, filwaqt li jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu dejjem aktar abbużiv tal-kanali diġitali għall-manipulazzjoni politika u ċ-ċirkolazzjoni tad-diżinformazzjoni, inkluż fir-rigward tal-istorja, kif enfasizzat mir-reviżjoniżmu storiku Russu li akkumpanja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-litteriżmu medjatiku u diġitali u biex jagħtu lill-għalliema u lill-istudenti ħiliet u għodod adegwati li jiffaċilitaw it-tagħlim tal-istorja bbażat fuq il-fatti, u jippermettulhom jidentifikaw, jikkuntestwalizzaw u janalizzaw sorsi storiċi tradizzjonali kif ukoll moderni;
22. Jenfasizza li l-opportunitajiet ta’ mobilità għat-tagħlim bejn il-fruntieri pprovduti minn programmi Ewropej u skemi oħra ta’ mobilità jiffavorixxu l-iskambju ta’ ideat u jippromwovu għarfien trasversali kif ukoll fehim interkulturali, li jgħinu biex jingħelbu l-ostakli nazzjonali u jipprovdu fehim aħjar tal-passat u tal-preżent;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-għodod attwalment disponibbli fil-livell Ewropew sabiex titrawwem kuxjenza storika kritika u awtoriflessija Ewropea, b’mod partikolari l-programm Erasmus+, li jappoġġja l-mobbiltà u t-tagħlim interkulturali bħala għodod ewlenin biex kulturi u nazzjonijiet oħra jiġu mifhuma aħjar, u l-programm CERV, li jipprovdi appoġġ għal proġetti ta’ tifkira storika tranżnazzjonali u jippromwovi l-impenn ċiviku;
24. Jitlob li l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati prospettivi, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-atturi tas-soċjetà ċivili jżidu l-isforzi tagħhom biex irawmu r-rikonċiljazzjoni, jastjenu minn kwalunkwe tentattiv biex jistrumentalizzaw l-istorja għal skopijiet politiċi, u jiġġieldu r-reviżjoniżmu u n-negazzjoniżmu storiċi kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha; ifakkar fl-importanza ta’ dawn l-aspetti għat-tkabbir futur tal-Unjoni;
Prospettivi: il-wirt tal-passat u l-futur tal-UE
25. Iħaddan l-ideal ta’ “kultura ta’ tifkira” u kuxjenza storika bbażata fuq valuri u prattiki komuni Ewropej biex jiġi indirizzat il-passat, iżda fl-istess ħin jiġi evitat kwalunkwe livellar jew simplifikazzjoni bla bżonn tal-istorja;
26. Jesprimi t-tama tiegħu li abbażi ta’ awtoriflessjoni kritika relatata mal-istorja u r-responsabbiltà storika fil-livell nazzjonali, jista’ jitfaċċa diskors ta’ riflessjoni verament Ewropew dwar il-passat tal-kontinent, u l-istorja ma tiġix abbużata għal skopijiet politiċi ta’ poter, u jesprimi t-tama tiegħu li tinħoloq “komunità ta’ destin” fost il-popli Ewropej b’riżultat ta’ ħidma storika komuni;
27. Jipprevedi li l-memorji kollettivi eventwalment jikkontribwixxu għal sfera pubblika Ewropea u jingħaqdu magħha, li fiha l-kulturi ta’ tifkira diverġenti jikkomplementaw lil xulxin aktar milli jkunu f’kompetizzjoni, u li l-istorja tiġi ttrattata b’mod li ssir kwistjoni ta’ azzjoni ċivika aktar milli politika;
o o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Studju – “European Historical Memory: Policies, Challenges and Perspectives”, (Memorja Storika Ewropea: Politiki, Sfidi u Perspettivi) (it-tieni edizzjoni), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, April 2015.
Studju – “European Identity” (Identità Ewropea), il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, April 2017: