Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2024 dwar il-persekuzzjoni li għaddejja tal-Falun Gong fiċ-Ċina, b’mod partikolari l-każ tas-Sur Ding Yuande (2024/2504(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-1999 ’l hawn, il-Partit Komunista Ċiniż (CCP) kien involut fil-persekuzzjoni sistematika biex jeqred il-moviment reliġjuż tal-Falun Gong; billi l-libertà tar-reliġjon qed tiddeterjora fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) kollha; billi ċ-ċensura u s-sorveljanza bbażati fuq it-teknoloġija huma ċentrali għal din ir-repressjoni; billi l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-RPĊ jistipula li ċ-ċittadini tagħha għandhom igawdu l-libertà tat-twemmin reliġjuż;
B. billi huwa ddokumentat li mill-1999 ’l hawn mietu eluf ta’ prattikanti tal-Falun Gong minħabba l-persekuzzjoni tal-Partit Komunista Ċiniż; billi l-prattikanti ta’ spiss ikunu detenuti u huwa rrappurtat li jkunu soġġetti għal tortura, abbuż psikoloġiku u tneħħija tal-organi sabiex jiċħdu twemminhom;
C. billi fit-12 ta’ Mejju 2023 is-Sur Ding Yuande u martu s-Sa Ma Ruimei, prattikanti tal-Falun Gong, ġew arrestati mingħajr mandat ta’ arrest; billi s-Sa Ma nħelset fuq pleġġ, iżda mbagħad ġiet intimidata mill-pulizija għax binhom li jgħix barra nieda kampanja ta’ salvataġġ;
D. billi s-Sur Ding ġie detenut mingħajr ebda żjara minn familtu għal tmien xhur; billi fil-15 ta’ Diċembru 2023 ġie kkundannat għal tliet snin ħabs b’multa ta’ CNY 15 000; billi appella s-sentenza;
1. Iħeġġeġ bil-qawwa lir-RPĊ ittemm minnufih il-persekuzzjoni tal-prattikanti tal-Falun Gong u ta’ minoranzi oħra, inklużi l-Ujguri u t-Tibetani; jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tas-Sur Ding u tal-prattikanti kollha tal-Falun Gong fiċ-Ċina;
2. Jitlob li r-RPĊ ittemm is-sorveljanza u l-kontroll domestiċi u transnazzjonali u s-soppressjoni tal-libertà reliġjuża; iħeġġeġ lir-RPĊ tirrispetta l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali u l-kostituzzjoni tagħha stess biex tirrispetta u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem;
3. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jissospendu t-trattati ta’ estradizzjoni mar-RPĊ;
4. Jisħaq li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt għandhom ikunu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw u jiffaċilitaw investigazzjoni internazzjonali dwar il-persekuzzjoni tal-prattikanti tal-Falun Gong u jqajmu s-suġġett tal-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi matul id-djalogi politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem kollha mal-awtoritajiet Ċiniżi; jistieden lill-Istati Membri u d-Delegazzjoni tal-UE għar-RPĊ jimmonitorjaw il-proċessi;
5. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkundannaw pubblikament l-abbużi tat-trapjanti tal-organi fiċ-Ċina u jużaw ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem u r-reġimi nazzjonali ta’ sanzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem kontra l-awturi u l-entitajiet kollha li kkontribwew għall-persekuzzjoni tal-prattikanti tal-Falun Gong fiċ-Ċina u barra minnha; jisħaq li l-miżuri tal-UE għandhom jinkludu r-rifjut tal-viżi, l-iffriżar tal-assi, l-espulsjoni mit-territorji tal-UE, il-prosekuzzjoni kriminali, inkluż abbażi ta’ ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali, u t-tressiq ta’ akkużi kriminali internazzjonali;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-RPĊ.