Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2024 dwar l-istat tad-dritt u l-libertà tal-media fil-Greċja (2024/2502(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 2, 4(3) u 7(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt)(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu wara l-missjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f’Ateni, il-Greċja, bejn is-6 u t-8 ta’ Marzu 2023 fuq l-inizjattiva tal-Grupp ta’ Monitoraġġ dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DRFMG) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-kapitoli tal-pajjiżi dwar il-Greċja fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, b’mod partikolari dak tal-2021, tal-2022 u dak tal-2023,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Greċja,
– wara li kkunsidra ir-rapport tal-investigazzjoni ta’ allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2023 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-investigazzjoni ta’ allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti(3),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2022 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media) u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (COM(2022)0457),
– wara li kkunsidra l-proposta tas-27 ta’ April 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (COM(2022)0177),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamentazzjoni jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżivi (AVMS))(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u kif riflessi fil-Karta u inkorporati fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
B. billi l-konformità ta’ Stat Membru mal-valuri mnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-TUE hija kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha derivati mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dak l-Istat Membru, inkluż id-dritt għall-finanzjament tal-UE; billi skont l-Artikolu 7 tat-TUE, l-Unjoni tista’ tivvaluta l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2;
C. billi, f’dawn l-aħħar snin, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-media kienu sejrin lura fil-Greċja; billi din is-sitwazzjoni ma ġietx indirizzata biżżejjed, għad hemm ħafna tħassib u għad hemm ħafna kwistjonijiet;
D. billi, fl-2022, il-Greċja adottat leġiżlazzjoni li għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tas-sjieda tal-media, u li tistabbilixxi reġistru għall-media stampata, kif ukoll reġistru għall-istampa elettronika, li jagħmel lill-kumpaniji rreġistrati esklużivament eliġibbli għar-reklamar mill-Istat(5);
E. billi d-Direttiva AVMS tistabbilixxi li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti u f’konformità mal-objettivi ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u lingwistika, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċessibbiltà, in-nondiskriminazzjoni, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta; billi huwa jiddikjara wkoll li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi finanzjarji u umani u setgħat ta’ infurzar adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effettiv;
F. billi l-ftehim bejn il-koleġiżlaturi fl-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media huwa mistenni li jsaħħaħ ir-rekwiżiti ta’ trasparenza rigward is-sjieda diretta u indiretta tal-media, l-allokazzjoni tal-finanzjament mill-Istat lill-istrumenti tal-media fil-forma ta’ reklamar mill-Istat, kif ukoll il-ħatra u t-tkeċċija tal-bordijiet ta’ ġestjoni tal-media tas-servizz pubbliku; billi huwa mistenni li jiġu stabbiliti salvagwardji b’saħħithom kontra sorveljanza bla bżonn tal-ġurnalisti u tat-timijiet editorjali tal-istrumenti tal-media;
G. billi l-Pjattaforma għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti tal-Kunsill tal-Ewropa kienet identifikat żewġ każijiet ta’ impunità għal qtil, disa’ twissijiet attivi u żewġ twissijiet oħra mingħajr tweġiba sa tmiem l-2023;
H. billi l-Greċja għandha l-agħar klassifikazzjoni mill-pajjiżi kollha tal-UE – il-107 post – fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2023 minn Reporters mingħajr fruntieri;
I. billi l-libertà tal-media, il-pluraliżmu u l-indipendenza u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u għas-salvagwardja tal-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
J. billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja tissodisfa l-objettivi intermedji għall-finanzjament tal-UE, peress li l-Awtorità Nazzjonali tat-Trasparenza (NTA) adottat strateġija kontra l-korruzzjoni; billi l-NTA ma għandhiex rekord għall-eżerċitar ta’ sorveljanza effettiva u indipendenti; billi l-konklużjoni tal-Kummissjoni tidher li hija bbażata biss fuq l-adozzjoni ta’ strateġija fuq il-karta, mhux fuq miżuri effettivi fil-prattika;
K. billi skont l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2023 minn Transparency International, il-Greċja wriet sitwazzjoni li sejra għall-agħar b’mod inkwetanti fejn jidħlu l-kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt fost is-27 Stat Membru tal-UE; billi dan huwa żvilupp negattiv rifless ukoll fil-punteġġ akbar tal-indiċi dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni tal-pajjiż;
L. billi fl-hekk imsejjaħ skandlu tal-Lista ta’ Petsas, ġew distribwiti EUR 20 miljun ta’ fondi mill-Istat fost l-istrumenti tal-media għal kampanji ta’ komunikazzjoni dwar is-saħħa pubblika, inklużi siti web mhux eżistenti u blogs personali; billi ċerti strumenti tal-media ġew esklużi totalment mingħajr ebda ġustifikazzjoni u bi kriterji mhux trasparenti;
M. billi investigazzjoni preliminari md-Direttorat Ġenerali Grieg tal-Unità tal-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika sabet li mill-anqas 270 strument tal-media ffinanzjati ma kinux irreġistrati kif suppost u skont il-liġi u li l-fondi pubbliċi mitlufa huma ta’ aktar minn EUR 3 miljun;
N. billi fl-2022 in-neputi u l-eks Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru beda diversi kawżi kontra l-gazzetta EFSYN, il-pjattaforma investigattiva online Reporters United u individwali ġurnalisti, bl-għan li jneħħi l-artiklu li jimplikah fi skandlu nazzjonali tas-software ta’ spjunaġġ li jinvolvi lill-kumpanija Intellexa, kif ukoll kumpens ta’ EUR 550 000; billi l-pubblikazzjoni, fost affarijiet oħra, ikkawżat protesta pubblika, li fl-aħħar mill-aħħar wasslet għar-riżenja tiegħu mir-rwol tas-Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru; billi minn dak iż-żmien ħarġu aktar dettalji dwar ir-rwol tiegħu fl-iskandlu tas-software ta’ spjunaġġ; billi bosta organizzazzjonijiet internazzjonali tal-libertà ta’ espressjoni u tal-libertà tal-media kkundannaw il-kawża bħala kawża strateġika kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) li għandha l-għan li trażżan ir-rapportar kritiku;
O. billi li r-rapport annwali tal-Awtorità Ellenika għall-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Privatezza (ADAE) ippubblikat dan l-aħħar fl-2022 żvela li eluf ta’ każijiet ta’ ordnijiet ta’ prosekuzzjoni biex jinkiseb aċċess għall-komunikazzjonijiet minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali ma kinux ġew irrapportati lill-ADAE fil-ħin mis-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence (EYP) Grieg u d-Diviżjoni Speċjali tal-Pulizija dwar il-Kriminalità Vjolenti (Kontra t-Terroriżmu);
P. billi f’Diċembru 2023, l-awtoritajiet tat-taxxa imponew multa eżorbitanti ta’ EUR 435 000 fuq il-gazzetta ta’ kull ġimgħa Documento News; billi ċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Media kkundanna din il-miżura u esprima d-diżappunt tiegħu fis-7 ta’ Diċembru 2023;
Q. billi Panayote Dimitras, attivist favur id-drittijiet tal-bniedem u fundatur u kap tal-monitoraġġ ta’ Greek Helsinki Monitor (GHM), qed ikun soġġett ta’ prosekuzzjoni għal traffikar illegali minkejja li jidher li kien qed jaġixxi b’mod legali biex jipprovdi assistenza umanitarja lil dawk li jfittxu ażil; billi f’Diċembru 2022, huwa ngħata multa u ġie pprojbit milli jkun involut fil-GHM; billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprimew tħassib dwar il-każ; billi, f’Mejju 2023, l-Awtorità kontra l-Ħasil tal-Flus ordnat l-iffriżar tal-assi kollha ta’ Dimitras; billi fil-31 ta’ Mejju 2023, Dimitras iddikjara li kien irċieva biss finanzjament mill-UE maħsub għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u li l-fondi ntużaw biss għal dak il-għan; billi l-ħelsien reċenti ta’ 16-il ħaddiem tal-għajnuna u voluntier juri li l-akkużi kriminali kontra dawk li jipprovdu assistenza umanitarja lil dawk li jfittxu ażil ma għandhom l-ebda bażi ġuridika;
R. billi r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huwa ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE;
S. billi, fit-28 ta’ Novembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) nieda investigazzjoni dwar l-abbuż ta’ EUR 700 miljun f’sussidji għal sistema tas-sikurezza ferrovjarja; billi minn dak iż-żmien ’l hawn, ġew arrestati 23 persuna b’rabta mal-iskandlu, ħlief għall-ministri (jew eks ministri) tal-gvern li huma protetti mill-prosekuzzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament Grieg, li għaliha ġiet invokata l-Kostituzzjoni Griega;
T. billi l-Gvern Grieg, minbarra r-rappreżentanti tal-pulizija Griegi, irrifjuta li jiltaqa’ mad-delegazzjoni tal-Parlament tad-DRFMG matul il-missjoni uffiċjali tiegħu; billi l-għada l-Prim Ministru Grieg iltaqa’ ma’ delegazzjoni Ġermaniża lokali tal-Partit Popolari Ewropew; billi dan ir-rifjut li jiltaqa’ ma’ kwalunkwe ministru jew ma’ rappreżentant ieħor tal-gvern ta’ livell għoli huwa bla preċedent matul il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni mit-twaqqif tad-DRFMG fl-2018;
U. billi l-Greċja adottat diversi liġijiet fil-qafas tal-ugwaljanza, li wħud minnhom fihom lakuni kbar; billi l-liġi Griega li tipprojbixxi l-hekk imsejħa “prattiki ta’ konverżjoni” fuq minorenni u persuni vulnerabbli oħra ma tkoprix każijiet fejn il-“prattiki ta’ konverżjoni” jitwettqu minn qassisin jew mexxejja reliġjużi u/jew spiritwali oħra, jew speċjalisti mingħajr kwalifiki uffiċjali, u dawk imwettqa fuq adulti li taw il-kunsens tagħhom; billi dawk li jwettqu tali prattiki jistgħu jinżammu responsabbli biss jekk ikunu aċċettaw il-flus biex iwettquhom; billi fis-sajf tal-2023 kien hemm taqlib kbir fil-komunità LGBTIQ+ wara l-mewt ta’ artist queer minn Kuba, Anna Hernández, li nstabet maqtula b’daqqiet ta’ sikkina f’darha u r-rapporti inizjali tal-pulizija jassenjawlha ġeneru ħażin;
V. billi fl-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-2023 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Greċja kisbet punteġġ ta’ 58 punt minn 100 u kklassifkat biss fl-24 post fl-UE; billi skont l-evalwazzjoni tal-2023 mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Greċja bħalissa ma għandha l-ebda ċentru għall-vittmi ta’ stupru u/jew ċentru ta’ referenza għall-vjolenza sesswali;
1. Jesprimi tħassib serju dwar theddid serju ħafna għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali fil-Greċja; jisħaq li s-sistema ta’ kontrokontrolli hija essenzjali għal demokrazija robusta u jinnota bi tħassib li din spiċċat taħt pressjoni kbira;
2. Huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja fil-Greċja li jagħmlu progress fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalist Grieg George Karaivaz fid-9 ta’ April 2021; jinnota li f’April 2023 ġew arrestati żewġ persuni suspettati, iżda mill-bqija ma kien hemm l-ebda attività evidenti fl-investigazzjoni tal-pulizija; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwettqu investigazzjoni bir-reqqa u effettiva, u biex iressqu lil dawk involuti fil-qtil, fi kwalunkwe livell, quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jitolbu assistenza mill-Europol;
3. Huwa ferm imħasseb li, minbarra dan il-qtil, ħafna ġurnalisti jiffaċċjaw theddid fiżiku, attakki verbali, inkluż minn politiċi u ministri ta’ grad għoli, il-ksur tal-privatezza tagħhom bi spyware, u SLAPPs; jissottolinja li dan joħloq effett dissważiv għalihom; jitlob li dawn l-SLAPPs, b’mod partikolari, jitneħħew minnufih; jinsisti li l-gvern għandu l-obbligu li jieħu l-passi kollha meħtieġa biex iressaq lill-awturi ta’ reati kontra individwi, ġurnalisti u atturi oħra tal-media quddiem il-ġustizzja, kif ukoll biex joħloq ambjent sikur għall-ġurnalisti kollha;
4. Jesprimi tħassib serju dwar il-ħafna każijiet ta’ użu eċċessiv ta’ forza mis-servizzi tal-pulizija kontra gruppi ta’ minoranza u ta’ dimostraturi paċifiċi b’mod ġenerali; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw b’mod sħiħ u indipendenti dawn il-każijiet kollha; huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li f’dawn l-aħħar snin fil-Greċja nqatlu tliet żgħażagħ Rom minħabba allegata vjolenza mill-pulizija, u dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni bir-reqqa tagħha; jinnota bi tħassib li f’xi każijiet il-pulizija naddfet ix-xena tar-reat qabel ma sar eżami forensiku; ifakkar li l-qorti kompetenti lliberat erba’ uffiċjali tal-pulizija mill-involviment fil-mewt tal-attivista favur l-LGBTIQ+ Zak Kostopoulos fl-2022, minkejja filmati li juru lill-pulizija tuża forza bla bżonn;
5. Jistieden lill-gvern jiżgura l-indipendenza sħiħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu għas-settur awdjoviżiv kif meħtieġ skont id-Direttiva AVMS;
6. Jisħaq li l-pluraliżmu tal-media huwa mhedded, peress li s-sjieda tal-media fil-pajjiż hija prinċipalment distribwita fost għadd żgħir ta’ oligarki, li jirriżulta f’nuqqas ta’ rapportar drammatiku dwar ċerti suġġetti, bħal tħassib dwar is-sistema tas-sikurezza ferrovjarja qabel il-ħabta tal-ferroviji ta’ Tempi; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ trasparenza fid-distribuzzjoni tas-sussidji mill-istat lill-istrumenti tal-media; jinnota l-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-regolaturi tal-media ma għandhomx riżorsi; jikkontesta l-oġġettività u l-indipendenza tal-Kunsill Nazzjonali Grieg għar-Radju u t-Televiżjoni u jinsab imħasseb dwar is-sostituzzjoni f’daqqa tal-bord ta’ sorveljanza f’Settembru 2023; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-media Nru 5005/2022 tal-21 ta’ Diċembru 2022, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda tal-media;
7. Jappella, fir-rigward tal-użu illeċitu tat-teknoloġija ta’ sorveljanza bħas-software ta’ spjunaġġ Predator, għal:
(a)
salvagwardji istituzzjonali u legali, inkluż skrutinju ex ante u ex post effettiv, kif ukoll mekkaniżmi ta’ sorveljanza indipendenti, li għandhom jiġu restawrati u msaħħa b’mod urġenti;
(b)
it-tħassir b’mod urġenti tal-liċenzji kollha tal-esportazzjoni li mhumiex kompletament konformi mar-Regolament dwar l-Użu Doppju(6) u l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ esportazzjonijiet illegali, fost l-oħrajn lejn is-Sudan;
(c)
garanziji li l-awtoritajiet jistgħu jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha dwar l-użu tas-software ta’ spjunaġġ b’mod liberu u mingħajr xkiel;
(d)
it-treġġigħ lura tal-emenda leġiżlattiva tal-2019 li poġġiet lill-EYP taħt il-kontroll dirett tal-Prim Ministru;
(e)
garanziji tal-indipendenza tat-tmexxija tal-NTA;
(f)
it-tnedija b’mod urġenti ta’ investigazzjoni tal-pulizija wara l-allegat abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ u l-qbid ta’ evidenza fiżika ta’ prokuri, kumpaniji sensara u bejjiegħa ta’ software ta’ spjunaġġ li huma marbuta mal-infezzjonijiet ta’ software ta’ spjunaġġ;
(g)
l-istedina minnufih tal-Europol biex tissieħeb fl-investigazzjonijiet; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni illeġittima tat-terminu “theddida għas-sigurtà nazzjonali” bħala ġustifikazzjoni għall-interċettazzjoni u għas-sorveljanza mhux aċċettabbli tal-avversarji politiċi, inklużi l-Membri attwali tal-Parlament Ewropew, is-Sur Georgios Kyrtsos u l-eks Membru Nikos Androulakis; jesprimi tħassib serju dwar l-influwenza tal-Prim Ministru fuq l-EYP, li huwa taħt il-kompetenza u s-superviżjoni diretta tal-uffiċċju tiegħu;
8. Jinnota bi tħassib kbir li awtoritajiet indipendenti bħall-ADAE u l-Awtorità Griega għall-Protezzjoni tad-Data (DPA) spiċċaw taħt pressjoni dejjem akbar minħabba l-ħidma tagħhom fir-rigward tal-interċettazzjoni illegali tal-EYP; jinnota, barra minn hekk, li fl-2023 il-Parlament Grieg issostitwixxa malajr lill-membri tal-bord tal-ADAE lejliet id-deċiżjoni tal-ADAE li timponi multa fuq l-EYP, u t-talba imminenti għall-pass kruċjali li jmiss li għandu jittieħed fl-investigazzjoni dwar l-iskandlu tas-software ta’ spjunaġġ;
9. Jistieden lill-Gvern Grieg jirtira b’mod urġenti l-emenda 826/145 għal-Liġi Nru 2472/1997, li neħħiet il-kapaċità tal-ADAE li tinnotifika liċ-ċittadini dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li qed jitneħħew, u li terġa’ tinkiseb l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u tal-korpi ta’ sorveljanza rilevanti kollha, bħall-Ombudsman u d-DPA, sabiex jiġi żgurat li l-korpi ta’ sorveljanza kollha jgawdu kooperazzjoni sħiħa u aċċess għall-informazzjoni u jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-vittmi kollha;
10. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ finanzjament, in-nuqqas ta’ persunal, it-trażżin tas-setgħat, il-proċeduri ta’ ħatra mhux trasparenti, u l-fastidju u l-intimidazzjoni ta’ uffiċjali ta’ korpi pubbliċi indipendenti bħall-Ombudsman, li l-mandat tiegħu u d-durata tiegħu jridu jkunu konformi mal-prinċipji ta’ Pariġi u mal-istandards Ewropej dwar il-korpi tal-ugwaljanza, id-DPA u l-ADAE; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija Nazzjonali għat-Trasparenza, li għandu jkollha rwol vitali fl-iskrutinju tal-awtoritajiet pubbliċi, ma tidhirx li hija effettiva u tqajjem tħassib dwar l-indipendenza tagħha; jistieden lill-Gvern Grieg jiżgura l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tal-korpi ta’ sorveljanza indipendenti, f’konformità mal-Kostituzzjoni Griega u mar-rekwiżiti legali nazzjonali u tal-UE applikabbli, u jtejjeb il-konformità tiegħu mar-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jirrimarka li d-diffikultajiet u d-dewmien sistematiċi fil-ħatra tal-ġestjoni ta’ korpi ta’ sorveljanza indipendenti jimminaw l-effettività u l-awtorità tagħhom; huwa ferm imħasseb bis-sostituzzjoni f’daqqa tal-membri tal-bord tal-ADAE u tal-korp ta’ sorveljanza għax-xandar pubbliku f’Settembru 2023, hekk kif l-ADAE u d-DPA kienu talbu li jittieħed pass kruċjali fl-investigazzjoni tas-software ta’ spjunaġġ;
11. Huwa mħasseb ħafna li t-trasferiment tal-investigazzjoni tas-software ta’ spjunaġġ lil prosekutur ieħor, wara t-talba tal-prosekuturi preċedenti lill-ADAE biex jivverifikaw jekk it-92 persuna fil-mira tas-software ta’ spjunaġġ Predator (inklużi l-membri nazzjonali tal-parlament u tal-MEPs, il-ġurnalisti u l-uffiċjali tal-gvern) kinux ukoll soġġetti għal sorveljanza mill-EYP, se jwassal biex l-investigazzjoni tintemm de facto; itenni l-appell tiegħu li l-Europol għandha tkun involuta fl-investigazzjoni;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u l-fastidju li jintużaw kontra uffiċjali li qed jiskrutinizzaw il-gvern, bħall-eks prosekutur kontra l-korruzzjoni Eleni Touloupaki u Christos Rammos, li qabel kien il-kap tal-ADAE; jesprimi d-diżappunt tiegħu fl-intervent tal-prosekutur tal-Qorti Suprema u allegat tentattiv biex titwaqqaf talba tal-ADAE għal kumpanija tat-telekomunikazzjoni biex jiġu vverifikati l-ordnijiet ta’ sorveljanza fl-2022;
13. Jisħaq bi tħassib serju li l-korruzzjoni qed tnaqqas is-servizzi u l-oġġetti pubbliċi; jissottolinja li t-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji, flimkien ma’ dubji dwar l-integrità ta’ partijiet mill-forza tal-pulizija, u l-kunflitti ta’ interess fl-ogħla livell, inkluża l-allegata infiltrazzjoni tal-pulizija minn gruppi ta’ kriminalità organizzata, se jwasslu għal kultura ta’ impunità fejn il-korruzzjoni tista’ tikber; jisħaq li l-awtoritajiet għad iridu jistabbilixxu rekord sod fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli li jwasslu għal kundanni finali b’effett ta’ deterrent; jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet jirrimedjaw dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità;
14. Jistieden lill-Gvern Grieg jadotta miżuri immedjati u r-riformi meħtieġa biex itejjeb il-kapaċità u t-trasparenza tal-pulizija biex tinvestiga każijiet ta’ kriminalità organizzata, inkluż biex iħares lejn indikazzjonijiet qawwija ta’ rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u l-pulizija fil-gradi kollha tagħha;
15. Jistieden lill-gvern jimplimenta bis-sħiħ is-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll jikkonforma mal-miżuri interim imposti mill-Qorti;
16. Jinnota li, sal-lum, ma ttieħdet l-ebda miżura fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-ġudikatura fil-proċedura tal-ħatra għall-ogħla uffiċċji ġudizzjarji, jiġifieri l-imħallfin, għall-karigi ta’ President u Viċi President tal-Kunsill tal-Istat, tal-Qorti Suprema u tal-Qorti tal-Awditjar;
17. Jesprimi d-dispjaċir u n-niket kbir tiegħu għat-telf traġiku tal-ħajja fl-inħawi marittimi tal-14 ta’ Ġunju 2023, meta bastiment tas-sajd għereq fil-Baħar Jonju ’l barra mill-kosta ta’ Pylos, Messenia, il-Greċja, b’aktar minn 600 persuna abbord maħsuba mejta; huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ progress li sar fl-investigazzjoni ġudizzjarja; jilqa’ l-investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew u mill-Ombudsman Grieg dwar il-katastrofi; jesprimi tħassib serju dwar it-trattament tal-migranti fil-fruntieri esterni u fuq livell domestiku, wara pushbacks sistematiċi u l-vjolenza kontra ċittadini mhux tal-UE, id-detenzjoni arbitrarja tagħhom u s-serq tal-affarijiet personali tagħhom; jinsab imħasseb b’mod aktar serju dwar il-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta’ akkoljenza, speċjalment f’termini ta’ protezzjoni tal-individwi kontra reati li jkunu qed jitwettqu u aċċess għas-sanità bażika; iqis li l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali fil-Ministeru tal-Migrazzjoni u l-Ażil jeħtieġ mandat usa’ u indipendenti, sabiex ikun jista’ jinvestiga wkoll b’mod effettiv il-pushbacks; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-liġi tal-UE tas-sistemi ta’ sorveljanza tal-fruntieri li jużaw analitika tal-imġiba, u tal-finanzjament tal-UE tagħhom; jikkundanna n-nuqqas drammatiku tal-Kummissjoni li tinforza l-liġijiet tal-UE fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, il-pushbacks u d-drittijiet tal-bniedem, u jemmen li l-proċedimenti ta’ ksur huma aktar xierqa mit-tifħir tal-Kummissarju;
18. Huwa mħasseb dwar l-attakki kontra s-soċjetà ċivili u, b’mod partikolari, il-kampanji ta’ akkużi foloz u fastidju ġudizzjarju mill-awtoritajiet Griegi mmirati lejn attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb dwar il-provi reċenti kontra l-ħaddiema umanitarji u l-persuni li jipprovdu assistenza umanitarja lill-migranti u lir-refuġjati; jistieden lill-awtoritajiet Griegi jwaqqgħu l-akkużi kollha immedjatament u jiżguraw li l-ħaddiema umanitarji u l-voluntiera jistgħu jipprovdu assistenza b’mod sikur u liberu;
19. Jemmen li huwa kruċjali li l-investigazzjoni ġudizzjarja dwar id-diżastru tal-ferrovija ta’ Tempi titwettaq malajr u b’mod komprensiv, u tkopri l-atturi kollha involuti, inklużi l-uffiċjali tal-gvern responsabbli; mhuwiex sodisfatt bl-iskrutinju mwettaq mill-kumitat kompetenti tal-Parlament, peress li jidher li ma għandux imparzjalità politika u li joqgħod lura milli jitlob lix-xhieda esperti ewlenin biex jixhdu; huwa mħasseb ħafna bir-rifjut tal-Parlament li jwettaq investigazzjoni kif mitlub mill-UPPE rigward żewġ eks ministri għat-trasport(7);
20. Jinsab imħasseb dwar il-qafas regolatorju restrittiv għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet attivi fil-migrazzjoni u l-inklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-gvern biex ineħħi minnufih ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-ġurnalisti li jirrapportaw dwar il-migrazzjoni b’effett immedjat u biex jirrieżamina l-qafas leġiżlattiv bħala kwistjoni ta’ prijorità; jitolbu jappoġġja u jsaħħaħ l-inizjattivi kollha li jikkontribwixxu għal aktar trasparenza f’dawn il-kwistjonijiet, bħall-mekkaniżmu ta’ rapportar tal-pushbacks mill-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem;
21. Jinnota li l-Greċja stabbiliet qafas legali dwar it-trattament ugwali u ttieħdu passi pożittivi f’dik id-direzzjoni, bħall-ħolqien tal-Kummissjoni l-ġdida għad-Drittijiet tal-Bniedem; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-qafas legali dgħajjef u d-diskriminazzjoni kontra persuni l-LGBTIQ+, ir-Rom u minoranzi oħra; jistieden lill-gvern u lill-forzi politiċi l-oħra kollha juru sens ta’ tmexxija u jippromwovu l-bidla fis-soċjetà f’dan ir-rigward, speċjalment fir-rigward tal-vjolenza domestika, il-vjolenza tal-pulizija u l-ugwaljanza taż-żwieġ, li ilha tiġi diskussa għal diversi snin;
22. Jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ linji għall-għajnuna u ta’ servizzi speċjalizzati ta’ rispons għall-vjolenza domestika tal-pulizija, iżda jħeġġeġ ukoll lill-gvern biex jistabbilixxi ċentri komprensivi għall-vittmi ta’ stupru u jiżgura li l-vittmi tal-vjolenza sesswali jista’ jkollhom aċċess immedjat għall-kura medika, l-appoġġ għat-trawma, l-eżamijiet forensiċi u l-appoġġ psikoloġiku; jistieden lill-gvern jagħmel il-femminiċidju reat awtonomu;
23. Jilqa’ l-projbizzjoni fuq operazzjonijiet mhux kunsenswali u jappella għat-taħriġ xieraq tal-professjonisti mediċi biex jilqgħu u biex jakkumpanjaw b’mod xieraq lill-persuni intersesswali;
24. Jilqa’ l-abbozz ta’ liġi dwar iż-żwieġ ugwali ppreżentat fil-Parlament Grieg u jitlob li jiġi adottat malajr;
25. Jistieden lill-gvern itejjeb il-proċess leġiżlattiv billi jintroduċi konsultazzjoni reali u sinifikattiva u jabolixxi l-prattika kontroversjali tal-leġiżlazzjoni omnibus;
26. Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Grieg u l-awtoritajiet tal-pulizija jirrifjutaw li jiltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew matul il-missjoni uffiċjali tiegħu f’April 2022 u jitlob lill-Gvern Grieg attwali jistabbilixxi djalogu kostruttiv mal-kamra tiegħu;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli għaliha biex tindirizza l-ksur tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE fil-Greċja; jappella, b’mod partikolari, għal valutazzjoni tal-konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tal-fondi rilevanti tal-UE kif meħtieġ mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; jappella għal valutazzjoni mill-Kummissjoni fl-ambitu tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sentenzi rilevanti mill-qrati Ewropej; ifakkar li, jekk jiġu adottati miżuri finanzjarji, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura li r-riċevituri finali jew il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE ma jiġux imċaħħda minn dawn il-fondi, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, u jeħtiġilha ssib modi biex tiżgura li l-fondi tal-UE jilħqu liċ-ċittadini, lin-negozji, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lill-NGOs u lil kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra jekk il-gvern ma jikkooperax dwar in-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt, speċjalment minħabba l-impatti tal-kriżi ekonomika, l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-faqar fil-pajjiż;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Liġi Nru 5005/2022 tal-21 ta’ Diċembru 2022 bit-titolu “Strengthening of the publicity and transparency of print and electronic media – Establishment of electronic registries of print and electronic media and other provisions under the competence of the Secretariat General for Communication and Media” (It-tisħiħ tal-pubbliċità u t-trasparenza tal-media stampata u elettronika – L-istabbiliment ta’ reġistri elettroniċi tal-media stampata u elettronika u dispożizzjonijiet oħra taħt il-kompetenza tas-Segretarjat Ġenerali għall-Komunikazzjoni u l-Media).
Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).