Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar iż-żieda fl-għadd ta’ eżekuzzjonijiet fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Mohammad Ghobadlou (2024/2551(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi aktar minn 800 individwu ġew iġġustizzjati fl-Iran fl-2023, l-ogħla ċifra mill-2015, u aktar minn 500 dimostrant inqatlu bħala parti mit-trażżin kontinwu tal-moviment “il-Mara, il-Ħajja, il-Libertà”; billi l-minoranzi huma affettwati b’mod sproporzjonat;
B. billi fit-23 ta’ Jannar 2024 ġie miċħud l-appell ta’ Mohammad Ghobadlou, raġel ta’ 23 sena b’diżabilità intellettwali, kontra s-sentenza tal-mewt tiegħu u ġie ġġustizzjat; billi l-proċess inġust tiegħu ġie vizzjat minn allegazzjonijiet ta’ tortura u minn segretezza;
C. billi l-UNHRC irrapporta li mill-inqas 54 persuna ġew iġġustizzjati f’Jannar 2024; billi, skont il-Human Rights Watch, mill-inqas 11-il priġunier, inklużi Anwar Khezri, Kamran Sheikheh u Khosrow Basharat, bħalissa jinsabu f’riskju ta’ eżekuzzjoni imminenti;
D. billi l-Iran juża b’mod sistematiku d-diplomazija tal-ostaġġi bħala għodda ta’ politika barranija;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjonijiet ta’ dimostranti paċifiċi fl-Iran, inkluża dik ta’ Mohammad Ghobadlou; jiddeplora l-użu estensiv tal-piena tal-mewt mir-reġim biex jitterrorizza s-soċjetà u jelimina n-nuqqas ta’ qbil; jenfasizza li dan jammonta għal qtil sanzjonat mill-istat; iħeġġeġ lill-Iran jibdel is-sentenzi tal-mewt kollha f’sentenzi ta’ ħabs u jabolixxi kompletament il-piena tal-mewt; itenni l-oppożizzjoni soda tiegħu għall-piena tal-mewt f’kull mument u f’kull ċirkostanza; jappoġġja bis-sħiħ il-kampanja ta’ abolizzjoni mnedija mir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, Narges Mohammadi, li attwalment qiegħda il-ħabs; itenni l-appoġġ sod tiegħu għall-Moviment “Il-Mara, il-Ħajja u l-Libertà” fl-Iran;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ kull persuna miżmuma b’mod arbitrarju f’ċella fl-istennija tal-eżekuzzjoni tal-kundanna tal-mewt tagħha u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari Ahmadreza Djalali u Johan Floderus;
3. Jappella għal strateġija ġdida u kuraġġuża tal-UE fil-konfront tal-Iran, intiża anki biex tiġġieled d-diplomazija tal-ostaġġi tiegħu;
4. Itenni l-appell sod tiegħu lill-Kunsill biex isejjaħ lill-IRGC organizzazzjoni terroristika u jimponi aktar sanzjonijiet tal-UE fuq uffiċjali u entitajiet involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Mexxej Suprem, il-President u l-Prosekutur Ġenerali;
5. Itenni l-kundanna tiegħu tar-repressjoni brutali mill-Iran fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi, b’mod partikolari n-nisa u l-minoranzi; jitlob investigazzjoni imparzjali, indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tad-dimostranti;
6. Jistieden lill-Iran jirrispetta l-proċess ġust; jikkundanna l-kundizzjonijiet terribbli ta’ detenzjoni, l-użu mifrux tat-tortura, inkluża l-vjolenza sesswali, u n-nuqqas ta’ aċċess għat-trattament mediku u r-rappreżentanza legali;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi u jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet fejn jinżammu priġunieri ta’ kuxjenza, inklużi ċittadini tal-UE, f’konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jistieden lill-Istati Membri jibdew investigazzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, anki taħt il-ġurisdizzjoni universali;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tekniku u baġitarju għal soċjetà ċivili Iranjana b’saħħitha u indipendenti; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-viżi, l-ażil u l-għotjiet ta’ emerġenza għal dawk li jeħtieġu jaħarbu mill-Iran;
10. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tiġdid tal-mandati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Iran u tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-awtoritajiet Iranjani.