Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2552(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0105/2024

Dibattiti :

PV 07/02/2024 - 19.3
CRE 07/02/2024 - 19.3

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2024 - 8.3

Testi adottati :

P9_TA(2024)0072

Testi adottati
PDF 126kWORD 44k
Il-Ħamis, 8 ta' Frar 2024 - Strasburgu
L-attakki reċenti f’lejlet il-Milied fl-Istat ta’ Plateau fin-Niġerja
P9_TA(2024)0072RC-B9-0105/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar l-attakki reċenti f’lejlet il-Milied fl-Istat ta’ Plateau fin-Niġerja (2024/2552(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fin-Niġerja ġiet aggravata minn eskalazzjoni ta’ kunflitti reliġjużi, etniċi u interkomunali, b’mod partikolari fil-Faxxa Ċentrali tal-pajjiż, fejn il-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja nomadiċi dwar ir-riżorsi tal-art u tal-ilma wassal għal għadd ta’ mwiet bla preċedent mill-Milied ’l hawn;

B.  billi, bejn it-23 u l-25 ta’ Diċembru 2023, irġiel armati fetħu attakk fuq skala kbira fuq aktar minn 160 villaġġ fiż-żoni ta’ gvern lokali ta’ Bokkos, Barkin Ladi u Magu fl-Istat ta’ Plateau, attakk li kkaġuna l-mewt ta’ aktar minn 335 persuna, inklużi mill-anqas 200 membru tal-komunitajiet Insara;

C.  billi ħafna mill-persuni spostati bħalissa qed jgħixu f’kampijiet temporanji b’aċċess limitat għall-ilma, għas-sanità, għall-ikel, għall-medikazzjoni u għall-kura tas-saħħa, inkluż għas-servizzi tas-saħħa mentali;

D.  billi, skont organizzazzjonijiet mhux governattivi Niġerjani, 52 000 persuna Nisranija u 34 000 persuna Musulmana nqatlu sa mill-2009, filwaqt li nqerdu 18 000 knisja u 2 200 skola Nisranija;

E.  billi l-vjolenza minn gruppi terroristiċi Iżlamiċi, bħall-Boko Haram u l-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent, li għandhom fil-mira kemm l-Insara kif ukoll il-Musulmani fil-Grigal tan-Niġerja, diġà spostat ’il fuq minn żewġ miljun persuna;

F.  billi l-fatturi li jalimentaw il-ġlied jikkoinċidu u fost l-għeruq tagħhom insibu tilwim territorjali, tensjonijiet etniċi, aċċess għal riżorsi skarsi u degradazzjoni ambjentali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza fi żmien il-Milied immirati kontra l-Insara u komunitajiet oħra, li wasslu għal għadd bla preċedent ta’ mwiet, korrimenti u spostamenti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk affettwati;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu azzjoni kontra l-gruppi Iżlamisti militanti li jisfruttaw il-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja u jħeġġiġhom jindirizzaw il-kawżi fundamentali tiegħu; iwissi li l-kunflitt jaf jiġi strumentalizzat biex ixerred il-mibegħda bbażata fuq ir-reliġjon; jirrikonoxxi r-rwol tat-tibdil fil-klima, tal-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi u tal-għajbien ta’ skemi ta’ medjazzjoni effettivi fid-deterjorament tal-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja, li qed iġiegħel lir-rgħajja jiċċaqalqu lejn in-Nofsinhar;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti tal-attakki tal-Milied u jiżguraw li dawk responsabbli jintalbu kont ta’ għemilhom;

4.  Iħeġġeġ lill-atturi umanitarji kollha jiżguraw li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex tiġi indirizzata l-kriżi;

5.  Jilqa’ d-dibattitu tal-Parlament Niġerjan dwar il-kwistjoni u jħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan isaħħaħ is-sigurtà tal-komunitajiet, irawwem id-djalogu u l-medjazzjoni tal-kunflitti u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-irkupru soċjoekonomiku;

6.  Jilqa’ s-sħubija b’saħħitha bejn l-UE u n-Niġerja u jappella biex din issir aktar profonda fl-oqsma tas-sigurtà, il-medjazzjoni, id-djalogu interreliġjuż u interkulturali u l-bini tal-paċi; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem iżur in-Niġerja; jilqa’ t-tħabbira ta’ pakkett tal-Global Gateway ta’ EUR 900 miljun għan-Niġerja f’Ottubru 2023;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tan-Niġerja.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza