Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (2023/2973(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa u t-tema ta’ prijorità tagħha, “L-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet kollha billi jiġu indirizzati l-faqar u jissaħħu l-istituzzjonijiet u l-finanzjament b’perspettiva tal-ġeneru”;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing tal-15 ta’ Settembru 1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta’ rieżami tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, u, b’mod partikolari, l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 1 li jfittex li jtemm il-faqar, l-SDG 5 li jfittex li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa, u l-SDG 8 li jfittex li jikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 2021–2025 (GAP III),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 tal-5 ta’ Marzu 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2022 dwar azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2022 dwar il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (O-000056/2023 – B9-0005/2024 u O-000057/2023 – B9-0006/2024)),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri,
A. billi l-iżgurar tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa prinċipju fundamentali tal-UE stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-integrazzjoni tal-ġeneru u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huma għodod importanti biex jintlaħaq dan l-għan u biex dawn il-prinċipji jiġu integrati fil-politiki, fil-miżuri u fl-azzjonijiet kollha tal-UE, inkluż fid-dimensjonijiet esterni tagħha;
B. billi 189 pajjiż madwar id-dinja, inklużi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, impenjaw ruħhom li jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha fir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f’Beijing fl-1995; billi l-SDG 5 tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Istati Membri tan-NU fl-2015 jistabbilixxi l-2030 bħala l-iskadenza għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet fid-diversità kollha tagħhom;
C. billi l-UE jeħtieġ li tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha li tinkludi perspettivi tal-ġeneru fl-oqsma kollha tal-politiki esterni tagħha, bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-kummerċ, l-agrikoltura, il-klima u l-migrazzjoni, sabiex ikun hemm impatt fuq il-qerda tal-faqar fost in-nisa madwar id-dinja;
D. billi l-kunċett tal-politika barranija femminista għandu l-għan li jagħti s-setgħa lin-nisa u lill-bniet, isolvi l-kriżijiet u jnaqqas l-impatt negattiv fuq in-nisa, il-bniet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż il-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa; billi l-UE għandha tistinka biex issegwi approċċ olistiku bħal dan fl-azzjoni esterna tagħha;
E. billi l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing tal-1995 saħqet li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet, u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, huma fatturi kritiċi fil-qerda tal-faqar; billi hemm interdipendenza reċiproka qawwija bejn il-faqar, u l-esklużjoni soċjali u politika; billi l-faqar fost in-nisa huwa problema kumplessa u multidimensjonali, b’oriġini kemm fil-qasam nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali; billi minħabba din ir-raġuni, huwa kruċjali li jiġu miġġielda l-kawżi u l-manifestazzjoni ewlenin kollha tal-faqar fost in-nisa; billi dawn jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jgawdu d-drittijiet li għandhom fis-soċjetà sabiex ikollhom għajxien sostenibbli;
F. billi n-nisa u l-bniet għadhom affettwati b’mod sproporzjonat mill-faqar u mir-riskju ta’ esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-irġiel, b’mod partikolari n-nisa u l-bniet li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni, ibbażati fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-fattizzi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali,(3) il-ġeneru, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u l-karatteristiċi tas-sess; billi, fuq livell globali, 383 miljun mara u tifla huma stmati li jgħixu b’anqas minn USD 1,90 kuljum, meta mqabbla ma’ 368 miljun raġel u tifel(4); billi r-rata tal-faqar fost in-nisa hija ogħla minn dik fost l-irġiel (12,8 meta mqabbla ma’ 12,3 %)(5);
G. billi l-faqar fost in-nisa u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet huma r-riżultati tal-akkumulazzjoni ta’ inugwaljanzi sistemiċi u strutturali u diskriminazzjoni; billi l-istereotipi u n-normi soċjali dannużi marbuta mal-ġeneru għadhom jinfluwenzaw id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà u l-aċċess għall-poter, ir-riżorsi inkluż l-aċċess għall-finanzi jew għall-kreditu permezz ta’ diversi sorsi bħall-kapital ta’ riskju inklużi n-networks ta’ investiment tan-nisa, is-sjieda tal-art u l-wirt, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet; billi l-kura bla ħlas u x-xogħol domestiku jimponu piż sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet, u dawk ir-responsabbiltajiet domestiċi u ta’ kura mhumiex rikonoxxuti kif xieraq;
H. billi l-aċċess għas-servizzi, inklużi s-servizzi tal-indukrar tat-tfal u l-għoti tal-kura fit-tul, għandu l-akbar impatt fuq in-nisa peress li spiss ikollhom jimlew il-vojt fl-indukrar u fl-appoġġ għall-familja, u dan jipperpetwa r-responsabbiltà sproporzjonata tagħhom ta’ kura bla ħlas;
I. billi fuq livell globali, in-nisa jikkostitwixxu aktar minn 70 % tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura(6); billi dawn it-tipi ta’ impjiegi ġew sottovalutati b’mod sistematiku minħabba li kienu, u għadhom, imwettqa b’xejn minn nisa fl-unitajiet domestiċi; billi n-nisa huma impjegati aktar fuq kuntratti part-time minħabba l-piż sproporzjonat tagħhom ta’ kura bla ħlas; billi n-nisa qed ibatu minn faqar fost il-ħaddiema li jwassal għall-esklużjoni soċjali; billi l-impatti f’termini soċjali, bejn il-ġeneri u ekonomiċi ta’ dawk b’responsabbiltajiet ta’ kura għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti;
J. billi s-setturi ddominati min-nisa bħas-saħħa u l-kura huma sistematikament mhux imħallsa tajjeb u sottovalutati; billi l-promozzjoni tal-indipendenza ekonomika tirrikjedi r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol deċenti kif ukoll ir-rikonoxximent tar-rabta bejn xogħol sottovalutat u mhux imħallas tajjeb f’setturi ddominati min-nisa;
K. billi l-faqar jaggrava l-impatti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq in-nisa u l-bniet peress li ż-żieda fid-diffikultajiet ekonomiċi tagħmilha aktar diffiċli għan-nisa f’relazzjonijiet abbużivi biex jitilqu s-sieħeb tagħhom; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija problema strutturali u tas-soċjetà li tista’ tinstab fil-gruppi soċjoekonomiċi kollha u hija indipendenti mill-oriġini jew mit-twemmin; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tikkontribwixxi wkoll għall-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li l-vjolenza taffettwa b’mod drammatiku s-saħħa u tista’ twassal għat-telf ta’ impjieg tal-persuna u għall-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar;
L. billi l-faqar ipoġġi lin-nisa f’riskju akbar ta’ traffikar u sfruttament sesswali peress li jagħmel lilhom u lill-familji tagħhom ekonomikament dipendenti minn dawk li jabbużaw minnhom;
M. billi huwa importanti li wieħed jifhem ir-rabtiet bejn il-faqar u l-aċċess għas-Saħħa Sesswali u Riproduttiva u d-Drittijiet Relatati (SRHR); billi l-faqar flimkien ma’ ostakli prattiċi, legali, finanzjarji, kulturali u soċjali oħra jistgħu jwasslu kemm għal nuqqas ta’ aċċessibbiltà tas-servizzi tal-SRHR għan-nisa, kif ukoll ikunu riżultat tiegħu, inklużi l-abort sikur u legali u kontraċezzjoni moderna; billi d-dewmien u ċ-ċaħda tal-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura u legali jikkostitwixxu forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; billi diversi korpi tad-drittijiet tal-bniedem sostnew li ċ-ċaħda ta’ abort sikur u legali tista’ tirrappreżenta tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti;
N. billi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija, u t-trattament tal-HIV u infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) oħra, kanċers riproduttivi, inkluż il-kanċer ċervikali, u l-kura u t-trattament tal-fertilità huma essenzjali biex jiġu salvati l-ħajjiet;
O. billi l-aċċess għall-prodotti sanitarji u mestrwali huwa mfixkel minn tassazzjoni abbażi tal-ġeneru tal-prodotti mestrwali li tkompli tkabbar il-kwistjoni tal-faqar mestrwali; billi l-mistħija, l-uġigħ mestrwali mhux ittrattat u t-tradizzjonijiet diskriminatorji u n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ ilma u sanità għall-ġestjoni tal-iġjene mestrwali jwasslu għal tluq bikri mill-iskola u rati aktar baxxi ta’ attendenza tal-bniet fl-iskola u tan-nisa fuq il-post tax-xogħol;
P. billi l-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-għoti tas-setgħa lilhom, li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali, u l-kapaċità li jipparteċipaw fuq l-istess livell fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta ’ deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika, mhumiex biss ċentrali għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li jiggarantixxu r-realizzazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u li jintemm il-faqar, iżda wkoll ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi; billi paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali, u l-kapaċità li wieħed jipparteċipa b’mod ugwali fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika huma prerekwiżiti għal ekonomiji u soċjetajiet ugwali; billi l-promozzjoni tal-indipendenza ekonomika tirrikjedi, fost affarijiet oħra, it-tisħiħ tal-intraprenditorija u tal-impjieg indipendenti fost in-nisa u għandha tkun akkumpanjata minn miżuri xierqa;
Q. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol hija strument importanti fl-eliminazzjoni tal-faqar fost in-nisa li minnha jibbenefikaw mhux biss in-nisa iżda l-ekonomija kollha kemm hi, u tħalli impatt pożittiv fuq il-PDG, il-livelli tal-impjiegi u l-produttività; billi t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jwassal biex sal-2050 ikun hemm żieda fil-PDG per capita tal-UE ta’ bejn 6,1 % u 9,6 % u 10,5 miljun impjieg addizzjonali;
R. billi l-kriżijiet, inkluż it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi assoċjati kollha inklużi t-telf tal-bijodiversità, id-diżastri naturali, il-pandemiji u l-kunflitti armati, jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa; billi n-nisa u l-bniet f’sitwazzjonijiet vulnerabbli għandhom anqas aċċess għar-riżorsi meħtieġa, jew anqas kontroll fuqhom, biex ilaħħqu mal-kriżijiet u jegħlbuhom; billi l-kriżijiet mhumiex newtrali għall-ġeneru u jaggravaw l-inugwaljanzi soċjali u bejn il-ġeneri; billi l-faqar fost il-ġenituri u, b’mod partikolari, fost l-ommijiet spiss iwassal għall-faqar fost it-tfal;
S. billi, mill-2021, l-inflazzjoni żdiedet drastikament, xprunata primarjament minn spejjeż għoljin tal-enerġija u tal-ikel; billi l-pagi mhumiex previsti li jiżdiedu bl-istess rata tal-inflazzjoni, u b’hekk tinħoloq kriżi tal-għoli tal-ħajja; billi din il-kriżi thedded b’mod qawwi l-għajxien, is-saħħa, il-benesseri u l-indipendenza ekonomika tan-nisa, filwaqt li tillimita l-kapaċità tagħhom li jixtru bżonnijiet bażiċi fosthom l-ikel, l-akkomodazzjoni u taggrava l-faqar enerġetiku;
T. billi l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin fl-UE fl-għoti tas-setgħa lin-nisa u fit-trawwim ta’ soċjetà ugwali, b’inizjattivi bħal proċeduri ta’ reklutaġġ trasparenti fil-kumpaniji jew it-trasparenza fil-pagi, irid jissaħħaħ peress li huma essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li hija partikolarment importanti matul żminijiet ta’ kriżi;
U. billi l-investiment f’politiki li jagħtu s-setgħa lin-nisa jtejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji tagħhom, u b’mod partikolari dawk tat-tfal tagħhom; billi l-familji b’ġenitur wieħed, li l-maġġoranza tagħhom għandhom l-ommijiet bħala l-kap tagħhom, huma f’riskju akbar ta’ faqar u għandhom probabbiltà akbar ta’ trażmissjoni tal-faqar ġenerazzjonali;
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:
(a)
li jikkonferma mill-ġdid l-impenn sod tal-UE fir-rigward tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing u l-konferenzi ta’ rieżami sussegwenti u fir-rigward tal-firxa ta’ azzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri spjegati fihom;
(b)
li jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-UE fit-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li jiżgura li l-Parlament ikollu informazzjoni u aċċess adegwati u f’waqthom għad-dokument ta’ pożizzjoni tal-UE qabel in-negozjati, u jtejjeb aktar il-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-konsultazzjoni informali, inkluż qabel u matul in-negozjati, sabiex il-prijoritajiet tal-Parlament jiġu inkorporati kif xieraq;
(c)
li jissottolinja l-importanza ta’ eżitu pożittiv tat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li se ssir mill-11 sat-22 ta’ Marzu 2024, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ sett ta’ impenji ambizzjużi u li jħarsu ’l quddiem deskritti fid-dikjarazzjoni politika;
(d)
li jwiegħed l-appoġġ qawwi tiegħu għall-ħidma ta’ UN Women, li hija attur ċentrali fis-sistema tan-NU għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet fid-diversità kollha tagħhom u għat-tlaqqigħ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex jingħata lok għal bidla fil-politika u koordinazzjoni tal-azzjonijiet; li jistieden lill-istati membri kollha tan-NU biex, flimkien mal-UE, jiżguraw finanzjament adegwat għal UN Women;
(e)
li jiżgura li l-UE tmexxi bl-eżempju u turi tmexxija b’saħħitha, filwaqt li tieħu pożizzjoni komuni dwar l-importanza li n-nisa u l-bniet jingħataw is-setgħa fid-diversità kollha tagħhom u li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja;
(f)
li jiżgura opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u ekonomika, b’aċċess ugwali għas-servizzi ekonomiċi u finanzjarji;
(g)
li jippromwovi t-tmexxija tan-nisa u tal-bniet u l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikattiva tagħhom fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, peress li l-involviment tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet huwa essenzjali għal governanza tajba u għat-tfassil tal-politika;
(h)
li japplika l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kif ukoll l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fl-oqsma kollha ta’ politika tal-UE u tal-Istati Membri peress li dawn huma għodod rikonoxxuti globalment biex jiġu implimentati d-drittijiet tan-nisa u tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
(i)
li joħloq u jaġġusta l-politiki u l-programmi interni u esterni tal-UE biex in-nisa u l-bniet jingħataw aktar setgħa fid-diversità kollha tagħhom, u li jiġu rispettati, protetti u ssodisfati d-drittijiet tagħhom u tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
(j)
li jindirizza l-kawżi ewlenin sistemiċi multipli tal-faqar fost in-nisa fuq livell globali, bħar-rappreżentanza żejda tan-nisa f’impjiegi bi ħlas baxx, prekarji u part-time, il-waqfiet fil-karriera tan-nisa għall-indukrar tat-tfal u ta’ membri oħra tal-familja, in-nuqqas ta’ aċċess għas-swieq tax-xogħol u l-impjiegi, kif ukoll nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u ekonomika;
(k)
li jindika l-importanza tal-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet permezz tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja, li huma vitali biex jiġu miġġielda l-istereotipi dannużi u l-inugwaljanzi persistenti li jwasslu għall-faqar flimkien mal-indirizzar tar-rata ta’ impjieg tan-nisa u n-nuqqas ta’ rappreżentanza f’ċerti setturi bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-intelliġenza artifiċjali (IA);
(l)
li jappoġġja u jippromwovi l-intraprenditorija tan-nisa fil-livelli kollha, billi jżid il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, itejjeb l-indipendenza finanzjarja tagħhom, u jirrikonoxxi u jippromwovi lin-nisa bħala mudelli, mentors u ħallieqa tal-impjiegi;
(m)
li jiżgura li azzjonijiet konkreti u impenji baġitarji adegwati jiġu inklużi fl-istrateġiji, fil-programmi u fl-inizjattivi ta’ politika futuri tal-UE biex jiġu indirizzati d-diversi aspetti u l-kawżi tal-faqar fost in-nisa kif indikat fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri;
(n)
li jisħaq u jqajjem kuxjenza dwar il-konsegwenzi devastanti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u fil-kunflitti armati fuq l-esklużjoni soċjali u l-faqar fost in-nisa u li jissottolinja l-ħtieġa ta’ oqfsa nazzjonali u internazzjonali leġiżlattivi b’saħħithom u li l-awturi ta’ tali vjolenza jagħtu kont ta’ għemilhom billi jitressqu quddiem il-ġustizzja u d-dritt tal-vittmi għal rimedji effettivi;
(o)
li jindirizza u jiġġieled il-prattiki tradizzjonali dannużi bħal żwiġijiet tat-tfal u furzati u mutilazzjoni ġenitali femminili;
(p)
li jiżgura miżuri kontra l-assenteiżmu tal-bniet mill-iskola waqt il-mestrwazzjoni tagħhom billi jittejbu s-sanità tal-ilma, is-servizzi tal-iġjene u l-faċilitajiet tal-iġjene mestrwali fl-iskejjel, u billi jiġi indirizzat il-faqar mestrwali u tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni f’dan il-qasam, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd; li jiżgura sinerġiji akbar bejn il-programmi li jindirizzaw is-saħħa, l-SRHR u s-servizzi tal-ilma, is-sanità u l-iġjene fl-iskejjel u l-appoġġ personali għall-bniet;
(q)
li japplika l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali permezz tal-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet biex tiġi ggarantita l-protezzjoni soċjali fundamentali;
(r)
li jiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ sigurtà soċjali b’saħħithom, inkluża l-esplorazzjoni ta’ introjtu minimu, biex tiġi żgurata xibka ta’ sikurezza għan-nisa kollha, b’mod partikolari għal dawk l-aktar f’ riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, wara t-talbiet espressi miċ-ċittadini tal-UE fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
(s)
li jiżgura li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment fl-infrastrutturi soċjali u fl-impjiegi ekoloġiċi sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;
(t)
li jtejjeb is-servizzi pubbliċi inklużi s-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni pubblika u t-trasport pubbliku ta’ kwalità u bi prezz raġonevoli u jirrikonoxxi r-rwol vitali ta’ trasport pubbliku aċċessibbli u affidabbli biex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà;
(u)
li jippromwovi impjiegi ekoloġiċi u jinvesti fil-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fit-tranżizzjoni ekoloġika peress li huwa essenzjali li jsir progress lejn ekonomija sostenibbli filwaqt li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’setturi ġodda u emerġenti;
(v)
li jirrikonoxxi li l-prekarjetà enerġetika taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat u jressaq miżuri speċifiċi biex jappoġġjaw lil dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għall-elettriku, għat-tisħin u għat-tkessiħ fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika;
(w)
li jiżgura aċċess għall-SRHR, inkluża edukazzjoni komprensiva skont l-età dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għal kulħadd, kontraċezzjoni moderna bi prezz raġonevoli, kura sikura u legali għall-abort u servizzi SRHR oħra bħala servizzi tas-saħħa tal-ommijiet ta’ kwalità;
(x)
li jippromwovi, jappoġġja u jieħu miżuri konkreti biex jiġi rrealizzat id-dritt li kulħadd igawdi mill-ogħla standard ta’ saħħa fiżika u mentali possibbli, inkluż billi jiġi żgurat aċċess universali għall-SRHR;
(i)
li jieħu azzjoni b’saħħitha biex jiddenunzja b’mod inekwivoku r-rigressjoni u l-attakki attwali kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SRHR, inkluż minn organizzazzjonijiet estremi tad-drittijiet tal-bniedem u movimenti antidemokratiċi, biex jimminaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa, l-awtonomija u l-emanċipazzjoni tagħhom f’kull qasam;
(z)
li jsaħħaħ u jappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs li qed jappoġġjaw id-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa tagħhom;
(aa)
li jħaffef l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali li diġà ttieħdu, bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Konvenzjoni 190 tal-ILO u l-UNSCR 1325; li jappoġġja miżuri ġodda li jagħtu s-setgħa lin-nisa u lill-bniet u b’hekk jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali tagħhom;
(ab)
li jaħdem biex jippromwovi l-kunċett tal-ġlieda kontra forom multipli u intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni, fil-korpi kollha tan-NU u fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;
(ac)
li jtenni r-rwol ewlieni li jrid ikollha l-UE fil-livell multilaterali favur id-diplomazija tan-nisa sabiex jiġu implimentati ftehimiet internazzjonali rigward id-drittijiet u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jimpenjaw ruħhom li javvanzaw lejn politika estera, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp femminista li tinvolvi viżjoni trasformattiva fir-rigward tal-ġeneru u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir parti ewlenija mill-azzjonijiet u l-prijoritajiet esterni tagħhom;
(ad)
li jqis il-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u li jintużaw b’mod aktar effettiv il-prinċipji tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru, anke fil-politiki esterni tal-UE, biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja;
(ae)
li jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II u li jiżgura li 85 % tal-azzjonijiet il-ġodda kollha fir-relazzjonijiet esterni kollha sal-2025 jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-għoti tas-setgħa lin-nisa; li japplika l-approċċ olistiku u sostenibbli ta’ politika barranija femminista fl-azzjonijiet u l-politiki esterni kollha tiegħu;
(af)
li jiżgura l-ġbir ta’ data komparabbli u diżaggregata skont l-età, is-sess u l-ġeneru tas-sitwazzjoni ta’ persuni li qed jiffaċċjaw forom multipli u intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni sabiex tittejjeb l-analiżi tad-data u jiġu influwenzati t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki peress li bħalissa hemm anqas minn nofs id-data meħtieġa għall-monitoraġġ tal-SDG 5 disponibbli;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Gender differences in poverty and household composition through the life cycle (Id-differenzi bejn il-ġeneri fil-faqar u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi tul iċ-ċiklu tal-ħajja), UN Women u l-Bank Dinji.