Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2521(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0106/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2024 - 8.6

Testi adottati :

P9_TA(2024)0075

Testi adottati
PDF 150kWORD 54k
Il-Ħamis, 8 ta' Frar 2024 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fis-Serbja wara l-elezzjonijiet
P9_TA(2024)0075RC-B9-0106/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar is-sitwazzjoni fis-Serbja wara l-elezzjonijiet (2024/2521(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja, u b’mod partikolari dik tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar is-Serbja(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-UE dwar is-Serbja, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell, u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, Olivér Várhelyi tad-19 ta’ Diċembru 2023, dwar l-elezzjonijiet parlamentari,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali (MIOE) għall-elezzjonijiet parlamentari bikrija fis-Serbja tas-17 ta’ Diċembru 2023,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u tal-Kummissjoni ta’ Venezja tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar il-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fis-Serbja – il-liġi elettorali u l-amministrazzjoni elettorali,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ osservazzjoni elettorali tal-Kumitat Ad hoc tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ Jannar 2024 intitolat “Osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari bikrija fis-Serbja (17 ta’ Diċembru 2023)”,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-elezzjonijiet fis-Serbja tas-17 ta’ Jannar 2024 mogħti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, f’isem il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP / HR), Josep Borrell, fil-plenarja tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa dwar is-sitwazzjoni ta’ wara l-elezzjoni fis-Serbja ffirmata mill-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Barranin ta’ diversi pajjiżi tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-proċess ta’ djalogu parlamentari kofaċilitat tiegħu fis-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-2006 tas-Serbja u l-Liġi tagħha tal-2022 dwar l-Elezzjoni tal-Membri tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta’ Jannar 2022 bit-titolu “L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: Minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi wara l-isparar tal-massa f’Belgrad u qrib Mladenovac f’Mejju 2023, ġew organizzati protesti tal-massa bl-islogan “Is-Serbja kontra l-vjolenza” madwar is-Serbja; billi fl-1 ta’ Novembru 2023, il-President tas-Serbja invoka t-talbiet mill-oppożizzjoni għal elezzjonijiet bikrija biex ixolji l-parlament; billi huwa ppjana elezzjonijiet parlamentari bikrija għas-17 ta’ Diċembru 2023;

B.  billi mill-2012, l-elezzjonijiet parlamentari kollha fis-Serbja ħlief waħda kienu elezzjonijiet bikrija; billi dawn kienu t-tielet elezzjonijiet parlamentari f’inqas minn erba’ snin;

C.  billi wara r-riżenja ħesrem u simultanja ta’ 65 sindku mill-partit fil-gvern, inkluż is-Sindku ta’ Belgrad, u d-deċiżjoni tal-Assemblea tar-reġjun Awtonomu ta’ Vojvodina li xxolji lilha nnifisha, minkejja maġġoranzi stabbli, elezzjonijiet lokali bikrija f’terz tal-muniċipalitajiet tas-Serbja u elezzjonijiet provinċjali f’Vojvodina intalbu fl-istess jum, is-17 ta’ Diċembru 2023; billi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet muniċipali u parlamentari fl-istess jum mhijiex prattika tajba li ilha stabbilita; billi bosta osservaturi jqisu l-elezzjonijiet lokali parzjali bikrija bħala għodda għall-konsolidazzjoni tal-poter mill-gvern attwali u użu ħażin tad-drittijiet tal-vot tal-komunitajiet lokali;

D.  billi l-elezzjonijiet żvolġew fost polarizzazzjoni soċjali akbar u kompetizzjoni intensa qalb aġendi politiċi kuntrastanti; billi dawn kienu kkaratterizzati minn livell bla preċedent ta’ kampanji negattivi u ta’ tbeżżigħ, kif ukoll attakki kontra l-opponenti politiċi u l-ġurnalisti;

E.  billi qabel il-jum tal-elezzjoni, is-Serbja kienet naqset milli timplimenta rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja, inklużi dawk dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi, miżuri biex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-uffiċċju pubbliku u tar-riżorsi tal-Istat, is-separazzjoni bejn id-dmirijiet uffiċjali u l-attivitajiet ta’ kampanja, u mekkaniżmi effettivi biex jiġu pprevenuti l-intimidazzjoni u l-pressjoni fuq il-votanti, inkluż ix-xiri tal-vot;

F.  billi l-kampanja b’mod ġenerali kienet ikkaratterizzata minn polarizzazzjoni, retorika aggressiva, skreditazzjoni personali, abbuż verbali u lingwaġġ xewwiexi saħansitra aktar estremi; billi l-pressjoni fuq l-impjegati tas-settur pubbliku, l-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi u l-iskemi ta’ inċitament għall-votanti qajmu tħassib dwar il-kapaċitajiet tal-votanti li jagħmlu għażla li tkun ħielsa minn pressjoni żejda; billi dawn il-prattiki, minbarra xi sfidi fl-aċċess għall-postijiet pubbliċi għall-oppożizzjoni, xaqilbu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ċajpru l-linja bejn l-istat u l-partit fil-gvern, f’kontradizzjoni mal-istandards internazzjonali; billi l-mezzi medjatiċi sponsorjati mir-Russja Sputnik Serbia u Russia Today Balkan, ikkontribwew b’mod attiv għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, essenzjalment dwar il-kandidati tal-oppożizzjoni;

G.  billi l-kampanja kienet iddominata b’mod qawwi mill-President fil-kariga Vučić, li minkejja li ma kienx kandidat għal dawn l-elezzjonijiet, assuma rwol ċentrali fil-kampanji ta’ kuljum permezz ta’ involviment qawwi f’avvenimenti tal-Partit Progressiv Serb (SNS); billi l-lista mmexxija mill-SNS issemmiet għas-Sur Vučić;

H.  billi l-kampanja u l-korpi għas-sorveljanza tal-media elettronika baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom ineffettivi biex jiskoraġġixxu l-ksur matul il-perjodu elettorali;

I.  billi MIOE twettqet mill-OSKE/ODIHR, mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Parlament Ewropew sabiex jiġi ddeterminat jekk l-elezzjonijiet kinux konformi mal-impenji tal-OSKE u ma’ obbligi u standards internazzjonali oħra għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

J.  billi l-listi tal-votanti ġew aġġornati permezz tar-reġistru unifikat tal-votanti u n-numru finali ta’ votanti kien ta’ 6 500 666; billi ġie allegat li bosta persuni deċeduti baqgħu fir-reġistru;

K.  billi l-parteċipazzjoni tal-votanti kienet ta’ 58,58 %, kemmxejn ogħla minn dik tal-elezzjonijiet preċedenti, li saru fl-2022;

L.  billi minkejja l-fatt li 43 % tal-2 817-il kandidat parlamentari kienu nisa u li saru sforzi biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa, in-nisa għadhom, b’mod ġenerali, sottorappreżentati f’karigi eletti u maħtura;

M.  billi l-elezzjonijiet, b’mod ġenerali, seħħew mingħajr xkiel, iżda l-ġurnata kienet ikkaratterizzata minn bosta nuqqasijiet proċedurali, fosthom l-applikazzjoni inkonsistenti ta’ salvagwardji matul il-votazzjoni u l-għadd, każijiet frekwenti ta’ affollament eċċessiv, ksur tas-segretezza tal-votazzjoni, u bosta każijiet ta’ votazzjoni fi grupp u atti iżolati ta’ attakki fiżiċi;

N.  billi skont il-Kummissjoni Elettorali tar-Repubblika Serba (REC), il-SNS rebaħ 46.75 % tal-voti, filwaqt li l-akbar koalizzjoni tal-oppożizzjoni, “is-Serbja kontra l-Vjolenza” rebħet 23.66 %, il-Partit Soċjalista tas-Serbja rebaħ 6.55 %, il-koalizzjoni NADA rebħet 5.02 %, “Aħna – il-Vuċi tal-Poplu” rebħet 4.69 % u ħames listi ta’ minoranza rebħu total ikkombinat ta’ 3.68 %;

O.  billi d-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali enfasizzat li “l-elezzjonijiet parlamentari bikrija tas-17 ta’ Diċembru, għalkemm amministrati teknikament tajjeb u offrew lill-votanti għażla ta’ alternattivi politiċi, kienu ddominati mill-involviment deċiżiv tal-President li flimkien mal-vantaġġi sistemiċi tal-partit fil-gvern ħolqu kundizzjonijiet inġusti”; billi r-rapport finali tal-OSKE/ODIHR huwa mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin;

P.  billi l-allegazzjonijiet ewlenin ta’ irregolaritajiet matul il-jum tal-elezzjoni jikkonċernaw b’mod partikolari lil Belgrad, fejn “votanti fantażma” minn muniċipalitajiet Serbi oħra li dakinhar ma kellhomx elezzjonijiet, kif ukoll minn pajjiżi ġirien kienu qed jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet f’appartamenti fejn ma kinux jgħixu; billi kien hemm diversi allegazzjonijiet li l-votanti li jgħixu barra mill-pajjiż kienu qed jiġu organizzati u jinġiebu lejn is-Serbja mill-partit fil-gvern biex jitfgħu l-vot tagħhom għall-elezzjonijiet lokali f’Belgrad;

Q.  billi l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili Serba CRTA wettqet analiżi fil-fond, ibbażata fuq data u riżorsi limitati, u għamlet l-istima konservattiva ħafna li l-ineżattezzi fir-reġistru tal-votanti jammontaw għal mill-inqas 30 000 votant; billi għandhom evidenza soda li din l-ineżattezza kienet parti minn strateġija ta’ inġinerija elettorali illegali u illeġittima biex tinfluwenza r-riżultati tal-elezzjoni u tgħawweġ ir-rieda tal-votanti; billi n-nies kienu qed jiġu ttrasportati mis-Serbja u lil hinn minnha kollha (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Montenegro) biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali f’Belgrad; billi anke uffiċjali tal-gvern u politiċi mill-Bożnija-Ħerzegovina vvutaw b’mod miftuħ fl-elezzjonijiet muniċipali ta’ Belgrad; billi l-Gvern Serb iddefenda din il-prattika bħala leġittima;

R.  billi allegazzjonijiet sostantivi oħra ta’ irregolaritajiet jinkludu x-xiri tal-voti, il-preġudizzju medjatiku, il-pressjoni fuq l-impjegati tas-settur pubbliku, l-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi, l-intimidazzjoni u t-tfigħ ta’ voti żejda;

S.  billi l-awtoritajiet Serbi jiċħdu kwalunkwe irregolarità; billi kemm il-President Serb kif ukoll il-media kkontrollata mill-Kremlin allegaw li pajjiżi oħra interferixxew fil-proċess elettorali fis-Serbja b’modi brutali, iżda ma pprovdewx evidenza sostanzjata għal dawn l-affermazzjonijiet; billi l-Prim Ministru Brnabić irringrazzja pubblikament lis-servizzi tal-intelligence Russi talli pprovdew informazzjoni dwar l-attivitajiet ippjanati tal-oppożizzjoni; billi t-tixrid tad-diżinformazzjoni u n-narrattivi Russi huma problema serja u persistenti fis-Serbja, b’mod partikolari matul il-kampanji elettorali; billi l-Kremlin ikkundanna l-protesti pubbliċi kontra l-elezzjonijiet ġenerali ffrodati Serbi bħala attentati mill-Punent biex jipprovaw iwaqqgħu l-gvern u jorganizzaw “kolp ta’ stat ta’ Maidan” ieħor;

T.  billi l-organizzazzjonijiet indipendenti Serbi li jiddenunzjaw l-irregolaritajiet matul l-elezzjonijiet reċenti kienu soġġetti għal attakki kontinwi minn uffiċjali tal-gvern; billi minkejja l-fatt li kixfu ħafna evidenza konkreta li tissuġġerixxi l-frodi elettorali, l-awtoritajiet Serbi s’issa rrifjutaw li jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet u minflok ippruvaw jiskreditaw u jintimidaw lill-osservaturi elettorali li ppubblikaw l-episodji tal-irregolaritajiet; billi minn mindu saru l-elezzjonijiet, politiċi ewlenin Serbi, inkluż il-President, kasbru b’mod inġust lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lil membri oħra tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali (MIOE);

U.  billi r-riżultati tal-elezzjonijiet, speċjalment l-elezzjonijiet muniċipali f’Belgrad, ġew ikkontestati mill-oppożizzjoni, u dan wassal għal dimostrazzjonijiet paċifiċi kbar mibdija mill-koalizzjoni tal-oppożizzjoni “Serbja kontra l-Vjolenza” u l-assoċjazzjoni mhux partiġġjana ProGlas biex jitolbu l-annullament tal-elezzjonijiet u li ssir votazzjoni ġdida; billi l-Kummissjoni Elettorali tar-Repubblika Serba (REC) irrifjutat l-ilmenti tal-oppożizzjoni; billi l-oppożizzjoni talbet li r-riżultati elettorali jiġu annullati quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minħabba allegazzjonijiet ta’ frodi mifruxa;

V.  billi protesta fl-24 ta’ Diċembru 2023 ħadet xejra vjolenti meta xi wħud mid-dimostranti attakkaw l-Assemblea tal-Belt ta’ Belgrad, u wara dan il-pulizija arrestaw 38 persuna, inklużi studenti, li ġew imħarrka talli kkontestaw l-ordni kostituzzjonali u li minnhom uħud għadhom taħt detenzjoni domiċiljari; billi bosta dimostranti paċifiċi ddikjaraw li kien hemm hooligans lebsin il-maskri li infiltraw id-dimostrazzjonijiet; billi d-dimostranti paċifiċi ddenunzjaw ukoll l-użu sproporzjonat tal-forza mill-pulizija;

W.  billi matul l-aħħar għaxar snin minn meta l-President Vučić ħa l-poter, kien hemm erożjoni kontinwa tal-libertà tal-media fis-Serbja, ikkaratterizzata minn pressjoni politika, theddid u saħansitra attakki fiżiċi kontra l-ġurnalisti; billi r-Reporters mingħajr fruntieri taw fost l-aktar punteġġi baxxi lis-Serbja fl-Ewropa f’dak li huwa l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħha, u fl-2023 il-pajjiż niżel 12-il post biex sab ruħu fil-91 post;

X.  billi l-istat tad-dritt u l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tas-Serbja jibqgħu sfida ewlenija għall-proċess ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE;

1.  Jiddeplora l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari u lokali Serbi li saru fis-17 ta’ Diċembru 2023 iddevjaw mill-istandards internazzjonali u mill-impenji tas-Serbja għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, minħabba l-abbuż persistenti u sistematiku tal-istituzzjonijiet u tal-media min-naħa tal-persuni diġà fil-kariga sabiex jiksbu vantaġġ inġust u mhux dovut; iqis li dawn l-elezzjonijiet ma jistax jitqies li seħħew f’kundizzjonijiet ġusti; jinsab allarmat mir-rapporti dwar l-iskala mifruxa u sistematika ta’ frodi li kkompromettiet l-integrità tal-elezzjonijiet fis-Serbja;

2.  Jinnota li l-MIOE ddikjarat li l-elezzjoni saret mingħajr xkiel, iżda li l-ġurnata kienet ikkaratterizzata minn bosta nuqqasijiet proċedurali, fosthom l-applikazzjoni inkonsistenti ta’ salvagwardji matul il-votazzjoni u l-għadd, każijiet frekwenti ta’ ffullar eċċessiv, ksur tas-segretezza tal-votazzjoni, u bosta każijiet ta’ votazzjoni fi grupp; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar dawk l-irregolaritajiet u l-ambjent elettorali ġenerali, li waqgħu taħt l-istandards mistennija minn pajjiż kandidat tal-UE; ifakkar lill-awtoritajiet Serbi li l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tas-Serbja jinsab fil-qalba tal-proċess ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE u tal-metodoloġija ta’ adeżjoni tal-UE;

3.  Jinnota bi tħassib serju l-evidenza estensiva miġbura mill-osservaturi internazzjonali u domestiċi li turi attivitajiet li jwasslu għal jum l-elezzjoni u matulu li setgħu biddlu l-eżitu tal-elezzjonijiet u setgħu affettwaw b’mod kritiku r-riżultati tal-elezzjonijiet muniċipali ta’ Belgrad, b’mod partikolari, u li dgħajfu serjament il-leġittimità tal-elezzjonijiet parlamentari;

4.  Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti minn esperti u istituzzjonijiet legali internazzjonali rrispettati dwar l-irregolaritajiet tal-elezzjonijiet parlamentari, provinċjali u muniċipali, u li tingħata attenzjoni speċjali lill-elezzjonijiet tal-Assemblea tal-Belt ta’ Belgrad, peress li ċerti allegazzjonijiet, inklużi dawk rigward il-migrazzjoni organizzata tal-votanti fil-livell lokali, imorru lil hinn mill-ambitu kopert mir-rapporti tal-OSKE/ODIHR; jappoġġja l-fatt li ntbagħtet fil-pront missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni ad hoc fis-Serbja, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva li tibgħat missjoni ta’ esperti fis-Serbja biex tivvaluta s-sitwazzjoni fir-rigward tal-elezzjonijiet reċenti u l-iżviluppi ta’ wara l-elezzjoni fi sforz li jiġu ffaċilitati l-prekundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ djalogu soċjetali meħtieġ sabiex isir tentattiv biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u l-kunfidenza tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet, u biex tivvaluta u tindirizza l-kwistjonijiet sistemiċi tal-istat tad-dritt fis-Serbja, filwaqt li tħares lejn l-eżempju tar- “Rapporti Priebe”;

6.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ rispons istituzzjonali għall-allegazzjonijiet serji tal-involviment tal-persuni diġà fil-kariga fil-manipulazzjoni u l-abbuż elettorali, hekk kif dan jikkontribwixxi għal atmosfera ta’ impunità u jiżgura l-kontinwazzjoni ta’ dawn il-prattiki; Jinnota, bi tħassib, li wħud mill-irregolaritajiet elettorali li seħħew qabel l-elezzjonijiet ta’ Diċembru 2023 jikkostitwixxu ksur potenzjali tal-liġi Serba u l-Kostituzzjoni tagħha; jisħaq li, jekk titħalla tippersisti mingħajr riperkussjonijiet, din il-prattika se tkompli ddgħajjef il-fiduċja fil-proċess elettorali u fl-istituzzjonijiet tas-Serbja, u b’hekk tfixkel b’mod irrevokabbli t-tmexxija demokratika u t-tkomplija tal-integrazzjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza li jiġu investigati bir-reqqa l-ilmenti kollha relatati mal-elezzjonijiet, inkluża t-talba reċenti biex jitħassru l-elezzjonijiet tal-Assemblea tal-Belt ta’ Belgrad tas-17 ta’ Diċembru 2023, li tressqet quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minn uffiċjal tal-koalizzjoni “Serbja kontra l-Vjolenza”;

7.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet relatati ma’ reati matul l-elezzjonijiet, inklużi allegazzjonijiet serji ta’ manipulazzjoni illegali tar-reġistru tal-votanti u tad-drittijiet tal-vot, pressjoni u intimidazzjoni kontra ċ-ċittadini u l-kandidati elettorali, każijiet ta’ korruzzjoni, l-iffalsifikar tal-firem taċ-ċittadini, il-klijenteliżmu, l-abbuż illeġittimu u illegali tad-data taċ-ċittadini, l-abbużi tal-uffiċċju tal-istat u n-nuqqas ta’ mekkaniżmi effettivi biex jiġi evitat li min hu diġà fil-kariga jkollu vantaġġ istituzzjonali inġust fl-elezzjonijiet;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw, iħarrku u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal kwalunkwe reat kriminali matul l-elezzjonijiet, u għal kwalunkwe attakk fuq l-istudenti;

9.  Jikkundanna l-attakki orkestrati minn uffiċjali Serbi fuq osservaturi elettorali, inklużi Membri tal-Parlament Ewropew u jitlob li jerġa’ jkun hemm diskors kostruttiv u li juri rispett, filwaqt li jenfasizza l-importanza tar-rispett reċiproku fil-proċess demokratiku; jinsab imħasseb ħafna dwar it-tentattivi biex l-osservaturi jiġu skreditati u intimidati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw kwalunkwe kampanja ulterjuri ta’ diżinformazzjoni kontra osservaturi elettorali u jistabbilixxu kundizzjonijiet li jippermettu lill-osservaturi elettorali nazzjonali u internazzjonali jagħmlu xogħolhom b’mod effettiv, kif ukoll jipproteġuhom minn kwalunkwe vjolenza, theddid, ritaljazzjoni, diskriminazzjoni avversa, pressjoni jew kwalunkwe azzjoni arbitrarja oħra bħala konsegwenza tal-eżerċizzju leġittimu tagħhom tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; ifaħħar il-ħidma tal-osservaturi domestiċi miċ-Ċentru għar-Riċerka, it-Trasparenza u r-Responsabbiltà (CRTA) u ċ-Ċentru għall-Elezzjonijiet Ħielsa u d-Demokrazija (CeSID);

10.  Jinsab imħasseb dwar il-“passivazzjoni” tal-indirizzi residenzjali ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini, inkluż f’Belgrad u fin-Nofsinhar tas-Serbja, hekk kif din iċċaħħadhom mid-dritt tal-vot; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jirrimedjaw dan il-ksur serju tad-drittijiet elettorali mingħajr aktar dewmien;

11.  Iħeġġeġ lir-Repubblika tas-Serbja tindirizza t-tħassib dwar il-parteċipazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-proċess elettorali, filwaqt li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji għall-istatus ta’ minoranza u tindirizza l-vulnerabbiltajiet għall-pressjoni u x-xiri tal-voti;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu soluzzjonijiet istituzzjonali biex jingħelbu l-problemi attwali; jitlob lill-Parlament u lill-Gvern Serb biex jagħmlu kull sforz biex jiffunzjonaw b’mod effettiv, ħieles miċ-ċiklu kostanti ta’ kampanji u elezzjonijiet antiċipati frekwenti;

13.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jirbħu lura l-fiduċja tal-elettorat fil-proċess kollu, jistabbilixxu proċeduri elettorali kompletament trasparenti u jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont min-naħa tal-awtoritajiet, kemm jekk ikunu responsabbli mill-elezzjonijiet kif ukoll jekk ikunu qed jinterferixxu fihom; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jikkooperaw bis-sħiħ u b’mod sostanzjali mal-ODIHR, l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa u jiffaċilitaw proċess inklużiv biex jissaħħu d-drittijiet u l-libertajiet relatati mal-elezzjonijiet, l-istituzzjonijiet u l-proċessi, bil-parteċipazzjoni ta’ osservaturi elettorali domestiċi u partiti politiċi; jilqa’ kwalunkwe pass ġenwin f’din id-direzzjoni;

14.  Jinnota, bi tħassib, li s-Serbja ma implimentatx bosta mir-rakkomandazzjonijiet li l-OSKE/l-ODIHR ilhom li għamlu żmien twil dwar kwistjonijiet ewlenin fil-proċess elettorali, minkejja li ġiet ripetutament imħeġġa tagħmel dan, inkluż mill-Kummissjoni; jieħu nota tal-emendi reċenti li indirizzaw b’mod selettiv uħud mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-qafas legali għall-finanzjament tal-kampanji elettorali;

15.  Jistenna bil-ħerqa r-rapport finali tal-MIOE tal-OSKE/ODIHR; iħeġġeġ lis-Serbja timplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-OSKE/ODIHR tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar il-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fis-Serbja, b’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet esperti tas-soċjetà ċivili u ferm qabel l-elezzjonijiet li jmiss, sabiex jiġu evitati irregolaritajiet u frodi ġodda filwaqt li jiġi garantit il-funzjonament demokratiku tal-pajjiż, b’mod partikolari dawk rigward l-aċċess tal-kandidati kompetituri għall-media, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont akbar tal-finanzjament tal-kampanji, miżuri biex tiġi indirizzata l-pressjoni fuq il-votanti u l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi;

16.  Jistieden lis-Serbja timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-OSKE/l-ODIHR biex twettaq awditu komprensiv tar-reġistru tal-votanti unifikat sabiex tindirizza t-tħassib dwar l-akkuratezza, inklużi allegazzjonijiet ta’ migrazzjoni tal-votanti u entrati ta’ persuni mejta; jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet li r-reġistru unifikat tal-votanti diġà rreġistra żidiet sinifikanti ta’ votanti fi bliet fejn l-elezzjonijiet lokali se jsiru aktar tard fl-2024;

17.  Iħeġġeġ lir-REC tieħu l-passi meħtieġa ħalli tindirizza t-tħassib dwar it-trasparenza u l-effiċjenza tal-funzjonament tagħha, inkluża l-pubblikazzjoni f’waqtha tar-riżultati tal-monitoraġġ matul il-perjodu tal-kampanja;

18.  Jikkundanna l-assenza ta’ pluraliżmu tal-media matul il-kampanja elettorali, kif ukoll id-diżinformazzjoni u r-rappurtar mifrux mhux etiku u preġudikat tal-media favur il-persuni diġà fil-kariga; jinnota, bi tħassib, li għadd kbir ta’ mezzi medjatiċi huma influwenzati jew ikkontrollati mill-gvern, u li dan irriżulta f’kundizzjonijiet mhux ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni matul il-kampanja; jikkundanna l-attakki instigati mill-mezzi medjatiċi qrib il-gvern kontra ġurnalisti kritiċi; jiddeplora l-esponiment pubbliku enormi tal-President tas-Serbja qabel u matul il-kampanja, peress li xejjen il-linji bejn l-istituzzjoni tal-president, l-istat u l-partit politiku fil-poter;

19.  Jinsab imħasseb li minkejja l-liġijiet il-ġodda dwar il-media elettronika u dwar l-informazzjoni pubblika u l-media, il-kundizzjonijiet u l-pluraliżmu fil-media marru għall-agħar; jiddispjaċih ħafna li l-Awtorità Regolatorja għall-Media Elettronika (REM) ittraskurat l-obbligi tagħha skont il-liġi li tiskrutinizza l-kampanja tal-media, tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha u tissanzjona lill-mezzi medjatiċi li kisru l-liġi, xerrdu d-diskors ta’ mibegħda jew kisru l-istandards ġurnalistiċi; jinnota, bi tħassib, li r-REM ippubblikat biss riżultati ta’ monitoraġġ għax-xandar pubbliku u għall-kanali privati bil-kejbil, iżda mhux għall-kanali nazzjonali privati qrib il-partit fil-gvern;

20.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar każijiet ta’ attakki u lingwaġġ abbużivi, flimkien ma’ fastidju kontra ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, f’xi każijiet minn uffiċjali tal-gvern, b’mod partikolari qabel l-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jiġġieldu l-indħil barrani u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni, itejbu b’mod qawwi l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu indipendenti u jiżguraw ambjent medjatiku trasparenti; jissottolinja li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ jagħmlu aktar biex jiżguraw li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-ġurnalisti u tal-media Serbi; jirrimarka li l-aċċess għall-finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni għandu jintuża bħala għodda biex is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media ma tibqax sejra lura;

21.  Jitlob li ssir riforma tal-effettività tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tal-kampanja, inkluż tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u tal-Kumitat ad hoc għas-Sorveljanza tal-Kampanji, biex jiġi żgurat indirizzar f’waqtu u trasparenti tal-ilmenti relatati mal-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi;

22.  Jissottolinja li s-Serbja, bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE, jonqsu standards demokratiċi bażiċi tal-UE u internazzjonali implimentati biżżejjed; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw li hemm biżżejjed garanziji demokratiċi fis-seħħ biex isiru l-elezzjonijiet lokali regolari li jmiss fl-2024, kif ukoll f’elezzjonijiet futuri;

23.  Jinnota li l-Parlamenti Serbi kollha f’dawn l-aħħar 12-il sena, għajr wieħed, ġew xolti kmieni u li r-ripetizzjoni ta’ elezzjonijiet antiċipati bla bżonn iddgħajjef l-istabbiltà politika; jissottolinja li elezzjonijiet kostantement bikrija, ambjent ta’ kampanja elettorali permanenti u dewmien twil biex jissawru l-gvernijiet ma jikkontribwixxux għal governanza demokratika effiċjenti tal-pajjiż, iżda minflok idgħajfu l-parlament tiegħu u jwasslu għal nuqqas ta’ leġittimità u sorveljanza leġiżlattiva parlamentari;

24.  Jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u jirrikonoxxi li kulħadd għandu d-dritt li jesprimi l-fehmiet tiegħu u jipparteċipa fi protesti paċifiċi; jikkundanna, f’dan il-kuntest, l-użu sproporzjonat tal-vjolenza mill-pulizija kontra dimostranti paċifiċi li jipprotestaw kontra l-frodi elettorali; jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet li aġenti provokaturi infiltraw il-protesti biex jiskattaw l-intervent tal-pulizija; jinsab imħasseb dwar valutazzjonijiet li xi parteċipanti fil-protesta tal-24 ta’ Diċembru 2023 irċevew trattament sproporzjonatament aħrax mill-pulizija u l-ġudikatura, b’kuntrast qawwi mal-prattiki tal-pulizija Serba fi protesti preċedenti fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw il-kawżi legali li għaddejjin bħalissa relatati mal-protesti;

25.  Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati tal-awtoritajiet Serbi li l-Istati Membri tal-UE kienu involuti fl-organizzazzjoni ta’ protesti ta’ wara l-elezzjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-protesti ntużaw bħala skuża biex jinfirxu narrattivi kontra l-UE fil-media qrib il-partit fil-gvern;

26.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ kritika vokali espressa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari mill-Kummissarju għat-Tkabbir, rigward id-diversi allegazzjonijiet ta’ frodi tal-votanti fl-elezzjonijiet Serbi, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqasijiet li wasslu għal dawn l-allegazzjonijiet mingħajr dewmien;

27.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li n-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja għandhom javvanzaw biss jekk il-pajjiż jagħmel progress sinifikanti fir-riformi tiegħu relatati mal-UE inluża l-implimentazzjoni bis-sħiħ tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill japplikaw kundizzjonalità severa; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi bir-reqqa r-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tibda minnufih l-awditu tal-finanzjament ipprovdut lill-Gvern Serb fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III (IPA III) u strumenti finanzjarji oħra; jissottolinja li jekk l-awtoritajiet Serbi ma jkunux lesti jimplimentaw rakkomandazzjonijiet elettorali ewlenin jew jekk is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni jindikaw li l-awtoritajiet Serbi kienu involuti direttament fil-frodi tal-votanti, jitlob is-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE abbażi ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt b’rabta mal-elezzjonijiet tas-Serbja;

28.  Jimpenja ruħu li jimmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ta’ wara l-elezzjonijiet fis-Serbja u jimpenja ruħu li jappoġġja riformi li jsaħħu d-demokrazija u jgħinu lis-Serbja tavvanza fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE; jisħaq li dejjem ħadem biex jappoġġja l-pluraliżmu politiku u t-tisħiħ ta’ ambjent elettorali inklużiv fis-Serbja permezz tal-attivitajiet kollha tiegħu, b’mod partikolari permezz tad-djalogu bejn il-partiti u l-proċess ta’ djalogu parlamentari; jissottolinja l-importanza li jitkompla d-djalogu bejn il-partiti u l-proċess ta’ djalogu parlamentari; jistieden lill-UE tikkofaċilita djalogu intern u sinifikanti fis-Serbja bejn il-gvern u l-oppożizzjoni sabiex tingħeleb il-klima attwali ta’ polarizzazzjoni politika profonda; iqis li l-Parlament, f’dan l-isfond, huwa l-aktar istituzzjoni xierqa biex jaġixxi bħala faċilitatur kostruttiv;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, lill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C, C/2023/1065, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1065/oj.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza