Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2868(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0090/2024

Testi mressqa :

B9-0090/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2024)0078

Testi adottati
PDF 155kWORD 54k
Il-Ħamis, 8 ta' Frar 2024 - Strasburgu
Negozjati multilaterali fid-dawl tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Abu Dhabi, 26-29 ta’ Frar 2024
P9_TA(2024)0078B9-0090/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Abu Dhabi, 26-29 ta’ Frar 2024 (2023/2868(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Marrakexx tal-15 ta’ April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tad-WTO tal-14 ta’ Novembru 2001(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-WTO, b’mod partikolari dawk tal-25 ta’ Novembru 2021 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO(2), tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar id-WTO: it-triq ’il quddiem(3) u tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO(4),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ eżitu adottati b’kunsens fis-Sessjonijiet Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO fis-7 ta’ Diċembru 2018 f’Ġinevra(5) u fl-10 ta’ Diċembru 2017 fi Buenos Aires(6),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f’Ġinevra f’Ġunju 2022 (KM12), li jinkludu dokument ta’ eżitu, sensiela ta’ deċiżjonijiet u dikjarazzjonijiet ministerjali, u Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret fi Buenos Aires f’Diċembru 2017 (KM11), li jinkludu sensiela ta’ deċiżjonijiet ministerjali u dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kummerċ elettroniku, dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment, dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi nazzjonali, u dwar l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Buenos Aires dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa approvata fit-12 ta’ Diċembru 2017 u l-Grupp ta’ Ħidma Informali dwar il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet tal-Ġeneru stabbilit fit-23 ta’ Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ministerjali tal-ministri li jirrappreżentaw il-membri tad-WTO tal-10 ta’ Diċembru 2021 dwar it-tniġġis mill-plastik u l-kummerċ ta’ plastik ekokompatibbli, tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kummerċ u s-sostenibbiltà ambjentali u tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Pariġi fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li ilu japplika minn Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2021 intitolata “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” kif ukoll l-anness tagħha intitolat “Ir-riforma tad-WTO: lejn sistema kummerċjali multilaterali sostenibbli u effettiva” (COM(2021)0066),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

A.  billi d-WTO nħolqot biex tkompli l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi, issaħħaħ il-multilateraliżmu u trawwem sistema kummerċjali multilaterali ġusta, miftuħa, inklużiva, ibbażata fuq ir-regoli u mhux diskriminatorja, sabiex ittejjeb il-benesseri tan-nies fid-dinja kollha; billi l-għan ġenerali tal-politika kummerċjali tal-UE huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għal tnaqqis fl-ostakli doganali u ta’ tip ieħor, kif ukoll għall-garanzija tal-benesseri tan-nies; billi l-kummerċ huwa essenzjali u huwa strument fundamentali biex jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi bil-għan li jsir progress fit-tkabbir sostenibbli u jittejbu l-istandards tal-għajxien, jiġu żgurati livell massimu ta’ impjiegi u impjiegi ta’ kwalità aħjar kif ukoll volum kbir u li qed jikber b’mod kostanti ta’ introjtu reali f’konformità mal-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, bil-għan li jipproteġi u jħares l-ambjent u jqawwi l-mezzi biex dan isir b’mod konsistenti mal-bżonnijiet u mal-preokkupazzjonijiet rispettivi tal-pajjiżi fid-diversi livelli ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom;

B.  billi sistema kummerċjali multilaterali b’saħħitha, miftuħa u inklużiva għandha tiżvolġi rwol saħansitra aktar b’saħħtu biex jintlaħqu l-għanijiet globali dwar it-tibdil fil-klima u jinkisbu emissjonijiet żero netti permezz, pereżempju, tal-iskambju ta’ oġġetti, servizzi u prattiki essenzjali għat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa u għall-ekonomija ċirkolari;

C.  billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bħalissa tinsab taħt pressjoni kbira u hija soġġetta għal tensjonijiet ġeopolitiċi kkawżati mid-deċiżjonijiet ta’ ċerti membri tad-WTO u mill-miżuri unilaterali li ħadu huma, kif ukoll minn dipendenza inġustifikata mill-eċċezzjoni relatata mas-sigurtà tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) minn xi wħud mill-membri tagħha, li diġà qed tagħti lok għal kuntest aktar frammentat u anqas prevedibbli għall-politika kummerċjali; billi 75 % tal-kummerċ għadu jsir abbażi tat-tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit, u dan jikkonferma l-fatt li d-WTO huwa s-sinsla tal-ekonomija globali; billi l-eżitu tal-KM12 wera li d-WTO għadha tista’ tikkonkludi ftehimiet multilaterali u tirrispondi għall-emerġenzi;

D.  billi l-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji għas-Sajd li ntlaħaq qbil dwaru fil-KM12 huwa l-ewwel ftehim kummerċjali multilaterali li qatt sar bis-sostenibbiltà ambjentali fil-qalba tiegħu, u jistabbilixxi ġabra vinkolanti ta’ regoli globali maħsuba biex jgħinu ħalli jiġu limitati s-sussidji dannużi stmati għal USD 22 biljun fis-sena mogħtija mill-gvernijiet lis-settur tas-sajd, kif jipprevedi l-SDG 14.6; billi l-ftehim għadu ma jinkludix dixxiplini dwar is-sussidji għas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, li jirrappreżentaw aktar minn nofs is-sussidji għas-sajd kollha, li n-negozjati dwarhom għadhom għaddejjin;

E.  billi t-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (KM12) fis-17 ta’ Ġunju 2022 adottat deċiżjoni biex tagħti flessibbiltà fil-qafas tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (“Ftehim TRIPS”) bil-għan li tippermetti l-produzzjoni u l-provvista ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, filwaqt li tipposponi d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-flessibbiltajiet għat-terapiji u għall-istrumenti dijanjostiċi kontra l-COVID-19; billi l-Kunsill TRIPS tad-WTO huwa involut fin-negozjati rigward l-estensjoni tad-deroga TRIPS;

F.  billi s-sigurtà tal-ikel tibqa’ sfida, peress li 258 miljun ruħ kienu fi kriżi jew f’kundizzjonijiet agħar ta’ insigurtà tal-ikel gravi fl-2022, meta mqabbla mal-193 miljun ruħ tal-2021; billi l-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura fil-qafas taċ-ċiklu tal-Urugwaj jirrikonoxxi espliċitament l-importanza li titqies is-sigurtà tal-ikel fin-negozjati li għaddejjin; billi l-kummerċ għandu l-potenzjal biex iżid id-disponibbiltà ta’ ikel fir-reġjuni li fihom huwa limitat u jista’ jikkontribwixxi wkoll biex itejjeb l-aċċess ekonomiku għal-ikel, bis-saħħa tal-ġenerazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u taż-żieda tal-introjti;

G.  billi l-membri tad-WTO wrew l-impenn tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ikel u jiżguraw għajnuna alimentari ta’ emerġenza għall-persuni l-aktar vulnerabbli, kemm fid-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar ir-risposta ta’ emerġenza għall-insigurtà tal-ikel, kif ukoll fid-Deċiżjoni Ministerjali dwar l-eżenzjoni tax-xiri ta’ ikel umanitarju tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) mill-projbizzjonijiet jew mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni maqbula fil-KM12;

H.  billi l-kummerċ sostenibbli jista’ jikkontribwixxi biex itaffi u jiġġieled it-tibdil fil-klima;

I.  billi mill-11 ta’ Diċembru 2019, il-Korp tal-Appell tad-WTO ma baqax jopera, u dan imblokka l-istadju tal-appell funzjonali, indipendenti u imparzjali; billi fl-okkażjoni tal-KM12, il-membri tad-WTO impenjaw ruħhom li jmexxu diskussjonijiet bil-għan li jkun hemm sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona b’mod sħiħ u xieraq, aċċessibbli għall-membri kollha tad-WTO sal-2024;

J.  billi l-Parlament Ewropew flimkien mal-Unjoni Interparlamentari, ilu aktar minn 20 sena jiżvolġi rwol kruċjali fl-istabbiliment ta’ dimensjoni parlamentari għad-WTO permezz tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO;

K.  billi t-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (KM13) se ssir f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda, mis-26 sad-29 ta’ Frar 2024;

1.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu għall-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu u jissottolinja li sistema multilaterali modernizzata li tirregola l-kummerċ hija essenzjali; jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli għall-benefiċċju ta’ kulħadd, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, lil hinn mis-sempliċi definizzjoni tat-tkabbir tal-PDG u għall-prosperità, u b’hekk issaħħaħ il-paċi u s-sigurtà; jenfasizza l-fatt li d-WTO għandha tippromwovi t-twettiq tal-SDGs u tad-drittijiet sanitarji, soċjali, ambjentali u tal-bniedem, kif ukoll li jiġi żgurat li regoli armonizzati u miftiehma b’mod multilaterali jiġu applikati minn kulħadd;

2.  Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jimpenjaw ruħhom biex il-KM13 ikollha eżitu pożittiv; jemmen li l-KM13 għandha tkun il-punt tat-tluq biex id-WTO tagħmel progrees u timmodernizza ruħha ħalli jiġi żgurat li tkun tista’ tiżvolġi rwol fl-indirizzar tal-isfidi tas-seklu 21, anki dwar kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, it-telf tal-bijodiversità, is-saħħa, is-sostenibbiltà u t-tnaqqis tal-faqar; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jikkonċentraw fuq riżultati tanġibbli li juru li d-WTO tista’ tindirizza l-isfidi attwali; jilqa’ l-gwida mogħtija mil-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2023; jitlob, b’mod partikolari, lill-membri tad-WTO jikkonkludu t-tieni fażi tal-ftehim multilaterali dwar is-sussidji għas-sajd u jegħlbu l-ostakli li jifdal bil-għan li jiġi adottat pakkett komprensiv ta’ riforma istituzzjonali, inkluża deċiżjoni li twassal għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona bis-sħiħ; itenni li r-rwol tas-Segretarjat tad-WTO għandu bżonn ikompli jissaħħaħ;

3.  Iqis li issa huwa urġenti li nipproċedu għal riforma sostanzjali tad-WTO u li din għandha tiġi riflessa fl-eżitu tal-KM13; jilqa’ l-ħidma kollha li saret f’dan ir-rigward mill-aħħar Konferenza Ministerjali ’l hawn; jistieden lill-membri tad-WTO jadottaw pakkett komprensiv li jirrieżamina l-funzjonijiet ta’ monitoraġġ, negozjar, deliberazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, li fih għandha tingħata wkoll attenzjoni xierqa lid-dimensjoni parlamentari tad-WTO, bil-għan li jiżdiedu l-effikaċja, l-inklużività, it-trasparenza, il-kredibbiltà u l-leġittimità tad-WTO;

4.  Jitlob impenn aktar b’saħħtu u saħansitra aktar kostruttiv mill-membri kollha tad-WTO biex tiġi ripristinata sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona bis-sħiħ li tindirizza mill-aktar fis possibbli, fost affarijiet oħra, it-tul eċċessiv tal-proċeduri; ifaħħar il-ħidma tal-faċilitatur fit-tmexxija tal-proċess li għandu jwassal għal abbozz ta’ test konsolidat li għandu jiġi ppreżentat lill-KM13; jiddispjaċih, madankollu, li s’issa ma sar l-ebda progress sostanzjali; jistieden lill-membri jidħlu f’diskussjonijiet kostruttivi u trasparenti biex jilħqu ftehim dwar is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-KM13; ifakkar li proċess vinkolanti, b’żewġ livelli u indipendenti għandu jibqa’ l-objettiv ewlieni;

5.  Bil-għan li jimtela ż-żmien li jonqos biex jerġa’ jsir operattiv korp soluzzjoni għat-tilwim li jiffunzjona bis-sħiħ fil-livell tad-WTO, jistieden lill-membri jikkunsidraw il-possibbiltà li jingħaqdu f’arranġament proviżorju ta’ arbitraġġ tal-appell bejn bosta partijiet (MPIA) biex juru l-impenn tagħhom favur sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim ġusta u li tiffunzjona;

6.  Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw malajr il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji għas-Sajd, li għalih hija meħtieġa ratifika ta’ żewġ terzi tal-membri sabiex il-ftehim jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun; jisħaq fuq l-importanza kruċjali li jintlaħaq ukoll ftehim malajr dwar dixxiplini dwar is-sussidji għas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u s-sajd eċċessiv, bil-għan li jiġi evitat l-eżawriment tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u titħalla ssir il-ġestjoni sostenibbli tagħhom, filwaqt li jiġu rispettati l-bżonnijiet għal trattament speċjali u differenzjali bi qbil mal-SDG 14.6;

7.  Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi integrata d-dimensjoni tad-WTO relatata mal-iżvilupp, anki permezz tal-proċess ta’ riforma tad-WTO u billi l-prinċipju ta’ trattament speċjali u differenzjali jirrispondi aħjar għall-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiddispjaċih bil-fatt li d-WTO għadha ma kisbitx riżultati f’dik li hi l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp tagħha; jilqa’ d-deċiżjoni li diġà ttieħdet dwar l-estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) fit-triq lejn il-ħruġ mill-istatus ta’ LDC, sabiex jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni bla xkiel u sostenibbli għall-irtirar tal-preferenzi kummerċjali; itenni l-appell tiegħu biex jiġi rieżaminat u rivedut il-mekkaniżmu ta’ trattament speċjali u differenzjali, bl-involviment xieraq tal-membri kollha tad-WTO sabiex jiġu riflessi aħjar l-indiċijiet tal-iżvilupp tal-bniedem, filwaqt li jiġi protett l-ispazju politiku għall-indirizzar tal-kummerċ inġust, u għalhekk jistieden lill-membri tad-WTO jirrevedu s-sistema; jissottolinja, madankollu, li l-awtoaffermazzjoni dwar l-istatus tal-iżvilupp meqjusa bħala l-uniku kriterju, tista’ tagħti lok għal kummerċ inġust;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata saħħa ġdida lid-diskussjonijiet dwar l-appoġġ mill-Istat għas-setturi industrijali fi ħdan id-WTO, inkluż aġġornament tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens (“Ftehim SCM”), bil-għan li tiżdied it-trasparenza u tiġi adattata l-ġabra ta’ regoli tad-WTO dwar is-sussidji sabiex tingħata risposta lill-isfidi attwali, pereżempju t-tibdil fil-klima, u jiġu indirizzati l-prattiki inġusti ta’ ċerti membri tad-WTO, u jiġu miġġielda b’mod effikaċi l-effetti konsegwenzjali negattivi bħall-kapaċità żejda u l-ktajjen tal-provvista b’intensità għolja ta’ karbonju; huwa tal-fehma li l-KM13 għandha tniedi programm ta’ ħidma limitat biż-żmien li jippermetti deliberazzjoni dwar l-intervent mill-Istat b’appoġġ għas-setturi industrijali, sabiex tifformula rakkomandazzjonijiet għall-KM14;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir progress fin-negozjati dwar l-agrikoltura biex jinkisbu riżultati kredibbli dwar kwistjonijiet bħal soluzzjoni permanenti għall-ħżin pubbliku għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel, l-appoġġ intern, l-aċċess għas-suq, il-qoton, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-kompetizzjoni fl-esportazzjoni, u t-tisħiħ tas-settur agrikolu biex jirrispondi għall-isfidi attwali, inklużi l-mezzi ta’ sussistenza rurali u s-sostenibbiltà ambjentali; jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa; jitlob li jitjiebu l-qsim tal-informazzjoni u t-trasparenza rigward il-politiki agrikoli u s-sussidji biex jgħinu fl-avvanz tan-negozjati u biex isostnu, fil-livell tad-WTO, qsim akbar ta’ data rigward il-kummerċ tal-prodotti bażiċi u l-ħażniet privati mal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija; jilqa’ l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn id-WTO u l-FAO matul il-Konferenza tal-Partijiet tal-2023 għall-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni f’setturi fosthom ir-riforma agrikola, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-UE għandha ssostni kriterji ta’ sostenibbiltà aktar ambizzjużi bi qbil mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;

10.  Jissottolinja l-bżonn li jinkisbu riżultati f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-ikel, fosthom azzjonijiet konkreti biex tiżdied ir-reżiljenza tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma importaturi netti ta’ prodotti alimentari fir-risposta tagħhom għall-instabbiltà tal-ikel gravi;

11.  Jistenna li r-riforma tad-WTO toħloq triq aktar faċli biex il-ftehimiet plurilaterali miftuħa jiġu integrati fl-arkitettura multilaterali sabiex jiġi żgurat progress f’oqsma li mhumiex maturi biżżejjed għall-membri kollha; itenni, għaldaqstant, l-appell tiegħu lill-membri tad-WTO biex jirriflettu dwar mod kif tiġi żviluppata sistema ġdida, bi prinċipji ċari u numru minimu ta’ membri li għandhom jipparteċipaw f’inizjattiva plurilaterali u, fuq dik il-bażi, jistabbilixxu mekkaniżmu sempliċi li jippermetti li jiġu inkorporati fl-istruttura tad-WTO l-ftehimiet konklużi f’dik is-sistema;

12.  Jilqa’ l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp, sabiex jinħoloq kuntest aktar ġust, trasparenti, effiċjenti u prevedibbli ħalli jiffaċilita l-investimenti transfruntieri u l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-flussi globali ta’ investimenti; jappoġġja l-inkorporazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-ġabra ta’ regoli tad-WTO skont l-Anness 4 dwar il-Ftehimiet Kummerċjali Plurilaterali, kif stabbilit fl-Artikolu X.9 tal-Ftehim tad-WTO, u jqis li dan jista’ jservi bħala mudell għal ftehimiet plurilaterali futuri;

13.  Jenfasizza l-importanza tar-regoli multilaterali u plurilaterali dwar il-kummerċ diġitali, peress li bħalissa dan jirrappreżenta 25 % tal-kummerċ totali; jinkoraġġixxi bil-qawwa l-isforzi maħsuba biex isibu soluzzjoni ġusta u permanenti għat-trażmissjonijiet elettroniċi marbuta mal-moratorju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti negattivi ta’ nuqqas ta’ tiġdid, speċjalment għan-nisa u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); jilqa’ u jappoġġja l-għadd kbir ta’ membri, l-aġenda ambizzjuża tan-negozjati u l-progress li sar s’issa fin-negozjati plurilaterali tad-WTO dwar il-kummerċ elettroniku; jenfasizza l-importanza tal-fluss liberu tat-trażmissjonijiet elettroniċi, li huma fundamentali għall-kummerċ diġitali u jnaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ, iżidu l-benesseri tal-konsumaturi kif ukoll il-kompetittività tal-esportazzjoni, u jġibu benefiċċji sinifikanti, b’mod partikolari għall-SMEs u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li ftehim potenzjali jeħtieġ li jiggarantixxi aċċess ġust għas-suq għal prodotti u servizzi relatati mal-kummerċ elettroniku f’pajjiżi terzi, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, u jiffaċilita l-innovazzjoni tan-negozju; jenfasizza li ftehim potenzjali dwar il-kummerċ elettroniku jeħtieġ li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u futura tal-UE u jippermetti biżżejjed spazju politiku għar-regolamentazzjoni tas-settur diġitali, b’mod partikolari fi kwistjoni bħall-flussi tad-data, il-lokalizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u l-kodiċi tas-sors; jistieden lis-sħab kollha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-isforzi biex jikkonkludu n-negozjati sal-KM13; jisħaq fuq il-bżonn li jimtela d-distakk diġitali permezz tal-qsim tal-aħjar prattiki u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet;

14.  Ifakkar fl-impenn tad-WTO favur l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u jfakkar li l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-ekonomija globali u għandhom potenzjal mhux sfruttat fil-ktajjen tal-valur globali; iħeġġeġ lill-membri jkomplu jidentifikaw soluzzjonijiet li jgħinu lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji, filwaqt li jqisu l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

15.  Jemmen li l-eżitu tal-KM13 għandu jipprevedi aġenda għall-politika kummerċjali bbażata fuq l-azzjoni li tappoġġja l-SDGs tal-2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi; jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-membri tad-WTO jikkunsidraw il-miżuri kollha possibbli biex jikkontribwixxu għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-UNFCCC u mal-konklużjonijiet tal-COP28, iżidu l-allinjament mal-Ftehim ta’ Pariġi u man-newtralità klimatika, u jsaħħu l-kooperazzjoni fid-WTO dwar il-miżuri adottati fil-livell nazzjonali; jilqa’ d-diskussjonijiet kostruttivi li saru fil-qafas tal-inizjattivi plurilaterali dwar ir-Riforma tas-sussidji għall-fjuwils fossili, id-Djalogu dwar it-tniġġis mill-plastik u d-Diskussjonijiet strutturati dwar il-kummerċ u s-sostenibbiltà ambjentali (TESSD); jitlob li jitnedew mill-ġdid in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA); jinkoraġġixxi lid-WTO tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-membri tad-WTO fir-rigward tal-metodoloġiji tal-ipprezzar tal-karbonju; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fid-diskussjoni dwar is-servizzi u l-prodotti, inkluż dwar il-proċess u l-metodi ta’ produzzjoni, li jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u klimatiċi; ifakkar li kwalunkwe miżura unilaterali li jieħdu l-membri trid timxi mar-regoli tad-WTO u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet GATT trid titqies b’attenzjoni kbira; iħeġġeġ lill-UE twettaq sensibilizzazzjoni rigward il-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sostenibbiltà, pereżempju d-Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) u r-Regolament dwar id-deforestazzjoni u tispjega l-motivazzjonijiet warajha biex tiżgura li tiġi rikonoxxuta bħala tentattiv reali u mhux diskriminatorju biex tagħti kontribut għall-indirizzar tal-objettivi ambjentali globali u biex il-kummerċ isir aktar sostenibbli, anki billi tforni aktar informazzjoni prattika dwar il-mod kif ir-regolamenti japplikaw fil-prattika; jilqa’ l-ewwel “ġurnata tal-kummerċ” fil-COP28 u r-riżultat storiku tal-COP biex tabbanduna l-fjuwils fossili; jistenna li d-deċiżjoni tal-COP tiġi riflessa fil-ħidma tad-WTO;

16.  Jafferma mill-ġdid ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv, u jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa hija fundamentali għall-qerda tal-faqar u li fl-istess ħin it-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kummerċ u l-indirizzar tal-impatti negattivi tar-regoli kummerċjali attwali fuq in-nisa fir-rwoli multipli tagħhom huma vitali għall-iżvilupp ekonomiku; jinkoraġġixxi lill-membri kollha tad-WTO jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Buenos Aires tal-2017 dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa u jħeġġeġ lill-firmatarji tagħha jonoraw l-impenji tagħhom; jilqa’ l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Ħidma Informali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet tal-Ġeneru; jifraħ lid-WTO talli organizzat il-Kungress Dinji tal-Kummerċ dwar il-Ġeneru f’Diċembru 2022, l-ewwel konferenza internazzjonali ta’ riċerka dwar il-kummerċ u l-kwistjonijiet ta’ ġeneru;

17.  Jirrikonoxxi li l-membri tad-WTO qablu li jiddiskutu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni TRIPS biex tkopri t-terapiji u l-istrumenti dijanjostiċi kontra l-COVID-19; jistieden lill-membri tad-WTO jieħdu deċiżjoni qabel il-KM13, u jżommu quddiem għajnejhom l-inċentivi favur l-innovazzjoni; jistieden lill-membri tad-WTO jirrieżaminaw il-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiżguraw inkorporazzjoni sħiħa tal-flessibbiltajiet kollha relatati mal-proprjetà intellettwali (PI) li jipproteġu l-aċċess għall-prodotti mediċi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikompli jkun involut mill-qrib fit-tħejjija tal-KM13, u li jinżamm aġġornat fil-pront u jiġi kkonsultat matul il-Konferenza Ministerjali 2024;

19.  Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi jsaħħu d-dimensjoni parlamentari tad-WTO u l-konferenza parlamentari; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Konferenza Parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari (IPU) dwar id-WTO; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kollha relatati mal-kummerċ u jkunu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO; jinkoraġġixxi lill-mexxejja jsostnu narrattiva ġdida dwar il-kummerċ li permezz tagħha dan tal-aħħar jitqies bħal fattur abilitanti pjuttost milli ostaklu biex jinkisbu s-sostenibblità, is-sigurtà u l-inklużività;

20.  Jistieden lill-membri tad-WTO jtejbu l-iskambju mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tan-negozju, u jżidu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u b’mod aktar ġenerali s-sistema tan-NU; jistenna li l-mexxejja jikkomunikaw aktar f’kull livell dwar il-vantaġġi tal-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u lill-Unjoni Interparlamentari.

(1) Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha (WT/MIN(01)/DEC/1) tal-14 ta’ Novembru 2001.
(2) ĠU C 224, 8.6.2022, p. 89.
(3) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 113.
(4) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 62.
(5) https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/158345/outcome_document-final-e.pdf.
(6) https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/231517/2017_PCWTO_outcome_EN.pdf.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza