Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea (2024/2548(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bl-għan li jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari dik tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar kuxjenza storika Ewropea(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna(8),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-23 ta’ Jannar 2024 intitolat “It-Tieni Rapport tas-SEAE dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Ndħil minn Barranin – Qafas għad-Difiża f’Network),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija (COM(2023)0630),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza ta’ rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2023)0637),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-demokrazija (COM(2020)0790),
– wara li kkunsidra l-prinċipju ġuridiku tal-preżunzjoni ta’ innoċenza,
– wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni jikkostitwixxu ksur serju tal-valuri u l-prinċipji universali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi l-fiduċja fl-integrità tal-Parlament u fl-istat tad-dritt hija tal-akbar importanza għall-funzjonament tad-demokrazija Ewropea;
B. billi hemm evidenza ta’ ndħil u manipulazzjoni Russi f’ħafna demokraziji, kif ukoll ta’ appoġġ prattiku għal forzi estremisti u entitajiet b’mentalità radikali sabiex tiġi promossa d-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni;
C. billi l-Kumitat Speċjali tal-Parlament dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-UE, inkluża d-diżinformazzjoni kixef fid-dettall l-isforzi u l-operazzjonijiet immexxija mir-Russja biex hija tinfiltra u tindaħal fid-demokraziji Ewropej u fl-istituzzjonijiet Ewropej, u tinfluwenzahom; billi r-rispons tal-Parlament Ewropew għall-indħil barrani sar aktar viġilanti; billi, madankollu, għad iridu jittieħdu miżuri aktar robusti u jridu jiġu adottati riformi interni biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva minn influwenza esterna indebita;
D. billi r-Russja qed tuża firxa wiesgħa ta’ tattiki tal-gwerra ibridi biex tilħaq l-għanijiet tagħha, bħala parti minn strateġija akbar biex timmina l-funzjonament xieraq tal-proċessi demokratiċi Ewropej; billi l-użu tal-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, bħala mezz biex jiġu diviżi s-soċjetajiet demokratiċi, kien il-prekursur tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u żdied minn dak iż-żmien ’l hawn; billi t-tixrid tad-diżinformazzjoni mir-Russja kemm permezz tal-istrumenti tal-media tradizzjonali kif ukoll permezz tal-pjattaformi tal-istrumenti tal-media soċjali, il-kontroll ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-hacking tagħha tal-kandidati elettorali u l-attakki ċibernetiċi żdiedu għal livell bla preċedent;
E. billi l-falsifikazzjoni sistematika tal-istorja ilha parti mill-gwerra tal-informazzjoni min-naħa tar-Russja għal għexieren ta’ snin;
F. billi l-Kremlin ilu jopera network estensiv ta’ aġenti ta’ influwenza madwar l-UE li affettwaw il-proċessi elettorali u l-politiki dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenin bħall-infrastruttura tal-enerġija; billi dawn l-aġenti ta’ influwenza b’mod attiv jimmiraw fuq l-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, b’mod partikolari l-kultura, it-tifkira storika, il-komunitajiet tal-media u dawk reliġjużi, kif ukoll il-politiċi u lill-familji tagħhom; billi għexieren ta’ investigazzjonijiet taw prova ta’ rabtiet bejn atturi politiċi u pubbliċi Ewropej attivi jew irtirati prominenti u l-Kremlin;
G. billi l-finanzjament minn barra l-UE ta’ attivitajiet politiċi u ta’ personalitajiet politiċi fl-Unjoni Ewropea qabel u wara l-24 ta’ Frar 2022, b’mod partikolari mir-Russja, għadu qed jiġi żvelat; billi dan il-finanzjament joħloq riskju għall-integrità tal-proċessi demokratiċi fl-Istati Membri tal-UE u jirrikjedi investigazzjoni bir-reqqa biex dawk il-persuni kompliċi jinżammu responsabbli; billi l-Kremlin sponsorja u appoġġja wkoll għadd ta’ partiti u politiċi tal-lemin estrem u tax-xellug estrem fl-Ewropa u, fost affarijiet oħra, ippermetta lill-partit ta’ Marine Le Pen jirċievi self ta’ EUR 9,4 miljun minn bank Russu fl-2013; billi minn dak iż-żmien ’l hawn Le Pen u l-membri tal-partit tagħha f’diversi okkażjonijiet esprimew pożizzjoni favur il-Kremlin;
H. billi r-Russja stabbiliet kuntatti ma’ partiti, personalitajiet u movimenti sabiex toqgħod fuq atturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu leġittimizzati l-pożizzjonijiet Russi, jiġu appoġġjati l-movimenti għall-indipendenza u l-gvernijiet bi prokura u biex tinħoloq pressjoni sabiex jiħfiefu s-sanzjonijiet u jittaffew il-konsegwenzi tal-iżolament internazzjonali; billi Membri tal-PE minn ċerti gruppi politiċi, kif ukoll uħud mill-Membri tal-Parlament mhux affiljati, kienu qed ixerrdu propaganda sfaċċata favur il-Kremlin fil-Parlament;
I. billi hemm ukoll politiċi msejħa “Russlandversteher” (li jifhmu r-Russja) fi ħdan il-partiti politiċi prinċipali; billi diversi personaġġi pubbliċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi eks kapijiet tal-gvern u membri tal-kabinett, l-aktar magħruf Gerhard Schröder, kellhom pożizzjonijiet imħallsa tajjeb f’kumpaniji tal-enerġija kkontrollati mill-Kremlin; billi, anke wara l-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala kbira mir-Russja, uħud minn dawn in-nies iddeċidew li ma jirriżenjawx u komplew jirċievu l-prezz tad-demm tal-Kremlin, bil-kompliċità silenzjuża tal-partiti politiċi tagħhom; billi għadhom jużaw l-influwenza tagħhom favur ir-Russja kemm fix-xena domestika tagħhom kif ukoll fix-xena politika Ewropea;
J. billi rapporti minn strumenti tal-media indipendenti fid-29 ta’ Jannar 2024 ippreżentaw evidenza konkreta li tiddikjara li l-Membru tal-PE Tatjana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tas-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB) tal-inqas mill-2004 sal-2017;
K. billi l-azzjonijiet tagħha ġew deskritti bħala li jinkludu l-promozzjoni tal-politika f’isem il-Federazzjoni Russa, permezz tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-ħidmiet interni tal-Parlament; billi r-rapport investigattiv jissuġġerixxi li l-Membru tal-PE kkonċernata talbet ħlas tal-anqas darba mingħand il-kontropartijiet tagħha biex tkopri l-ispejjeż tas-servizzi mogħtija;
L. billi dawn l-allegazzjonijiet jiddependu, fost affarijiet oħra, fuq dawk li huma deskritti bħala konverżazzjonijiet bl-email żvelati bejn il-Membru tal-PE kkonċernata u żewġ persuni li jittrattaw il-każijiet fil-Ħames Servizz tal-FSB, li jmorru lura sa mit-3 ta’ Ottubru 2005 ’l quddiem;
M. billi l-Membru tal-PE kkonċernata kienet magħrufa sew għall-pożizzjoni tagħha favur ir-Russja u t-tixrid konsistenti ta’ narrattivi kontra l-Latvja u kontra l-UE matul iż-żmien tagħha bħala Membru tal-PE, inkluża l-oppożizzjoni tagħha għall-eżistenza tal-Latvja bħala pajjiż sovran u r-rifjut tagħha li tikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; billi l-Membru tal-PE hija magħrufa wkoll li involviet ruħha f’imġiba politika problematika ħafna, fost affarijiet oħra, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fi żjara ta’ osservazzjoni ta’ referendum fil-Krimea okkupata mir-Russja fl-2014, żjara lid-dittatur Sirjan Bashar al-Assad fl-2016 u l-parteċipazzjoni tagħha fi trażmissjonijiet ta’ propaganda favur il-Kremlin fuq it-televiżjoni f’Moska; billi l-Membru tal-PE deliberatament tat l-impressjoni li dawn il-vjaġġi saru f’isem il-Parlament Ewropew jew l-UE; billi l-Membru tal-PE kkonċernata organizzat u ppromwoviet avvenimenti fil-Parlament Ewropew ma’ rappreżentanti favur il-Kremlin mir-reġjuni ta’ Donetska u Luhanska qabel l-annessjoni illegali tagħhom; billi l-attivitajiet tagħha allegatament ġew sponsorjati spiss minn gruppi paraventu ffinanzjati mill-Kremlin, bħall-Fondazzjoni Russkiy Mir; billi l-Membru tal-PE kkonċernata, flimkien ma’ Membri oħra tal-PE, organizzat avvenimenti pubbliċi u vvjaġġat lejn il-Litwanja biex turi b’appoġġ għal Algirdas Paleckis, ċittadin Litwan u eks diplomatiku u politiku li nstab ħati ta’ spjunaġġ għar-Russja;
N. billi rapporti tal-gazzetti għal żmien twil enfasizzaw il-kuntatti u r-relazzjonijiet personali mill-qrib bejn is-seċessjonisti fil-Katalonja, inklużi l-awtoritajiet tal-gvern tal-komunità awtonoma tal-Katalonja, u l-Kremlin; billi l-ġurnalisti investigattivi rrappurtaw li l-eks diplomatiku Russu Nikolai Sadovnikov iltaqa’ mal-eks mexxej separatista u issa Membru tal-Parlament Ewropew Carles Puigdemont f’Barċellona lejlet ir-referendum illegali tal-Katalonja f’Ottubru 2017; billi permezz tal-bini tagħha ta’ kuntatti u relazzjonijiet, ir-Russja għandha l-għan li tibni influwenza politika u ekonomika biex tiddestabbilizza d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti ta’ Istruzzjoni Nru 1 f’Barċellona, li hija responsabbli mill-investigazzjoni tal-każ Voloh, li torbot, fost oħrajn, l-eks President tal-Katalonja u lill-entourage tiegħu mar-Russja, reċentement estendiet l-investigazzjoni għal sitt xhur; billi r-rappreżentanti ta’ grupp ta’ seċessjonisti Katalani fi Spanja li żammew relazzjonijiet ma’ personalitajiet qrib il-Kremlin, inkluż il-Membru tal-PE kkonċernat, qed jitolbu amnestija għar-reati allegati tagħhom;
O. billi l-Membru tal-PE kkonċernata ġiet eskluża mill-grupp politiku tagħha u issa fil-Parlament hija membru mhux affiljat; billi l-Membru kkonċernata ġabret appoġġ minn xi Membri oħra tal-PE li l-pożizzjonijiet pubbliċi tagħhom dwar kwistjonijiet internazzjonali huma simili għal tagħha;
P. billi fid-dawl tar-rivelazzjonijiet, il-President tal-Parlament Ewropew ħabbret minnufih it-tnedija ta’ investigazzjoni interna, inkluż riferiment lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; billi l-investigazzjoni tinsab għaddejja bħalissa; billi l-penali possibbli skont ir-Regoli ta’ Proċedura jinkludu t-telf tad-dritt għall-indennizz tas-sussistenza ta’ kuljum, is-sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha tal-Parlament jew f’uħud minnhom u l-limitazzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata; billi s-servizz tas-sigurtà Latvjan ħabbar li se jinvestiga l-allegazzjonijiet;
Q. billi l-Membru tal-PE kkonċernata mhijiex l-uniku Membru tal-Parlament Ewropew li involva ruħu f’attivitajiet, inkluża l-parteċipazzjoni f’missjonijiet foloz ta’ osservazzjoni elettorali f’territorji okkupati mir-Russja li jistgħu jiġu mfixkla ma’ missjonijiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew; billi diversi Membri tal-PE ġew sanzjonati għal dan il-ksur skont il-proċedura tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet; billi dawn iż-żjarat seħħew sistematikament fir-Russja u f’territorji okkupati mir-Russja;
R. billi kien hemm każijiet irrapportati ta’ Membri tal-PE li użaw ir-riżorsi tal-Parlament biex jappoġġjaw u jippromwovu attivitajiet li huma marbuta direttament jew indirettament mal-każijiet ta’ ndħil barrani, pereżempju f’Diċembru 2022 meta l-kanal STV ta’ propaganda statali tal-Belarussja kiseb aċċess għall-bini tal-Parlament u għall-faċilità tal-video recording VoxBox fil-Parlament u, b’riżultat ta’ dan, il-bini tal-Parlament intuża minn diversi Membri tal-PE biex jinħoloq kontenut ta’ diżinformazzjoni favur il-Kremlin u kontra l-UE;
S. billi fl-2016, il-partit fil-Gvern tar-Russja, Jedinaja Rossija (Russja Magħquda), iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mal-partit Awstrijak tal-lemin estrem (FPÖ), fejn appella għal kooperazzjoni akbar bejn iż-żewġ partiti u rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b’saħħithom bejn Vjenna u Moska; billi dan il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza ta’ Membru tal-PE mill-FPÖ, li, minn dak iż-żmien ’l hawn appella ripetutament biex jiħfiefu s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u xerred diżinformazzjoni favur il-Kremlin;
T. billi l-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin kixef kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira, allegatament orkestrata mir-Russja, fuq il-pjattaforma X, li kienet magħrufa bħala Twitter, bl-għan li timmanipula l-opinjoni pubblika; billi strumenti rispettabbli tal-media Ġermaniża esponew il-fatt li impjegat ta’ membru tal-Bundestag Ġermaniż li jagħmel parti mill-partit Alternative für Deutschland (AfD) ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB;
U. billi għal għadd ta’ snin, xi Membri tal-PE rreklutaw u impjegaw ċittadini Russi li jappoġġjaw ir-reġim ta’ Putin bħala trainees, assistenti parlamentari akkreditati u konsulenti ta’ gruppi u ma waqfux jagħmlu dan anke wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi fl-2018 u fl-2019, Elizaveta Peskova, bint Dmitry Peskov, il-portavuċi ta’ Vladimir Putin, kienet qed taħdem bħala trainee ma’ Membru tal-PE;
V. billi wara r-rivelazzjonijiet tal-Qatargate, f’Settembru 2023, il-Parlament aġġorna u saħħaħ b’mod sinifikanti l-qafas ta’ integrità interna tiegħu, fost affarijiet oħra, permezz ta’ reviżjoni fil-fond tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE u d-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Bureau;
W. billi l-2024 hija sena elettorali kruċjali u għandhom isiru diversi elezzjonijiet presidenzjali, nazzjonali, lokali u reġjonali fl-Istati Membri, minbarra l-elezzjonijiet Ewropej ippjanati bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024; billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 x’aktarx li se jkunu mira speċjali għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u tal-UE;
1. Jesprimi r-rabja sħiħa u t-tħassib serju tiegħu dwar l-isforzi kontinwi mir-Russja biex tikkomprometti d-demokrazija Ewropea; jinsab ixxukkjat bir-rapporti kredibbli li jixħtu dawl fuq l-isforzi tar-Russja biex ixxewwex il-firda bejn iċ-ċittadini Ewropej billi tirrekluta lill-Membri tal-PE bħala aġenti ta’ influwenza, kif ukoll bl-isforzi tagħha biex sistematikament toħloq sistema ta’ dipendenzi permezz tal-partiti politiċi Ewropej li mbagħad jaġixxu bħala amplifikaturi tal-propaganda tal-Kremlin u jaqdu l-interessi tiegħu; ifakkar li, billi ssegwi strateġija fit-tul ta’ ndħil barrani, ir-Russja qed tipprova tikkomprometti u fl-aħħar mill-aħħar teqred id-demokrazija fl-Ewropa; jindika l-isforzi ta’ Putin biex iżarma kompletament kwalunkwe forma ta’ demokrazija fir-Russja u jissottolinja li dan irid ikun sinjal ta’ twissija biex ħadd ma jkun indifferenti għall-għanijiet fit-tul ta’ Putin u għaldaqstant dawn it-tentattivi ta’ ndħil Russu jridu jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ gravità estrema; jisħaq li għal dan it-tip ta’ tattiki jrid ikun hemm il-konsegwenzi; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw u jirfinaw il-pakketti ta’ sanzjonijiet adottati kontra l-Federazzjoni Russa u biex jagħlqu l-lakuni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi attwalment fis-seħħ;
2. Jikkundanna b’mod inekwivoku l-isforzi kontinwi tar-Russja biex tabbuża u tiffalsifika t-tifkira storika tal-perjodi l-aktar traġiċi tal-Ewropa, inklużi l-konsegwenzi tal-Patt Molotov-Ribbentrop u t-terrur sussegwenti għat-territorji invaduti mill-Ġermanja Nazista u mir-Russja komunista, sabiex tipprova tiġġustifika l-aggressjoni brutali, illegali u inumana attwali tagħha u l-politika espansjonista tagħha;
3. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti li l-Membru tal-PE Tatiana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tal-FSB filwaqt li kienet ukoll qed taqdi l-mandat tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew; jisħaq li informatur tal-FSB li jkollu aċċess għall-benefiċċji u għall-informazzjoni bħala Membru tal-Parlament Ewropew ikun theddida serja għas-sigurtà u d-demokrazija tal-Unjoni tagħna; jisħaq li huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew, kif ukoll l-awtoritajiet Latvjani, jinvestigaw din il-kwistjoni bir-reqqa sabiex jiddeterminaw, mingħajr dewmien, is-sanzjonijiet u l-proċedimenti kriminali xierqa;
4. Jisħaq li l-Membru tal-PE kkonċernata ġiet eskluża mill-grupp politiku tagħha għal raġunijiet relatati mal-pożizzjonijiet tagħha dwar ir-Russja u l-Ukrajna u issa mhijiex affiljata; jissottolinja li l-maġġoranza l-kbira tal-Membri tal-PE mhumiex tal-istess fehma tagħha u kkundannaw bl-akbar qawwa l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja, l-użu tagħha ta’ tattiki ta’ gwerra ibrida kontra d-demokrazija Ewropea u għażliet ta’ politika aggressivi u antidemokratiċi oħra f’dawn l-aħħar snin; jinnota, madankollu, li għadd żgħir ta’ Membri tal-PE pparteċipaw f’azzjonijiet b’mod konġunt mal-Membru tal-PE kkonċernata, filwaqt li esprimew fehmiet simili u appoġġjaw b’mod ċar lir-Russja;
5. Jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-awtoritajiet Latvjani kif ukoll jikkoopera magħhom fl-investigazzjoni tagħhom dwar l-imġiba tal-Membru tal-PE kkonċernata; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw jekk il-Membru tal-PE kkonċernata hijiex soġġetta għall-prosekuzzjoni skont il-liġi kriminali nazzjonali u jibqa’ lest biex jipprovdi l-appoġġ u l-kooperazzjoni sħaħ tiegħu għal dan;
6. Jilqa’ r-riferiment tal-Membru tal-PE kkonċernata lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; jimpenja ruħu li jinforza bis-sħiħ il-qafas ta’ sanzjonijiet interni applikabbli tiegħu; jinnota li l-fatti allegati ġraw qabel l-adozzjoni reċenti tar-riforma tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; iqis li r-regoli waħedhom ma kinux se jipprevjenu l-allegata mġiba kundannabbli tal-Membru tal-PE; jibqa’ lest, madankollu, li jevalwa u jirfina aktar il-funzjonament u s-sanzjonar tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament, li ssaħħaħ wara l-Qatargate;
7. Jappoġġja l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-proċess ġust, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; itenni li l-għażliet politiċi ma jistgħux jiġu kriminalizzati u li l-Membri tal-PE ma għandhomx jiffaċċjaw aktar restrizzjonijiet fuq l-espressjoni tal-opinjonijiet tagħhom meta jeżerċitaw il-mandat leġittimu tagħhom;
8. Jindika każijiet oħra ta’ Membri tal-PE li konxjament jaqdu l-interessi tar-Russja; jissottolinja li l-attivitajiet ta’ dawn il-Membri tal-PE qed jikkompromettu s-sigurtà, il-kredibbiltà u r-reżiljenza demokratika tal-UE; jesprimi tħassib serju dwar ir-rabtiet li l-Membru tal-PE kkonċernata seta’ kellha ma’ Membri oħra tal-PE u jiddenunzja bil-qawwa kwalunkwe tentattiv intern ikkoordinat biex tiġi avvanzata l-aġenda politika tal-Kremlin fil-Parlament; iqis li huwa essenzjali li titwettaq minnufih investigazzjoni interna bir-reqqa sabiex jiġu vvalutati l-każijiet kollha possibbli ta’ ndħil barrani mir-Russja u ta’ tipi oħra ta’ ndħil malizzjuż fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;
9. Jesprimi tħassib partikolari dwar rapporti reċenti li l-awtoritajiet Russi qed jipprovdu narrattivi speċifiċi lil partiti politiċi u atturi tal-lemin estrem f’pajjiżi differenti tal-UE, b’mod partikolari fil-Ġermanja u fi Franza, bl-għan li jimminaw l-appoġġ pubbliku għall-Ukrajna, wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-2022; jisħaq fuq is-serjetà tal-konnessjonijiet tar-Russja ma’ partiti u politiċi fl-Unjoni u l-indħil estensiv tagħha fil-movimenti seċessjonisti fit-territorji Ewropej, bħal fil-Katalonja;
10. Itenni r-rabja tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet regolari ta’ finanzjament Russu fuq skala kbira ta’ partiti politiċi, politiċi, uffiċjali u movimenti f’diversi pajjiżi demokratiċi bħala tentattiv ta’ ndħil u biex tinkiseb l-influwenza fil-proċessi domestiċi tagħhom; jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jipprojbixxu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-donazzjonijiet barranin lill-partiti politiċi u lill-kandidati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konnessjonijiet tar-Russja ma’ diversi partiti politiċi u ma’ politiċi fl-UE; ifakkar li anke f’każijiet fejn il-liġi tillimita s-sorsi ta’ finanzjament politiku, l-atturi Russi sabu modi kif jaħarbu minnha u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom billi ħadu self mingħand banek barranin (bħal fil-każ tal-partit National Front fl-2016), fejn ipprovdew ftehimiet ta’ xiri u kummerċjali (bħal fl-allegazzjonijiet irrapportati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-partit FPÖ u minn Buzzfeed u L’Espresso fl-10 ta’ Lulju 2019 dwar il-Lega per Salvini Premier), u ffaċilitaw attivitajiet finanzjarji (kif irrapportat mill-istampa Brittanika dwar il-kampanja Leave.eu);
11. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-relazzjonijiet allegati bejn is-seċessjonisti Katalani u l-amministrazzjoni Russa; jinnota li l-indħil Russu fil-Katalonja, jekk jiġi kkonfermat, ikun parti minn strateġija usa’ tar-Russja biex tippromwovi d-destabbilizzazzjoni interna u n-nuqqas ta’ għaqda fl-UE; jesprimi tħassib serju dwar il-kampanji ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira li r-Russja segwiet fil-Katalonja, kif ukoll il-kuntatti intensi u l-għadd ta’ laqgħat allegati bejn l-aġenti responsabbli għall-indħil Russu mal-moviment favur l-indipendenza u mal-gvern reġjonali tal-komunità awtonoma tal-Katalonja; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jinvestigaw b’mod effettiv il-konnessjonijiet tal-Membri tal-PE allegatament assoċjati mal-Kremlin u t-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni u ndħil tar-Russja fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jiddeplora l-attakki kollha fuq l-imħallfin li qed jinvestigaw kwalunkwe attività ta’ ndħil; jappella biex il-każijiet tal-Membri tal-PE Katalani kkonċernati jiġu riferuti lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-inċident reċenti fis-Slovakkja, fejn is-Servizz tal-Intelligence Barranija Russu, f’mossa provokattiva, ħareġ bi stqarrija matul il-moratorju ta’ qabel l-elezzjoni fejn xeħet dubju fuq l-integrità tal-proċess elettorali tar-Repubblika Slovakka; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol viżibbli u dirett tad-diplomazija Russa fil-ħajja pubblika u politika Slovakka sa mill-elezzjonijiet parlamentari f’Settembru 2023;
13. Jikkundanna bil-qawwa l-kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira esposta mill-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, allegatament orkestrata mir-Russja fuq il-pjattaforma X, bl-intenzjoni li timmanipula l-opinjoni pubblika fil-Ġermanja;
14. Jinnota bi tħassib li X waqfet issegwi l-Kodiċi ta’ Prattika volontarju dwar id-Diżinformazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-firxa tad-diżinformazzjoni u tal-kontenut illegali fuq il-pjattaforma;
15. Itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li n-natura eċċezzjonali tal-indħil barrani Russu teżiġi sforzi speċjali mill-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, biex dan it-theddid speċifiku jiġi identifikat, indirizzat u jingħeleb;
16. Jikkundanna bil-qawwa r-rivelazzjoni allarmanti żvelata minn strumenti rispettabbli tal-media Ġermaniża li tesponi l-fatt li impjegat affiljat mal-partit tal-AfD u assoċjat ma’ membru tal-Bundestag Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB, liema rivelazzjoni qajmet tħassib serju dwar l-influwenza barranija potenzjali fi ħdan ix-xenarju tal-politika Ġermaniża;
17. Ifakkar li l-indħil barrani huwa theddida sistemika li trid tiġi miġġielda b’mod vigoruż; jenfasizza li l-gwerra ibrida u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin mhumiex biss kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà, iżda fil-fatt jheddu l-bażi nfisha tad-demokraziji tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ trażversali permanenti għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin b’mod aktar effettiv; iqis li l-indħil elettorali fi Stat Membru wieħed jaffettwa lill-UE kollha kemm hi, peress li jista’ jkollu impatt fuq il-kompożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jindirizzaw dan it-theddid billi jaħdmu b’mod iżolat, u lanqas l-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat ma tista’ ssolvi dan kollu; jilqa’ l-ħidma li saret mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fit-tieni Rapport tiegħu dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Ndħil minn Barranin li ġie ppubblikat fit-23 ta’ Jannar 2024 u jirrakkomanda kooperazzjoni aktar mil-qrib man-NATO f’dan il-qasam; jibqa’ determinat li jsegwi l-isforzi tiegħu biex jiġġieled l-indħil barrani fl-UE fis-snin li ġejjin, fost affarijiet oħra, permezz ta’ korp parlamentari ddedikat;
18. Jibqa’ sod fl-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jittejbu u jiġu infurzati r-regoli li jipproteġu l-integrità ta’ din l-istituzzjoni bħala pilastru tad-demokrazija Ewropea; iqis li l-allegazzjonijiet rigward il-Membru tal-PE kkonċernata jissottolinjaw il-ħtieġa ta’ kultura ta’ sigurtà msaħħa fi ħdan il-Parlament Ewropew; jappella li jingħata l-ogħla livell ta’ attenzjoni politika u amministrattiva lir-rakkomandazzjonijiet għar-riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2023 u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri proposti, inkluż taħriġ obbligatorju u regolari dwar is-sigurtà u l-integrità għall-Membri tal-PE u l-persunal, awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa u skrinjar imsaħħaħ tal-persunal, b’mod partikolari dawk li jattendu laqgħat bil-magħluq; jappella għal skrutinju aktar strett tal-organizzazzjoni tal-eventi, kif ukoll meta mistednin esterni jiġu mistiedna l-Parlament u fir-rigward tal-aċċess għall-pjattaformi ta’ komunikazzjoni tal-Parlament; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jsegwu l-proċeduri u perjodu ta’ żmien komuni kull meta jintalbu jagħtu awtorizzazzjoni ta’ sigurtà lill-Membri tal-PE u lill-persunal tal-Parlament, kif ukoll għal kwalunkwe skrinjar ta’ sigurtà relatat mal-istituzzjonijiet tal-UE; huwa tal-opinjoni soda li r-riżorsi tal-Parlament, bħall-isponsorjar ta’ eventi u vjaġġi, l-għoti ta’ aċċess għal video recording studios u pjattaformi oħra ta’ komunikazzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti ta’ komunikazzjoni tal-gruppi politiċi jew tal-Membri tal-PE, ma jridux jintużaw biex jikkompromettu l-valuri tal-UE jew għall-finijiet tat-tixrid ta’ informazzjoni ostili minn reġimi awtoritarji; itenni l-appell tiegħu għal regoli aktar stretti għal vjaġġi li jsiru minn Membri tal-PE li jitħallsu minn pajjiżi u entitajiet barranin; jemmen li għandhom jitfasslu regoli simili għall-vjaġġi li jsiru mill-assistenti parlamentari akkreditati jew mill-persunal tal-gruppi politiċi;
19. Itenni l-impenn qawwi tiegħu li jkompli jwettaq riformi serji u konkreti fil-Parlament Ewropew sabiex juri tolleranza żero għall-korruzzjoni u għall-indħil barrani ta’ korruzzjoni u biex jipproteġi d-demokrazija Ewropea;
20. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment ta’ korp tal-etika indipendenti mill-aktar fis possibbli, f’konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jżidu l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment ta’ dan il-korp;
21. Jistieden lis-Segretarjat tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jipprojbixxi lil kwalunkwe entità b’relazzjonijiet diretti jew indiretti mal-Gvern tar-Russja, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 dwar miżuri restrittivi(10);
22. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jimplimentaw il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija sabiex jieħdu azzjoni b’mod urġenti u jagħlqu l-ħafna lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-finanzjament tal-partiti, isibu skema regolatorja obbligatorja għall-pjattaformi l-kbar u jżidu d-difiża ċibernetika tal-UE kontra attakki possibbli fuq is-sistema elettorali tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu investimenti sinifikanti u dejjiema fit-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika tagħna u tal-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ counter-intelligence tal-UE; jissottolinja li investigazzjonijiet kriminali dwar akkużi ta’ spjunaġġ huma fil-kompetenza tal-Istati Membri; jenfasizza li, fi kważi l-Istati Membri kollha, ġew skoperti networks ta’ spjunaġġ Russi; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi u l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż biex jinnewtralizzaw it-tentattivi biex tinkiseb teknoloġija sensittiva mill-kumpaniji tal-UE biex jalimentaw il-kapaċitajiet militari tar-Russja; jilqa’ l-fatt li diversi pajjiżi tal-UE waqqfu kumitati investigattivi speċjali ddedikati għall-ġlieda kontra l-influwenza Russa;
23. Jikkundanna t-tipi kollha ta’ elite capture u t-teknika ta’ koopzjoni ta’ impjegati taċ-ċivil tal-ogħla livell u eks politiċi tal-UE, fost oħrajn, billi jiġu pprovduti b’impjiegi li jħallu qligħ tajjeb f’kumpaniji marbuta ma’ gvernijiet involuti b’mod attiv f’azzjonijiet ta’ ndħil kontra l-UE; jappella biex il-Membri tal-PE jiġu pprojbiti milli jwettqu impjiegi sekondarji mħallsa jew attivitajiet f’isem organizzazzjonijiet jew individwi inklużi fir-Reġistru tat-Trasparenza, jew f’isem pajjiżi mhux tal-UE, sabiex jiġu limitati l-kunflitti ta’ interess potenzjali u l-indħil barrani;
24. Jinnota li l-liġijiet huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-imġiba kriminali iżda ma jistgħux, waħedhom, jipprevjenu azzjonijiet kriminali u mhux etiċi minn Membri individwali tal-PE; jissottolinja li l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew iġorru ċerta responsabbiltà li jimmonitorjaw l-azzjonijiet tal-Membri tagħhom, u għalhekk ifakkar lill-gruppi kollha jaġixxu f’każ li jsiru konxji ta’ kwalunkwe mġiba li tqajjem dubji dwar l-integrità ta’ kwalunkwe membru mill-Membri tagħhom; jistieden lill-Membri kollha tal-PE u lill-gruppi kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti f’dan il-kuntest;
25. Jemmen li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma fil-qalba tal-proċess demokratiku u jħeġġeġ għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiżguraw li r-rieda tan-nies biss isservi bħala l-bażi tal-awtorità ta’ gvern, mingħajr indħil barrani minn atturi malinni, b’enfasi partikolari fuq it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw strateġiji ta’ reżiljenza għall-elezzjonijiet u jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi ta’ monitoraġġ permanenti u tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħhom ferm qabel l-elezzjonijiet, ir-referenda u proċessi politiċi importanti oħra madwar l-Ewropa;
26. Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-iżvelar tat-tentattivi ta’ ndħil barrani u attivitajiet li jsiru bil-moħbi; itenni l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament suffiċjenti u sostenibbli għall-ġurnaliżmu investigattiv;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/884 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 153, 3.6.2022, p. 128).