Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2229(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0031/2024

Testi mressqa :

A9-0031/2024

Dibattiti :

PV 28/02/2024 - 13
CRE 28/02/2024 - 13

Votazzjonijiet :

PV 28/02/2024 - 17.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2024)0107

Testi adottati
PDF 182kWORD 61k
L-Erbgħa, 28 ta' Frar 2024 - Strasburgu
L-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2023
P9_TA(2024)0107A9-0031/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Frar 2024 dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2023 (2023/2229(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tat-Trattati dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 41 sa 43 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-BEI tas-7 ta’ Ottubru 2016 li tesprimi l-approvazzjoni tar-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-Evalwazzjoni tal-Operazzjonijiet tal-BEI tal-2022 u l-Programm ta’ Ħidma 2023-2025, ippubblikati fit-3 ta’ Marzu 2023,

–  wara li kkunsidra l-Proċeduri tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-Grupp tal-BEI, ippubblikati fit-13 ta’ Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI intitolata “EIB energy lending policy” (politika tal-BEI dwar is-self fis-settur tal-enerġija), ippubblikata fit-8 ta’ Mejju 2023,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku 2021-2025 tal-Grupp tal-BEI, adottat mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fil-11 ta’ Novembru 2020, u l-istrateġija klimatika tal-BEI tal-15 ta’ Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali 2023-2025 tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fit-2 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2022/2023 intitolat “Resilience and renewal in Europe” (Reżiljenza u tiġdid fl-Ewropa) ippubblikat fit-28 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ attività 2022 tal-Grupp tal-BEI intitolat “Secure Europe” (Ewropa Sigura), ippubblikat fit-2 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra l-ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali 2023 tal-BEI, ippubblikata fit-2 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Ambjentali tal-BEI ippubblikat fl-14 ta’ Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2022 tal-Grupp tal-BEI dwar il-Governanza Korporattiva, ippubblikat fit-8 ta’ Settembru 2023,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tad-29 ta’ Novembru 2023 intitolata “EIB Global Strategic Roadmap: EU Finance for a Sustainable Future” (Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-BEI Globali: Finanzjament tal-UE għal Futur Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra l-approċċ tal-BEI Globali għal tranżizzjoni ġusta u reżiljenza ġusta, ippubblikat fis-27 ta’ Novembru 2023,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Divulgazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riskju 2022 tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2023,

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima 2022-2023,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali tal-Grupp tal-BEI intitolat “The EIB Group Environmental and Social Policy” (Il-Politika Ambjentali u Soċjali tal-Grupp tal-BEI) adottat fit-2 ta’ Frar 2022,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tal-10 ta’ Frar 2023 intitolata “EIB Global – partnership, people, impact” (BEI Globali – sħubija, persuni, impatt),

–  wara li kkunsidra l-approċċ tal-BEI fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, ippubblikat fis-6 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI tad-29 ta’ Ġunju 2023 intitolat “EIB Group activities in EU cohesion regions 2022” (L-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI fir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-UE 2022),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Grupp tal-BEI dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-ġeneru,

–  wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ kondotta għall-persunal tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fit-3 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ kondotta tal-Kumitat tal-Verifika tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fit-30 ta’ Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ kondotta tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fl-14 ta’ Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tas-27 ta’ Novembru 2023 intitolata “EIB Group PATH Framework – Version 1.2 November  2023 – Supporting counterparties on their pathways to align with the Paris Agreement” (Il-Qafas PATH tal-Grupp tal-BEI – Verżjoni 1.2 ta’ Novembru 2023 – Appoġġ lill-kontropartijiet fil-perkorsi tagħhom biex jallinjaw ruħhom mal-Ftehim ta’ Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett ta’ Solidarjetà tal-BEI għall-Ukrajna, approvat mill-Bord tal-BEI fl-4 ta’ Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna” (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 intitolata “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, (COM(2021)0400),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2023 intitolata “Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti” (COM(2023)0062),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta(2),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment, li daħal fis-seħħ f’Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew tat-22 ta’ Lulju 2016 lill-President tal-BEI dwar kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u t-tweġiba tal-President tal-BEI tal-31 ta’ Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew maħruġa fl-20 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża 2252/2022/OAM,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew maħruġa fil-21 ta’ April 2022 fil-Kawża 1251/2020/PB,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew maħruġa fis-27 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża 1016/2021/KR,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0031/2024),

A.  billi l-Grupp tal-BEI jikkonsisti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u huwa l-akbar istituzzjoni finanzjarja multilaterali fid-dinja u wieħed mill-akbar fornituri ta’ finanzjament għall-klima, li jopera fis-swieq kapitali internazzjonali u li joffri termini kompetittivi lill-klijenti u kundizzjonijiet favorevoli biex jiġu appoġġjati l-politiki u l-proġetti tal-UE kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra minnha;

B.  billi skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, il-BEI għandu l-kompitu li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-UE;

C.  billi sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, huma meħtieġa investimenti ta’ EUR 1 triljun fis-sena fl-UE; billi l-BEI jista’ jgħin biex inaqqas id-distakk bl-inklużjoni ta’ kapital privat;

D.  billi mill-2021 sal-2027, il-garanzija ta’ EUR 26,2 biljun ta’ InvestEU, bi proviżjonament mill-qafas finanzjarju multiannwali u min-NextGenerationEU, mistennija timmobilizza aktar minn EUR 372 biljun f’investiment privat u pubbliku addizzjonali fl-Ewropa, prinċipalment għall-infrastruttura sostenibbli, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u l-investiment u l-ħiliet soċjali;

Ħarsa ġenerali lejn il-politiki u l-operazzjonijiet

1.  Itenni r-rwol importanti li għandu l-BEI bħala l-bank pubbliku tal-UE u bħala l-unika istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li tappartjeni kompletament lill-Istati Membri, iggwidata kompletament mill-politiki tal-UE u soġġetta għall-istandards legali tal-UE bil-għan li tappoġġja l-irkupru soċjali u ekonomiku u timmira l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni;

2.  Japprezza l-fatt li l-BEI dejjem lest li jadatta u jirrivitalizza lilu nnifsu f’konformità mal-bidliet fir-rekwiżiti tal-politika tal-UE, filwaqt li jirrispetta l-għanijiet fit-tul tiegħu;

3.  Itenni t-talba tiegħu għal żieda fil-kapital sabiex il-BEI ikun jista’ jipprovdi aktar appoġġ finanzjarju ripagabbli fit-tul u strumenti innovattivi; jinnota li dan huwa meħtieġ għal tkabbir sostenibbli inklużiv u ġust li jappoġġja investimenti ewlenin fl-ekonomija reali li altrimenti ma jsirux u li għandhom il-potenzjal li jimmassimizzaw il-kisbiet fl-innovazzjoni f’oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE bħad-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika; jinnota li dawn l-investimenti għandhom jgħinu biex jiġu mitigati r-restrizzjonijiet fuq il-kompetittività bħal prezzijiet għoljin tal-enerġija, diskrepanzi fil-ħiliet u investimenti insuffiċjenti fl-innovazzjoni u f’teknoloġiji ġodda, u jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jistenna li l-BEI jiżgura li l-finanzjament tiegħu jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u jevita l-effetti ta’ esklużjoni u li jwassal għal impatti li jistgħu jitkejlu, mingħajr ma jikkomprometti l-attraenza ġenerali tal-offerta finanzjarja tiegħu;

4.  Jisħaq li l-BEI jeħtieġlu jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tiegħu u jżomm il-fiduċja sħiħa tas-swieq kapitali fl-attivitajiet tiegħu;

5.  Jinnota li l-finanzjament tal-BEI għandu rwol dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi sinifikanti li jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19 segwita mill-invażjoni tal-Ukrajna, b’mod partikolari l-inflazzjoni, ir-rati tal-imgħax għoljin u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi; jinnota wkoll ir-rwol akbar li għandu l-finanzjament tal-BEI fil-kuntest ta’ perspettiva ekonomika diffiċli u żieda fil-kompetizzjoni globali, li wkoll għandhom impatt fuq il-proġetti li għaddejjin;

6.  Jemmen li l-BEI jista’ jagħmel aktar biex itejjeb il-bilanċ settorjali u biex jadatta ruħu għad-diversità reġjonali tal-UE sabiex iżid l-attraenza tal-fondi tiegħu; jistieden lill-BEI jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi li jipprevjenu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-attivitajiet finanzjarji tiegħu, filwaqt li jirrispettaw in-natura xprunata mid-domanda tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament fil-qafas tal-InvestEU hijiex ibbilanċjata, speċjalment fir-rigward ta’ Stati Membri iżgħar;

7.  Jistieden lill-BEI jappoġġja proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u li jsaħħu l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi f’konformità mal-istandards ambjentali u soċjali; jistieden lill-BEI jespandi r-rwol tiegħu fil-valutazzjoni u fl-indirizzar tad-diskrepanzi fl-investiment fl-infrastruttura u l-protezzjoni soċjali, bħall-akkomodazzjoni soċjali affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-kura tas-saħħa pubblika, l-utilitajiet, it-trasport pubbliku, it-trasport sostenibbli, il-kultura u l-edukazzjoni, filwaqt li jiżgura l-addizzjonalità u l-komplementarjetà ma’ fondi pubbliċi oħra u ma’ mutwanti kummerċjali; jistieden lill-BEI jżid il-ponderazzjoni tal-benefiċċji soċjali fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti sabiex jipprovdi soluzzjonijiet affordabbli fit-tul, fil-kuntest ta’ kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-isfidi għall-familji fl-Unjoni Ewropea li ġejjin mill-perspettiva ekonomika ġenerali; jitlob lill-BEI jsaħħaħ it-teħid tar-riskju għal proġetti li jipprovdu servizzi essenzjali b’benefiċċji fit-tul ċari u li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-BEI jagħti prijorità finanzjarja lill-proġetti li jinvolvu persuni vulnerabbli jew emarġinati, speċjalment żgħażagħ, u proġetti mmexxija miċ-ċittadini, kull meta jkun possibbli;

Il-bank klimatiku tal-UE: azzjoni klimatika u objettivi ta’ sostenibbiltà ambjentali

8.  Jieħu nota tas-sejbiet fir-rapport ta’ investiment tal-BEI 2022/2023 bit-titolu “Resilience and renewal in Europe” (Reżiljenza u tiġdid fl-Ewropa), li janalizza l-investiment fl-azzjoni klimatika madwar l-UE u d-diskrepanzi fl-investiment f’diversi setturi; jieħu wkoll nota tal-Pjan Operazzjonali 2023-2025 tal-Grupp tal-BEI li jikkonferma l-allinjament tal-BEI mal-prijoritajiet politiċi tal-UE u l-impenn tiegħu li jżid l-ambizzjoni tiegħu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodu għall-valutazzjoni tad-diskrepanza fil-finanzjament ekoloġiku fl-UE u biex tivvaluta r-rwol potenzjali tal-BEI fit-tnaqqis ta’ din id-diskrepanza fil-finanzjament;

9.  Ifakkar li l-BEI huwa l-akbar emittent ta’ bonds ekoloġiċi f’diversi muniti fid-dinja; jirrimarka li żieda fil-proporzjon ta’ bonds iddenominati f’euro tkompli ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro;

10.  Ifakkar li t-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun inklużiva u ġusta, li l-investimenti ekoloġiċi jridu jkunu vijabbli u jistenna li l-BEI, għalhekk, jimmobilizza s-self, l-istrumenti finanzjarji, l-assistenza teknika u s-servizzi konsultattivi tiegħu biex jappoġġja liċ-ċittadini u lin-negozji li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-isforzi tagħhom biex jiksbu newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2025; jistieden lill-BEI jappoġġja proġetti li jagħtu aċċess affordabbli għal enerġija rinnovabbli, akkomodazzjoni u servizzi pubbliċi, inizjattivi mmexxija mill-komunità u proġetti żgħar b’enfażi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku bħala prijorità;

11.  Jilqa’ l-fatt li l-BEI diġà laħaq il-mira tiegħu li jiddedika mill-inqas nofs ir-riżorsi tiegħu għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali u li jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu li jappoġġja EUR 1 triljun f’investimenti ekoloġiċi sal-2030; jistenna li r-rieżami tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku fl-2024 iġib lill-BEI f’konformità sħiħa mal-perkors ta’ 1,5 gradi u mal-mira tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jiżgura tranżizzjoni ġusta għal kulħadd; jemmen li l-punt ta’ riferiment għandu jkun l-aktar prattiki bankarji pubbliċi ambizzjużi; itenni l-appell tiegħu li tiġi inkluża valutazzjoni soda ta’ alternattivi b’intensità anqas qawwija ta’ karbonju u tal-emissjonijiet tal-“ambitu 3” għal kull proġett;

12.  Jilqa’ l-Allinjament ta’ Pariġi tal-kontropartijiet (PATH) u jistenna l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu kemm fir-rigward tal-massimizzazzjoni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet kif ukoll fir-rigward tat-tisħiħ tar-reżiljenza għall-klima; jieħu nota tar-rispons tal-BEI għas-sitwazzjoni tal-enerġija ta’ emerġenza fl-UE billi jadatta l-PATH; jistenna li l-eżenzjonijiet mogħtija fl-ambitu tal-qafas PATH b’appoġġ għar-REPowerEU jkunu eċċezzjonali, temporanji u kompletament iġġustifikati sabiex tkun tista’ titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u tintemm id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, inkluż mir-Russja; jilqa’, f’dan il-kuntest, iż-żieda fl-appoġġ tal-BEI għal REPowerEU b’EUR 45 biljun f’self u finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għal proġetti fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, il-grilji u l-ħżin, l-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji matul is-snin li ġejjin;

13.  Ifakkar li l-klijenti korporattivi kollha tal-finanzjament tal-BEI huma kuntrattwalment mitluba li joħolqu u jippubblikaw strateġija kredibbli tal-allinjament ta’ Pariġi (“pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni”), li tinkludi miri ta’ tnaqqis kwantitattivi li jevolvu tal-emissjonijiet ta’ nofs it-terminu u għażliet fuq perjodu ta’ żmien itwal sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jistenna li l-BEI jevalwa b’mod sistematiku l-kredibbiltà ta’ dawn il-pjanijiet, billi japplika kriterji ta’ dekarbonizzazzjoni kompatibbli mal-mira ta’ 1,5 gradi qabel ma jiffirma kwalunkwe impenn finanzjarju ġdid; itenni l-appell tiegħu biex il-BEI jaħdem biss ma’ intermedjarji finanzjarji li għandhom pjan ta’ dekarbonizzazzjoni kredibbli, inklużi miri għal żmien qasir li huma kompatibbli mal-perkors ta’ 1,5 gradi u li se jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-2025; jisħaq li tali rekwiżiti ġodda ma jridux ikunu għad-detriment tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament;

14.  Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li kellu l-BEI biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni ġusta; jistieden lill-BEI jnaqqas l-ammont minimu ta’ self għal proġetti individwali jew skemi ta’ self li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ġusta; iħeġġeġ lill-BEI jintensifika l-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u reġjonali biex jipprovdi finanzjament immirat; jistieden lill-BEI jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’dan il-kuntest; jilqa’ l-involviment tal-BEI fil-Mekkaniżmu tal-UE għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex jindirizza l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti u biex jiġġenera opportunitajiet ġodda għal żvilupp sostenibbli f’reġjuni eliġibbli;

15.  Jistieden lill-BEI jadatta l-attivitajiet tiegħu ta’ tneħħija tar-riskji sabiex jidderieġi l-finanzjament privat lejn proġetti li għandhom livell għoli ta’ addizzjonalità u jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ġusta, mingħajr ma jipperikolaw il-vijabbiltà kummerċjali tal-portafoll tiegħu; jistieden lill-BEI jitgħallem mill-implimentazzjoni ta’ prodotti bħall-fondi għall-klima u l-infrastruttura, inkluża r-rilevanza tal-ekwità intermedjata u l-ħtieġa li jittejbu l-proporzjonijiet tar-riskju u l-gwadanji fi proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika fuq skala iżgħar;

16.  Jilqa’ l-investiment fuq skala akbar fl-idroġenu; jinsisti li r-rwol tal-idroġenu huwa li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika billi jnaqqas l-emissjonijiet minn setturi industrijali diffiċli sabiex jitrażżnu; jistenna li tiġi żgurata l-addizzjonalità sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni tar-riżorsi mill-elettriku rinnovabbli eżistenti skont l-att delegat rilevanti(3); jinsab imħasseb dwar l-impatt potenzjali tal-proġetti tal-idroġenu fuq il-provvista tal-ilma f’ċerti reġjuni kif ukoll fuq il-bijodiversità; jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-għarfien espert konsultattiv tiegħu għall-ekosistema u s-suq tal-idroġenu tal-UE;

17.  Jissottolinja li l-politika ambjentali u soċjali tal-BEI ssaħħaħ l-impenn għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-proġetti ffinanzjati ma jikkawżaw l-ebda ħsara sinifikanti lill-bijodiversità u lill-ekosistemi; jilqa’ l-bidla minn “ebda telf nett” għal “ebda telf” tal-bijodiversità; jirsisti għall-applikazzjoni sħiħa tal-politika ambjentali u soċjali tal-BEI, b’mod partikolari fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ lill-BEI jallinja bis-sħiħ il-politika ambjentali u soċjali tiegħu mal-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020;

18.  Jilqa’ l-ewwel prinċipji komuni għal finanzjament pożittiv għan-natura ppubblikati mill-BEI flimkien ma’ Banek Multilaterali tal-Iżvilupp oħra fil-COP28; jistenna li l-BEI jkompli jinvolvi ruħu b’mod aktar attiv f’investimenti pożittivi għan-natura u li jsaħħu l-bijodiversità u f’setturi bl-akbar kobenefiċċji tal-bijodiversità, bħall-ġestjoni tal-ilma, is-sanitazzjoni, il-forestrija u l-oċean, bl-ogħla livell ta’ integrità u ta’ assigurazzjonijiet speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u bl-integrazzjoni tat-tagħlimiet meħuda mill-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali; jistenna li l-BEI jżid il-finanzjament għal soluzzjonijiet għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-plastik;

19.  Jistenna sforzi msaħħa biex in-natura tiġi integrata fl-analiżijiet u l-operazzjonijiet li jivvalutaw ir-riskju finanzjarju tat-telf tal-bijodiversità fil-livell tal-kontroparti; jistenna li elementi pożittivi għan-natura jkunu sistematikament inkorporati fi proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira, speċjalment għal investimenti urbani; iwissi kontra proġetti li jikkontribwixxu għal objettivi klimatiċi li jwasslu għall-qerda tal-bijodiversità;

20.  Jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin bħalissa għat-tpartit tad-dejn għan-natura; jinsab imħasseb dwar l-adegwatezza tal-iżvilupp u l-konservazzjoni ta’ dan it-tpartit u l-kostijiet għoljin tat-tranżazzjonijiet tagħhom, speċjalment billi eżempji preċedenti wrew li dan it-tħassib huwa validu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ livelli għoljin ta’ trasparenza u sjieda tal-pajjiż;

21.  Jistenna li l-BEI jkompli japplika standards stretti dwar it-trattament xieraq tal-annimali u leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż għal attivitajiet ta’ tnissil u għalf fit-trobbija tal-ħut, abbażi tal-ogħla standard stabbilit mill-istituzzjonijiet finanzjari tal-UE u multilaterali;

22.  Jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kritika (CRMs) hija kruċjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, għas-settur tad-difiża u għall-bażi industrijali tal-UE b’mod ġenerali; ifakkar fir-rwol li għandu l-BEI fl-Alleanza tal-Materja Prima tal-UE u l-għan tal-Unjoni li ssir aktar awtonoma fir-rigward tal-provvista tas-CRM; jenfasizza l-importanza ta’ approċċ ta’ ekonomija ċirkolari għas-CRM, ibbażat fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid, sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi u tingħata spinta lill-awtonomija strateġika tagħha; jistieden, għalhekk, lill-BEI jinvesti aktar fis-settur tas-CRM biex isaħħaħ ir-reżiljenza fil-materja prima b’enfasi partikolari fuq ir-riċiklaġġ tal-materja prima sekondarja, u jrawwem soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari biex jgħin fid-diversifikazzjoni tal-provvista;

Appoġġ għall-innovazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-industrija u d-diġitalizzazzjoni

23.  Ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa; ifakkar li t-23 miljun SME tal-UE jammontaw għal 99 % tan-negozji kollha, jipprovdu madwar tliet kwarti tal-impjiegi kollha u jiġġeneraw aktar minn 50 % tal-valur miżjud kollu prodott min-negozji tal-UE; jissottolinja li l-appoġġ għall-SMEs huwa objettiv ewlieni għall-BEI; jirrimarka li l-kriżi tal-enerġija u l-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna joħolqu aktar sfidi għall-SMEs, kif jagħmlu wkoll il-prezzijiet tal-materja prima dejjem jogħlew u ż-żidiet fir-rati ta’ interess;

24.  Ifakkar li fl-2022, il-Grupp tal-BEI pprovda finanzjament li kien jammonta għal investiment totali ta’ EUR 16,35 biljun għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; jinnota li skont il-valutazzjoni tal-Grupp tal-BEI, l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI li jipprovdu appoġġ għad-dejn lill-SMEs ammontaw għal kważi EUR 20 biljun f’firem netti annwali bejn l-2010 u l-2020; jistieden lill-Grupp tal-BEI jirrifletti fuq modi biex jiffaċilita aktar l-appoġġ tiegħu lill-SMEs, b’mod partikolari għal proġetti ta’ finanzjament iżgħar;

25.  Jenfasizza r-rwol tal-FEI fit-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal kumpaniji iżgħar, kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u negozji ġodda tal-UE u b’hekk l-appoġġ tiegħu għall-intraprenditorija, it-tkabbir, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-impjiegi fl-Unjoni; jirrimarka li provvista stabbli tal-enerġija bi prezzijiet kompetittivi hija waħda mill-pedamenti għal politika industrijali ta’ suċċess, u b’mod partikolari għal SMEs ta’ suċċess; jistieden lill-Grupp tal-BEI jipprovdi kapital ta’ tkabbir addizzjonali sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI jżid l-appoġġ immirat lejn l-espansjoni tan-negozji ġodda Ewropej, inkluż permezz tat-teħid ta’ riskji akbar fl-iżborż ta’ kapital ta’ riskju biex jiġi żgurat li n-negozji ġodda Ewropej ikunu jistgħu jespandu fi ħdan l-Ewropa aktar milli barra minnha;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FEI jiffoka b’mod qawwi fuq proġetti li joħolqu u jżommu impjiegi ta’ kwalità għolja, inklużi proġetti mmirati biex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħall-hekk imsejjaħ mudell ta’ apprendistat doppju li wera li kien effettiv u ta’ suċċess f’xi Stati Membri, bil-għan li jinħolqu impjiegi siguri u ta’ kwalità għolja;

27.  Jirrikonoxxi li l-SMEs spiss jissieltu ma’ riżorsi amministrattivi limitati u jiffaċċjaw kostijiet tas-self akbar minn korporazzjonijiet kbar minħabba termini ta’ self bankarju inqas favorevoli u jqis li huwa essenzjali li jiġu offruti lilhom għodod ta’ finanzjament li huma sempliċi u faċilment aċċessibbli; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Grupp tal-BEI, għalhekk, ifassal il-programmi tiegħu b’mod li jissimplifika l-proċeduri amministrattivi filwaqt li jipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa u l-finanzjament adegwat għas-servizzi ta’ konsulenza, u b’hekk itejjeb l-aċċessibbiltà tagħhom għall-SMEs;

28.  Itenni t-talba tiegħu lill-Grupp tal-BEI biex jikkomplementa l-isforzi biex jitfasslu soluzzjonijiet xprunati mid-data, b’enfasi partikolari fuq il-kompetittività tal-SMEs, u biex jiffoka l-investiment tiegħu f’dan il-qasam fuq it-tnaqqis tad-distakki diġitali kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u reġjuni oħra tad-dinja teknoloġikament aktar avvanzati; jistieden lill-Grupp tal-BEI jżid l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni, fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji mill-aktar avvanzati bħall-IA, u fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li huma essenzjali għal bażi industrijali b’saħħitha;

L-Ukrajna

29.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-UE għall-Ukrajna mnedija mill-BEI f’Marzu 2023 biex tiffinanzja r-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna, maħsuba bħala skema temporanja li se tippermetti l-involviment kontinwu tal-BEI fil-pajjiż filwaqt li jiġi stabbilit l-appoġġ mistenni tal-UE fuq terminu medju; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-importanza tal-baġit tal-UE bħala l-garanti għall-attività tal-BEI meta din tinvolvi l-għoti ta’ self barra mill-UE għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-UE; jappella għal żieda fil-garanziji mogħtija lill-BEI mill-baġit tal-UE sabiex il-BEI jkun jista’ jkompli joffri operazzjonijiet vitali fis-settur pubbliku u privat fl-Ukrajna u jwessa’ l-attivitajiet tiegħu fin-Nofsinhar Globali; jilqa’ l-fatt li l-azzjonijiet kollha tal-BEI fl-Ukrajna huma ggwidati mill-prijoritajiet għall-irkupru soċjali, ekonomiku u ambjentali u r-rikostruzzjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ “nibnu mill-ġdid aħjar” u se jkunu allinjati bis-sħiħ mal-pjan li jmiss għall-Ukrajna; jilqa’ l-komponent tal-assistenza teknika biex jiġu żgurati l-aħjar tħejjija u implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll miżuri għall-bini tal-kapaċità; jistenna li t-tielet “Rapid Damage and Needs Assessment” (Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet) li jmiss imwettqa mill-Bank Dinji f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, il-BEI u l-Gvern Ukren se tidentifika ħtiġijiet li żdiedu b’mod sinifikanti; jilqa’ l-isforzi tal-BEI biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jinvestiga l-frodi u l-korruzzjoni fir-rigward tal-proġetti tiegħu fl-Ukrajna;

30.  Jissottolinja l-fatt li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kellha wkoll impatt fuq ir-reġjuni fl-UE u kkawżat impatti ekonomiċi sinifikanti, speċjalment fil-pajjiżi tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE u l-viċinat tagħha, kif ukoll kriżi umanitarja severa; jisħaq li l-bidliet fil-ktajjen tal-provvista u fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi kkawżati mill-gwerra għandhom jitqiesu fl-ippjanar tal-investiment futur; jappella lill-BEI biex iqis is-sitwazzjoni ġeopolitika u l-investimenti meħtieġa fil-pajjiżi l-aktar esposti, inklużi l-infrastruttura u l-ġestjoni tal-fruntieri;

31.  Ifakkar li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna hija bidla radikali, peress li biddlet b’mod fundamentali l-ambjent tas-sigurtà Ewropew u tirrikjedi żieda fl-istat tat-tħejjija fir-rigward tad-difiża u, għalhekk, investimenti suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-aktar użu effettiv tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-BEI; jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea u għall-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs, b’mod partikolari biex jikkontribwixxi għall-appoġġ kontinwu għall-Ukrajna; jistieden lill-BEI jirriforma l-lista ta’ eliġibbiltà tiegħu sabiex il-munizzjon u t-tagħmir militari li jmorru lil hinn mill-applikazzjoni b’użu doppju ma jibqgħux esklużi mill-finanzjament tal-BEI;

BEI Globali

32.  Jistenna li l-attivitajiet tal-BEI Globali jibqgħu allinjati mal-interessi strateġiċi tal-UE u mal-objettivi tal-politika esterna; jilqa’ l-involviment tal-BEI fl-inizjattiva Global Gateway, li se tappoġġja prinċipalment l-investimenti fl-infrastruttura u fl-SMEs, u b’hekk tikkontribwixxi għall-objettiv tal-UE li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; jistenna li l-BEI Globali jiżgura li l-investimenti jkunu addizzjonali, joħolqu impatti pożittivi fit-tul u jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet riċevituri b’mod ċar, billi jissalvagwardjaw il-wirt naturali u kulturali, isaħħu r-reżiljenza għall-klima, joħolqu impjiegi lokali, jgħollu l-istandards tal-għajxien u jtaffu l-faqar; jemmen li l-partijiet ikkonċernati tal-pajjiżi riċevituri, bħall-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali jeħtieġ li jkunu involuti fid-deċiżjoni dwar il-proġetti tal-Global Gateway u fl-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar, barra minn hekk, li s-suċċess tal-BEI Globali jiddependi fuq livell adegwat ta’ persunal ibbażat fuq il-post, inklużi ħaddiema lokali;

33.  Jinnota li, minn mindu twaqqfet il-fergħa l-ġdida għall-iżvilupp, il-BEI Globali għamel użu rekord mit-tieqa għall-investiment iddedikata li pprovda l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali-Ewropa Globali, u din forniet aktar minn EUR 10 biljun fl-2022, primarjament b’appoġġ għall-Ukrajna u l-Global Gateway; jieħu nota tal-pjan direzzjonali strateġiku tal-BEI Globali u l-aspettattiva li dan se jiffaċilita mill-inqas terz tat-EUR 300 biljun f’investimenti li għandhom jiġu ġġenerati sa tmiem l-2027; jilqa’ l-mira għall-2025 li aktar minn 50 % tas-self annwali jmur lejn investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali; jistenna li l-finanzjament jikkontribwixxi għal tranżizzjoni inklużiva u ġusta globalment; barra minn hekk, jistenna li l-BEI Globali jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-mira tal-UE ta’ 85 % tal-azzjonijiet esterni ġodda kollha li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2025; jilqa’ l-progress li sar fir-rigward tal-istabbiliment tal-Fond Global Gateway taħt il-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus, li mistenni jiffinanzja investimenti tas-settur privat b’impatt għoli u jipprovdi finanzjament tal-ekwità u tad-dejn għal proġetti ta’ infrastruttura b’impatt għoli, enerġija nadifa u żvilupp uman madwar id-dinja; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjonijiet inklużivi u sinifikattivi mal-partijiet ikkonċernati li huma affettwati mill-operazzjonijiet tiegħu; jappella għal aktar appoġġ għal proġetti b’bankabbiltà limitata u redditu pubbliku għoli, u biex jitnaqqas l-ammont minimu ta’ self għal proġetti individwali, b’mod partikolari f’pajjiżi inqas żviluppati;

34.  Itenni t-talba tiegħu lill-BEI Globali biex jillimita l-operazzjonijiet ta’ taħlit għall-oqsma fejn jistgħu jżidu l-valur għall-ekonomija lokali filwaqt li jevita l-esklużjoni tal-kapital privat u biex jiżgura li l-finanzjament imħallat ma jintużax għal servizzi pubbliċi essenzjali, b’mod partikolari s-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali; ifakkar li l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, u b’mod partikolari l-għan li jissaħħaħ l-aċċess universali u affordabbli għall-kura tas-saħħa, għandhom jiggwidaw l-investimenti tal-BEI f’dan il-qasam, biex jiġu żgurati eżiti tas-saħħa aħjar għal kulħadd, u b’mod partikolari għan-nisa;

35.  Jinsab imħasseb dwar il-livelli tad-dejn li qed jiżdiedu b’mod rapidu u l-kostijiet ogħla tas-self f’ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw, b’madwar 60 % tal-pajjiżi b’introjtu baxx li diġà jinsabu f’dejn pubbliku eċċessiv jew f’riskju għoli ta’ dejn eċċessiv(4); jenfasizza r-rwol importanti tal-BEI u ta’ istituzzjonijiet multilaterali oħra fl-għoti ta’ finanzjament fuq termini konċessjonali biex jittaffew il-piżijiet tad-dejn mhux sostenibbli;

36.  Huwa tal-fehma li l-BEI Globali għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Akkra (sjieda, allinjament, armonizzazzjoni, ġestjoni għar-riżultati u obbligu ta’ rendikont reċiproku); jinsab partikolarment imħasseb, f’dan il-kuntest, dwar kunflitt ta’ interess bejn l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni u l-finanzjament għall-iżvilupp tal-BEI Globali u dwar l-impatt fuq l-addizzjonalità tal-iżvilupp tal-investimenti affettwati tal-BEI Globali;

37.  Jieħu nota tan-nota ta’ informazzjoni tal-BEI li tiġbor fil-qosor l-approċċ tiegħu għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-BEI dwar l-importanza tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċeduri ta’ diliġenza dovuta tiegħu, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ankraġġ tal-impenn ġenerali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-operat f’konformità sħiħa mal-Artikolu 2 tat-TFUE; itenni t-talba tiegħu għal regoli ċari u vinkolanti biex jikkomplementaw in-nota ta’ informazzjoni li tiġbor fil-qosor l-approċċ tal-BEI Globali għad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dwar il-valutazzjoni u d-diżimpenn; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li, mill-2015, il-BEI ma rrikjediex li l-promoturi tal-proġetti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt awtonomi fuq id-drittijiet tal-bniedem; għalhekk jistieden lill-BEI jipprovdi strateġija dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-programmi tiegħu, inkluż tas-sitwazzjoni reali fil-prattika fil-pajjiżi riċevituri, biex jiżgura li l-komunitajiet lokali jiġu kkonsultati u li d-dritt għal kunsens liberu, minn qabel u infurmat jiġi rispettat b’mod sistematiku; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, biex jiżviluppa politiki speċifiċi dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u protokolli biex jirrispondi għar-riskji ta’ rappreżalji; jissottolinja li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jinkludu popli indiġeni, nisa, persuni b’diżabbiltà u gruppi vulnerabbli oħra fil-konsultazzjonijiet;

38.  Itenni l-appell tiegħu lill-BEI biex jiżgura li l-operazzjonijiet tiegħu jkunu ta’ benefiċċju għan-nisa u l-bniet u għall-avvanz tal-emanċipazzjoni ekonomika u l-impjiegi tan-nisa; jemmen li l-BEI jista’ jkompli jżid is-self mikrofinanzjarju lin-negozji mmexxija min-nisa, li għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-finanzi;

39.  Jitlob lill-BEI jikkollabora ma’ istituzzjonijiet bilaterali u multilaterali oħra biex jiżviluppa u japplika metodoloġiji komuni għall-analiżi tal-impatt tal-iżvilupp, bil-għan li jiġu żgurati impatti pożittivi u valur miżjud fit-tul;

Trasparenza u governanza

40.  Ifakkar li l-fondi tal-BEI huma flus pubbliċi u li l-użu tagħhom għandu dejjem ikun soġġett għal skrutinju pubbliku u obbligu ta’ rendikont; jirrikonoxxi li l-BEI huwa kklassifikat bħala “ġust” fuq l-Indiċi tat-Trasparenza tal-Investiment Dirett Barrani tal-2023; jistieden lill-BEI jippubblika b’mod proattiv u fil-ħin, informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġetti, inklużi r-raġunament u l-kuntest għall-proġetti, filwaqt li jispjega kif dawn jallinjaw ruħhom mal-għanijiet tal-politika tal-UE u javvanzawhom, u jistenna li l-BEI jillimita n-nuqqas ta’ divulgazzjoni għall-eċċezzjonijiet applikabbli elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001(5) u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006(6); iħeġġeġ lill-BEI jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2023 mill-Kawża 2252/2022/OAM u tal-21 ta’ April 2022 mill-Kawża 1251/2020/PB biex jippermetti valutazzjoni sinifikattiva tal-aspetti ambjentali u soċjali tal-proġetti li qed jikkunsidra għall-finanzjament;

41.  Jappella għal aktar obbligu ta’ rendikont tal-BEI lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment lejn il-Parlament, peress li t-trasparenza hija waħda mill-pedamenti tad-demokrazija; jistieden lill-BEI, għalhekk, iżid ir-rappurtar tiegħu lill-Parlament rigward id-deċiżjonijiet tiegħu, il-progress miksub u l-impatt tal-attivitajiet ta’ self tiegħu, notevolment permezz ta’ djalogi strutturati regolari bejn il-Parlament u l-BEI; itenni t-talba tiegħu biex jiġi stabbilit ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-BEI sabiex jittejjeb l-aċċess għad-dokumenti u d-data tal-BEI u jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont demokratiku, inkluża l-kapaċità li jitressqu mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-BEI kif diġà previst għall-Bank Ċentrali Ewropew;

42.  Itenni l-istedina tiegħu lill-BEI biex isaħħaħ il-politika tiegħu kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, inkluż billi jastjeni milli jiffinanzja benefiċjarji jew intermedjarji finanzjarji li għandhom rekord negattiv bil-provi; jistieden lill-BEI jinforza l-miżuri ta’ prevenzjoni u valutazzjonijiet tat-taxxa regolari fil-konfront tal-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, kif ukoll fil-konfront tal-frodi tat-taxxa u fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar illegali u aggressiv tat-taxxa;

43.  Iħeġġeġ lill-viċi presidenti tal-BEI biex jevitaw li jkunu involuti fi proposti għal proġetti minn pajjiżhom; jistieden lill-BEI jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Ombudsman tas-27 ta’ Lulju 2022 mill-Kawża 1016/2021/KR u tal-31 ta’ Ottubru 2023 mill-Kawża 611/2022/KR fir-rigward tal-attivitajiet tal-ex membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu; jistieden lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI jippubblikaw il-laqgħat skedati tagħhom mal-partijiet ikkonċernati esterni u jtenni t-talba tiegħu li jiġi ppubblikat b’mod sistematiku l-kontenut tal-laqgħat tal-korpi governattivi tal-BEI biex tkompli tittejjeb it-trasparenza;

44.  Jinnota li l-BEI għamel progress fil-kisba ta’ forza tax-xogħol aktar ibbilanċjata bejn il-ġeneri, għalkemm in-nisa għadhom sottorappreżentati f’pożizzjonijiet għolja u f’oqsma ewlenin ta’ attività; jiddispjaċih li l-BEI ma laħaqx il-miri tiegħu dwar il-ġeneru stabbiliti għan-nisa f’diversi livelli fl-istrateġija tiegħu stess dwar id-diversità u l-inklużjoni għall-2018-2021; jistieden, għalhekk, lill-Bank jintensifika l-isforzi tiegħu biex iżid id-diversità bejn il-ġeneri biex jikseb parità bejn il-ġeneri u bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-funzjonijiet kollha u b’mod partikolari fil-pożizzjonijiet għolja u maniġerjali, filwaqt li jżomm ukoll bilanċ ġeografiku; jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ il-promozzjoni tal-forom kollha ta’ diversità u inklużjoni fi ħdan l-organizzazzjoni tiegħu u jistabbilixxi miri ambizzjużi;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment.

(1) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.
(2) ĠU L 274, 30.7.2021, p. 1.
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika. ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11.
(4) Rapport tal-Bank Dinji, “Global Economic Prospects” (Prospetti Ekonomiċi Globali), Jannar 2024, https://www.worldbank.org/en/publication/global-economic-prospects.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Ġunju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza