Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill (KE) 2003/109 u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX [Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil] (COM(2020)0610 – C9-0309/2020 – 2020/0279(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2020)0610),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 78(2), il-punt (e), u l-Artikolu 79(2), il-punti (a),(b) u (c), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0309/2020),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati preżentati mis-Senat Taljan, il-Parlament Ungeriż u l-Parlament Slovakk, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Frar 2021(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Marzu 2021(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8 ta’ Frar 2024, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 40 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0152/2023),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-10 ta' April 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013