Mewġa ġdida ta’ arresti tal-massa fil-Belarussja tal-attivisti tal-oppożizzjoni u tal-familjari tagħhom
123k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar il-mewġa ġdida ta’ arresti tal-massa fil-Belarussja tal-attivisti tal-oppożizzjoni u tal-familjari tagħhom (2024/2550(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi f’Jannar 2024, il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat tal-Belarussja (KGB) wettaq rejds, interrogazzjonijiet u detenzjonijiet immirati lejn aktar minn 200 membru tal-familji ta’ priġunieri politiċi attwali u preċedenti kif ukoll benefiċjarji tal-inizjattiva “INeedHelpBY” dwar akkużi relatati ma’ “estremiżmu”; billi l-maġġoranza huma ommijiet u nisa ta’ priġunieri politiċi, inklużi Marina Adamovich, mart Mikalai Statkevich, Tatsiana Seviarynets, omm Pavel Seviarynets, u Daria Losik, mart Ihar Losik u li kienet arrestata qabel;
B. billi tressqu akkużi addizzjonali in absentia kontra 20 analist politiku, ġurnalist u soċjologu mlaqqgħin l-“analisti ta’ Tsikhanouskaya”, li qed jiffaċċjaw il-konfiska tal-proprjetà u r-revoka taċ-ċittadinanza jekk jinstabu ħatja;
C. billi l-priġunieri politiċi, inklużi l-mexxejja tal-partiti Mikalai Kazlou, Ryhor Kastusiou, Mikalai Statkevich u Pavel Seviarynets, jiffaċċjaw iżolament, tortura, ċaħda tal-kura medika u xogħol furzat;
D. billi l-aħħar repressjoni tippreċedi l-“elezzjonijiet” parlamentari u lokali fil-25 ta’ Frar; billi l-“liġi dwar il-partiti politiċi” tal-2023 qed tipprevjeni lill-partiti tal-oppożizzjoni demokratika milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-mewġa reċenti ta’ arresti tal-massa fil-Belarussja u jħeġġeġ lir-reġim illeġittimu ta’ Lukashenka jwaqqaf ir-repressjoni, speċjalment kwalunkwe persekuzzjoni marbuta mal-ġeneru, u jfakkar lir-reġim fl-obbligi internazzjonali tiegħu;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ aktar minn 1 400 priġunier politiku, kif ukoll tal-familji tagħhom u tal-persuni detenuti arbitrarjament, u l-kumpens dovut lilhom, filwaqt li jiġu restawrati d-drittijiet sħaħ tagħhom;
3. Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, libertà u ġustizzja qabel l-“elezzjonijiet” parlamentari u lokali fil-Belarussja u jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex ma jirrikonoxxux ir-riżultati;
4. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill iwieġbu billi jimponu sanzjonijiet aktar b’saħħithom fuq ir-reġim ta’ Lukashenka, inkluż kontra oġġetti li jinvolvu xogħol furzat tal-priġunieri politiċi, sanzjonijiet finanzjarji aktar stretti, u sanzjonijiet fuq individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi uffiċjali ta’ livell għoli u membri tal-forzi tas-sigurtà; jitlob tnaqqis ulterjuri tal-preżenza diplomatika tal-Belarussja fl-UE, appoġġ kontinwu għall-vittmi tar-reġim permezz ta’ strumenti speċjali li jippermettulhom jiksbu viżi u permessi ta’ residenza tal-UE u jindirizzaw każijiet ta’ apolidija;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw id-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, jappoġġjaw it-trasformazzjoni tal-eżami tal-OHCHR tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja f’mekkaniżmu investigattiv kompletament indipendenti, jirrispettaw il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, u biex jiżdied l-obbligu ta’ rendikont permezz ta’ ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali u universali;
6. Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja u l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal futur demokratiku u Ewropew u jibqa’ impenjat li jaħdem bla heda mal-forzi demokratiċi, mas-soċjetà ċivili u mal-media indipendenti għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi, lill-awtoritajiet de facto Belarussi, lin-NU u lill-OSKE.
Iż-żieda fl-għadd ta’ eżekuzzjonijiet fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Mohammad Ghobadlou
129k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar iż-żieda fl-għadd ta’ eżekuzzjonijiet fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Mohammad Ghobadlou (2024/2551(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi aktar minn 800 individwu ġew iġġustizzjati fl-Iran fl-2023, l-ogħla ċifra mill-2015, u aktar minn 500 dimostrant inqatlu bħala parti mit-trażżin kontinwu tal-moviment “il-Mara, il-Ħajja, il-Libertà”; billi l-minoranzi huma affettwati b’mod sproporzjonat;
B. billi fit-23 ta’ Jannar 2024 ġie miċħud l-appell ta’ Mohammad Ghobadlou, raġel ta’ 23 sena b’diżabilità intellettwali, kontra s-sentenza tal-mewt tiegħu u ġie ġġustizzjat; billi l-proċess inġust tiegħu ġie vizzjat minn allegazzjonijiet ta’ tortura u minn segretezza;
C. billi l-UNHRC irrapporta li mill-inqas 54 persuna ġew iġġustizzjati f’Jannar 2024; billi, skont il-Human Rights Watch, mill-inqas 11-il priġunier, inklużi Anwar Khezri, Kamran Sheikheh u Khosrow Basharat, bħalissa jinsabu f’riskju ta’ eżekuzzjoni imminenti;
D. billi l-Iran juża b’mod sistematiku d-diplomazija tal-ostaġġi bħala għodda ta’ politika barranija;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjonijiet ta’ dimostranti paċifiċi fl-Iran, inkluża dik ta’ Mohammad Ghobadlou; jiddeplora l-użu estensiv tal-piena tal-mewt mir-reġim biex jitterrorizza s-soċjetà u jelimina n-nuqqas ta’ qbil; jenfasizza li dan jammonta għal qtil sanzjonat mill-istat; iħeġġeġ lill-Iran jibdel is-sentenzi tal-mewt kollha f’sentenzi ta’ ħabs u jabolixxi kompletament il-piena tal-mewt; itenni l-oppożizzjoni soda tiegħu għall-piena tal-mewt f’kull mument u f’kull ċirkostanza; jappoġġja bis-sħiħ il-kampanja ta’ abolizzjoni mnedija mir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, Narges Mohammadi, li attwalment qiegħda il-ħabs; itenni l-appoġġ sod tiegħu għall-Moviment “Il-Mara, il-Ħajja u l-Libertà” fl-Iran;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ kull persuna miżmuma b’mod arbitrarju f’ċella fl-istennija tal-eżekuzzjoni tal-kundanna tal-mewt tagħha u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari Ahmadreza Djalali u Johan Floderus;
3. Jappella għal strateġija ġdida u kuraġġuża tal-UE fil-konfront tal-Iran, intiża anki biex tiġġieled d-diplomazija tal-ostaġġi tiegħu;
4. Itenni l-appell sod tiegħu lill-Kunsill biex isejjaħ lill-IRGC organizzazzjoni terroristika u jimponi aktar sanzjonijiet tal-UE fuq uffiċjali u entitajiet involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Mexxej Suprem, il-President u l-Prosekutur Ġenerali;
5. Itenni l-kundanna tiegħu tar-repressjoni brutali mill-Iran fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi, b’mod partikolari n-nisa u l-minoranzi; jitlob investigazzjoni imparzjali, indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tad-dimostranti;
6. Jistieden lill-Iran jirrispetta l-proċess ġust; jikkundanna l-kundizzjonijiet terribbli ta’ detenzjoni, l-użu mifrux tat-tortura, inkluża l-vjolenza sesswali, u n-nuqqas ta’ aċċess għat-trattament mediku u r-rappreżentanza legali;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi u jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet fejn jinżammu priġunieri ta’ kuxjenza, inklużi ċittadini tal-UE, f’konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jistieden lill-Istati Membri jibdew investigazzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, anki taħt il-ġurisdizzjoni universali;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tekniku u baġitarju għal soċjetà ċivili Iranjana b’saħħitha u indipendenti; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-viżi, l-ażil u l-għotjiet ta’ emerġenza għal dawk li jeħtieġu jaħarbu mill-Iran;
10. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tiġdid tal-mandati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Iran u tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-awtoritajiet Iranjani.
L-attakki reċenti f’lejlet il-Milied fl-Istat ta’ Plateau fin-Niġerja
126k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar l-attakki reċenti f’lejlet il-Milied fl-Istat ta’ Plateau fin-Niġerja (2024/2552(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fin-Niġerja ġiet aggravata minn eskalazzjoni ta’ kunflitti reliġjużi, etniċi u interkomunali, b’mod partikolari fil-Faxxa Ċentrali tal-pajjiż, fejn il-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja nomadiċi dwar ir-riżorsi tal-art u tal-ilma wassal għal għadd ta’ mwiet bla preċedent mill-Milied ’l hawn;
B. billi, bejn it-23 u l-25 ta’ Diċembru 2023, irġiel armati fetħu attakk fuq skala kbira fuq aktar minn 160 villaġġ fiż-żoni ta’ gvern lokali ta’ Bokkos, Barkin Ladi u Magu fl-Istat ta’ Plateau, attakk li kkaġuna l-mewt ta’ aktar minn 335 persuna, inklużi mill-anqas 200 membru tal-komunitajiet Insara;
C. billi ħafna mill-persuni spostati bħalissa qed jgħixu f’kampijiet temporanji b’aċċess limitat għall-ilma, għas-sanità, għall-ikel, għall-medikazzjoni u għall-kura tas-saħħa, inkluż għas-servizzi tas-saħħa mentali;
D. billi, skont organizzazzjonijiet mhux governattivi Niġerjani, 52 000 persuna Nisranija u 34 000 persuna Musulmana nqatlu sa mill-2009, filwaqt li nqerdu 18 000 knisja u 2 200 skola Nisranija;
E. billi l-vjolenza minn gruppi terroristiċi Iżlamiċi, bħall-Boko Haram u l-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent, li għandhom fil-mira kemm l-Insara kif ukoll il-Musulmani fil-Grigal tan-Niġerja, diġà spostat ’il fuq minn żewġ miljun persuna;
F. billi l-fatturi li jalimentaw il-ġlied jikkoinċidu u fost l-għeruq tagħhom insibu tilwim territorjali, tensjonijiet etniċi, aċċess għal riżorsi skarsi u degradazzjoni ambjentali;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza fi żmien il-Milied immirati kontra l-Insara u komunitajiet oħra, li wasslu għal għadd bla preċedent ta’ mwiet, korrimenti u spostamenti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk affettwati;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu azzjoni kontra l-gruppi Iżlamisti militanti li jisfruttaw il-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja u jħeġġiġhom jindirizzaw il-kawżi fundamentali tiegħu; iwissi li l-kunflitt jaf jiġi strumentalizzat biex ixerred il-mibegħda bbażata fuq ir-reliġjon; jirrikonoxxi r-rwol tat-tibdil fil-klima, tal-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi u tal-għajbien ta’ skemi ta’ medjazzjoni effettivi fid-deterjorament tal-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja, li qed iġiegħel lir-rgħajja jiċċaqalqu lejn in-Nofsinhar;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti tal-attakki tal-Milied u jiżguraw li dawk responsabbli jintalbu kont ta’ għemilhom;
4. Iħeġġeġ lill-atturi umanitarji kollha jiżguraw li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex tiġi indirizzata l-kriżi;
5. Jilqa’ d-dibattitu tal-Parlament Niġerjan dwar il-kwistjoni u jħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan isaħħaħ is-sigurtà tal-komunitajiet, irawwem id-djalogu u l-medjazzjoni tal-kunflitti u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-irkupru soċjoekonomiku;
6. Jilqa’ s-sħubija b’saħħitha bejn l-UE u n-Niġerja u jappella biex din issir aktar profonda fl-oqsma tas-sigurtà, il-medjazzjoni, id-djalogu interreliġjuż u interkulturali u l-bini tal-paċi; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem iżur in-Niġerja; jilqa’ t-tħabbira ta’ pakkett tal-Global Gateway ta’ EUR 900 miljun għan-Niġerja f’Ottubru 2023;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tan-Niġerja.
Skambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”)
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”), li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, 2019/817 u 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2021)0784(COR1) – C9-0455/2021 – 2021/0410(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0784(COR1)),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 87(2), il-punt (a), u l-Artikolu 88(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0455/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra kkunsidra l-ftehim provviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz ta' ittra tad-29 ta’ Novembru 2023 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0200/2023),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-8 ta’ Frar 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2024/982).
Il-prijoritajiet tal-UE għat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa
159k
55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (2023/2973(RSP))
– wara li kkunsidra t-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa u t-tema ta’ prijorità tagħha, “L-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet kollha billi jiġu indirizzati l-faqar u jissaħħu l-istituzzjonijiet u l-finanzjament b’perspettiva tal-ġeneru”;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing tal-15 ta’ Settembru 1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta’ rieżami tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, u, b’mod partikolari, l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 1 li jfittex li jtemm il-faqar, l-SDG 5 li jfittex li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa, u l-SDG 8 li jfittex li jikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 2021–2025 (GAP III),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 tal-5 ta’ Marzu 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2022 dwar azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2022 dwar il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (O-000056/2023 – B9-0005/2024 u O-000057/2023 – B9-0006/2024)),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri,
A. billi l-iżgurar tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa prinċipju fundamentali tal-UE stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-integrazzjoni tal-ġeneru u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huma għodod importanti biex jintlaħaq dan l-għan u biex dawn il-prinċipji jiġu integrati fil-politiki, fil-miżuri u fl-azzjonijiet kollha tal-UE, inkluż fid-dimensjonijiet esterni tagħha;
B. billi 189 pajjiż madwar id-dinja, inklużi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, impenjaw ruħhom li jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha fir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f’Beijing fl-1995; billi l-SDG 5 tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Istati Membri tan-NU fl-2015 jistabbilixxi l-2030 bħala l-iskadenza għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet fid-diversità kollha tagħhom;
C. billi l-UE jeħtieġ li tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha li tinkludi perspettivi tal-ġeneru fl-oqsma kollha tal-politiki esterni tagħha, bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-kummerċ, l-agrikoltura, il-klima u l-migrazzjoni, sabiex ikun hemm impatt fuq il-qerda tal-faqar fost in-nisa madwar id-dinja;
D. billi l-kunċett tal-politika barranija femminista għandu l-għan li jagħti s-setgħa lin-nisa u lill-bniet, isolvi l-kriżijiet u jnaqqas l-impatt negattiv fuq in-nisa, il-bniet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż il-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa; billi l-UE għandha tistinka biex issegwi approċċ olistiku bħal dan fl-azzjoni esterna tagħha;
E. billi l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing tal-1995 saħqet li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet, u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, huma fatturi kritiċi fil-qerda tal-faqar; billi hemm interdipendenza reċiproka qawwija bejn il-faqar, u l-esklużjoni soċjali u politika; billi l-faqar fost in-nisa huwa problema kumplessa u multidimensjonali, b’oriġini kemm fil-qasam nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali; billi minħabba din ir-raġuni, huwa kruċjali li jiġu miġġielda l-kawżi u l-manifestazzjoni ewlenin kollha tal-faqar fost in-nisa; billi dawn jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jgawdu d-drittijiet li għandhom fis-soċjetà sabiex ikollhom għajxien sostenibbli;
F. billi n-nisa u l-bniet għadhom affettwati b’mod sproporzjonat mill-faqar u mir-riskju ta’ esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-irġiel, b’mod partikolari n-nisa u l-bniet li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni, ibbażati fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-fattizzi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali,(3) il-ġeneru, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u l-karatteristiċi tas-sess; billi, fuq livell globali, 383 miljun mara u tifla huma stmati li jgħixu b’anqas minn USD 1,90 kuljum, meta mqabbla ma’ 368 miljun raġel u tifel(4); billi r-rata tal-faqar fost in-nisa hija ogħla minn dik fost l-irġiel (12,8 meta mqabbla ma’ 12,3 %)(5);
G. billi l-faqar fost in-nisa u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet huma r-riżultati tal-akkumulazzjoni ta’ inugwaljanzi sistemiċi u strutturali u diskriminazzjoni; billi l-istereotipi u n-normi soċjali dannużi marbuta mal-ġeneru għadhom jinfluwenzaw id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà u l-aċċess għall-poter, ir-riżorsi inkluż l-aċċess għall-finanzi jew għall-kreditu permezz ta’ diversi sorsi bħall-kapital ta’ riskju inklużi n-networks ta’ investiment tan-nisa, is-sjieda tal-art u l-wirt, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet; billi l-kura bla ħlas u x-xogħol domestiku jimponu piż sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet, u dawk ir-responsabbiltajiet domestiċi u ta’ kura mhumiex rikonoxxuti kif xieraq;
H. billi l-aċċess għas-servizzi, inklużi s-servizzi tal-indukrar tat-tfal u l-għoti tal-kura fit-tul, għandu l-akbar impatt fuq in-nisa peress li spiss ikollhom jimlew il-vojt fl-indukrar u fl-appoġġ għall-familja, u dan jipperpetwa r-responsabbiltà sproporzjonata tagħhom ta’ kura bla ħlas;
I. billi fuq livell globali, in-nisa jikkostitwixxu aktar minn 70 % tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura(6); billi dawn it-tipi ta’ impjiegi ġew sottovalutati b’mod sistematiku minħabba li kienu, u għadhom, imwettqa b’xejn minn nisa fl-unitajiet domestiċi; billi n-nisa huma impjegati aktar fuq kuntratti part-time minħabba l-piż sproporzjonat tagħhom ta’ kura bla ħlas; billi n-nisa qed ibatu minn faqar fost il-ħaddiema li jwassal għall-esklużjoni soċjali; billi l-impatti f’termini soċjali, bejn il-ġeneri u ekonomiċi ta’ dawk b’responsabbiltajiet ta’ kura għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti;
J. billi s-setturi ddominati min-nisa bħas-saħħa u l-kura huma sistematikament mhux imħallsa tajjeb u sottovalutati; billi l-promozzjoni tal-indipendenza ekonomika tirrikjedi r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol deċenti kif ukoll ir-rikonoxximent tar-rabta bejn xogħol sottovalutat u mhux imħallas tajjeb f’setturi ddominati min-nisa;
K. billi l-faqar jaggrava l-impatti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq in-nisa u l-bniet peress li ż-żieda fid-diffikultajiet ekonomiċi tagħmilha aktar diffiċli għan-nisa f’relazzjonijiet abbużivi biex jitilqu s-sieħeb tagħhom; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija problema strutturali u tas-soċjetà li tista’ tinstab fil-gruppi soċjoekonomiċi kollha u hija indipendenti mill-oriġini jew mit-twemmin; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tikkontribwixxi wkoll għall-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li l-vjolenza taffettwa b’mod drammatiku s-saħħa u tista’ twassal għat-telf ta’ impjieg tal-persuna u għall-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar;
L. billi l-faqar ipoġġi lin-nisa f’riskju akbar ta’ traffikar u sfruttament sesswali peress li jagħmel lilhom u lill-familji tagħhom ekonomikament dipendenti minn dawk li jabbużaw minnhom;
M. billi huwa importanti li wieħed jifhem ir-rabtiet bejn il-faqar u l-aċċess għas-Saħħa Sesswali u Riproduttiva u d-Drittijiet Relatati (SRHR); billi l-faqar flimkien ma’ ostakli prattiċi, legali, finanzjarji, kulturali u soċjali oħra jistgħu jwasslu kemm għal nuqqas ta’ aċċessibbiltà tas-servizzi tal-SRHR għan-nisa, kif ukoll ikunu riżultat tiegħu, inklużi l-abort sikur u legali u kontraċezzjoni moderna; billi d-dewmien u ċ-ċaħda tal-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura u legali jikkostitwixxu forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; billi diversi korpi tad-drittijiet tal-bniedem sostnew li ċ-ċaħda ta’ abort sikur u legali tista’ tirrappreżenta tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti;
N. billi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija, u t-trattament tal-HIV u infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) oħra, kanċers riproduttivi, inkluż il-kanċer ċervikali, u l-kura u t-trattament tal-fertilità huma essenzjali biex jiġu salvati l-ħajjiet;
O. billi l-aċċess għall-prodotti sanitarji u mestrwali huwa mfixkel minn tassazzjoni abbażi tal-ġeneru tal-prodotti mestrwali li tkompli tkabbar il-kwistjoni tal-faqar mestrwali; billi l-mistħija, l-uġigħ mestrwali mhux ittrattat u t-tradizzjonijiet diskriminatorji u n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ ilma u sanità għall-ġestjoni tal-iġjene mestrwali jwasslu għal tluq bikri mill-iskola u rati aktar baxxi ta’ attendenza tal-bniet fl-iskola u tan-nisa fuq il-post tax-xogħol;
P. billi l-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-għoti tas-setgħa lilhom, li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali, u l-kapaċità li jipparteċipaw fuq l-istess livell fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta ’ deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika, mhumiex biss ċentrali għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li jiggarantixxu r-realizzazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u li jintemm il-faqar, iżda wkoll ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi; billi paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali, u l-kapaċità li wieħed jipparteċipa b’mod ugwali fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika huma prerekwiżiti għal ekonomiji u soċjetajiet ugwali; billi l-promozzjoni tal-indipendenza ekonomika tirrikjedi, fost affarijiet oħra, it-tisħiħ tal-intraprenditorija u tal-impjieg indipendenti fost in-nisa u għandha tkun akkumpanjata minn miżuri xierqa;
Q. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol hija strument importanti fl-eliminazzjoni tal-faqar fost in-nisa li minnha jibbenefikaw mhux biss in-nisa iżda l-ekonomija kollha kemm hi, u tħalli impatt pożittiv fuq il-PDG, il-livelli tal-impjiegi u l-produttività; billi t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jwassal biex sal-2050 ikun hemm żieda fil-PDG per capita tal-UE ta’ bejn 6,1 % u 9,6 % u 10,5 miljun impjieg addizzjonali;
R. billi l-kriżijiet, inkluż it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi assoċjati kollha inklużi t-telf tal-bijodiversità, id-diżastri naturali, il-pandemiji u l-kunflitti armati, jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa; billi n-nisa u l-bniet f’sitwazzjonijiet vulnerabbli għandhom anqas aċċess għar-riżorsi meħtieġa, jew anqas kontroll fuqhom, biex ilaħħqu mal-kriżijiet u jegħlbuhom; billi l-kriżijiet mhumiex newtrali għall-ġeneru u jaggravaw l-inugwaljanzi soċjali u bejn il-ġeneri; billi l-faqar fost il-ġenituri u, b’mod partikolari, fost l-ommijiet spiss iwassal għall-faqar fost it-tfal;
S. billi, mill-2021, l-inflazzjoni żdiedet drastikament, xprunata primarjament minn spejjeż għoljin tal-enerġija u tal-ikel; billi l-pagi mhumiex previsti li jiżdiedu bl-istess rata tal-inflazzjoni, u b’hekk tinħoloq kriżi tal-għoli tal-ħajja; billi din il-kriżi thedded b’mod qawwi l-għajxien, is-saħħa, il-benesseri u l-indipendenza ekonomika tan-nisa, filwaqt li tillimita l-kapaċità tagħhom li jixtru bżonnijiet bażiċi fosthom l-ikel, l-akkomodazzjoni u taggrava l-faqar enerġetiku;
T. billi l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin fl-UE fl-għoti tas-setgħa lin-nisa u fit-trawwim ta’ soċjetà ugwali, b’inizjattivi bħal proċeduri ta’ reklutaġġ trasparenti fil-kumpaniji jew it-trasparenza fil-pagi, irid jissaħħaħ peress li huma essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li hija partikolarment importanti matul żminijiet ta’ kriżi;
U. billi l-investiment f’politiki li jagħtu s-setgħa lin-nisa jtejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji tagħhom, u b’mod partikolari dawk tat-tfal tagħhom; billi l-familji b’ġenitur wieħed, li l-maġġoranza tagħhom għandhom l-ommijiet bħala l-kap tagħhom, huma f’riskju akbar ta’ faqar u għandhom probabbiltà akbar ta’ trażmissjoni tal-faqar ġenerazzjonali;
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:
(a)
li jikkonferma mill-ġdid l-impenn sod tal-UE fir-rigward tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing u l-konferenzi ta’ rieżami sussegwenti u fir-rigward tal-firxa ta’ azzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri spjegati fihom;
(b)
li jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-UE fit-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li jiżgura li l-Parlament ikollu informazzjoni u aċċess adegwati u f’waqthom għad-dokument ta’ pożizzjoni tal-UE qabel in-negozjati, u jtejjeb aktar il-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-konsultazzjoni informali, inkluż qabel u matul in-negozjati, sabiex il-prijoritajiet tal-Parlament jiġu inkorporati kif xieraq;
(c)
li jissottolinja l-importanza ta’ eżitu pożittiv tat-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li se ssir mill-11 sat-22 ta’ Marzu 2024, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ sett ta’ impenji ambizzjużi u li jħarsu ’l quddiem deskritti fid-dikjarazzjoni politika;
(d)
li jwiegħed l-appoġġ qawwi tiegħu għall-ħidma ta’ UN Women, li hija attur ċentrali fis-sistema tan-NU għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet fid-diversità kollha tagħhom u għat-tlaqqigħ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex jingħata lok għal bidla fil-politika u koordinazzjoni tal-azzjonijiet; li jistieden lill-istati membri kollha tan-NU biex, flimkien mal-UE, jiżguraw finanzjament adegwat għal UN Women;
(e)
li jiżgura li l-UE tmexxi bl-eżempju u turi tmexxija b’saħħitha, filwaqt li tieħu pożizzjoni komuni dwar l-importanza li n-nisa u l-bniet jingħataw is-setgħa fid-diversità kollha tagħhom u li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja;
(f)
li jiżgura opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u ekonomika, b’aċċess ugwali għas-servizzi ekonomiċi u finanzjarji;
(g)
li jippromwovi t-tmexxija tan-nisa u tal-bniet u l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikattiva tagħhom fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, peress li l-involviment tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet huwa essenzjali għal governanza tajba u għat-tfassil tal-politika;
(h)
li japplika l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kif ukoll l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fl-oqsma kollha ta’ politika tal-UE u tal-Istati Membri peress li dawn huma għodod rikonoxxuti globalment biex jiġu implimentati d-drittijiet tan-nisa u tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
(i)
li joħloq u jaġġusta l-politiki u l-programmi interni u esterni tal-UE biex in-nisa u l-bniet jingħataw aktar setgħa fid-diversità kollha tagħhom, u li jiġu rispettati, protetti u ssodisfati d-drittijiet tagħhom u tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
(j)
li jindirizza l-kawżi ewlenin sistemiċi multipli tal-faqar fost in-nisa fuq livell globali, bħar-rappreżentanza żejda tan-nisa f’impjiegi bi ħlas baxx, prekarji u part-time, il-waqfiet fil-karriera tan-nisa għall-indukrar tat-tfal u ta’ membri oħra tal-familja, in-nuqqas ta’ aċċess għas-swieq tax-xogħol u l-impjiegi, kif ukoll nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u ekonomika;
(k)
li jindika l-importanza tal-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet permezz tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja, li huma vitali biex jiġu miġġielda l-istereotipi dannużi u l-inugwaljanzi persistenti li jwasslu għall-faqar flimkien mal-indirizzar tar-rata ta’ impjieg tan-nisa u n-nuqqas ta’ rappreżentanza f’ċerti setturi bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-intelliġenza artifiċjali (IA);
(l)
li jappoġġja u jippromwovi l-intraprenditorija tan-nisa fil-livelli kollha, billi jżid il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, itejjeb l-indipendenza finanzjarja tagħhom, u jirrikonoxxi u jippromwovi lin-nisa bħala mudelli, mentors u ħallieqa tal-impjiegi;
(m)
li jiżgura li azzjonijiet konkreti u impenji baġitarji adegwati jiġu inklużi fl-istrateġiji, fil-programmi u fl-inizjattivi ta’ politika futuri tal-UE biex jiġu indirizzati d-diversi aspetti u l-kawżi tal-faqar fost in-nisa kif indikat fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri;
(n)
li jisħaq u jqajjem kuxjenza dwar il-konsegwenzi devastanti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u fil-kunflitti armati fuq l-esklużjoni soċjali u l-faqar fost in-nisa u li jissottolinja l-ħtieġa ta’ oqfsa nazzjonali u internazzjonali leġiżlattivi b’saħħithom u li l-awturi ta’ tali vjolenza jagħtu kont ta’ għemilhom billi jitressqu quddiem il-ġustizzja u d-dritt tal-vittmi għal rimedji effettivi;
(o)
li jindirizza u jiġġieled il-prattiki tradizzjonali dannużi bħal żwiġijiet tat-tfal u furzati u mutilazzjoni ġenitali femminili;
(p)
li jiżgura miżuri kontra l-assenteiżmu tal-bniet mill-iskola waqt il-mestrwazzjoni tagħhom billi jittejbu s-sanità tal-ilma, is-servizzi tal-iġjene u l-faċilitajiet tal-iġjene mestrwali fl-iskejjel, u billi jiġi indirizzat il-faqar mestrwali u tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni f’dan il-qasam, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd; li jiżgura sinerġiji akbar bejn il-programmi li jindirizzaw is-saħħa, l-SRHR u s-servizzi tal-ilma, is-sanità u l-iġjene fl-iskejjel u l-appoġġ personali għall-bniet;
(q)
li japplika l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali permezz tal-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet biex tiġi ggarantita l-protezzjoni soċjali fundamentali;
(r)
li jiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ sigurtà soċjali b’saħħithom, inkluża l-esplorazzjoni ta’ introjtu minimu, biex tiġi żgurata xibka ta’ sikurezza għan-nisa kollha, b’mod partikolari għal dawk l-aktar f’ riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, wara t-talbiet espressi miċ-ċittadini tal-UE fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
(s)
li jiżgura li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment fl-infrastrutturi soċjali u fl-impjiegi ekoloġiċi sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;
(t)
li jtejjeb is-servizzi pubbliċi inklużi s-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni pubblika u t-trasport pubbliku ta’ kwalità u bi prezz raġonevoli u jirrikonoxxi r-rwol vitali ta’ trasport pubbliku aċċessibbli u affidabbli biex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà;
(u)
li jippromwovi impjiegi ekoloġiċi u jinvesti fil-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fit-tranżizzjoni ekoloġika peress li huwa essenzjali li jsir progress lejn ekonomija sostenibbli filwaqt li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’setturi ġodda u emerġenti;
(v)
li jirrikonoxxi li l-prekarjetà enerġetika taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat u jressaq miżuri speċifiċi biex jappoġġjaw lil dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għall-elettriku, għat-tisħin u għat-tkessiħ fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika;
(w)
li jiżgura aċċess għall-SRHR, inkluża edukazzjoni komprensiva skont l-età dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għal kulħadd, kontraċezzjoni moderna bi prezz raġonevoli, kura sikura u legali għall-abort u servizzi SRHR oħra bħala servizzi tas-saħħa tal-ommijiet ta’ kwalità;
(x)
li jippromwovi, jappoġġja u jieħu miżuri konkreti biex jiġi rrealizzat id-dritt li kulħadd igawdi mill-ogħla standard ta’ saħħa fiżika u mentali possibbli, inkluż billi jiġi żgurat aċċess universali għall-SRHR;
(i)
li jieħu azzjoni b’saħħitha biex jiddenunzja b’mod inekwivoku r-rigressjoni u l-attakki attwali kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SRHR, inkluż minn organizzazzjonijiet estremi tad-drittijiet tal-bniedem u movimenti antidemokratiċi, biex jimminaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa, l-awtonomija u l-emanċipazzjoni tagħhom f’kull qasam;
(z)
li jsaħħaħ u jappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs li qed jappoġġjaw id-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa tagħhom;
(aa)
li jħaffef l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali li diġà ttieħdu, bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Konvenzjoni 190 tal-ILO u l-UNSCR 1325; li jappoġġja miżuri ġodda li jagħtu s-setgħa lin-nisa u lill-bniet u b’hekk jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali tagħhom;
(ab)
li jaħdem biex jippromwovi l-kunċett tal-ġlieda kontra forom multipli u intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni, fil-korpi kollha tan-NU u fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;
(ac)
li jtenni r-rwol ewlieni li jrid ikollha l-UE fil-livell multilaterali favur id-diplomazija tan-nisa sabiex jiġu implimentati ftehimiet internazzjonali rigward id-drittijiet u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jimpenjaw ruħhom li javvanzaw lejn politika estera, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp femminista li tinvolvi viżjoni trasformattiva fir-rigward tal-ġeneru u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir parti ewlenija mill-azzjonijiet u l-prijoritajiet esterni tagħhom;
(ad)
li jqis il-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u li jintużaw b’mod aktar effettiv il-prinċipji tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru, anke fil-politiki esterni tal-UE, biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja;
(ae)
li jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II u li jiżgura li 85 % tal-azzjonijiet il-ġodda kollha fir-relazzjonijiet esterni kollha sal-2025 jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-għoti tas-setgħa lin-nisa; li japplika l-approċċ olistiku u sostenibbli ta’ politika barranija femminista fl-azzjonijiet u l-politiki esterni kollha tiegħu;
(af)
li jiżgura l-ġbir ta’ data komparabbli u diżaggregata skont l-età, is-sess u l-ġeneru tas-sitwazzjoni ta’ persuni li qed jiffaċċjaw forom multipli u intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni sabiex tittejjeb l-analiżi tad-data u jiġu influwenzati t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki peress li bħalissa hemm anqas minn nofs id-data meħtieġa għall-monitoraġġ tal-SDG 5 disponibbli;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Gender differences in poverty and household composition through the life cycle (Id-differenzi bejn il-ġeneri fil-faqar u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi tul iċ-ċiklu tal-ħajja), UN Women u l-Bank Dinji.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja, u b’mod partikolari dik tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar is-Serbja(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-UE dwar is-Serbja, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell, u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, Olivér Várhelyi tad-19 ta’ Diċembru 2023, dwar l-elezzjonijiet parlamentari,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali (MIOE) għall-elezzjonijiet parlamentari bikrija fis-Serbja tas-17 ta’ Diċembru 2023,
– wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u tal-Kummissjoni ta’ Venezja tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar il-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fis-Serbja – il-liġi elettorali u l-amministrazzjoni elettorali,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ osservazzjoni elettorali tal-Kumitat Ad hoc tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ Jannar 2024 intitolat “Osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari bikrija fis-Serbja (17 ta’ Diċembru 2023)”,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-elezzjonijiet fis-Serbja tas-17 ta’ Jannar 2024 mogħti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, f’isem il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP / HR), Josep Borrell, fil-plenarja tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-ittra miftuħa dwar is-sitwazzjoni ta’ wara l-elezzjoni fis-Serbja ffirmata mill-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Barranin ta’ diversi pajjiżi tal-UE,
– wara li kkunsidra l-proċess ta’ djalogu parlamentari kofaċilitat tiegħu fis-Serbja,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-2006 tas-Serbja u l-Liġi tagħha tal-2022 dwar l-Elezzjoni tal-Membri tal-Parlament,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta’ Jannar 2022 bit-titolu “L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: Minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi wara l-isparar tal-massa f’Belgrad u qrib Mladenovac f’Mejju 2023, ġew organizzati protesti tal-massa bl-islogan “Is-Serbja kontra l-vjolenza” madwar is-Serbja; billi fl-1 ta’ Novembru 2023, il-President tas-Serbja invoka t-talbiet mill-oppożizzjoni għal elezzjonijiet bikrija biex ixolji l-parlament; billi huwa ppjana elezzjonijiet parlamentari bikrija għas-17 ta’ Diċembru 2023;
B. billi mill-2012, l-elezzjonijiet parlamentari kollha fis-Serbja ħlief waħda kienu elezzjonijiet bikrija; billi dawn kienu t-tielet elezzjonijiet parlamentari f’inqas minn erba’ snin;
C. billi wara r-riżenja ħesrem u simultanja ta’ 65 sindku mill-partit fil-gvern, inkluż is-Sindku ta’ Belgrad, u d-deċiżjoni tal-Assemblea tar-reġjun Awtonomu ta’ Vojvodina li xxolji lilha nnifisha, minkejja maġġoranzi stabbli, elezzjonijiet lokali bikrija f’terz tal-muniċipalitajiet tas-Serbja u elezzjonijiet provinċjali f’Vojvodina intalbu fl-istess jum, is-17 ta’ Diċembru 2023; billi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet muniċipali u parlamentari fl-istess jum mhijiex prattika tajba li ilha stabbilita; billi bosta osservaturi jqisu l-elezzjonijiet lokali parzjali bikrija bħala għodda għall-konsolidazzjoni tal-poter mill-gvern attwali u użu ħażin tad-drittijiet tal-vot tal-komunitajiet lokali;
D. billi l-elezzjonijiet żvolġew fost polarizzazzjoni soċjali akbar u kompetizzjoni intensa qalb aġendi politiċi kuntrastanti; billi dawn kienu kkaratterizzati minn livell bla preċedent ta’ kampanji negattivi u ta’ tbeżżigħ, kif ukoll attakki kontra l-opponenti politiċi u l-ġurnalisti;
E. billi qabel il-jum tal-elezzjoni, is-Serbja kienet naqset milli timplimenta rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja, inklużi dawk dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi, miżuri biex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-uffiċċju pubbliku u tar-riżorsi tal-Istat, is-separazzjoni bejn id-dmirijiet uffiċjali u l-attivitajiet ta’ kampanja, u mekkaniżmi effettivi biex jiġu pprevenuti l-intimidazzjoni u l-pressjoni fuq il-votanti, inkluż ix-xiri tal-vot;
F. billi l-kampanja b’mod ġenerali kienet ikkaratterizzata minn polarizzazzjoni, retorika aggressiva, skreditazzjoni personali, abbuż verbali u lingwaġġ xewwiexi saħansitra aktar estremi; billi l-pressjoni fuq l-impjegati tas-settur pubbliku, l-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi u l-iskemi ta’ inċitament għall-votanti qajmu tħassib dwar il-kapaċitajiet tal-votanti li jagħmlu għażla li tkun ħielsa minn pressjoni żejda; billi dawn il-prattiki, minbarra xi sfidi fl-aċċess għall-postijiet pubbliċi għall-oppożizzjoni, xaqilbu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ċajpru l-linja bejn l-istat u l-partit fil-gvern, f’kontradizzjoni mal-istandards internazzjonali; billi l-mezzi medjatiċi sponsorjati mir-Russja Sputnik Serbia u Russia Today Balkan, ikkontribwew b’mod attiv għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, essenzjalment dwar il-kandidati tal-oppożizzjoni;
G. billi l-kampanja kienet iddominata b’mod qawwi mill-President fil-kariga Vučić, li minkejja li ma kienx kandidat għal dawn l-elezzjonijiet, assuma rwol ċentrali fil-kampanji ta’ kuljum permezz ta’ involviment qawwi f’avvenimenti tal-Partit Progressiv Serb (SNS); billi l-lista mmexxija mill-SNS issemmiet għas-Sur Vučić;
H. billi l-kampanja u l-korpi għas-sorveljanza tal-media elettronika baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom ineffettivi biex jiskoraġġixxu l-ksur matul il-perjodu elettorali;
I. billi MIOE twettqet mill-OSKE/ODIHR, mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Parlament Ewropew sabiex jiġi ddeterminat jekk l-elezzjonijiet kinux konformi mal-impenji tal-OSKE u ma’ obbligi u standards internazzjonali oħra għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
J. billi l-listi tal-votanti ġew aġġornati permezz tar-reġistru unifikat tal-votanti u n-numru finali ta’ votanti kien ta’ 6 500 666; billi ġie allegat li bosta persuni deċeduti baqgħu fir-reġistru;
K. billi l-parteċipazzjoni tal-votanti kienet ta’ 58,58 %, kemmxejn ogħla minn dik tal-elezzjonijiet preċedenti, li saru fl-2022;
L. billi minkejja l-fatt li 43 % tal-2 817-il kandidat parlamentari kienu nisa u li saru sforzi biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa, in-nisa għadhom, b’mod ġenerali, sottorappreżentati f’karigi eletti u maħtura;
M. billi l-elezzjonijiet, b’mod ġenerali, seħħew mingħajr xkiel, iżda l-ġurnata kienet ikkaratterizzata minn bosta nuqqasijiet proċedurali, fosthom l-applikazzjoni inkonsistenti ta’ salvagwardji matul il-votazzjoni u l-għadd, każijiet frekwenti ta’ affollament eċċessiv, ksur tas-segretezza tal-votazzjoni, u bosta każijiet ta’ votazzjoni fi grupp u atti iżolati ta’ attakki fiżiċi;
N. billi skont il-Kummissjoni Elettorali tar-Repubblika Serba (REC), il-SNS rebaħ 46.75 % tal-voti, filwaqt li l-akbar koalizzjoni tal-oppożizzjoni, “is-Serbja kontra l-Vjolenza” rebħet 23.66 %, il-Partit Soċjalista tas-Serbja rebaħ 6.55 %, il-koalizzjoni NADA rebħet 5.02 %, “Aħna – il-Vuċi tal-Poplu” rebħet 4.69 % u ħames listi ta’ minoranza rebħu total ikkombinat ta’ 3.68 %;
O. billi d-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali enfasizzat li “l-elezzjonijiet parlamentari bikrija tas-17 ta’ Diċembru, għalkemm amministrati teknikament tajjeb u offrew lill-votanti għażla ta’ alternattivi politiċi, kienu ddominati mill-involviment deċiżiv tal-President li flimkien mal-vantaġġi sistemiċi tal-partit fil-gvern ħolqu kundizzjonijiet inġusti”; billi r-rapport finali tal-OSKE/ODIHR huwa mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin;
P. billi l-allegazzjonijiet ewlenin ta’ irregolaritajiet matul il-jum tal-elezzjoni jikkonċernaw b’mod partikolari lil Belgrad, fejn “votanti fantażma” minn muniċipalitajiet Serbi oħra li dakinhar ma kellhomx elezzjonijiet, kif ukoll minn pajjiżi ġirien kienu qed jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet f’appartamenti fejn ma kinux jgħixu; billi kien hemm diversi allegazzjonijiet li l-votanti li jgħixu barra mill-pajjiż kienu qed jiġu organizzati u jinġiebu lejn is-Serbja mill-partit fil-gvern biex jitfgħu l-vot tagħhom għall-elezzjonijiet lokali f’Belgrad;
Q. billi l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili Serba CRTA wettqet analiżi fil-fond, ibbażata fuq data u riżorsi limitati, u għamlet l-istima konservattiva ħafna li l-ineżattezzi fir-reġistru tal-votanti jammontaw għal mill-inqas 30 000 votant; billi għandhom evidenza soda li din l-ineżattezza kienet parti minn strateġija ta’ inġinerija elettorali illegali u illeġittima biex tinfluwenza r-riżultati tal-elezzjoni u tgħawweġ ir-rieda tal-votanti; billi n-nies kienu qed jiġu ttrasportati mis-Serbja u lil hinn minnha kollha (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Montenegro) biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali f’Belgrad; billi anke uffiċjali tal-gvern u politiċi mill-Bożnija-Ħerzegovina vvutaw b’mod miftuħ fl-elezzjonijiet muniċipali ta’ Belgrad; billi l-Gvern Serb iddefenda din il-prattika bħala leġittima;
R. billi allegazzjonijiet sostantivi oħra ta’ irregolaritajiet jinkludu x-xiri tal-voti, il-preġudizzju medjatiku, il-pressjoni fuq l-impjegati tas-settur pubbliku, l-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi, l-intimidazzjoni u t-tfigħ ta’ voti żejda;
S. billi l-awtoritajiet Serbi jiċħdu kwalunkwe irregolarità; billi kemm il-President Serb kif ukoll il-media kkontrollata mill-Kremlin allegaw li pajjiżi oħra interferixxew fil-proċess elettorali fis-Serbja b’modi brutali, iżda ma pprovdewx evidenza sostanzjata għal dawn l-affermazzjonijiet; billi l-Prim Ministru Brnabić irringrazzja pubblikament lis-servizzi tal-intelligence Russi talli pprovdew informazzjoni dwar l-attivitajiet ippjanati tal-oppożizzjoni; billi t-tixrid tad-diżinformazzjoni u n-narrattivi Russi huma problema serja u persistenti fis-Serbja, b’mod partikolari matul il-kampanji elettorali; billi l-Kremlin ikkundanna l-protesti pubbliċi kontra l-elezzjonijiet ġenerali ffrodati Serbi bħala attentati mill-Punent biex jipprovaw iwaqqgħu l-gvern u jorganizzaw “kolp ta’ stat ta’ Maidan” ieħor;
T. billi l-organizzazzjonijiet indipendenti Serbi li jiddenunzjaw l-irregolaritajiet matul l-elezzjonijiet reċenti kienu soġġetti għal attakki kontinwi minn uffiċjali tal-gvern; billi minkejja l-fatt li kixfu ħafna evidenza konkreta li tissuġġerixxi l-frodi elettorali, l-awtoritajiet Serbi s’issa rrifjutaw li jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet u minflok ippruvaw jiskreditaw u jintimidaw lill-osservaturi elettorali li ppubblikaw l-episodji tal-irregolaritajiet; billi minn mindu saru l-elezzjonijiet, politiċi ewlenin Serbi, inkluż il-President, kasbru b’mod inġust lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lil membri oħra tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali (MIOE);
U. billi r-riżultati tal-elezzjonijiet, speċjalment l-elezzjonijiet muniċipali f’Belgrad, ġew ikkontestati mill-oppożizzjoni, u dan wassal għal dimostrazzjonijiet paċifiċi kbar mibdija mill-koalizzjoni tal-oppożizzjoni “Serbja kontra l-Vjolenza” u l-assoċjazzjoni mhux partiġġjana ProGlas biex jitolbu l-annullament tal-elezzjonijiet u li ssir votazzjoni ġdida; billi l-Kummissjoni Elettorali tar-Repubblika Serba (REC) irrifjutat l-ilmenti tal-oppożizzjoni; billi l-oppożizzjoni talbet li r-riżultati elettorali jiġu annullati quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minħabba allegazzjonijiet ta’ frodi mifruxa;
V. billi protesta fl-24 ta’ Diċembru 2023 ħadet xejra vjolenti meta xi wħud mid-dimostranti attakkaw l-Assemblea tal-Belt ta’ Belgrad, u wara dan il-pulizija arrestaw 38 persuna, inklużi studenti, li ġew imħarrka talli kkontestaw l-ordni kostituzzjonali u li minnhom uħud għadhom taħt detenzjoni domiċiljari; billi bosta dimostranti paċifiċi ddikjaraw li kien hemm hooligans lebsin il-maskri li infiltraw id-dimostrazzjonijiet; billi d-dimostranti paċifiċi ddenunzjaw ukoll l-użu sproporzjonat tal-forza mill-pulizija;
W. billi matul l-aħħar għaxar snin minn meta l-President Vučić ħa l-poter, kien hemm erożjoni kontinwa tal-libertà tal-media fis-Serbja, ikkaratterizzata minn pressjoni politika, theddid u saħansitra attakki fiżiċi kontra l-ġurnalisti; billi r-Reporters mingħajr fruntieri taw fost l-aktar punteġġi baxxi lis-Serbja fl-Ewropa f’dak li huwa l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħha, u fl-2023 il-pajjiż niżel 12-il post biex sab ruħu fil-91 post;
X. billi l-istat tad-dritt u l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tas-Serbja jibqgħu sfida ewlenija għall-proċess ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE;
1. Jiddeplora l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari u lokali Serbi li saru fis-17 ta’ Diċembru 2023 iddevjaw mill-istandards internazzjonali u mill-impenji tas-Serbja għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, minħabba l-abbuż persistenti u sistematiku tal-istituzzjonijiet u tal-media min-naħa tal-persuni diġà fil-kariga sabiex jiksbu vantaġġ inġust u mhux dovut; iqis li dawn l-elezzjonijiet ma jistax jitqies li seħħew f’kundizzjonijiet ġusti; jinsab allarmat mir-rapporti dwar l-iskala mifruxa u sistematika ta’ frodi li kkompromettiet l-integrità tal-elezzjonijiet fis-Serbja;
2. Jinnota li l-MIOE ddikjarat li l-elezzjoni saret mingħajr xkiel, iżda li l-ġurnata kienet ikkaratterizzata minn bosta nuqqasijiet proċedurali, fosthom l-applikazzjoni inkonsistenti ta’ salvagwardji matul il-votazzjoni u l-għadd, każijiet frekwenti ta’ ffullar eċċessiv, ksur tas-segretezza tal-votazzjoni, u bosta każijiet ta’ votazzjoni fi grupp; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar dawk l-irregolaritajiet u l-ambjent elettorali ġenerali, li waqgħu taħt l-istandards mistennija minn pajjiż kandidat tal-UE; ifakkar lill-awtoritajiet Serbi li l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tas-Serbja jinsab fil-qalba tal-proċess ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE u tal-metodoloġija ta’ adeżjoni tal-UE;
3. Jinnota bi tħassib serju l-evidenza estensiva miġbura mill-osservaturi internazzjonali u domestiċi li turi attivitajiet li jwasslu għal jum l-elezzjoni u matulu li setgħu biddlu l-eżitu tal-elezzjonijiet u setgħu affettwaw b’mod kritiku r-riżultati tal-elezzjonijiet muniċipali ta’ Belgrad, b’mod partikolari, u li dgħajfu serjament il-leġittimità tal-elezzjonijiet parlamentari;
4. Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti minn esperti u istituzzjonijiet legali internazzjonali rrispettati dwar l-irregolaritajiet tal-elezzjonijiet parlamentari, provinċjali u muniċipali, u li tingħata attenzjoni speċjali lill-elezzjonijiet tal-Assemblea tal-Belt ta’ Belgrad, peress li ċerti allegazzjonijiet, inklużi dawk rigward il-migrazzjoni organizzata tal-votanti fil-livell lokali, imorru lil hinn mill-ambitu kopert mir-rapporti tal-OSKE/ODIHR; jappoġġja l-fatt li ntbagħtet fil-pront missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni ad hoc fis-Serbja, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva li tibgħat missjoni ta’ esperti fis-Serbja biex tivvaluta s-sitwazzjoni fir-rigward tal-elezzjonijiet reċenti u l-iżviluppi ta’ wara l-elezzjoni fi sforz li jiġu ffaċilitati l-prekundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ djalogu soċjetali meħtieġ sabiex isir tentattiv biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u l-kunfidenza tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet, u biex tivvaluta u tindirizza l-kwistjonijiet sistemiċi tal-istat tad-dritt fis-Serbja, filwaqt li tħares lejn l-eżempju tar- “Rapporti Priebe”;
6. Jiddeplora n-nuqqas ta’ rispons istituzzjonali għall-allegazzjonijiet serji tal-involviment tal-persuni diġà fil-kariga fil-manipulazzjoni u l-abbuż elettorali, hekk kif dan jikkontribwixxi għal atmosfera ta’ impunità u jiżgura l-kontinwazzjoni ta’ dawn il-prattiki; Jinnota, bi tħassib, li wħud mill-irregolaritajiet elettorali li seħħew qabel l-elezzjonijiet ta’ Diċembru 2023 jikkostitwixxu ksur potenzjali tal-liġi Serba u l-Kostituzzjoni tagħha; jisħaq li, jekk titħalla tippersisti mingħajr riperkussjonijiet, din il-prattika se tkompli ddgħajjef il-fiduċja fil-proċess elettorali u fl-istituzzjonijiet tas-Serbja, u b’hekk tfixkel b’mod irrevokabbli t-tmexxija demokratika u t-tkomplija tal-integrazzjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza li jiġu investigati bir-reqqa l-ilmenti kollha relatati mal-elezzjonijiet, inkluża t-talba reċenti biex jitħassru l-elezzjonijiet tal-Assemblea tal-Belt ta’ Belgrad tas-17 ta’ Diċembru 2023, li tressqet quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minn uffiċjal tal-koalizzjoni “Serbja kontra l-Vjolenza”;
7. Jiddeplora n-nuqqas ta’ prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet relatati ma’ reati matul l-elezzjonijiet, inklużi allegazzjonijiet serji ta’ manipulazzjoni illegali tar-reġistru tal-votanti u tad-drittijiet tal-vot, pressjoni u intimidazzjoni kontra ċ-ċittadini u l-kandidati elettorali, każijiet ta’ korruzzjoni, l-iffalsifikar tal-firem taċ-ċittadini, il-klijenteliżmu, l-abbuż illeġittimu u illegali tad-data taċ-ċittadini, l-abbużi tal-uffiċċju tal-istat u n-nuqqas ta’ mekkaniżmi effettivi biex jiġi evitat li min hu diġà fil-kariga jkollu vantaġġ istituzzjonali inġust fl-elezzjonijiet;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw, iħarrku u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal kwalunkwe reat kriminali matul l-elezzjonijiet, u għal kwalunkwe attakk fuq l-istudenti;
9. Jikkundanna l-attakki orkestrati minn uffiċjali Serbi fuq osservaturi elettorali, inklużi Membri tal-Parlament Ewropew u jitlob li jerġa’ jkun hemm diskors kostruttiv u li juri rispett, filwaqt li jenfasizza l-importanza tar-rispett reċiproku fil-proċess demokratiku; jinsab imħasseb ħafna dwar it-tentattivi biex l-osservaturi jiġu skreditati u intimidati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw kwalunkwe kampanja ulterjuri ta’ diżinformazzjoni kontra osservaturi elettorali u jistabbilixxu kundizzjonijiet li jippermettu lill-osservaturi elettorali nazzjonali u internazzjonali jagħmlu xogħolhom b’mod effettiv, kif ukoll jipproteġuhom minn kwalunkwe vjolenza, theddid, ritaljazzjoni, diskriminazzjoni avversa, pressjoni jew kwalunkwe azzjoni arbitrarja oħra bħala konsegwenza tal-eżerċizzju leġittimu tagħhom tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; ifaħħar il-ħidma tal-osservaturi domestiċi miċ-Ċentru għar-Riċerka, it-Trasparenza u r-Responsabbiltà (CRTA) u ċ-Ċentru għall-Elezzjonijiet Ħielsa u d-Demokrazija (CeSID);
10. Jinsab imħasseb dwar il-“passivazzjoni” tal-indirizzi residenzjali ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini, inkluż f’Belgrad u fin-Nofsinhar tas-Serbja, hekk kif din iċċaħħadhom mid-dritt tal-vot; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jirrimedjaw dan il-ksur serju tad-drittijiet elettorali mingħajr aktar dewmien;
11. Iħeġġeġ lir-Repubblika tas-Serbja tindirizza t-tħassib dwar il-parteċipazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-proċess elettorali, filwaqt li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji għall-istatus ta’ minoranza u tindirizza l-vulnerabbiltajiet għall-pressjoni u x-xiri tal-voti;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu soluzzjonijiet istituzzjonali biex jingħelbu l-problemi attwali; jitlob lill-Parlament u lill-Gvern Serb biex jagħmlu kull sforz biex jiffunzjonaw b’mod effettiv, ħieles miċ-ċiklu kostanti ta’ kampanji u elezzjonijiet antiċipati frekwenti;
13. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jirbħu lura l-fiduċja tal-elettorat fil-proċess kollu, jistabbilixxu proċeduri elettorali kompletament trasparenti u jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont min-naħa tal-awtoritajiet, kemm jekk ikunu responsabbli mill-elezzjonijiet kif ukoll jekk ikunu qed jinterferixxu fihom; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jikkooperaw bis-sħiħ u b’mod sostanzjali mal-ODIHR, l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa u jiffaċilitaw proċess inklużiv biex jissaħħu d-drittijiet u l-libertajiet relatati mal-elezzjonijiet, l-istituzzjonijiet u l-proċessi, bil-parteċipazzjoni ta’ osservaturi elettorali domestiċi u partiti politiċi; jilqa’ kwalunkwe pass ġenwin f’din id-direzzjoni;
14. Jinnota, bi tħassib, li s-Serbja ma implimentatx bosta mir-rakkomandazzjonijiet li l-OSKE/l-ODIHR ilhom li għamlu żmien twil dwar kwistjonijiet ewlenin fil-proċess elettorali, minkejja li ġiet ripetutament imħeġġa tagħmel dan, inkluż mill-Kummissjoni; jieħu nota tal-emendi reċenti li indirizzaw b’mod selettiv uħud mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-qafas legali għall-finanzjament tal-kampanji elettorali;
15. Jistenna bil-ħerqa r-rapport finali tal-MIOE tal-OSKE/ODIHR; iħeġġeġ lis-Serbja timplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-OSKE/ODIHR tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar il-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fis-Serbja, b’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet esperti tas-soċjetà ċivili u ferm qabel l-elezzjonijiet li jmiss, sabiex jiġu evitati irregolaritajiet u frodi ġodda filwaqt li jiġi garantit il-funzjonament demokratiku tal-pajjiż, b’mod partikolari dawk rigward l-aċċess tal-kandidati kompetituri għall-media, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont akbar tal-finanzjament tal-kampanji, miżuri biex tiġi indirizzata l-pressjoni fuq il-votanti u l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi;
16. Jistieden lis-Serbja timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-OSKE/l-ODIHR biex twettaq awditu komprensiv tar-reġistru tal-votanti unifikat sabiex tindirizza t-tħassib dwar l-akkuratezza, inklużi allegazzjonijiet ta’ migrazzjoni tal-votanti u entrati ta’ persuni mejta; jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet li r-reġistru unifikat tal-votanti diġà rreġistra żidiet sinifikanti ta’ votanti fi bliet fejn l-elezzjonijiet lokali se jsiru aktar tard fl-2024;
17. Iħeġġeġ lir-REC tieħu l-passi meħtieġa ħalli tindirizza t-tħassib dwar it-trasparenza u l-effiċjenza tal-funzjonament tagħha, inkluża l-pubblikazzjoni f’waqtha tar-riżultati tal-monitoraġġ matul il-perjodu tal-kampanja;
18. Jikkundanna l-assenza ta’ pluraliżmu tal-media matul il-kampanja elettorali, kif ukoll id-diżinformazzjoni u r-rappurtar mifrux mhux etiku u preġudikat tal-media favur il-persuni diġà fil-kariga; jinnota, bi tħassib, li għadd kbir ta’ mezzi medjatiċi huma influwenzati jew ikkontrollati mill-gvern, u li dan irriżulta f’kundizzjonijiet mhux ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni matul il-kampanja; jikkundanna l-attakki instigati mill-mezzi medjatiċi qrib il-gvern kontra ġurnalisti kritiċi; jiddeplora l-esponiment pubbliku enormi tal-President tas-Serbja qabel u matul il-kampanja, peress li xejjen il-linji bejn l-istituzzjoni tal-president, l-istat u l-partit politiku fil-poter;
19. Jinsab imħasseb li minkejja l-liġijiet il-ġodda dwar il-media elettronika u dwar l-informazzjoni pubblika u l-media, il-kundizzjonijiet u l-pluraliżmu fil-media marru għall-agħar; jiddispjaċih ħafna li l-Awtorità Regolatorja għall-Media Elettronika (REM) ittraskurat l-obbligi tagħha skont il-liġi li tiskrutinizza l-kampanja tal-media, tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha u tissanzjona lill-mezzi medjatiċi li kisru l-liġi, xerrdu d-diskors ta’ mibegħda jew kisru l-istandards ġurnalistiċi; jinnota, bi tħassib, li r-REM ippubblikat biss riżultati ta’ monitoraġġ għax-xandar pubbliku u għall-kanali privati bil-kejbil, iżda mhux għall-kanali nazzjonali privati qrib il-partit fil-gvern;
20. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar każijiet ta’ attakki u lingwaġġ abbużivi, flimkien ma’ fastidju kontra ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, f’xi każijiet minn uffiċjali tal-gvern, b’mod partikolari qabel l-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jiġġieldu l-indħil barrani u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni, itejbu b’mod qawwi l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu indipendenti u jiżguraw ambjent medjatiku trasparenti; jissottolinja li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ jagħmlu aktar biex jiżguraw li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-ġurnalisti u tal-media Serbi; jirrimarka li l-aċċess għall-finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni għandu jintuża bħala għodda biex is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media ma tibqax sejra lura;
21. Jitlob li ssir riforma tal-effettività tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tal-kampanja, inkluż tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u tal-Kumitat ad hoc għas-Sorveljanza tal-Kampanji, biex jiġi żgurat indirizzar f’waqtu u trasparenti tal-ilmenti relatati mal-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi;
22. Jissottolinja li s-Serbja, bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE, jonqsu standards demokratiċi bażiċi tal-UE u internazzjonali implimentati biżżejjed; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw li hemm biżżejjed garanziji demokratiċi fis-seħħ biex isiru l-elezzjonijiet lokali regolari li jmiss fl-2024, kif ukoll f’elezzjonijiet futuri;
23. Jinnota li l-Parlamenti Serbi kollha f’dawn l-aħħar 12-il sena, għajr wieħed, ġew xolti kmieni u li r-ripetizzjoni ta’ elezzjonijiet antiċipati bla bżonn iddgħajjef l-istabbiltà politika; jissottolinja li elezzjonijiet kostantement bikrija, ambjent ta’ kampanja elettorali permanenti u dewmien twil biex jissawru l-gvernijiet ma jikkontribwixxux għal governanza demokratika effiċjenti tal-pajjiż, iżda minflok idgħajfu l-parlament tiegħu u jwasslu għal nuqqas ta’ leġittimità u sorveljanza leġiżlattiva parlamentari;
24. Jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u jirrikonoxxi li kulħadd għandu d-dritt li jesprimi l-fehmiet tiegħu u jipparteċipa fi protesti paċifiċi; jikkundanna, f’dan il-kuntest, l-użu sproporzjonat tal-vjolenza mill-pulizija kontra dimostranti paċifiċi li jipprotestaw kontra l-frodi elettorali; jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet li aġenti provokaturi infiltraw il-protesti biex jiskattaw l-intervent tal-pulizija; jinsab imħasseb dwar valutazzjonijiet li xi parteċipanti fil-protesta tal-24 ta’ Diċembru 2023 irċevew trattament sproporzjonatament aħrax mill-pulizija u l-ġudikatura, b’kuntrast qawwi mal-prattiki tal-pulizija Serba fi protesti preċedenti fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw il-kawżi legali li għaddejjin bħalissa relatati mal-protesti;
25. Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati tal-awtoritajiet Serbi li l-Istati Membri tal-UE kienu involuti fl-organizzazzjoni ta’ protesti ta’ wara l-elezzjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-protesti ntużaw bħala skuża biex jinfirxu narrattivi kontra l-UE fil-media qrib il-partit fil-gvern;
26. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ kritika vokali espressa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari mill-Kummissarju għat-Tkabbir, rigward id-diversi allegazzjonijiet ta’ frodi tal-votanti fl-elezzjonijiet Serbi, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqasijiet li wasslu għal dawn l-allegazzjonijiet mingħajr dewmien;
27. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li n-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja għandhom javvanzaw biss jekk il-pajjiż jagħmel progress sinifikanti fir-riformi tiegħu relatati mal-UE inluża l-implimentazzjoni bis-sħiħ tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill japplikaw kundizzjonalità severa; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi bir-reqqa r-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tibda minnufih l-awditu tal-finanzjament ipprovdut lill-Gvern Serb fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III (IPA III) u strumenti finanzjarji oħra; jissottolinja li jekk l-awtoritajiet Serbi ma jkunux lesti jimplimentaw rakkomandazzjonijiet elettorali ewlenin jew jekk is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni jindikaw li l-awtoritajiet Serbi kienu involuti direttament fil-frodi tal-votanti, jitlob is-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE abbażi ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt b’rabta mal-elezzjonijiet tas-Serbja;
28. Jimpenja ruħu li jimmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ta’ wara l-elezzjonijiet fis-Serbja u jimpenja ruħu li jappoġġja riformi li jsaħħu d-demokrazija u jgħinu lis-Serbja tavvanza fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE; jisħaq li dejjem ħadem biex jappoġġja l-pluraliżmu politiku u t-tisħiħ ta’ ambjent elettorali inklużiv fis-Serbja permezz tal-attivitajiet kollha tiegħu, b’mod partikolari permezz tad-djalogu bejn il-partiti u l-proċess ta’ djalogu parlamentari; jissottolinja l-importanza li jitkompla d-djalogu bejn il-partiti u l-proċess ta’ djalogu parlamentari; jistieden lill-UE tikkofaċilita djalogu intern u sinifikanti fis-Serbja bejn il-gvern u l-oppożizzjoni sabiex tingħeleb il-klima attwali ta’ polarizzazzjoni politika profonda; iqis li l-Parlament, f’dan l-isfond, huwa l-aktar istituzzjoni xierqa biex jaġixxi bħala faċilitatur kostruttiv;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, lill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025
173k
54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 (2023/2082(INI))
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tal-5 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża C-673/16,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul), li ġiet irratifikata mill-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji ta’ Yogyakarta u dwar l-applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE(1),
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta’ Libertà LGBTIQ(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2021 dwar ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija b’riżultat tal-bidliet legali adottati mill-Parlament Ungeriż(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2022 dwar iż-żieda fir-reati ta’ mibegħda kontra persuni LGBTIQ+ fl-Ewropa kollha fid-dawl tal-qtil omofobiku reċenti fis-Slovakkja(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2023 dwar id-dekriminalizzazzjoni universali tal-omosesswalità fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fl-Uganda(6),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2022 għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, id-dritt applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet tal-istat ta’ ġenitur u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Istat ta’ ġenitur (COM(2022)0695),
– wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari tiegħu ta’ Diċembru 2023 bit-titolu “The 2020-2025 LGBTIQ Equality Strategy – Implementation overview” (L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025– Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni)(7),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Istrateġiji u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE biex Tissaħħaħ l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ imħejjija mill-Kummissjoni fl-2022,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/442 tal-24 ta’ Jannar 2024 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea”(8),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta’ rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0030/2024),
A. billi d-drittijiet tal-LGBTIQ+ huma drittijiet fundamentali, u s-sistema ta’ kontrokontrolli fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-demokrazija huma kruċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-LGBTIQ; billi s-sikurezza u d-dinjità tal-persuni LGBTIQ+ hija s-sikurezza u d-dinjità tagħna lkoll;
B. billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;
C. billi l-ugwaljanza u l-protezzjoni tal-minorenni huma fost il-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;
D. billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri;
E. billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet skont id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali;
F. billi sar progress fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ f’xi Stati Membri;
G. billi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u l-karatteristiċi tas-sess (SOGIESC), reali jew perċepiti, tippersisti madwar l-UE;
H. billi żviluppi f’xi Stati Membri wrew li l-progress fir-rigward tad-drittijiet tal-LGBTIQ+ ma jistax jittieħed bħala fatt;
I. billi fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Parlament u 15-il Stat Membru, irreferiet lill-Ungerija għall-QĠUE minħabba ksur tad-drittijiet tal-LGBTIQ;
J. billi l-Latvja għandha tingħaqad mas-Sottogrupp dwar l-Ugwaljanza LGBTIQ imwaqqaf fl-ambitu tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-Nondiskriminazzjoni, l-Ugwaljanza u d-Diversità – bħala l-aħħar Stat Membru li jagħmel dan wara li reċentement Ċipru esprima l-interess tiegħu – bil-għan li ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija LGBTIQ fl-Istati Membri kollha;
K. billi l-Parlament jikkundanna, bl-aktar termini qawwijin, il-liġijiet, il-politiki u l-prattiki diskriminatorji kontra l-persuni LGBTIQ+, bħall-“Abbozz Kontra l-Omosesswalità” fl-Uganda;
L. billi fit-30 ta’ Novembru 2023 il-Qorti Suprema tar-Russja pprojbixxiet il-“moviment LGBT internazzjonali” billi ddikjarat li huwa organizzazzjoni estremista; billi din id-deċiżjoni hija attakk serju kontra l-persuni LGBTIQ+ u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTIQ+ fir-Russja u se jkollha impatt serju fuq is-sitwazzjoni tagħhom; billi l-persuni LGBTIQ+ fiċ-Ċina esperjenzaw żieda fil-fastidju u ċ-ċensura, inkluż online;
M. billi r-Rieżami Annwali tal-2023 tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bissesswali, Transġeneri u Intersesswali ddokumenta l-akbar numru ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra persuni LGBTIQ+ fi 12-il sena;
N. billi ż-żieda fir-retorika kontra d-drittijiet, inkluż minn politiċi eletti, ikkontribwiet għall-ħolqien ta’ ambjent ostili għal persuni LGBTIQ+ u dawk li jippromwovu d-drittijiet tal-LGBTIQ+;
O. billi l-bini ta’ soċjetajiet sikuri, ħielsa u inklużivi għall-persuni LGBTIQ+ jimplika l-indirizzar ta’ manifestazzjonijiet multipli u intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni, esklużjoni u vjolenza;
P. billi l-persuni LGBTIQ+ jiffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza madwar id-dinja;
Q. billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ madwar id-dinja;
R. billi l-forom u l-manifestazzjonijiet kollha ta’ mibegħda u intolleranza, inklużi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, huma inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;
S. billi l-hekk imsejħa “prattiki ta konverżjoni” jistgħu jibbażaw fuq metodi differenti bħal xokkijiet elettriċi, it-teħid ta’ ormoni jew riti ta’ eżorċiżmu li jsarrfu f’prattiki ta’ tortura; u huwa stmat li 2 % tal-persuni LGBTIQ+ fl-UE fil-fatt ġew sottomessi għal tali “prattiki ta’ konverżjoni” u 5 % minnhom ġew offruti konverżjoni, għalkemm iċ-ċifri reali jistgħu jkunu ferm ogħla;
T. billi l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) bit-titolu “Projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2023; billi titlob lill-UE tieħu azzjoni biex tipproponi projbizzjoni legali vinkolanti fuq il-prattiki ta’ konverżjoni mmirati lejn iċ-ċittadini LGBTIQ + fl-Unjoni Ewropea; billi l-Kummissjoni rreġistrat bis-sħiħ din l-IĊE fil-21 ta’ Jannar 2024;
Konklużjonijiet prinċipali
1. Jilqa’ l-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta’ Novembru 2020 (COM(2020)0698) u r-Rapport ta’ Progress reċenti tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija; jinnota l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Istrateġija, u jesprimi tħassib kbir dwar id-disparitajiet fil-ftuħ għall-Istrateġija bejn l-Istati Membri; jilqa’ l-isforzi mill-Kummissjoni Ewropea biex tippromwovi l-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+ fl-oqsma kollha inklużi fl-Istrateġija; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ċerti azzjonijiet ewlenin previsti mill-Kummissjoni s’issa għadhom ma ġewx implimentati;
2. Jirrikonoxxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 filwaqt li jisħaq li l-ugwaljanza reali għall-persuni LGBTIQ+ fl-UE għadha ’l bogħod ħafna mir-realtà attwali; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni u l-vjolenza mġarrba mill-persuni LGBTIQ+ fl-UE u l-konsegwenzi tagħhom għat-tgawdija sħiħa ta’ ħajjiet ħielsa u dinjitużi;
3. Jiddeplora l-fatt li d-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni ilha mblukkata fil-Kunsill mill-2008; iqis li kwalunkwe aġġornament għal din il-proposta mill-Kummissjoni jrid jibni fuq il-pożizzjoni tal-Parlament, jindirizza d-diskriminazzjoni intersezzjonali u jipprojbixxi espliċitament id-diskriminazzjoni minħabba kwalunkwe kombinazzjoni ta’ raġunijiet elenkati fil-Karta; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill injora dawn it-talbiet u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jintegrahom fil-mandat tiegħu u jieħu l-azzjonijiet xierqa kollha ħalli jiġġieled id-diskriminazzjoni fl-UE;
4. Jitlob li jiġu inklużi r-raġunijiet kollha ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru u karatteristiċi tas-sess fil-leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, abbażi ta’ interpretazzjoni wiesgħa tar-raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u sess u l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel stabbilit fit-Trattati; jinnota li dan se jiżgura ċertezza tad-dritt u komprensività tal-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ+;
5. Jissottolinja li l-persuni LGBTIQ+ huma affettwati b’mod sproporzjonat minn kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, faqar u esklużjoni soċjoekonomika; jesprimi tħassib dwar l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u tal-akkomodazzjoni fuq ħajjet il-persuni LGBTIQ+; itenni li l-akkomodazzjoni hija dritt fundamentali;
6. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li minkejja l-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fl-impjiegi u l-okkupazzjoni, il-persuni LGBTIQ+ għadhom jiffaċċjaw ostakli biex isibu impjiegi, b’mod partikolari xogħol deċenti; jesprimi l-fehma li d-drittijiet tal-LGBTIQ+ huma drittijiet tal-ħaddiema;
7. Jissottolinja li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u s-sess, reali jew perċepiti, għad għandha impatt sinifikanti fuq is-saħħa fiżika, mentali u sesswali tal-persuni LGBTIQ+ kif ukoll fuq il-benesseri tagħhom; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-persuni LGBTIQ+ għadhom qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura tas-saħħa; jissottolinja li l-aċċess għall-kura tas-saħħa għandu jiġi offrut bħala servizz pubbliku universali, f’waqtu u aċċessibbli;
8. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ edukazzjoni inklużiva u sikura għall-persuni LGBTIQ+ fl-Istati Membri kollha, speċjalment għaż-żgħażagħ LGBTIQ+;
9. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-persuni LGBTIQ+ għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni f’xi Stati Membri b’rabta mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali, is-sigurtà soċjali, aċċess għall-provvista ta’ oġġetti u setturi jew servizzi oħrajn;
10. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-persuni LGBTIQ+ aktar avvanzati fl-età huma partikolarment affettwati min-nuqqas ta’ drittijiet LGBTIQ+, li jkompli jaggrava s-sensazzjoni ta’ iżolament u ostakli soċjali fl-aċċess għal servizzi essenzjali; jenfasizza li l-popolazzjoni LGBTIQ+ aktar avvanzata fl-età spiss ma tiġix ikkunsidrata fit-tfassil ta’ politiki u proġetti pubbliċi, inkluż dawk imfassla apposta għall-persuni LGBTIQ+; jissottolinja li l-popolazzjoni LGBTIQ+ aktar avvanzata fl-età hija affettwata b’mod sproporzjonat mill-faqar u min-nuqqas ta’ aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u networks ta’ kura adegwata; jissottolinja li Żona ta’ Libertà LGBTIQ Ewropea ma tista’ tħalli lil ħadd jibqa’ lura;
11. Jisħaq li s-servizzi tal-kura għal persuni LGBTIQ+ jridu dejjem jiżguraw id-dinjità, l-indipendenza, l-awtonomija, il-benesseri u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali ta’ dawk li qed jirċevuhom, inkluż il-possibbiltà ta’ kura fid-dar u servizzi bbażati fil-komunità;
12. Jinnota li l-persuni LGBTIQ+ f’reġjuni rurali, periferali u ultraperiferiċi jiffaċċjaw sfidi u ostakli partikolari fl-aċċess tagħhom għal servizzi essenzjali;
13. Jesprimi tħassib serju dwar il-persuni LGBTIQ+ li jeħtieġu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu ażil fl-Unjoni Ewropea; jesprimi tħassib li l-persuni transġeneri u intersesswali jiffaċċjaw ostakli addizzjonali fil-proċess tal-applikazzjoni għall-ażil; jissottolinja l-importanza li meta titfassal il-politika dwar l-ażil u l-migrazzjoni tal-Unjoni titqies is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ+;
14. Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda fid-diskors ta’ mibegħda, ir-reati ta’ mibegħda u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ+, inkluż fi pjattaformi online, fejn dan jista’ jwassal għall-ksur tad-drittijiet tal-privatezza tal-ispettaturi ta’ kontenut LGBTIQ+; ifakkar fil-ħtieġa ta’ politika pubblika preventiva u protettiva rigward diskors ta’ mibegħda, reati ta’ mibegħda u vjolenza motivati mill-preġudizzju kontra l-persuni LGBTIQ+; jirrikonoxxi li hemm sottorappurtar ta’ każijiet ta’ diskors u reati ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ+, minħabba nuqqas ta’ fiduċja u serħan tal-moħħ fl-awtoritajiet pubbliċi biex jindirizzaw tali reati;
15. Jikkundanna l-fatt li l-qawmien tal-forzi politiċi tal-lemin estrem immotiva żieda fl-istigmatizzazzjoni, il-fastidju, il-vjolenza u l-persekuzzjoni tal-persuni LGBTIQ+ u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u attivisti LGBTIQ+; jikkundanna l-fatt li kulma jmur qiegħda tintefa’ dejjem aktar ħtija fuq il-komunità LGBTIQ+ u l-promozzjoni tad-drittijiet LGBTIQ+ qed tiġi ttimbrata bħala “ideoloġija”;
16. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tindirizza s-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ+ fin-negozjati formali mal-pajjiżi kandidati u li tappoġġja lill-pajjiżi kandidati kollha biex jeliminaw il-lakuni leġiżlattivi u jiżguraw id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ+;
17. Jinsisti li huwa meħtieġ li l-UE tieħu approċċ komuni fir-rigward tar-rikonoxximent legali ta’ żwiġijiet u sħubijiet bejn persuni tal-istess sess, u ta’ familji qawsalla, inkluż ta’ ġenituri transġeneri, u fir-rigward tar-rikonoxximent legali tal-ġeneru, biex jiġu żgurati l-aħjar interessi tat-tfal f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB;
18. Jenfasizza l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni transġeneri, mhux binarji u intersesswali fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus soċjoekonomiku u soċjodemografiku tagħhom; jissottolinja kif in-nuqqas ta’ proċeduri legali tar-rikonoxximent tal-ġeneru jew l-ostakli għall-aċċess għalihom fl-Istati Membri jiksru d-drittijiet u jxekklu l-aspirazzjonijiet tal-persuni transġeneri, mhux binarji u intersesswali madwar l-Unjoni;
19. Jinsisti li l-familji qawsalla għandhom id-dritt għal moviment liberu fl-UE, u li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni kontra t-tfal tal-familji qawsalla fir-rigward tal-ksib taċ-ċittadinanza tal-UE;
20. Jesprimi tħassib li t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ u t-tfassil ta’ profil tista’ toħloq riskji akbar għall-persuni LGBTIQ+, b’mod partikolari għall-persuni transġeneri, mhux binarji u intersesswali;
21. Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ perspettiva koeżiva tal-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ+ fl-ambitu tal-programmi differenti li jappoġġjaw l-Istrateġija;
22. Jenfasizza l-urġenza li l-Kummissjoni tiżgura l-aċċess għall-finanzjament mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) li qed jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ+ fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi; jinnota li finanzjament adegwat u flessibbli għall-OSĊ li jippromwovu d-drittijiet tal-LGBTIQ+ huwa kundizzjoni abilitanti essenzjali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet LGBTIQ+, fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi;
23. Jilqa’ l-inizjattivi tal-UE maħsuba għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTIQ+ u għall-iffaċilitar tal-ħidma tagħhom biex jiddefendu d-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkompli tindirizza l-istigmatizzazzjoni, l-intimidazzjoni, il-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTIQ+ madwar id-dinja; jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-attivisti LGBTIQ+ fl-Ukrajna, speċjalment permezz tal-modalità “għoti dirett” sa mill-bidu tal-invażjoni u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;
24. Ifakkar li l-għajnuna umanitarja tal-UE għandha tkun sensittiva għall-ġeneru, għall-età, għall-protezzjoni u għal-LGBTIQ+, filwaqt li tikkunsidra l-intersezzjonalità bħala prinċipju trażversali, u konformi mal-prinċipji umanitarji;
25. Jissottolinja li l-UE jeħtiġilha tara li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;
Rakkomandazzjonijiet
26. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw l-integrazzjoni reali tad-drittijiet LGBTIQ+ fil-politiki kollha tal-UE; jitlob li l-politiki jkopru r-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali li tista’ tkun ibbażata, fost raġunijiet oħra, fuq l-istatus soċjoekonomiku, fuq l-età, fuq ir-razza, fuq ir-reliġjon, fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess, reali jew perċepiti, jew fuq id-diżabbiltà; jitlob li l-politiki jqisu l-kuntesti partikolari tar-reġjuni rurali, periferali u ultraperiferiċi;
27. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jinkludu SOGIESC fir-raġunijiet meqjusa fil-leġiżlazzjoni tal-EU kontra d-diskriminazzjoni, f’konformità mal-mandat tal-Parlament dwar il-proposta għal direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza(9);
28. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jinvolvu persuni LGBTIQ+ fit-tfassil ta’ politiki, b’mod partikolari fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki soċjoekonomiċi, tal-akkomodazzjoni u tal-edukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-għoli tal-ħajja u l-kriżi tal-akkomodazzjoni, inkluż billi jiddefinixxu miżuri speċifiċi għall-persuni LGBTIQ+;
29. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;
30. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet tal-istat ta’ ġenitur u l-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Istat ta’ ġenitur biex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal kollha billi jiġi żgurat li r-rabtiet mal-ġenituri tagħhom, inklużi, b’mod partikolari, ġenituri tal-istess sess, stabbiliti fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal ta’ bażijiet legali oħrajn fit-Trattati, b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 21 tat-TFUE, biex tiżgura li ż-żwiġijiet, is-sħubijiet, il-paternità u l-ħajja tal-familja ta’ persuni LGBTIQ+ tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ u b’mod inkundizzjonali mill-Istati Membri kollha mingħajr diskriminazzjoni u ostakli għall-moviment ħieles;
31. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2021 li tibda azzjoni legali kontra l-Istati Membri għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ+; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri u tniedi proċeduri ta’ ksur f’każijiet li fihom ikunu nkisru d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ+, fl-ambitu tal-Artikolu 2 tat-TUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew leġiżlazzjoni sekondarja, meta applikabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod sistematiku jkollha rikors għal proċeduri mħaffa u l-applikazzjonijiet għal miżuri temporanji quddiem il-QĠUE;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mas-sentenzi tal-QĠUE u tal-QEDB, billi tindirizza każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bl-użu tal-azzjonijiet taħt l-Artikolu 260(2) tat-TFUE u r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, b’mod partikolari dwar il-persuni LGBTIQ+ u l-familji qawsalla li jaqsmu l-fruntieri fl-UE;
33. Jistieden lill-Istati Membri kollha jaderixxu mal-Linji Gwida għall-Istrateġiji u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni biex Tissaħħaħ l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ(10) kif imħejjija mis-Sottogrupp dwar l-Ugwaljanza LGBTIQ;
34. Jistieden lill-Istati Membri jestendu l-kopertura tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, filwaqt li jħallu lill-persuni LGBTIQ+ ifittxu kura speċifika, inkluż għas-saħħa u t-teknoloġiji sesswali u riproduttivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ+ fis-settur tas-saħħa;
35. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament akbar għall-għoti ta’ servizzi għall-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u jappoġġjaw lill-vittmi LGBTIQ+, b’mod partikolari lin-nisa LGBTIQ+, u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-esperjenzi speċifiċi tagħhom;
36. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li t-teknoloġiji tar-rikonoxximent tal-wiċċ u tat-tfassil ta’ profili jkunu ggwidati mill-prinċipji tat-trasparenza, l-ispjegabbiltà, il-ġustizzja, u l-obbligu ta’ rendikont sabiex jiġu indirizzati l-preġudizzji u r-riskji maħluqa għall-persuni LGBTIQ+;
37. Jistieden lill-UE tagħti aċċess għall-ażil lill-persuni LGBTIQ+, inkluż dawk minn pajjiżi terzi kklassifikati bħala pajjiżi sikuri;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ+ fl-azzjoni fl-ambitu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif imħabbar fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025, u tinkludi tali appoġġ fil-Programm ta’ Ħidma 2023-2025;
39. Jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) tiffinalizza malajr il-gwida prattika tagħha dwar l-applikanti b’SOGIESC u lill-Istati Membri biex imbagħad jaderixxu ma’ din il-gwida;
40. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-impatti u tiffinanzja lill-OSĊ u lill-proġetti akkademiċi li jinvestigaw il-moviment ta’ kontra l-ġeneru, sabiex dan jiġi indirizzat b’mod effettiv;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikorru għall-għarfien empiriku u sistematiku mibni mill-OSĊ u minn riċerkaturi akkademiċi meta jfasslu politiki u programmi biex jappoġġjaw lill-persuni LGBTIQ+ fl-Ewropa u madwar id-dinja;
42. Jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess, reali jew perċepiti, bħala motivazzjonijiet tal-preġudizzju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskors ta’ mibegħda, ir-reati ta’ mibegħda u l-vjolenza motivati minn preġudizzju ta’ SOGIESC, inkluż online; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi l-lista ta’ reati tal-UE fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tinkludi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, li tippermetti biex jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u s-sanzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata risposta soda mid-dritt kriminali tal-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda; jiddispjaċih ħafna li għaddew kważi sentejn mill-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u li l-Kunsill ma għamel l-ebda progress dwarha, minkejja li seta’ jespandi malajr il-lista ta’ reati tal-UE għal skopijiet oħra; jiddispjaċih dwar dan in-nuqqas ta’ azzjoni fid-dawl taż-żieda fid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jaħdem b’mod diliġenti lejn kunsens sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tibda t-tieni stadju tal-proċedura;
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi ’l quddiem programm ta’ ħidma biex tqajjem kuxjenza u tħeġġeġ ir-rappurtar ta’ reati ta’ mibegħda motivati minn preġudizzju għal SOGIESC; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-uffiċjali tal-pulizija u ġudizzjarji jirċievu taħriġ dwar kwistjonijiet marbuta mal-LGBTIQ+, biex jappoġġjaw aħjar lill-persuni LGBTIQ+ u jinvestigaw kif xieraq u jressqu każijiet ta’ reati ta’ mibegħda;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora qafas legali tal-UE u r-rotot possibbli li jistgħu jittieħdu biex jiġu miġġielda u pprojbiti l-prattiki ta’ konverżjoni fil-livell tal-UE, u tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri biex jipprojbixxu “prattiki ta’ konverżjoni’ minħabba raġunijiet ta’ SOGIESC;
45. Jilqa’, bħala l-ewwel pass, ir-reġistrazzjoni formali tal-Kummissjoni tal-IĊE bit-titolu “Projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea”, peress li b’dan qed jiġu rikonoxxuti r-raġunijiet legali fil-livell Ewropew biex tittieħed azzjoni dwar din il-kwistjoni; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal din l-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuqha u tipproponi atti legali bbażati fuq it-Trattati u r-Regolament dwar l-IĊE(11);
46. Jappella għal projbizzjoni fuq il-mutilazzjoni ġenitali, b’mod partikolari l-mutilazzjoni ġenitali intersesswali u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;
47. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-iskambju tal-aħjar prattiki dwar is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tat-tfal intersesswali;
8. Jappella għal projbizzjoni fuq aborti furzati u fuq sterilizzazzjonijiet furzati; jissottolinja l-importanza tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, l-awtonomija u tas-saħħa fiżika u mentali tal-persuni LGBTIQ+; jissottolinja li l-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika tinkludi ż-żieda ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili, mutilizzazzjoni ġenitali intersesswali u sterilizzazzjoni furzata mal-lista tal-UE ta’ reati kriminali;
49. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu ż-żwieġ u l-paternità ta’ koppji tal-istess ġeneru għall-finijiet ta’ eżerċitar tad-drittijiet derivati mid-dritt tal-UE, kif titlob il-QĠUE;
50. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu leġiżlazzjoni u proċeduri aċċessibbli għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru, bl-appoġġ tal-Kummissjoni;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu ambjenti sikuri u inklużivi fis-setturi tal-edukazzjoni, tal-kultura u tal-isports kif ukoll setturi oħrajn;
52. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi ulterjuri biex jiggarantixxu d-drittijiet ugwali għall-persuni LGBTIQ+ b’diżabbiltajiet, permezz ta’ protezzjonijiet espliċiti minn diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru li huma meħtieġa fl-oqsma kollha tal-ħajja inkluż l-impjieg, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjonijiet pubbliċi, u l-kreditu;
53. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola, u speċjalment biex jinkludu miżuri kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni LGBTIQ+, b’mod partikolari ż-żgħażagħ LGBTIQ+, biex jiżguraw edukazzjoni sikura u inklużiva;
54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-miżuri biex jindirizzaw il-bullying u l-fastidju ta’ tfal u żgħażagħ LGBTIQ+ fl-iskejjel u jrawmu kuxjenza dwar dawk il-każijiet; jissottolinja li tali sitwazzjonijiet jikkontribwixxu għall-esklużjoni soċjali;
55. Jistieden lill-Kummissjoni twessa’ l-finanzjament tal-Erasmus+ fl-ambitu tat-tema “Il-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ+” permezz ta’ sforzi attivi ta’ komunikazzjoni f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali;
56. Jitlob lill-UE biex tkun ta’ eżempju u tassumi rwol ta’ tmexxija f’dak li jirrigwarda l-promozzjoni tad-drittijiet tal-LGBTIQ+ madwar id-dinja, f’konformità mal-linji gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem rigward in-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Rappreżentant Speċjali għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna bil-għan li tiżgura implimentazzjoni orizzontali tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 barra mill-Ewropa;
58. Jesprimi tħassib dwar l-istat tad-drittijiet tal-LGBTIQ+ madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jużaw il-politika tal-iżvilupp bħala għodda biex jinfurzaw ir-riformi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jindirizzaw ix-xkiel fir-rikonoxximent u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u jiżguraw id-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+;
59. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li persuni LGBTIQ+ jingħataw appoġġ bħala parti minn strumenti baġitarji u ta’ finanzjament, kif ukoll ta’ programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp aktar wiesgħa;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi kandidati u lil pajjiżi kandidati potenzjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż fil-qasam tad-drittijiet LGBTIQ+, u timmonitorja l-progress tagħhom;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-possibbiltà tal-għoti mill-ġdid u l-provvista ta’ finanzjament flessibbli, biex tippermetti lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem żgħar u komunitarji kif ukoll atturi oħrajn tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur il-promozzjoni tad-drittijiet LGBTIQ+ biex jaċċessaw tali finanzjament, fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, f’konformità mad-dritt tal-UE;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament biex tippromwovi l-ugwaljanza tal-LGBTIQ+, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn l-ugwaljanza ffaċċjat xkiel;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE f’konformità mal-Karta, bl-inklużjoni tad-dritt għan-nondiskriminazzjoni, kif meħtieġ minn “kundizzjoni abilitanti” orizzontali fl-ambitu tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(12) (RDK); jisħaq li ebda spiża ma tista’ tiġi rimborżata mill-Kummissjoni sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet abilitanti applikabbli;
64. Jistieden lill-UE tkompli tindirizza l-istigmatizzazzjoni u l-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) tal-LGBTIQ+ u tipproteġi lid-DDB f’pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE testendi tali mekkaniżmi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, li jippermettu li jiġu protetti d-DDB tal-LGBTIQ+ fl-Istati Membri;
65. Iħeġġeġ lill-UE testendi dawn il-protezzjonijiet għad-DDB fl-Istati Membri tal-UE;
66. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-ġbir tad-data dwar id-diskriminazzjoni abbażi ta’ SOGIESC u tuża din id-data biex tagħmel politiki pubbliċi inklużivi li jkunu mfassla apposta għall-persuni LGBTIQ+ u tappoġġja lill-Istati Membri fl-użu ta’ din id-data;
67. Jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu awtovalutazzjoni tal-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija LGBTIQ+ u jikkondividu r-riżultati tagħhom mal-Kummissjoni u mal-Parlament;
68. Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni u strateġiji nazzjonali dwar l-LGBTIQ+ sal-2025;
69. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal Strateġija ġdida dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ għall-2025-2030, abbażi ta’ impenji b’saħħithom, li tirrifletti l-Karta, is-sejħiet u l-aspettattivi tal-Parlament Ewropew, tal-OSĊ u tal-persuni LGBTIQ+ fl-Ewropa u madwar id-dinja; jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika skeda ta’ żmien għall-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ li jmiss qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024;
70. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ li jmiss tkun xprunata minn strument aktar robust, akkumpanjat minn pjan ta’ implimentazzjoni orjentat lejn miri, struttura b’saħħitha ta’ integrazzjoni li tiżgura li d-drittijiet LGBTIQ+ huma integrati fil-politiki tal-UE kollha bl-inklużjoni tar-raġunijiet kollha ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru u karatteristiċi tas-sess, u allokazzjoni tar-riżorsi; u biex tinkludi skeda ta’ żmien u stadji importanti, filwaqt li tiżgura l-proċessi tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-obbligu ta’ rendikont, u t-tagħlim, inkluża l-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet LGBTIQ+; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħal tfal u żgħażagħ LGBTIQ+;
71. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura portafoll għal Kummissarju għall-Ugwaljanza u d-Diversità fil-mandat li jmiss;
72. Iħeġġeġ l-introduzzjoni ta’ koordinatur tad-drittijiet LGBTIQ+ fil-Kummissjoni Ewropea;
o o o
73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, u lill-parlamenti sottonazzjonali u lill-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati.
Studju – “The 2020-2025 LGBTIQ Equality Strategy – Implementation overview”(L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025 – Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni), Il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari, 2023.
Il-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2022 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li tħassar l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE (COM(2022)0688).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).
Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
Ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni
159k
49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni (2023/3018(RSP))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013(1) (ir-Regolament Orizzont Ewropa), u għad-dikjarazzjoni dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni magħmula fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari tas-17 ta’ April 2019 dwar dak ir-Regolament(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra(3),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni(4),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni(5),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1526 tad-9 ta’ Settembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Kanada għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Kanada ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)(6),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (EU) 2023/1081 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Ġappun dwar Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġappun fi programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1093 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni u, dwar l-assoċjazzjoni tar-Repubblika tal-Korea ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)(8),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Novembru 2010(9),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fi programmi tal-Unjoni (O-000004/2024 – B9-0009/2024),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jirrikonoxxi l-potenzjal li jiġu mkabbra l-kisbiet tal-programmi tal-Unjoni permezz ta’ kooperazzjoni attiva u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi terzi li jaqsmu valuri demokratiċi komuni mal-UE;
2. Jirrikonoxxi Orizzont Ewropa bħala l-akbar programm ta’ riċerka u innovazzjoni kollaborattiva fid-dinja għall-perjodu 2021-2027;
3. Jappoġġja l-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa ta’ pajjiżi terzi li għandhom kapaċità tajba fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u jirrikonoxxi li tali kollaborazzjoni tikkontribwixxi għas-saħħa u l-effettività ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex u tikkonkludi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni oħra ma’ pajjiżi terzi, peress li dawn iżidu l-kompetittività tal-UE fix-xena globali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni rilevanti kollha jħarsu l-miri klimatiċi ta’ Orizzont Ewropa;
4. Jissottolinja li l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-programmi tal-UE mhijiex sempliċi att tekniku, iżda pjuttost deċiżjoni politika li tikkonċerna r-relazzjonijiet tal-pajjiżi assoċjati mal-UE u, speċifikament għal Orizzont Ewropa, il-kwistjoni tal-libertà xjentifika u akkademika;
5. Jirrikonoxxi r-regoli stabbiliti fit-Trattati, li jridu jiġu rrispettati f’konformità mal-istat tad-dritt sabiex jiġi ppreservat il-bilanċ istituzzjonali, u r-rwol mogħti lill-Parlament; jemmen li jrid jiġi rispettat il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, li jiggarantixxi li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati, inkluż sabiex jiġi żgurat li tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-perspettiva tal-Parlament, bħala r-rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-UE;
6. Iqajjem dubju dwar l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali ddedikati għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fi programmi tal-Unjoni, li jfixkel l-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu mill-Parlament fi ħdan il-proċeduri għall-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament meta jikkonkludu kwalunkwe ftehim ta’ assoċjazzjoni li jsegwi din l-istruttura l-ġdida, skont it-Trattati;
8. Jenfasizza li l-kapaċità tiegħu li jagħti kunsens sinifikanti għal ftehimiet internazzjonali speċifikament li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi partikolari fi programmi tal-Unjoni hija mfixkla mill-fatt li tali ftehimiet ma jipprovdux għal struttura li tiggarantixxi skrutinju parlamentari taħt proċedura ta’ kunsens għal assoċjazzjoni ma’ programm speċifiku tal-Unjoni;
Ftehim ta’ kooperazzjoni u assoċjazzjoni bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea
9. Jirrikonoxxi r-rabtiet storiċi u kulturali b’saħħithom bejn l-UE u New Zealand kif ukoll l-istat eċċellenti tar-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejniethom, li huma bbażati fuq valuri demokratiċi kondiviżi u ħafna interessi komuni; japprezza l-kooperazzjoni eċċellenti dwar il-kummerċ, il-politika barranija, ir-riċerka u l-innovazzjoni u fil-fora multilaterali;
10. Jenfasizza r-rwol importanti ta’ New Zealand bħala wieħed mis-sħab ewlenin tal-UE li jaħsbuha l-istess fir-reġjun Indo-Paċifiku dinamiku u strateġikament u ekonomikament importanti; jappella għal kooperazzjoni aktar profonda f’oqsma ta’ interess reċiproku, partikolarment fl-affarijiet barranin; jissottolinja, f’dak ir-rigward, il-kooperazzjoni fis-sigurtà li għaddejja bejn l-UE u New Zealand, partikolarment fir-rigward ta’ operazzjonijiet u missjonijiet taħt il-politika ta’ sigurtà u difiża komuni tal-UE; ifakkar li New Zealand adottat pożizzjoni identika għal dik tal-UE meta kkundannat l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja u appoġġjat lill-Ukrajna billi pprovdiet assistenza u introduċiet sanzjonijiet kontra r-Russja;
11. Jissottolinja, barra minn hekk, il-ftehim ta’ kummerċ ħieles konkluż reċentement bejn l-UE u New Zealand, li l-għan maħsub tiegħu huwa li jsaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet bilaterali u li jilliberalizza u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment, u joħloq benefiċċji reċiproċi sinifikanti u opportunitajiet ekonomiċi għan-negozji u l-konsumaturi u jinkludi impenji soċjali u ambjentali b’saħħithom u vinkolanti relatati mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima; jenfasizza r-rwol pożittiv li d-dijaspora Ewropea fi New Zealand jista’ jkollha fl-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn in-New Zealand u l-UE;
12. Jirrikonoxxi li l-UE u New Zealand għandhom storja twila ta’ kooperazzjoni fir-riċerka; jenfasizza li New Zealand għandha rekord eċċellenti ta’ parteċipazzjoni fl-Orizzont 2020, b’77 proġett iffinanzjat, u li r-riċerkaturi ta’ New Zealand setgħu jipparteċipaw fiż-żewġ programmi qafas preċedenti għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-FP7 u l-Orizzont 2020, li juru l-benefiċċji potenzjali ta’ assoċjazzjoni ta’ New Zealand ma’ Orizzont Ewropa;
13. Jilqa’ l-proposta biex tissaħħaħ is-sħubija tal-UE ma’ New Zealand permezz tal-assoċjazzjoni ta’ New Zealand mal-programm Orizzont Ewropa, li se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u tagħmel New Zealand l-aktar sieħeb reġjonali importanti tal-UE fix-xjenza u l-innovazzjoni; jinnota, madankollu, in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu skrutinju parlamentari xieraq tal-assoċjazzjoni futura ta’ New Zealand mal-programmi tal-Unjoni;
14. Jirrimarka li fil-ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill jagħtu lill-Kumitat Konġunt stabbilit taħt dak il-ftehim is-setgħa li jadotta protokolli li jassoċjaw lil New Zealand ma’ kwalunkwe programm tal-Unjoni, minkejja li l-Parlament joġġezzjona għal din il-prerogattiva, li de facto jagħti lill-Kumitat Konġunt is-setgħa ta’ implimentazzjoni fuq aspetti essenzjali; jinnota li d-deċiżjonijiet essenzjali li qed jiġu delegati lill-Kumitat Konġunt jinkludu l-ambitu tal-assoċjazzjoni għal programmi individwali kif ukoll dispożizzjonijiet essenzjali rigward il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika;
15. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kumitat Konġunt għandu s-setgħa li jemenda kwalunkwe protokoll ta’ assoċjazzjoni prevalenti, li jista’ jinkludi wkoll dispożizzjonijiet relatati ma’ rieżamijiet, verifiki u irregolaritajiet finanzjarji, permezz ta’ protokolli; jirrikonoxxi li tali emendi jseħħu mingħajr involviment parlamentari addizzjonali; jirrikonoxxi li billi jagħti l-kunsens, il-Parlament effettivament jagħti lill-Kumitat Konġunt mandat mingħajr restrizzjonijiet; jirrimarka li l-Kunsill għandu l-kompitu li jimmonitorja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kumitat Konġunt, iżda fil-fatt ħafna drabi jittraskura dan id-dmir u ma jirrapportax b’mod adegwat lill-Parlament, u dan iwassal għal nuqqas sħiħ ta’ sorveljanza u skrutinju f’tali ftehimiet internazzjonali;
16. Jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni relatati ma’ Orizzont Ewropa, kif adottata fi stqarrija li takkumpanja l-adozzjoni tar-Regolament Orizzont Ewropa, u jisħaq li kwalunkwe korp stabbilit permezz ta’ tali ftehimiet ma għandux jevita l-ħtieġa li jfittex il-kunsens sinifikanti tal-Parlament; jemmen li aspetti essenzjali tal-involviment ta’ pajjiż terz f’Orizzont Ewropa jenħtieġ li ma jiġux delegati lil tali korp;
17. Ma jaqbilx ma’ din l-istruttura ġdida għall-ftehimiet internazzjonali, li ma tippermettix lill-Parlament jeżerċita s-setgħat tiegħu f’konformità mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE; jemmen li dan huwa impediment għat-twettiq tal-prerogattivi tal-Parlament, jittraskura l-bilanċ istituzzjonali meħtieġ u għalhekk jeħtieġ li jiġi modifikat;
18. Ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 218(10) tat-TFUE jipprovdi li l-Parlament jenħtieġ li jkun informat immedjatament u b’mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali msemmija f’dak l-Artikolu u li, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), dik ir-regola hija espressjoni tal-prinċipji demokratiċi li fuqhom hija msejsa l-UE; jisħaq, b’mod partikolari, il-fatt li l-QĠUE diġà ddikjarat li l-involviment tal-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa r-riflessjoni, fil-livell tal-UE, tal-prinċipju demokratiku fundamentali li l-poplu jenħtieġ li jipparteċipa fl-eżerċizzju tal-poter permezz tal-intermedjarju ta’ assemblea rappreżentattiva(10);
19. Ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-ftehimiet inkwistjoni huma mingħajr preċedent peress li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ tip ġdid ta’ pajjiż terz u, għall-ewwel darba, jagħmlu dan permezz ta’ ftehim ġenerali li jkopri l-programmi kollha tal-Unjoni; jenfasizza li fil-passat, tali parteċipazzjoni kienet tiġi rranġata permezz ta’ ftehim individwali għal kull programm tal-Unjoni u limitata għal qafas finanzjarju pluriennali speċifiku; jenfasizza li minħabba n-natura ġdida ta’ dawn il-ftehimiet, il-Parlament ma għandux data jew informazzjoni rilevanti li tista’ tintuża biex jiġi vvalutat b’mod sinifikanti l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-ġenerazzjoni attwali ta’ programmi tal-Unjoni jew fuq ġenerazzjonijiet futuri ta’ programmi tal-Unjoni;
20. Iqis, f’dan l-isfond, li l-Parlament jenħtieġ li jkun jista’ jiżgura b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tan-nies fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, minħabba l-istruttura ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali, fejn id-deċiżjoni dwar l-assoċjazzjoni, inkluż l-ambitu ta’ dik l-assoċjazzjoni, għal ċertu programm minn pajjiż terz isir biss fil-futur, ħafna drabi ħafna wara li l-Parlament ikun ta l-kunsens għall-konklużjoni tal-ftehim inizjali ma’ dak il-pajjiż terz;
21. Ifakkar li l-pożizzjoni tiegħu dwar l-approċċ tal-Kummissjoni jenħtieġ li ma tiġix interpretata bħala oġġezzjoni għal New Zealand jew għall-kooperazzjoni stabbilita sew u b’saħħitha li dejjem kienet teżisti bejn dan il-pajjiż u l-UE;
Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi oħra li jaħsbuha l-istess fi programmi tal-Unjoni
22. Jiddispjaċih għall-fatt li l-abbozz ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe u l-assoċjazzjonijiet proposti tal-Kanada, ir-Repubblika tal-Korea u l-Ġappun isegwu l-istess struttura bħall-abbozz ta’ ftehim ma’ New Zealand; jitlob li l-Kummissjoni toqgħod lura milli tipprevjeni l-eżerċizzju tad-dritt tal-kunsens tal-Parlament għal kwalunkwe assoċjazzjoni għal programm tal-Unjoni u li ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ma’ sħab ġodda jsiru biss meta l-Parlament ikun seta’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ kunsens sinifikanti;
23. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li r-roħs awtomatiku miftiehem reċentement fuq il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għal Orizzont Ewropa fil-każ ta’ parteċipazzjoni tar-Renju Unit “inqas milli mistenni” fil-programm irriżulta f’inkonsistenzi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit li għalih il-Parlament ta l-kunsens tiegħu;
It-triq ’il quddiem
24. Ifakkar li jenħtieġ li jkun informat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, f’konformità mal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdih b’rapporti regolari u dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet, bħal aġġornamenti dwar aspetti bħal stadji importanti miksuba, sfidi ffaċċjati, rati ta’ suċċess ta’ proposti minn entitajiet minn pajjiżi terzi, kontribuzzjonijiet annwali ta’ pajjiżi terzi, eżekuzzjoni tal-baġit u r-riżultati tal-awditi;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi negozjati dwar ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali ta’ skrutinju demokratiku mill-Parlament tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni;
27. Jesprimi t-tama li l-Kummissjoni tiċċara s-sitwazzjoni, billi tagħti tweġiba pertinenti u sodisfaċenti għall-mistoqsija tal-Parlament għal tweġiba orali, sabiex jingħata l-kunsens; huwa lest li jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u l-Kunsill biex jinkiseb dan ir-riżultat;
o o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tas-17 April 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu (ĠU C 158, 30.4.2021, p. 184).
Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs il-Kunsill, il-Kawża C-138/79, ECLI:EU:C:1980:249, paragrafu 33, u tal-24 ta’ Ġunju 2014, il-Parlament vs il-Kunsill, il-Kawża C-658/11, ECLI:EU:C:2014:2025, paragrafu 81.
Negozjati multilaterali fid-dawl tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Abu Dhabi, 26-29 ta’ Frar 2024
155k
54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Abu Dhabi, 26-29 ta’ Frar 2024 (2023/2868(RSP))
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Marrakexx tal-15 ta’ April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tad-WTO tal-14 ta’ Novembru 2001(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-WTO, b’mod partikolari dawk tal-25 ta’ Novembru 2021 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO(2), tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar id-WTO: it-triq ’il quddiem(3) u tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO(4),
– wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ eżitu adottati b’kunsens fis-Sessjonijiet Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO fis-7 ta’ Diċembru 2018 f’Ġinevra(5) u fl-10 ta’ Diċembru 2017 fi Buenos Aires(6),
– wara li kkunsidra r-riżultati tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f’Ġinevra f’Ġunju 2022 (KM12), li jinkludu dokument ta’ eżitu, sensiela ta’ deċiżjonijiet u dikjarazzjonijiet ministerjali, u Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret fi Buenos Aires f’Diċembru 2017 (KM11), li jinkludu sensiela ta’ deċiżjonijiet ministerjali u dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kummerċ elettroniku, dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment, dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi nazzjonali, u dwar l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Buenos Aires dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa approvata fit-12 ta’ Diċembru 2017 u l-Grupp ta’ Ħidma Informali dwar il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet tal-Ġeneru stabbilit fit-23 ta’ Settembru 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ministerjali tal-ministri li jirrappreżentaw il-membri tad-WTO tal-10 ta’ Diċembru 2021 dwar it-tniġġis mill-plastik u l-kummerċ ta’ plastik ekokompatibbli, tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kummerċ u s-sostenibbiltà ambjentali u tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Pariġi fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li ilu japplika minn Novembru 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2021 intitolata “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” kif ukoll l-anness tagħha intitolat “Ir-riforma tad-WTO: lejn sistema kummerċjali multilaterali sostenibbli u effettiva” (COM(2021)0066),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
A. billi d-WTO nħolqot biex tkompli l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi, issaħħaħ il-multilateraliżmu u trawwem sistema kummerċjali multilaterali ġusta, miftuħa, inklużiva, ibbażata fuq ir-regoli u mhux diskriminatorja, sabiex ittejjeb il-benesseri tan-nies fid-dinja kollha; billi l-għan ġenerali tal-politika kummerċjali tal-UE huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għal tnaqqis fl-ostakli doganali u ta’ tip ieħor, kif ukoll għall-garanzija tal-benesseri tan-nies; billi l-kummerċ huwa essenzjali u huwa strument fundamentali biex jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi bil-għan li jsir progress fit-tkabbir sostenibbli u jittejbu l-istandards tal-għajxien, jiġu żgurati livell massimu ta’ impjiegi u impjiegi ta’ kwalità aħjar kif ukoll volum kbir u li qed jikber b’mod kostanti ta’ introjtu reali f’konformità mal-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, bil-għan li jipproteġi u jħares l-ambjent u jqawwi l-mezzi biex dan isir b’mod konsistenti mal-bżonnijiet u mal-preokkupazzjonijiet rispettivi tal-pajjiżi fid-diversi livelli ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom;
B. billi sistema kummerċjali multilaterali b’saħħitha, miftuħa u inklużiva għandha tiżvolġi rwol saħansitra aktar b’saħħtu biex jintlaħqu l-għanijiet globali dwar it-tibdil fil-klima u jinkisbu emissjonijiet żero netti permezz, pereżempju, tal-iskambju ta’ oġġetti, servizzi u prattiki essenzjali għat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa u għall-ekonomija ċirkolari;
C. billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bħalissa tinsab taħt pressjoni kbira u hija soġġetta għal tensjonijiet ġeopolitiċi kkawżati mid-deċiżjonijiet ta’ ċerti membri tad-WTO u mill-miżuri unilaterali li ħadu huma, kif ukoll minn dipendenza inġustifikata mill-eċċezzjoni relatata mas-sigurtà tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) minn xi wħud mill-membri tagħha, li diġà qed tagħti lok għal kuntest aktar frammentat u anqas prevedibbli għall-politika kummerċjali; billi 75 % tal-kummerċ għadu jsir abbażi tat-tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit, u dan jikkonferma l-fatt li d-WTO huwa s-sinsla tal-ekonomija globali; billi l-eżitu tal-KM12 wera li d-WTO għadha tista’ tikkonkludi ftehimiet multilaterali u tirrispondi għall-emerġenzi;
D. billi l-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji għas-Sajd li ntlaħaq qbil dwaru fil-KM12 huwa l-ewwel ftehim kummerċjali multilaterali li qatt sar bis-sostenibbiltà ambjentali fil-qalba tiegħu, u jistabbilixxi ġabra vinkolanti ta’ regoli globali maħsuba biex jgħinu ħalli jiġu limitati s-sussidji dannużi stmati għal USD 22 biljun fis-sena mogħtija mill-gvernijiet lis-settur tas-sajd, kif jipprevedi l-SDG 14.6; billi l-ftehim għadu ma jinkludix dixxiplini dwar is-sussidji għas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, li jirrappreżentaw aktar minn nofs is-sussidji għas-sajd kollha, li n-negozjati dwarhom għadhom għaddejjin;
E. billi t-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (KM12) fis-17 ta’ Ġunju 2022 adottat deċiżjoni biex tagħti flessibbiltà fil-qafas tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (“Ftehim TRIPS”) bil-għan li tippermetti l-produzzjoni u l-provvista ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, filwaqt li tipposponi d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-flessibbiltajiet għat-terapiji u għall-istrumenti dijanjostiċi kontra l-COVID-19; billi l-Kunsill TRIPS tad-WTO huwa involut fin-negozjati rigward l-estensjoni tad-deroga TRIPS;
F. billi s-sigurtà tal-ikel tibqa’ sfida, peress li 258 miljun ruħ kienu fi kriżi jew f’kundizzjonijiet agħar ta’ insigurtà tal-ikel gravi fl-2022, meta mqabbla mal-193 miljun ruħ tal-2021; billi l-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura fil-qafas taċ-ċiklu tal-Urugwaj jirrikonoxxi espliċitament l-importanza li titqies is-sigurtà tal-ikel fin-negozjati li għaddejjin; billi l-kummerċ għandu l-potenzjal biex iżid id-disponibbiltà ta’ ikel fir-reġjuni li fihom huwa limitat u jista’ jikkontribwixxi wkoll biex itejjeb l-aċċess ekonomiku għal-ikel, bis-saħħa tal-ġenerazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u taż-żieda tal-introjti;
G. billi l-membri tad-WTO wrew l-impenn tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ikel u jiżguraw għajnuna alimentari ta’ emerġenza għall-persuni l-aktar vulnerabbli, kemm fid-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar ir-risposta ta’ emerġenza għall-insigurtà tal-ikel, kif ukoll fid-Deċiżjoni Ministerjali dwar l-eżenzjoni tax-xiri ta’ ikel umanitarju tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) mill-projbizzjonijiet jew mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni maqbula fil-KM12;
H. billi l-kummerċ sostenibbli jista’ jikkontribwixxi biex itaffi u jiġġieled it-tibdil fil-klima;
I. billi mill-11 ta’ Diċembru 2019, il-Korp tal-Appell tad-WTO ma baqax jopera, u dan imblokka l-istadju tal-appell funzjonali, indipendenti u imparzjali; billi fl-okkażjoni tal-KM12, il-membri tad-WTO impenjaw ruħhom li jmexxu diskussjonijiet bil-għan li jkun hemm sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona b’mod sħiħ u xieraq, aċċessibbli għall-membri kollha tad-WTO sal-2024;
J. billi l-Parlament Ewropew flimkien mal-Unjoni Interparlamentari, ilu aktar minn 20 sena jiżvolġi rwol kruċjali fl-istabbiliment ta’ dimensjoni parlamentari għad-WTO permezz tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO;
K. billi t-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (KM13) se ssir f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda, mis-26 sad-29 ta’ Frar 2024;
1. Itenni l-impenn sħiħ tiegħu għall-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu u jissottolinja li sistema multilaterali modernizzata li tirregola l-kummerċ hija essenzjali; jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli għall-benefiċċju ta’ kulħadd, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, lil hinn mis-sempliċi definizzjoni tat-tkabbir tal-PDG u għall-prosperità, u b’hekk issaħħaħ il-paċi u s-sigurtà; jenfasizza l-fatt li d-WTO għandha tippromwovi t-twettiq tal-SDGs u tad-drittijiet sanitarji, soċjali, ambjentali u tal-bniedem, kif ukoll li jiġi żgurat li regoli armonizzati u miftiehma b’mod multilaterali jiġu applikati minn kulħadd;
2. Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jimpenjaw ruħhom biex il-KM13 ikollha eżitu pożittiv; jemmen li l-KM13 għandha tkun il-punt tat-tluq biex id-WTO tagħmel progrees u timmodernizza ruħha ħalli jiġi żgurat li tkun tista’ tiżvolġi rwol fl-indirizzar tal-isfidi tas-seklu 21, anki dwar kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, it-telf tal-bijodiversità, is-saħħa, is-sostenibbiltà u t-tnaqqis tal-faqar; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jikkonċentraw fuq riżultati tanġibbli li juru li d-WTO tista’ tindirizza l-isfidi attwali; jilqa’ l-gwida mogħtija mil-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2023; jitlob, b’mod partikolari, lill-membri tad-WTO jikkonkludu t-tieni fażi tal-ftehim multilaterali dwar is-sussidji għas-sajd u jegħlbu l-ostakli li jifdal bil-għan li jiġi adottat pakkett komprensiv ta’ riforma istituzzjonali, inkluża deċiżjoni li twassal għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona bis-sħiħ; itenni li r-rwol tas-Segretarjat tad-WTO għandu bżonn ikompli jissaħħaħ;
3. Iqis li issa huwa urġenti li nipproċedu għal riforma sostanzjali tad-WTO u li din għandha tiġi riflessa fl-eżitu tal-KM13; jilqa’ l-ħidma kollha li saret f’dan ir-rigward mill-aħħar Konferenza Ministerjali ’l hawn; jistieden lill-membri tad-WTO jadottaw pakkett komprensiv li jirrieżamina l-funzjonijiet ta’ monitoraġġ, negozjar, deliberazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, li fih għandha tingħata wkoll attenzjoni xierqa lid-dimensjoni parlamentari tad-WTO, bil-għan li jiżdiedu l-effikaċja, l-inklużività, it-trasparenza, il-kredibbiltà u l-leġittimità tad-WTO;
4. Jitlob impenn aktar b’saħħtu u saħansitra aktar kostruttiv mill-membri kollha tad-WTO biex tiġi ripristinata sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona bis-sħiħ li tindirizza mill-aktar fis possibbli, fost affarijiet oħra, it-tul eċċessiv tal-proċeduri; ifaħħar il-ħidma tal-faċilitatur fit-tmexxija tal-proċess li għandu jwassal għal abbozz ta’ test konsolidat li għandu jiġi ppreżentat lill-KM13; jiddispjaċih, madankollu, li s’issa ma sar l-ebda progress sostanzjali; jistieden lill-membri jidħlu f’diskussjonijiet kostruttivi u trasparenti biex jilħqu ftehim dwar is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-KM13; ifakkar li proċess vinkolanti, b’żewġ livelli u indipendenti għandu jibqa’ l-objettiv ewlieni;
5. Bil-għan li jimtela ż-żmien li jonqos biex jerġa’ jsir operattiv korp soluzzjoni għat-tilwim li jiffunzjona bis-sħiħ fil-livell tad-WTO, jistieden lill-membri jikkunsidraw il-possibbiltà li jingħaqdu f’arranġament proviżorju ta’ arbitraġġ tal-appell bejn bosta partijiet (MPIA) biex juru l-impenn tagħhom favur sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim ġusta u li tiffunzjona;
6. Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw malajr il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji għas-Sajd, li għalih hija meħtieġa ratifika ta’ żewġ terzi tal-membri sabiex il-ftehim jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun; jisħaq fuq l-importanza kruċjali li jintlaħaq ukoll ftehim malajr dwar dixxiplini dwar is-sussidji għas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u s-sajd eċċessiv, bil-għan li jiġi evitat l-eżawriment tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u titħalla ssir il-ġestjoni sostenibbli tagħhom, filwaqt li jiġu rispettati l-bżonnijiet għal trattament speċjali u differenzjali bi qbil mal-SDG 14.6;
7. Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi integrata d-dimensjoni tad-WTO relatata mal-iżvilupp, anki permezz tal-proċess ta’ riforma tad-WTO u billi l-prinċipju ta’ trattament speċjali u differenzjali jirrispondi aħjar għall-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiddispjaċih bil-fatt li d-WTO għadha ma kisbitx riżultati f’dik li hi l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp tagħha; jilqa’ d-deċiżjoni li diġà ttieħdet dwar l-estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) fit-triq lejn il-ħruġ mill-istatus ta’ LDC, sabiex jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni bla xkiel u sostenibbli għall-irtirar tal-preferenzi kummerċjali; itenni l-appell tiegħu biex jiġi rieżaminat u rivedut il-mekkaniżmu ta’ trattament speċjali u differenzjali, bl-involviment xieraq tal-membri kollha tad-WTO sabiex jiġu riflessi aħjar l-indiċijiet tal-iżvilupp tal-bniedem, filwaqt li jiġi protett l-ispazju politiku għall-indirizzar tal-kummerċ inġust, u għalhekk jistieden lill-membri tad-WTO jirrevedu s-sistema; jissottolinja, madankollu, li l-awtoaffermazzjoni dwar l-istatus tal-iżvilupp meqjusa bħala l-uniku kriterju, tista’ tagħti lok għal kummerċ inġust;
8. Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata saħħa ġdida lid-diskussjonijiet dwar l-appoġġ mill-Istat għas-setturi industrijali fi ħdan id-WTO, inkluż aġġornament tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens (“Ftehim SCM”), bil-għan li tiżdied it-trasparenza u tiġi adattata l-ġabra ta’ regoli tad-WTO dwar is-sussidji sabiex tingħata risposta lill-isfidi attwali, pereżempju t-tibdil fil-klima, u jiġu indirizzati l-prattiki inġusti ta’ ċerti membri tad-WTO, u jiġu miġġielda b’mod effikaċi l-effetti konsegwenzjali negattivi bħall-kapaċità żejda u l-ktajjen tal-provvista b’intensità għolja ta’ karbonju; huwa tal-fehma li l-KM13 għandha tniedi programm ta’ ħidma limitat biż-żmien li jippermetti deliberazzjoni dwar l-intervent mill-Istat b’appoġġ għas-setturi industrijali, sabiex tifformula rakkomandazzjonijiet għall-KM14;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir progress fin-negozjati dwar l-agrikoltura biex jinkisbu riżultati kredibbli dwar kwistjonijiet bħal soluzzjoni permanenti għall-ħżin pubbliku għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel, l-appoġġ intern, l-aċċess għas-suq, il-qoton, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-kompetizzjoni fl-esportazzjoni, u t-tisħiħ tas-settur agrikolu biex jirrispondi għall-isfidi attwali, inklużi l-mezzi ta’ sussistenza rurali u s-sostenibbiltà ambjentali; jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa; jitlob li jitjiebu l-qsim tal-informazzjoni u t-trasparenza rigward il-politiki agrikoli u s-sussidji biex jgħinu fl-avvanz tan-negozjati u biex isostnu, fil-livell tad-WTO, qsim akbar ta’ data rigward il-kummerċ tal-prodotti bażiċi u l-ħażniet privati mal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija; jilqa’ l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn id-WTO u l-FAO matul il-Konferenza tal-Partijiet tal-2023 għall-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni f’setturi fosthom ir-riforma agrikola, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-UE għandha ssostni kriterji ta’ sostenibbiltà aktar ambizzjużi bi qbil mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;
10. Jissottolinja l-bżonn li jinkisbu riżultati f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-ikel, fosthom azzjonijiet konkreti biex tiżdied ir-reżiljenza tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma importaturi netti ta’ prodotti alimentari fir-risposta tagħhom għall-instabbiltà tal-ikel gravi;
11. Jistenna li r-riforma tad-WTO toħloq triq aktar faċli biex il-ftehimiet plurilaterali miftuħa jiġu integrati fl-arkitettura multilaterali sabiex jiġi żgurat progress f’oqsma li mhumiex maturi biżżejjed għall-membri kollha; itenni, għaldaqstant, l-appell tiegħu lill-membri tad-WTO biex jirriflettu dwar mod kif tiġi żviluppata sistema ġdida, bi prinċipji ċari u numru minimu ta’ membri li għandhom jipparteċipaw f’inizjattiva plurilaterali u, fuq dik il-bażi, jistabbilixxu mekkaniżmu sempliċi li jippermetti li jiġu inkorporati fl-istruttura tad-WTO l-ftehimiet konklużi f’dik is-sistema;
12. Jilqa’ l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp, sabiex jinħoloq kuntest aktar ġust, trasparenti, effiċjenti u prevedibbli ħalli jiffaċilita l-investimenti transfruntieri u l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-flussi globali ta’ investimenti; jappoġġja l-inkorporazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-ġabra ta’ regoli tad-WTO skont l-Anness 4 dwar il-Ftehimiet Kummerċjali Plurilaterali, kif stabbilit fl-Artikolu X.9 tal-Ftehim tad-WTO, u jqis li dan jista’ jservi bħala mudell għal ftehimiet plurilaterali futuri;
13. Jenfasizza l-importanza tar-regoli multilaterali u plurilaterali dwar il-kummerċ diġitali, peress li bħalissa dan jirrappreżenta 25 % tal-kummerċ totali; jinkoraġġixxi bil-qawwa l-isforzi maħsuba biex isibu soluzzjoni ġusta u permanenti għat-trażmissjonijiet elettroniċi marbuta mal-moratorju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti negattivi ta’ nuqqas ta’ tiġdid, speċjalment għan-nisa u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); jilqa’ u jappoġġja l-għadd kbir ta’ membri, l-aġenda ambizzjuża tan-negozjati u l-progress li sar s’issa fin-negozjati plurilaterali tad-WTO dwar il-kummerċ elettroniku; jenfasizza l-importanza tal-fluss liberu tat-trażmissjonijiet elettroniċi, li huma fundamentali għall-kummerċ diġitali u jnaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ, iżidu l-benesseri tal-konsumaturi kif ukoll il-kompetittività tal-esportazzjoni, u jġibu benefiċċji sinifikanti, b’mod partikolari għall-SMEs u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li ftehim potenzjali jeħtieġ li jiggarantixxi aċċess ġust għas-suq għal prodotti u servizzi relatati mal-kummerċ elettroniku f’pajjiżi terzi, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, u jiffaċilita l-innovazzjoni tan-negozju; jenfasizza li ftehim potenzjali dwar il-kummerċ elettroniku jeħtieġ li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u futura tal-UE u jippermetti biżżejjed spazju politiku għar-regolamentazzjoni tas-settur diġitali, b’mod partikolari fi kwistjoni bħall-flussi tad-data, il-lokalizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u l-kodiċi tas-sors; jistieden lis-sħab kollha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-isforzi biex jikkonkludu n-negozjati sal-KM13; jisħaq fuq il-bżonn li jimtela d-distakk diġitali permezz tal-qsim tal-aħjar prattiki u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet;
14. Ifakkar fl-impenn tad-WTO favur l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u jfakkar li l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-ekonomija globali u għandhom potenzjal mhux sfruttat fil-ktajjen tal-valur globali; iħeġġeġ lill-membri jkomplu jidentifikaw soluzzjonijiet li jgħinu lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji, filwaqt li jqisu l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;
15. Jemmen li l-eżitu tal-KM13 għandu jipprevedi aġenda għall-politika kummerċjali bbażata fuq l-azzjoni li tappoġġja l-SDGs tal-2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi; jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-membri tad-WTO jikkunsidraw il-miżuri kollha possibbli biex jikkontribwixxu għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-UNFCCC u mal-konklużjonijiet tal-COP28, iżidu l-allinjament mal-Ftehim ta’ Pariġi u man-newtralità klimatika, u jsaħħu l-kooperazzjoni fid-WTO dwar il-miżuri adottati fil-livell nazzjonali; jilqa’ d-diskussjonijiet kostruttivi li saru fil-qafas tal-inizjattivi plurilaterali dwar ir-Riforma tas-sussidji għall-fjuwils fossili, id-Djalogu dwar it-tniġġis mill-plastik u d-Diskussjonijiet strutturati dwar il-kummerċ u s-sostenibbiltà ambjentali (TESSD); jitlob li jitnedew mill-ġdid in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA); jinkoraġġixxi lid-WTO tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-membri tad-WTO fir-rigward tal-metodoloġiji tal-ipprezzar tal-karbonju; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fid-diskussjoni dwar is-servizzi u l-prodotti, inkluż dwar il-proċess u l-metodi ta’ produzzjoni, li jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u klimatiċi; ifakkar li kwalunkwe miżura unilaterali li jieħdu l-membri trid timxi mar-regoli tad-WTO u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet GATT trid titqies b’attenzjoni kbira; iħeġġeġ lill-UE twettaq sensibilizzazzjoni rigward il-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sostenibbiltà, pereżempju d-Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) u r-Regolament dwar id-deforestazzjoni u tispjega l-motivazzjonijiet warajha biex tiżgura li tiġi rikonoxxuta bħala tentattiv reali u mhux diskriminatorju biex tagħti kontribut għall-indirizzar tal-objettivi ambjentali globali u biex il-kummerċ isir aktar sostenibbli, anki billi tforni aktar informazzjoni prattika dwar il-mod kif ir-regolamenti japplikaw fil-prattika; jilqa’ l-ewwel “ġurnata tal-kummerċ” fil-COP28 u r-riżultat storiku tal-COP biex tabbanduna l-fjuwils fossili; jistenna li d-deċiżjoni tal-COP tiġi riflessa fil-ħidma tad-WTO;
16. Jafferma mill-ġdid ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv, u jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa hija fundamentali għall-qerda tal-faqar u li fl-istess ħin it-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kummerċ u l-indirizzar tal-impatti negattivi tar-regoli kummerċjali attwali fuq in-nisa fir-rwoli multipli tagħhom huma vitali għall-iżvilupp ekonomiku; jinkoraġġixxi lill-membri kollha tad-WTO jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Buenos Aires tal-2017 dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa u jħeġġeġ lill-firmatarji tagħha jonoraw l-impenji tagħhom; jilqa’ l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Ħidma Informali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet tal-Ġeneru; jifraħ lid-WTO talli organizzat il-Kungress Dinji tal-Kummerċ dwar il-Ġeneru f’Diċembru 2022, l-ewwel konferenza internazzjonali ta’ riċerka dwar il-kummerċ u l-kwistjonijiet ta’ ġeneru;
17. Jirrikonoxxi li l-membri tad-WTO qablu li jiddiskutu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni TRIPS biex tkopri t-terapiji u l-istrumenti dijanjostiċi kontra l-COVID-19; jistieden lill-membri tad-WTO jieħdu deċiżjoni qabel il-KM13, u jżommu quddiem għajnejhom l-inċentivi favur l-innovazzjoni; jistieden lill-membri tad-WTO jirrieżaminaw il-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiżguraw inkorporazzjoni sħiħa tal-flessibbiltajiet kollha relatati mal-proprjetà intellettwali (PI) li jipproteġu l-aċċess għall-prodotti mediċi;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikompli jkun involut mill-qrib fit-tħejjija tal-KM13, u li jinżamm aġġornat fil-pront u jiġi kkonsultat matul il-Konferenza Ministerjali 2024;
19. Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi jsaħħu d-dimensjoni parlamentari tad-WTO u l-konferenza parlamentari; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Konferenza Parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari (IPU) dwar id-WTO; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kollha relatati mal-kummerċ u jkunu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO; jinkoraġġixxi lill-mexxejja jsostnu narrattiva ġdida dwar il-kummerċ li permezz tagħha dan tal-aħħar jitqies bħal fattur abilitanti pjuttost milli ostaklu biex jinkisbu s-sostenibblità, is-sigurtà u l-inklużività;
20. Jistieden lill-membri tad-WTO jtejbu l-iskambju mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tan-negozju, u jżidu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u b’mod aktar ġenerali s-sistema tan-NU; jistenna li l-mexxejja jikkomunikaw aktar f’kull livell dwar il-vantaġġi tal-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u lill-Unjoni Interparlamentari.
Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea
161k
58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea (2024/2548(RSP))
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bl-għan li jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari dik tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar kuxjenza storika Ewropea(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna(8),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-23 ta’ Jannar 2024 intitolat “It-Tieni Rapport tas-SEAE dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Ndħil minn Barranin – Qafas għad-Difiża f’Network),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija (COM(2023)0630),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza ta’ rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2023)0637),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-demokrazija (COM(2020)0790),
– wara li kkunsidra l-prinċipju ġuridiku tal-preżunzjoni ta’ innoċenza,
– wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni jikkostitwixxu ksur serju tal-valuri u l-prinċipji universali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi l-fiduċja fl-integrità tal-Parlament u fl-istat tad-dritt hija tal-akbar importanza għall-funzjonament tad-demokrazija Ewropea;
B. billi hemm evidenza ta’ ndħil u manipulazzjoni Russi f’ħafna demokraziji, kif ukoll ta’ appoġġ prattiku għal forzi estremisti u entitajiet b’mentalità radikali sabiex tiġi promossa d-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni;
C. billi l-Kumitat Speċjali tal-Parlament dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-UE, inkluża d-diżinformazzjoni kixef fid-dettall l-isforzi u l-operazzjonijiet immexxija mir-Russja biex hija tinfiltra u tindaħal fid-demokraziji Ewropej u fl-istituzzjonijiet Ewropej, u tinfluwenzahom; billi r-rispons tal-Parlament Ewropew għall-indħil barrani sar aktar viġilanti; billi, madankollu, għad iridu jittieħdu miżuri aktar robusti u jridu jiġu adottati riformi interni biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva minn influwenza esterna indebita;
D. billi r-Russja qed tuża firxa wiesgħa ta’ tattiki tal-gwerra ibridi biex tilħaq l-għanijiet tagħha, bħala parti minn strateġija akbar biex timmina l-funzjonament xieraq tal-proċessi demokratiċi Ewropej; billi l-użu tal-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, bħala mezz biex jiġu diviżi s-soċjetajiet demokratiċi, kien il-prekursur tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u żdied minn dak iż-żmien ’l hawn; billi t-tixrid tad-diżinformazzjoni mir-Russja kemm permezz tal-istrumenti tal-media tradizzjonali kif ukoll permezz tal-pjattaformi tal-istrumenti tal-media soċjali, il-kontroll ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-hacking tagħha tal-kandidati elettorali u l-attakki ċibernetiċi żdiedu għal livell bla preċedent;
E. billi l-falsifikazzjoni sistematika tal-istorja ilha parti mill-gwerra tal-informazzjoni min-naħa tar-Russja għal għexieren ta’ snin;
F. billi l-Kremlin ilu jopera network estensiv ta’ aġenti ta’ influwenza madwar l-UE li affettwaw il-proċessi elettorali u l-politiki dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenin bħall-infrastruttura tal-enerġija; billi dawn l-aġenti ta’ influwenza b’mod attiv jimmiraw fuq l-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, b’mod partikolari l-kultura, it-tifkira storika, il-komunitajiet tal-media u dawk reliġjużi, kif ukoll il-politiċi u lill-familji tagħhom; billi għexieren ta’ investigazzjonijiet taw prova ta’ rabtiet bejn atturi politiċi u pubbliċi Ewropej attivi jew irtirati prominenti u l-Kremlin;
G. billi l-finanzjament minn barra l-UE ta’ attivitajiet politiċi u ta’ personalitajiet politiċi fl-Unjoni Ewropea qabel u wara l-24 ta’ Frar 2022, b’mod partikolari mir-Russja, għadu qed jiġi żvelat; billi dan il-finanzjament joħloq riskju għall-integrità tal-proċessi demokratiċi fl-Istati Membri tal-UE u jirrikjedi investigazzjoni bir-reqqa biex dawk il-persuni kompliċi jinżammu responsabbli; billi l-Kremlin sponsorja u appoġġja wkoll għadd ta’ partiti u politiċi tal-lemin estrem u tax-xellug estrem fl-Ewropa u, fost affarijiet oħra, ippermetta lill-partit ta’ Marine Le Pen jirċievi self ta’ EUR 9,4 miljun minn bank Russu fl-2013; billi minn dak iż-żmien ’l hawn Le Pen u l-membri tal-partit tagħha f’diversi okkażjonijiet esprimew pożizzjoni favur il-Kremlin;
H. billi r-Russja stabbiliet kuntatti ma’ partiti, personalitajiet u movimenti sabiex toqgħod fuq atturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu leġittimizzati l-pożizzjonijiet Russi, jiġu appoġġjati l-movimenti għall-indipendenza u l-gvernijiet bi prokura u biex tinħoloq pressjoni sabiex jiħfiefu s-sanzjonijiet u jittaffew il-konsegwenzi tal-iżolament internazzjonali; billi Membri tal-PE minn ċerti gruppi politiċi, kif ukoll uħud mill-Membri tal-Parlament mhux affiljati, kienu qed ixerrdu propaganda sfaċċata favur il-Kremlin fil-Parlament;
I. billi hemm ukoll politiċi msejħa “Russlandversteher” (li jifhmu r-Russja) fi ħdan il-partiti politiċi prinċipali; billi diversi personaġġi pubbliċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi eks kapijiet tal-gvern u membri tal-kabinett, l-aktar magħruf Gerhard Schröder, kellhom pożizzjonijiet imħallsa tajjeb f’kumpaniji tal-enerġija kkontrollati mill-Kremlin; billi, anke wara l-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala kbira mir-Russja, uħud minn dawn in-nies iddeċidew li ma jirriżenjawx u komplew jirċievu l-prezz tad-demm tal-Kremlin, bil-kompliċità silenzjuża tal-partiti politiċi tagħhom; billi għadhom jużaw l-influwenza tagħhom favur ir-Russja kemm fix-xena domestika tagħhom kif ukoll fix-xena politika Ewropea;
J. billi rapporti minn strumenti tal-media indipendenti fid-29 ta’ Jannar 2024 ippreżentaw evidenza konkreta li tiddikjara li l-Membru tal-PE Tatjana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tas-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB) tal-inqas mill-2004 sal-2017;
K. billi l-azzjonijiet tagħha ġew deskritti bħala li jinkludu l-promozzjoni tal-politika f’isem il-Federazzjoni Russa, permezz tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-ħidmiet interni tal-Parlament; billi r-rapport investigattiv jissuġġerixxi li l-Membru tal-PE kkonċernata talbet ħlas tal-anqas darba mingħand il-kontropartijiet tagħha biex tkopri l-ispejjeż tas-servizzi mogħtija;
L. billi dawn l-allegazzjonijiet jiddependu, fost affarijiet oħra, fuq dawk li huma deskritti bħala konverżazzjonijiet bl-email żvelati bejn il-Membru tal-PE kkonċernata u żewġ persuni li jittrattaw il-każijiet fil-Ħames Servizz tal-FSB, li jmorru lura sa mit-3 ta’ Ottubru 2005 ’l quddiem;
M. billi l-Membru tal-PE kkonċernata kienet magħrufa sew għall-pożizzjoni tagħha favur ir-Russja u t-tixrid konsistenti ta’ narrattivi kontra l-Latvja u kontra l-UE matul iż-żmien tagħha bħala Membru tal-PE, inkluża l-oppożizzjoni tagħha għall-eżistenza tal-Latvja bħala pajjiż sovran u r-rifjut tagħha li tikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; billi l-Membru tal-PE hija magħrufa wkoll li involviet ruħha f’imġiba politika problematika ħafna, fost affarijiet oħra, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fi żjara ta’ osservazzjoni ta’ referendum fil-Krimea okkupata mir-Russja fl-2014, żjara lid-dittatur Sirjan Bashar al-Assad fl-2016 u l-parteċipazzjoni tagħha fi trażmissjonijiet ta’ propaganda favur il-Kremlin fuq it-televiżjoni f’Moska; billi l-Membru tal-PE deliberatament tat l-impressjoni li dawn il-vjaġġi saru f’isem il-Parlament Ewropew jew l-UE; billi l-Membru tal-PE kkonċernata organizzat u ppromwoviet avvenimenti fil-Parlament Ewropew ma’ rappreżentanti favur il-Kremlin mir-reġjuni ta’ Donetska u Luhanska qabel l-annessjoni illegali tagħhom; billi l-attivitajiet tagħha allegatament ġew sponsorjati spiss minn gruppi paraventu ffinanzjati mill-Kremlin, bħall-Fondazzjoni Russkiy Mir; billi l-Membru tal-PE kkonċernata, flimkien ma’ Membri oħra tal-PE, organizzat avvenimenti pubbliċi u vvjaġġat lejn il-Litwanja biex turi b’appoġġ għal Algirdas Paleckis, ċittadin Litwan u eks diplomatiku u politiku li nstab ħati ta’ spjunaġġ għar-Russja;
N. billi rapporti tal-gazzetti għal żmien twil enfasizzaw il-kuntatti u r-relazzjonijiet personali mill-qrib bejn is-seċessjonisti fil-Katalonja, inklużi l-awtoritajiet tal-gvern tal-komunità awtonoma tal-Katalonja, u l-Kremlin; billi l-ġurnalisti investigattivi rrappurtaw li l-eks diplomatiku Russu Nikolai Sadovnikov iltaqa’ mal-eks mexxej separatista u issa Membru tal-Parlament Ewropew Carles Puigdemont f’Barċellona lejlet ir-referendum illegali tal-Katalonja f’Ottubru 2017; billi permezz tal-bini tagħha ta’ kuntatti u relazzjonijiet, ir-Russja għandha l-għan li tibni influwenza politika u ekonomika biex tiddestabbilizza d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti ta’ Istruzzjoni Nru 1 f’Barċellona, li hija responsabbli mill-investigazzjoni tal-każ Voloh, li torbot, fost oħrajn, l-eks President tal-Katalonja u lill-entourage tiegħu mar-Russja, reċentement estendiet l-investigazzjoni għal sitt xhur; billi r-rappreżentanti ta’ grupp ta’ seċessjonisti Katalani fi Spanja li żammew relazzjonijiet ma’ personalitajiet qrib il-Kremlin, inkluż il-Membru tal-PE kkonċernat, qed jitolbu amnestija għar-reati allegati tagħhom;
O. billi l-Membru tal-PE kkonċernata ġiet eskluża mill-grupp politiku tagħha u issa fil-Parlament hija membru mhux affiljat; billi l-Membru kkonċernata ġabret appoġġ minn xi Membri oħra tal-PE li l-pożizzjonijiet pubbliċi tagħhom dwar kwistjonijiet internazzjonali huma simili għal tagħha;
P. billi fid-dawl tar-rivelazzjonijiet, il-President tal-Parlament Ewropew ħabbret minnufih it-tnedija ta’ investigazzjoni interna, inkluż riferiment lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; billi l-investigazzjoni tinsab għaddejja bħalissa; billi l-penali possibbli skont ir-Regoli ta’ Proċedura jinkludu t-telf tad-dritt għall-indennizz tas-sussistenza ta’ kuljum, is-sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha tal-Parlament jew f’uħud minnhom u l-limitazzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata; billi s-servizz tas-sigurtà Latvjan ħabbar li se jinvestiga l-allegazzjonijiet;
Q. billi l-Membru tal-PE kkonċernata mhijiex l-uniku Membru tal-Parlament Ewropew li involva ruħu f’attivitajiet, inkluża l-parteċipazzjoni f’missjonijiet foloz ta’ osservazzjoni elettorali f’territorji okkupati mir-Russja li jistgħu jiġu mfixkla ma’ missjonijiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew; billi diversi Membri tal-PE ġew sanzjonati għal dan il-ksur skont il-proċedura tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet; billi dawn iż-żjarat seħħew sistematikament fir-Russja u f’territorji okkupati mir-Russja;
R. billi kien hemm każijiet irrapportati ta’ Membri tal-PE li użaw ir-riżorsi tal-Parlament biex jappoġġjaw u jippromwovu attivitajiet li huma marbuta direttament jew indirettament mal-każijiet ta’ ndħil barrani, pereżempju f’Diċembru 2022 meta l-kanal STV ta’ propaganda statali tal-Belarussja kiseb aċċess għall-bini tal-Parlament u għall-faċilità tal-video recording VoxBox fil-Parlament u, b’riżultat ta’ dan, il-bini tal-Parlament intuża minn diversi Membri tal-PE biex jinħoloq kontenut ta’ diżinformazzjoni favur il-Kremlin u kontra l-UE;
S. billi fl-2016, il-partit fil-Gvern tar-Russja, Jedinaja Rossija (Russja Magħquda), iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mal-partit Awstrijak tal-lemin estrem (FPÖ), fejn appella għal kooperazzjoni akbar bejn iż-żewġ partiti u rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b’saħħithom bejn Vjenna u Moska; billi dan il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza ta’ Membru tal-PE mill-FPÖ, li, minn dak iż-żmien ’l hawn appella ripetutament biex jiħfiefu s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u xerred diżinformazzjoni favur il-Kremlin;
T. billi l-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin kixef kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira, allegatament orkestrata mir-Russja, fuq il-pjattaforma X, li kienet magħrufa bħala Twitter, bl-għan li timmanipula l-opinjoni pubblika; billi strumenti rispettabbli tal-media Ġermaniża esponew il-fatt li impjegat ta’ membru tal-Bundestag Ġermaniż li jagħmel parti mill-partit Alternative für Deutschland (AfD) ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB;
U. billi għal għadd ta’ snin, xi Membri tal-PE rreklutaw u impjegaw ċittadini Russi li jappoġġjaw ir-reġim ta’ Putin bħala trainees, assistenti parlamentari akkreditati u konsulenti ta’ gruppi u ma waqfux jagħmlu dan anke wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi fl-2018 u fl-2019, Elizaveta Peskova, bint Dmitry Peskov, il-portavuċi ta’ Vladimir Putin, kienet qed taħdem bħala trainee ma’ Membru tal-PE;
V. billi wara r-rivelazzjonijiet tal-Qatargate, f’Settembru 2023, il-Parlament aġġorna u saħħaħ b’mod sinifikanti l-qafas ta’ integrità interna tiegħu, fost affarijiet oħra, permezz ta’ reviżjoni fil-fond tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE u d-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Bureau;
W. billi l-2024 hija sena elettorali kruċjali u għandhom isiru diversi elezzjonijiet presidenzjali, nazzjonali, lokali u reġjonali fl-Istati Membri, minbarra l-elezzjonijiet Ewropej ippjanati bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024; billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 x’aktarx li se jkunu mira speċjali għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u tal-UE;
1. Jesprimi r-rabja sħiħa u t-tħassib serju tiegħu dwar l-isforzi kontinwi mir-Russja biex tikkomprometti d-demokrazija Ewropea; jinsab ixxukkjat bir-rapporti kredibbli li jixħtu dawl fuq l-isforzi tar-Russja biex ixxewwex il-firda bejn iċ-ċittadini Ewropej billi tirrekluta lill-Membri tal-PE bħala aġenti ta’ influwenza, kif ukoll bl-isforzi tagħha biex sistematikament toħloq sistema ta’ dipendenzi permezz tal-partiti politiċi Ewropej li mbagħad jaġixxu bħala amplifikaturi tal-propaganda tal-Kremlin u jaqdu l-interessi tiegħu; ifakkar li, billi ssegwi strateġija fit-tul ta’ ndħil barrani, ir-Russja qed tipprova tikkomprometti u fl-aħħar mill-aħħar teqred id-demokrazija fl-Ewropa; jindika l-isforzi ta’ Putin biex iżarma kompletament kwalunkwe forma ta’ demokrazija fir-Russja u jissottolinja li dan irid ikun sinjal ta’ twissija biex ħadd ma jkun indifferenti għall-għanijiet fit-tul ta’ Putin u għaldaqstant dawn it-tentattivi ta’ ndħil Russu jridu jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ gravità estrema; jisħaq li għal dan it-tip ta’ tattiki jrid ikun hemm il-konsegwenzi; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw u jirfinaw il-pakketti ta’ sanzjonijiet adottati kontra l-Federazzjoni Russa u biex jagħlqu l-lakuni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi attwalment fis-seħħ;
2. Jikkundanna b’mod inekwivoku l-isforzi kontinwi tar-Russja biex tabbuża u tiffalsifika t-tifkira storika tal-perjodi l-aktar traġiċi tal-Ewropa, inklużi l-konsegwenzi tal-Patt Molotov-Ribbentrop u t-terrur sussegwenti għat-territorji invaduti mill-Ġermanja Nazista u mir-Russja komunista, sabiex tipprova tiġġustifika l-aggressjoni brutali, illegali u inumana attwali tagħha u l-politika espansjonista tagħha;
3. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti li l-Membru tal-PE Tatiana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tal-FSB filwaqt li kienet ukoll qed taqdi l-mandat tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew; jisħaq li informatur tal-FSB li jkollu aċċess għall-benefiċċji u għall-informazzjoni bħala Membru tal-Parlament Ewropew ikun theddida serja għas-sigurtà u d-demokrazija tal-Unjoni tagħna; jisħaq li huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew, kif ukoll l-awtoritajiet Latvjani, jinvestigaw din il-kwistjoni bir-reqqa sabiex jiddeterminaw, mingħajr dewmien, is-sanzjonijiet u l-proċedimenti kriminali xierqa;
4. Jisħaq li l-Membru tal-PE kkonċernata ġiet eskluża mill-grupp politiku tagħha għal raġunijiet relatati mal-pożizzjonijiet tagħha dwar ir-Russja u l-Ukrajna u issa mhijiex affiljata; jissottolinja li l-maġġoranza l-kbira tal-Membri tal-PE mhumiex tal-istess fehma tagħha u kkundannaw bl-akbar qawwa l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja, l-użu tagħha ta’ tattiki ta’ gwerra ibrida kontra d-demokrazija Ewropea u għażliet ta’ politika aggressivi u antidemokratiċi oħra f’dawn l-aħħar snin; jinnota, madankollu, li għadd żgħir ta’ Membri tal-PE pparteċipaw f’azzjonijiet b’mod konġunt mal-Membru tal-PE kkonċernata, filwaqt li esprimew fehmiet simili u appoġġjaw b’mod ċar lir-Russja;
5. Jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-awtoritajiet Latvjani kif ukoll jikkoopera magħhom fl-investigazzjoni tagħhom dwar l-imġiba tal-Membru tal-PE kkonċernata; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw jekk il-Membru tal-PE kkonċernata hijiex soġġetta għall-prosekuzzjoni skont il-liġi kriminali nazzjonali u jibqa’ lest biex jipprovdi l-appoġġ u l-kooperazzjoni sħaħ tiegħu għal dan;
6. Jilqa’ r-riferiment tal-Membru tal-PE kkonċernata lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; jimpenja ruħu li jinforza bis-sħiħ il-qafas ta’ sanzjonijiet interni applikabbli tiegħu; jinnota li l-fatti allegati ġraw qabel l-adozzjoni reċenti tar-riforma tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; iqis li r-regoli waħedhom ma kinux se jipprevjenu l-allegata mġiba kundannabbli tal-Membru tal-PE; jibqa’ lest, madankollu, li jevalwa u jirfina aktar il-funzjonament u s-sanzjonar tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament, li ssaħħaħ wara l-Qatargate;
7. Jappoġġja l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-proċess ġust, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; itenni li l-għażliet politiċi ma jistgħux jiġu kriminalizzati u li l-Membri tal-PE ma għandhomx jiffaċċjaw aktar restrizzjonijiet fuq l-espressjoni tal-opinjonijiet tagħhom meta jeżerċitaw il-mandat leġittimu tagħhom;
8. Jindika każijiet oħra ta’ Membri tal-PE li konxjament jaqdu l-interessi tar-Russja; jissottolinja li l-attivitajiet ta’ dawn il-Membri tal-PE qed jikkompromettu s-sigurtà, il-kredibbiltà u r-reżiljenza demokratika tal-UE; jesprimi tħassib serju dwar ir-rabtiet li l-Membru tal-PE kkonċernata seta’ kellha ma’ Membri oħra tal-PE u jiddenunzja bil-qawwa kwalunkwe tentattiv intern ikkoordinat biex tiġi avvanzata l-aġenda politika tal-Kremlin fil-Parlament; iqis li huwa essenzjali li titwettaq minnufih investigazzjoni interna bir-reqqa sabiex jiġu vvalutati l-każijiet kollha possibbli ta’ ndħil barrani mir-Russja u ta’ tipi oħra ta’ ndħil malizzjuż fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;
9. Jesprimi tħassib partikolari dwar rapporti reċenti li l-awtoritajiet Russi qed jipprovdu narrattivi speċifiċi lil partiti politiċi u atturi tal-lemin estrem f’pajjiżi differenti tal-UE, b’mod partikolari fil-Ġermanja u fi Franza, bl-għan li jimminaw l-appoġġ pubbliku għall-Ukrajna, wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-2022; jisħaq fuq is-serjetà tal-konnessjonijiet tar-Russja ma’ partiti u politiċi fl-Unjoni u l-indħil estensiv tagħha fil-movimenti seċessjonisti fit-territorji Ewropej, bħal fil-Katalonja;
10. Itenni r-rabja tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet regolari ta’ finanzjament Russu fuq skala kbira ta’ partiti politiċi, politiċi, uffiċjali u movimenti f’diversi pajjiżi demokratiċi bħala tentattiv ta’ ndħil u biex tinkiseb l-influwenza fil-proċessi domestiċi tagħhom; jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jipprojbixxu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-donazzjonijiet barranin lill-partiti politiċi u lill-kandidati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konnessjonijiet tar-Russja ma’ diversi partiti politiċi u ma’ politiċi fl-UE; ifakkar li anke f’każijiet fejn il-liġi tillimita s-sorsi ta’ finanzjament politiku, l-atturi Russi sabu modi kif jaħarbu minnha u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom billi ħadu self mingħand banek barranin (bħal fil-każ tal-partit National Front fl-2016), fejn ipprovdew ftehimiet ta’ xiri u kummerċjali (bħal fl-allegazzjonijiet irrapportati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-partit FPÖ u minn Buzzfeed u L’Espresso fl-10 ta’ Lulju 2019 dwar il-Lega per Salvini Premier), u ffaċilitaw attivitajiet finanzjarji (kif irrapportat mill-istampa Brittanika dwar il-kampanja Leave.eu);
11. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-relazzjonijiet allegati bejn is-seċessjonisti Katalani u l-amministrazzjoni Russa; jinnota li l-indħil Russu fil-Katalonja, jekk jiġi kkonfermat, ikun parti minn strateġija usa’ tar-Russja biex tippromwovi d-destabbilizzazzjoni interna u n-nuqqas ta’ għaqda fl-UE; jesprimi tħassib serju dwar il-kampanji ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira li r-Russja segwiet fil-Katalonja, kif ukoll il-kuntatti intensi u l-għadd ta’ laqgħat allegati bejn l-aġenti responsabbli għall-indħil Russu mal-moviment favur l-indipendenza u mal-gvern reġjonali tal-komunità awtonoma tal-Katalonja; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jinvestigaw b’mod effettiv il-konnessjonijiet tal-Membri tal-PE allegatament assoċjati mal-Kremlin u t-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni u ndħil tar-Russja fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jiddeplora l-attakki kollha fuq l-imħallfin li qed jinvestigaw kwalunkwe attività ta’ ndħil; jappella biex il-każijiet tal-Membri tal-PE Katalani kkonċernati jiġu riferuti lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-inċident reċenti fis-Slovakkja, fejn is-Servizz tal-Intelligence Barranija Russu, f’mossa provokattiva, ħareġ bi stqarrija matul il-moratorju ta’ qabel l-elezzjoni fejn xeħet dubju fuq l-integrità tal-proċess elettorali tar-Repubblika Slovakka; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol viżibbli u dirett tad-diplomazija Russa fil-ħajja pubblika u politika Slovakka sa mill-elezzjonijiet parlamentari f’Settembru 2023;
13. Jikkundanna bil-qawwa l-kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira esposta mill-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, allegatament orkestrata mir-Russja fuq il-pjattaforma X, bl-intenzjoni li timmanipula l-opinjoni pubblika fil-Ġermanja;
14. Jinnota bi tħassib li X waqfet issegwi l-Kodiċi ta’ Prattika volontarju dwar id-Diżinformazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-firxa tad-diżinformazzjoni u tal-kontenut illegali fuq il-pjattaforma;
15. Itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li n-natura eċċezzjonali tal-indħil barrani Russu teżiġi sforzi speċjali mill-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, biex dan it-theddid speċifiku jiġi identifikat, indirizzat u jingħeleb;
16. Jikkundanna bil-qawwa r-rivelazzjoni allarmanti żvelata minn strumenti rispettabbli tal-media Ġermaniża li tesponi l-fatt li impjegat affiljat mal-partit tal-AfD u assoċjat ma’ membru tal-Bundestag Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB, liema rivelazzjoni qajmet tħassib serju dwar l-influwenza barranija potenzjali fi ħdan ix-xenarju tal-politika Ġermaniża;
17. Ifakkar li l-indħil barrani huwa theddida sistemika li trid tiġi miġġielda b’mod vigoruż; jenfasizza li l-gwerra ibrida u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin mhumiex biss kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà, iżda fil-fatt jheddu l-bażi nfisha tad-demokraziji tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ trażversali permanenti għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin b’mod aktar effettiv; iqis li l-indħil elettorali fi Stat Membru wieħed jaffettwa lill-UE kollha kemm hi, peress li jista’ jkollu impatt fuq il-kompożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jindirizzaw dan it-theddid billi jaħdmu b’mod iżolat, u lanqas l-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat ma tista’ ssolvi dan kollu; jilqa’ l-ħidma li saret mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fit-tieni Rapport tiegħu dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Ndħil minn Barranin li ġie ppubblikat fit-23 ta’ Jannar 2024 u jirrakkomanda kooperazzjoni aktar mil-qrib man-NATO f’dan il-qasam; jibqa’ determinat li jsegwi l-isforzi tiegħu biex jiġġieled l-indħil barrani fl-UE fis-snin li ġejjin, fost affarijiet oħra, permezz ta’ korp parlamentari ddedikat;
18. Jibqa’ sod fl-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jittejbu u jiġu infurzati r-regoli li jipproteġu l-integrità ta’ din l-istituzzjoni bħala pilastru tad-demokrazija Ewropea; iqis li l-allegazzjonijiet rigward il-Membru tal-PE kkonċernata jissottolinjaw il-ħtieġa ta’ kultura ta’ sigurtà msaħħa fi ħdan il-Parlament Ewropew; jappella li jingħata l-ogħla livell ta’ attenzjoni politika u amministrattiva lir-rakkomandazzjonijiet għar-riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2023 u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri proposti, inkluż taħriġ obbligatorju u regolari dwar is-sigurtà u l-integrità għall-Membri tal-PE u l-persunal, awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa u skrinjar imsaħħaħ tal-persunal, b’mod partikolari dawk li jattendu laqgħat bil-magħluq; jappella għal skrutinju aktar strett tal-organizzazzjoni tal-eventi, kif ukoll meta mistednin esterni jiġu mistiedna l-Parlament u fir-rigward tal-aċċess għall-pjattaformi ta’ komunikazzjoni tal-Parlament; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jsegwu l-proċeduri u perjodu ta’ żmien komuni kull meta jintalbu jagħtu awtorizzazzjoni ta’ sigurtà lill-Membri tal-PE u lill-persunal tal-Parlament, kif ukoll għal kwalunkwe skrinjar ta’ sigurtà relatat mal-istituzzjonijiet tal-UE; huwa tal-opinjoni soda li r-riżorsi tal-Parlament, bħall-isponsorjar ta’ eventi u vjaġġi, l-għoti ta’ aċċess għal video recording studios u pjattaformi oħra ta’ komunikazzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti ta’ komunikazzjoni tal-gruppi politiċi jew tal-Membri tal-PE, ma jridux jintużaw biex jikkompromettu l-valuri tal-UE jew għall-finijiet tat-tixrid ta’ informazzjoni ostili minn reġimi awtoritarji; itenni l-appell tiegħu għal regoli aktar stretti għal vjaġġi li jsiru minn Membri tal-PE li jitħallsu minn pajjiżi u entitajiet barranin; jemmen li għandhom jitfasslu regoli simili għall-vjaġġi li jsiru mill-assistenti parlamentari akkreditati jew mill-persunal tal-gruppi politiċi;
19. Itenni l-impenn qawwi tiegħu li jkompli jwettaq riformi serji u konkreti fil-Parlament Ewropew sabiex juri tolleranza żero għall-korruzzjoni u għall-indħil barrani ta’ korruzzjoni u biex jipproteġi d-demokrazija Ewropea;
20. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment ta’ korp tal-etika indipendenti mill-aktar fis possibbli, f’konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jżidu l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment ta’ dan il-korp;
21. Jistieden lis-Segretarjat tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jipprojbixxi lil kwalunkwe entità b’relazzjonijiet diretti jew indiretti mal-Gvern tar-Russja, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 dwar miżuri restrittivi(10);
22. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jimplimentaw il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija sabiex jieħdu azzjoni b’mod urġenti u jagħlqu l-ħafna lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-finanzjament tal-partiti, isibu skema regolatorja obbligatorja għall-pjattaformi l-kbar u jżidu d-difiża ċibernetika tal-UE kontra attakki possibbli fuq is-sistema elettorali tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu investimenti sinifikanti u dejjiema fit-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika tagħna u tal-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ counter-intelligence tal-UE; jissottolinja li investigazzjonijiet kriminali dwar akkużi ta’ spjunaġġ huma fil-kompetenza tal-Istati Membri; jenfasizza li, fi kważi l-Istati Membri kollha, ġew skoperti networks ta’ spjunaġġ Russi; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi u l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż biex jinnewtralizzaw it-tentattivi biex tinkiseb teknoloġija sensittiva mill-kumpaniji tal-UE biex jalimentaw il-kapaċitajiet militari tar-Russja; jilqa’ l-fatt li diversi pajjiżi tal-UE waqqfu kumitati investigattivi speċjali ddedikati għall-ġlieda kontra l-influwenza Russa;
23. Jikkundanna t-tipi kollha ta’ elite capture u t-teknika ta’ koopzjoni ta’ impjegati taċ-ċivil tal-ogħla livell u eks politiċi tal-UE, fost oħrajn, billi jiġu pprovduti b’impjiegi li jħallu qligħ tajjeb f’kumpaniji marbuta ma’ gvernijiet involuti b’mod attiv f’azzjonijiet ta’ ndħil kontra l-UE; jappella biex il-Membri tal-PE jiġu pprojbiti milli jwettqu impjiegi sekondarji mħallsa jew attivitajiet f’isem organizzazzjonijiet jew individwi inklużi fir-Reġistru tat-Trasparenza, jew f’isem pajjiżi mhux tal-UE, sabiex jiġu limitati l-kunflitti ta’ interess potenzjali u l-indħil barrani;
24. Jinnota li l-liġijiet huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-imġiba kriminali iżda ma jistgħux, waħedhom, jipprevjenu azzjonijiet kriminali u mhux etiċi minn Membri individwali tal-PE; jissottolinja li l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew iġorru ċerta responsabbiltà li jimmonitorjaw l-azzjonijiet tal-Membri tagħhom, u għalhekk ifakkar lill-gruppi kollha jaġixxu f’każ li jsiru konxji ta’ kwalunkwe mġiba li tqajjem dubji dwar l-integrità ta’ kwalunkwe membru mill-Membri tagħhom; jistieden lill-Membri kollha tal-PE u lill-gruppi kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti f’dan il-kuntest;
25. Jemmen li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma fil-qalba tal-proċess demokratiku u jħeġġeġ għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiżguraw li r-rieda tan-nies biss isservi bħala l-bażi tal-awtorità ta’ gvern, mingħajr indħil barrani minn atturi malinni, b’enfasi partikolari fuq it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw strateġiji ta’ reżiljenza għall-elezzjonijiet u jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi ta’ monitoraġġ permanenti u tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħhom ferm qabel l-elezzjonijiet, ir-referenda u proċessi politiċi importanti oħra madwar l-Ewropa;
26. Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-iżvelar tat-tentattivi ta’ ndħil barrani u attivitajiet li jsiru bil-moħbi; itenni l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament suffiċjenti u sostenibbli għall-ġurnaliżmu investigattiv;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/884 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 153, 3.6.2022, p. 128).
Aktar repressjoni fil-konfront tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela: attakki fuq il-kandidata għall-presidenza María Corina Machado
139k
48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2024 dwar aktar repressjoni fil-konfront tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela: attakki fuq il-kandidata għall-presidenza María Corina Machado (2024/2549(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-29 ta’ Jannar 2024,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-28 ta’ Jannar 2024 dwar l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Parzjali dwar il-Promozzjoni tad-Drittijiet Politiċi u l-Garanziji Elettorali għal Kulħadd, iffirmat mill-gvern ta’ Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni Venezwelana, il-Pjattaforma Unitarja, f’Ottubru 2023 (il-Ftehim ta’ Barbados),
– wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, ippubblikat fis-16 ta’ Settembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE fil-Venezwela tat-22 ta’ Frar 2022 bit-titolu “Elezzjonijiet reġjonali u muniċipali 21 ta’ Novembru 2021” u d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew, Jordi Cañas, tat-23 ta’ Novembru 2021 dwar l-elezzjonijiet reġjonali u lokali fil-Venezwela fl-2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet tal-Venezwela tal-2024 jistgħu jirrappreżentaw punt ta’ bidla minn awtokrazija korrotta lejn ritorn għad-demokrazija, jekk jiġu rispettati l-punti kollha tal-Ftehim ta’ Barbados; billi d-drittijiet ċivili u politiċi għadhom qed jinkisru fil-Venezwela, u dan wassal għal snin ta’ instabbiltà u vjolenza; billi aktar minn madwar tmien miljun ruħ ġew imġiegħla jitilqu mill-pajjiż;
B. billi kien hemm restrizzjonijiet sistematiċi fuq l-informazzjoni pubblika, il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u fuq id-dritt għal għaqda paċifika, b’mod partikolari għad-dissidenti tar-reġim, għat-trejdunjonisti, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà;
C. billi fis-17 ta’ Ottubru 2023 fil-Venezwela, ir-reġim ta’ Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni, il-Pjattaforma Unitarja, iffirmaw żewġ ftehimiet, magħrufa bħala l-Ftehimiet ta’ Barbados, li koprew kwistjonijiet li jinkludu l-promozzjoni tad-drittijiet politiċi u l-garanziji elettorali għal kulħadd, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi; billi dan il-Ftehim kopra suġġetti importanti bħall-fatt li osservaturi internazzjonali jitħallew jipparteċipaw fil-proċess elettorali; billi l-Ftehim ġie ffirmat biex iservi bħala l-ewwel pass biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Venezwela;
D. billi fit-22 ta’ Ottubru 2023, María Corina Machado ntgħażlet bħala l-kandidata presidenzjali tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, billi rebħet 92,35 % tal-voti fl-elezzjonijiet primarji;
E. billi għal diversi xhur, María Corina Machado, membri tat-tim tal-kampanja tagħha – inklużi Juan Freites, Luis Camacaro u Guillermo López, li ġew detenuti illegalment u minn dakinhar ġew irrappurtati nieqsa – organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avukati, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u atturi politiċi oħra fl-oppożizzjoni demokratika għar-reġim spiċċaw fil-mira ta’ tentattivi arbitrarji u politikament motivati biex jiskwalifikawhom milli jokkupaw kariga pubblika; billi fost dawk fil-mira hemm Henrique Capriles, li ħareġ għal president darbtejn fil-passat u li l-iskwalifika tiegħu ġiet ikkonfermata wkoll fl-istess dikjarazzjoni tas-26 ta’ Jannar 2024;
F. billi l-proċess biex titneħħa l-iskwalifika ta’ María Corina Machado kien nieqes minn elementi bażiċi, peress li la rċeviet kopja tal-allegazzjonijiet kontriha u lanqas ma ngħatat l-opportunità li twieġeb għall-allegazzjonijiet; billi l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-reġim ippubblikat sommarju tad-deċiżjoni tagħha, li ma għandu l-ebda bażi ġuridika, fuq il-paġna web tagħha; billi l-Kostituzzjoni Venezwelana tistipula li l-individwi ma jistax ikollhom id-drittijiet politiċi tagħhom ristretti minn deċiżjonijiet amministrattivi, u lanqas ma jistgħu jiġu pprojbiti milli jokkupaw kariga pubblika b’tali deċiżjonijiet; billi r-reġim tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja għalhekk ma setax jgħaddi sentenza kostituzzjonalment soda f’din il-kwistjoni;
G. billi fis-6 ta’ Diċembru 2023, Roberto Abdul, membru tal-kummissjoni li ppjanat l-elezzjonijiet primarji għall-oppożizzjoni tar-reġim, ġie arrestat għal allegat tradiment; billi fl-istess ħin, inħarġu mandati ta’ arrest għal Henry Alviarez, Claudia Macero u Pedro Urruchurtu, membri tal-Partit Vente Venezuela, għal allegati reati inklużi tradiment, komplott u ħasil tal-flus;
H. billi dawn id-deċiżjonijiet arbitrarji huma inkonsistenti mal-impenn tar-rappreżentanti ta’ Nicolás Maduro li jorganizzaw elezzjoni presidenzjali Venezwelana kompetittiva fl-2024 u jmorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE; billi l-iskwalifika arbitrarja kontinwa tal-kandidati elettorali tal-oppożizzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi tirrestrinġi b’mod sever id-dritt tal-Venezwelani li jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom;
I. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela(1), il-Parlament diġà kkundanna bil-qawwa l-iskwalifiki politiċi tal-kandidati mir-reġim Venezwelan; billi din ir-riżoluzzjoni kkundannat speċifikament l-iskwalifika arbitrarja u antikostituzzjonali ta’ 15-il sena ta’ María Corina Machado u ta’ persuni oħra prominenti fil-politika u ddeplorat il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar MOE tal-UE kienu ġew kompletament injorati;
J. billi r-reġim ta’ Maduro ċaħħad lill-Osservatur Ewlieni tal-MOE tal-UE milli jidħol fil-Venezwela biex jippreżenta r-rapport finali għall-elezzjonijiet reġjonali u muniċipali li saru fl-2021, minħabba li l-MOE tal-UE kienet tkeċċiet mill-pajjiż;
K. billi fit-22 ta’ Jannar, ir-reġim, permezz tal-avukat ġenerali, ħareġ 14-il mandat ta’ arrest abbażi ta’ akkużi foloz kontra xi individwi, inkluż id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Tamara Sujú, il-ġurnalista Sebastiana Barráez, l-Eks Sindku ta’ Caracas Antonio Ledezma, il-mexxej politiku Leopoldo López, l-Eks President interim tal-Venezwela Juan Guaidó u l-Eks Sindku David Smolansky, għal tradiment, l-assassinju ta’ persuna politika prominenti u talli sempliċiment eżerċitaw il-libertà tagħhom li jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim;
L. billi l-Parlament Venezwelan, li huwa kkontrollat mir-reġim ta’ Maduro, qed iħejji liġi ġdida dwar il-finanzjament u l-prestazzjoni tal-NGOs sabiex jillimita l-kapaċità tas-soċjetà ċivili li torganizza u tiddefendi d-drittijiet tagħha;
M. billi fil-31 ta’ Jannar, Maduro appoġġja appell mill-Assemblea Nazzjonali kkontrollata mir-reġim biex tiġi żviluppata proposta, mill-5 ta’ Frar u bi djalogu ma’ diversi setturi, għal skeda elettorali għall-elezzjonijiet presidenzjali, mistennija fit-tieni nofs tal-2024, iżda xorta waħda mingħajr data definita;
N. billi l-pjan direzzjonali elettorali inkluż fil-Ftehim ta’ Barbados jibqa’ opportunità sabiex jiġu riżolti l-kriżijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji li ilhom jeżistu fil-Venezwela u biex isiru elezzjonijiet kompetittivi, ħielsa u inklużivi fil-Venezwela; billi l-persekuzzjoni tal-kandidati tal-oppożizzjoni għar-reġim tikser serjament id-drittijiet politiċi u l-garanziji elettorali ffirmati fil-Ftehim ta’ Barbados;
O. billi r-reġim qed jagħmel ukoll bidliet fil-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) biex ifixkel il-proċess elettorali u jeqred kwalunkwe prospett ta’ ritorn għad-demokrazija; billi f’Ġunju 2023, irriżenjaw tliet retturi prinċipali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali, li wassal għar-riżenja ta’ żewġ retturi li kien għad fadal; billi l-Assemblea Nazzjonali tar-reġim ħatret kummissjoni speċjali magħmula minn rappreżentanti tar-reġim, inkluża l-mara ta’ Nicolás Maduro, biex teleġġi r-retturi l-ġodda minn fost individwi tar-reġim;
1. Jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi biex il-kandidata għall-presidenza tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, María Corina Machado, u oħrajn, bħal Henrique Capriles, jiġu skwalifikati milli jokkupaw kariga pubblika; ifakkar li l-proċess biex titneħħielha l-iskwalifika kien nieqes minn elementi bażiċi, peress li la rċeviet kopja tal-allegazzjonijiet kontriha u lanqas ma ngħatat l-opportunità li twieġeb għall-allegazzjonijiet;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra membri tat-tim ta’ María Corina Machado u rappreżentanti oħra tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, u l-allegati għajbien furzat u arresti tagħhom u l-mandati ta’ arrest maħruġa għalihom; jikkundanna bil-qawwa l-indħil tar-reġim ta’ Maduro fil-proċess elettorali;
3. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-mexxejja politiċi u soċjali kollha arrestati b’mod arbitrarju, inkluż ta’ tliet membri tal-persunal involuti fil-kampanja tal-kandidata għall-presidenza María Corina Machado, jiġifieri Juan Freites, Luis Camacaro u Guillermo Lopez;
4. Itenni li l-azzjonijiet ta’ Nicolás Maduro u r-rappreżentanti tiegħu, inklużi l-persekuzzjoni ta’ membri tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim u tentattivi li jostakulaw lil kandidati milli jikkompetu fl-elezzjoni presidenzjali ta’ din is-sena, huma ksur ċar tal-ftehimiet iffirmati f’Barbados mir-rappreżentanti ta’ Nicolás Maduro u l-Pjattaforma Unitarja, bil-ħsieb li ssir elezzjoni presidenzjali kompetittiva fil-Venezwela fl-2024;
5. Jissottolinja li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-reġim hija antikostituzzjonali u illegali, peress li tirriżulta minn allegazzjonijiet arbitrarji u politikament motivati, u li l-proċedura li ġiet segwita ma kinitx konformi mal-liġi; iqis, għalhekk, li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-reġim ma għandha l-ebda bażi legali u li María Corina Machado tibqa’ eliġibbli biex toħroġ għall-elezzjonijiet;
6. Jemmen li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu tentattiv ċar ta’ persekuzzjoni politika dittatorjali, li jikser id-drittijiet ċivili u politiċi tal-poplu Venezwelan, u li dawn l-azzjonijiet prevedibbli, b’mod partikolari meta wieħed iqis ir-rekord tar-reġim, għal darb’oħra jeqirdu kwalunkwe prospett ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;
7. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-oppożizzjoni għar-reġim biex jiġu organizzati elezzjonijiet primarji bħala soluzzjoni demokratika għall-Venezwelani residenti fil-pajjiż u barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jipprovdu l-kundizzjonijiet biex jiżguraw elezzjonijiet ġusti, liberi, inklużivi u trasparenti;
8. Iħeġġeġ lir-reġim Venezwelan itemm minnufih il-persekuzzjoni fuq ir-rebbieħa ewlenija tal-oppożizzjoni għar-reġim u b’hekk il-kandidata kompletament leġittima, María Corina Machado, u politiċi oħra tal-oppożizzjoni, u jibda jimplimenta l-Ftehim ta’ Barbados, inkluż billi jirrispetta l-prinċipji tal-pjan direzzjonali elettorali u l-paragrafu wieħed tal-Ftehim, li jiddeskrivi li l-partiti huma marbuta li “jirrikonoxxu u jirrispettaw id-dritt ta’ kull attur politiku li jagħżel il-kandidat tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali liberament”, li jfisser li jiġi żgurat li l-mexxejja tal-oppożizzjoni għar-reġim, María Corina Machado, tkun tista’ tipparteċipa liberament f’elezzjoni presidenzjali kompetittiva u verament demokratika fl-2024;
9. Ifakkar fil-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u umanitarji terribbli li ilhom prevalenti fil-Venezwela għal bosta snin, li l-Venezwelani ilhom jissaportu għal żmien twil wisq; jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-qtil, ir-repressjoni kostanti, it-tortura sistematika u l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, ċivili u politiċi tal-poplu Venezwelan u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lir-reġim Venezwelan jieqaf immedjatament jippersegwita, joħnoq u jikser id-drittijiet ċivili u politiċi tal-avversarji politiċi tiegħu u tal-poplu Venezwelan, kif ukoll jirrevoka l-mandati ta’ arrest għall-avversarji politiċi u jeħles lill-priġunieri politiċi;
10. Jinsab imħasseb dwar l-abbuż tal-qafas legali biex tiġi ristretta d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, u jinsab b’mod partikolari mħasseb dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-kontroll, ir-regolarizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet relatati;
11. Jinnota l-importanza li l-Venezwelani kollha, kemm fil-Venezwela kif ukoll barra mill-pajjiż, jitħallew jipparteċipaw fl-elezzjonijiet billi jaġġornaw ir-reġistru elettorali permanenti u r-reġistru elettorali barra mill-pajjiż, kif previst fil-paragrafu 3(2)(e) tal-Ftehim ta’ Barbados;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil fil-ħatra tal-membri tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali u jappella għal proċedura ta’ nomina indipendenti għal ħatriet ġodda fi ħdan il-Kunsill;
13. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar ir-reati u l-atti ta’ repressjoni estensivi min-naħa tar-reġim Venezwelan u jappella lill-UE tappoġġja l-investigazzjonijiet li bħalissa qed jiġu kkunsidrati skont l-Istatut ta’ Ruma, dwar l-allegati reati kontra l-umanità, biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;
14. Jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jappoġġja d-djalogu bejn il-partijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Venezwelan għal futur demokratiku; jappella lill-UE taħdem mal-komunità internazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati demokratiċi paċifiċi kollha fl-ispettru politiku kollu fil-Venezwela u tingrana l-mekkaniżmi kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tinkoraġġixxi ritorn għall-prinċipji fil-Ftehim ta’ Barbados;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu s-sanzjonijiet imposti fuq ir-reġim ta’ Maduro; jinsisti li s-sanzjonijiet għandhom jiżdiedu sakemm ikun hemm impenn ċar u permanenti, skont il-Ftehim ta’ Barbados, biex jiġu rispettati l-istandards demokratiċi bażiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jappella għal aktar sanzjonijiet immirati permezz tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) kontra l-imħallfin tal-Qorti Suprema tal-Venezwela li kienu involuti f’tentattivi biex María Corina Machado tiġi pprojbita milli tokkupa kariga pubblika u kontra l-membri tal-forzi tas-sigurtà Venezwelani involuti fl-abbużi sistematiċi mwettqa kontra l-avversarji tal-gvern;
16. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Venezwela, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż u jkollhom rwol aktar assertiv u viżibbli;
17. Jinsisti li l-UE ma tridx tikkunsidra li tibgħat kwalunkwe missjoni ta’ osservazzjoni elettorali fil-Venezwela sakemm ma jkunx hemm garanziji ċari u kredibbli li l-Ftehim ta’ Barbados u l-pjan direzzjonali elettorali qed jiġu rispettati fl-intier tagħhom, sakemm il-politiċi tal-oppożizzjoni li ġew skwalifikati milli jokkupaw kariga pubblika titneħħielhom tali skwalifika, sakemm María Corina Machado titħalla tipparteċipa fl-elezzjonijiet, u sakemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2021 jiġu implimentati kif xieraq;
18. Jisħaq li l-elezzjonijiet u r-riżultati tagħhom mhux se jiġu rikonoxxuti jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parteċipanti fis-Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tar-reġim Venezwelan.