Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2698(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0227/2024

Dibattiti :

PV 24/04/2024 - 20.1
CRE 24/04/2024 - 20.1

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2024 - 7.2

Testi adottati :

P9_TA(2024)0369

Testi adottati
PDF 126kWORD 44k
Il-Ħamis, 25 ta' April 2024 - Strasburgu
L-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev
P9_TA(2024)0369RC-B9-0227/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev (2024/2698(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ażerbajġan intensifika r-repressjoni tiegħu tas-soċjetà ċivili, l-attivisti u l-media indipendenti li fadal, bħal Abzas Media, permezz ta’ detenzjonijiet u vessazzjoni ġudizzjarja; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalissa jelenkaw kważi 300 priġunier politiku fl-Ażerbajġan; billi l-indiċi Dinji tal-Libertà għall-2024 ta’ Freedom House jikklassifika lill-Ażerbajġan fost il-pajjiżi l-inqas ħielsa fid-dinja, taħt ir-Russja u l-Belarussja;

B.  billi Gubad Ibadoghlu, ekonomista politiku u figura tal-oppożizzjoni, ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan f’Lulju 2023 u baqa’ f’detenzjoni sat-22 ta’ April 2024, meta ġie ttrasferit għal detenzjoni domiċiljari; billi saħħtu ddeterjorat b’mod sinifikanti minn mindu ġie arrestat, bħala riżultat ta’ tortura, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani u rifjut ta’ kura medika adegwata, li b’hekk poġġew ħajtu f’periklu;

C.  billi Ilhamiz Guliyev, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ġie arrestat arbitrarjament fl-4 ta’ Diċembru 2023 fuq akkużi dubjużi ta’ traffikar tad-droga wara li xehed bħala informatur dwar it-tbagħbis mill-pulizija tal-evidenza kontra l-kritiċi tal-gvern; billi hu qed jiffaċċja sa 12-il sena ħabs;

1.  Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Ilhamiz Guliyev; jinnota li Gubad Ibadoghlu nħeles u tqiegħed taħt detezjoni domiċiljari u jistieden lill-awtoritajiet ineħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih; jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura b’mod urġenti li Gubad Ibadoghlu jirċievi eżami mediku indipendenti minn tabib tal-għażla tiegħu stess u li jitħalla jirċievi trattament barra mill-pajjiż;

2.  Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi l-oħra kollha, inklużi Tofig Yagublu, Akif Gurbanov, Bakhtiyar Hajiyev, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti Ulvi Hasanli, Sevinj Vagifgizi, Nargiz Absalamova, Hafiz Babali, Elnara Gasimova, Aziz Orujov, Rufat Muradli, Avaz Zeynalli, Elnur Shukurov, Alasgar Mammadli, Farid Ismayilov, kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE u lil ċittadini oħra;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan dwar l-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jistedinhom jirrevokaw leġiżlazzjoni ripressiva li twassal lill-organizzazzjonijiet indipendenti mhux governattivi u lill-media f’sitwazzjonijiet fil-marġini tal-liġi;

4.  Iqis li l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan huwa inkompatibbli mat-tħejjijiet tal-pajjiż biex jospita l-COP29; jitlob li l-organizzaturi jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili jkunu kompletament minquxa u garantiti fil-Ftehim dwar il-Pajjiż Ospitanti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tissospendi s-sħubija strateġika mal-Ażerbajġan fil-qasam tal-enerġija; jinsisti li kwalunkwe ftehim ta’ sħubija futur ikun dipendenti fuq il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u t-titjib tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

6.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jitlob laqgħat mal-priġunieri politiċi fl-Ażerbajġan;

7.  Itenni t-talba tiegħu li s-sanzjonijiet tal-UE fl-ambitu tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem jiġu imposti fuq uffiċjali tal-Ażerbajġan li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ażerbajġan.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Ottubru 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza