Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar it-tħassir propost tal-liġi li tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-Gambja (2024/2699(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Samoa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Protokoll ta’ Maputo u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benessri tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 5, li jimmira għall-eradikazzjoni globali tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) sal-2030,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Att storiku dwar in-Nisa (Emendatorju) tal-2015 fil-Gambja jipprojbixxi l-MĠF, u jagħmilha punibbli b’massimu ta’ tliet snin ħabs;
B. billi fit-18 ta’ Marzu 2024, liġi proposta biex titħassar il-projbizzjoni għaddiet it-tieni qari fil-Parlament tal-Gambja u issa ġiet riferita lil kumitat parlamentari li se jieħu mill-inqas tliet xhur biex jeżaminaha qabel ma jerġa’ lura l-parlament għat-tielet u l-aħħar rieżami;
C. billi l-Gambja tirriskja li tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li jreġġa’ lura l-protezzjoni legali kontra l-MĠF; billi dan jirriskja li jinkoraġġixxi li b’mod simili jiddgħajfu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet fir-reġjun;
D. billi l-MĠF hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-diskriminazzjoni kontra l-bniet u n-nisa; billi din mhijiex ġustifikata minn xi reliġjon jew kultura, hija prattika abbużiva, waħda ta’ sfruttament u dannuża b’konsegwenzi severi inklużi ħsara irreparabbli għas-saħħa fiżika, psikoloġika, riproduttiva u sesswali, u tista’ twassal għall-mewt; billi dan jipprevjeni lin-nisa u l-bniet milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u milli jipparteċipaw fis-soċjetà;
E. billi l-Gambja għandha fost l-ogħla prevalenza ta’ MĠF fid-dinja, u skont l-UNICEF, 76 % tan-nisa tal-Gambja ta’ bejn il-15 u d-49 sena ġew ċirkonċiżi; billi aktar minn 230 miljun tifla u mara madwar id-dinja huma affettwati mill-MĠF;
1. Iħeġġeġ lill-Parlament tal-Gambja juri l-impenn tiegħu favur id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diversi ftehimiet internazzjonali u reġjonali li l-Gambja hija firmatarja tagħhom, biex jipproteġi d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, u għalhekk jirrifjuta l-proposta u jiddefendi l-kriminalizzazzjoni tal-MĠF;
2. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gambja jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jipprevjeni u jelimina l-MĠF permezz ta’ miżuri ta’ infurzar robusti u sforzi ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Gambja jimpenja ruħu mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-Programm Konġunt UNFPA-UNICEF dwar l-Eliminazzjoni tal-MĠF;
3. Jinsab lest li jappoġġja lill-gvern u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-involviment tal-komunità, inkluż ma’ mexxejja reliġjużi, tradizzjonali u komunitarji, fil-ġlieda kontra l-MĠF, u li jappoġġja lis-superstiti u lid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jindirizzaw b’mod urġenti u sistematiku l-kwistjoni tal-MĠF mal-awtoritajiet tal-Gambja f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-awtoritajiet tal-Gambja u lill-Unjoni Afrikana.