Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà f’Hong Kong u l-każijiet ta’ Andy Li u Joseph John (2024/2700(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fid-19 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Leġiżlattiv ta’ Hong Kong għadda l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika ta’ Hong Kong; billi l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali tespandi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali imposta mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tawtorizza ksur saħansitra aktar radikali tal-libertajiet u l-libertajiet fundamentali, bi ksur tad-Dikjarazzjoni Sino-Brittanika u tad-Dikjarazzjoni Sino-Portugiża, tal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”, u tal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
B. billi Andy Li, attivist favur id-demokrazija u xhud ewlieni fil-proċess ta’ Jimmy Lai, allegatament ammetta, taħt tortura, għal reat ta’ assoċjazzjoni u kollużjoni ma’ entitajiet barranin; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura esprima tħassib;
C. billi l-każ ta’ Joseph John, li għandu ċittadinanza doppja ta’ Hong Kong u Portugiża, huwa l-ewwel każ tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali għal ċittadin tal-UE; billi John ġie arrestat talli allegatament, mill-Ewropa, tella’ kontenut tal-media soċjali kontra ċ-Ċina u wettaq inċitament għal “seċessjoni”, u fil-11 ta’ April 2024 ġie kkundannat għal ħames snin ħabs;
D. billi ċ-ċittadina Pollakka Aleksandra Bielakowska, li kellha l-intenzjoni li tattendi l-proċess ta’ Lai, ġiet arrestata mal-wasla tagħha f’Hong Kong, u ġiet interrogata u deportata;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tal-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali, li tikser l-aħħar traċċi tal-libertajiet fundamentali f’Hong Kong; jinsab ixxukkjat dwar l-għeluq tal-forzi politiċi, tas-soċjetà ċivili u tal-mezzi tal-aħbarijiet favur id-demokrazija, u l-arrest ta’ aktar minn 200 persuna mill-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali; iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lil Hong Kong iħassru l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali;
2. Iħeġġeġ lill-Gvern ta’ Hong Kong jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Li, John, Lai, Kok Tsz-lun u lir-rappreżentanti u l-attivisti l-oħra kollha favur id-demokrazija miżmuma talli eżerċitaw il-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi tagħhom, u jwaqqa’ l-akkużi kollha kontrihom;
3. Jenfasizza l-imminar tal-libertajiet tal-istampa mill-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu l-fastidju u l-prosekuzzjoni tal-ġurnalisti;
4. Jinsab allarmat li l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali għandha impatt sinifikanti fuq il-ħidma tal-Uffiċċju tal-UE u l-Konsulati Ġenerali tal-Istati Membri, u ċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji tal-UE f’Hong Kong;
5. Iħeġġeġ lill-Kunsill jirrieżamina l-Konklużjonijiet tiegħu tal-2020 dwar Hong Kong u jadotta sanzjonijiet skont ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Kap Eżekuttiv John Lee u l-uffiċjali kollha ta’ Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina responsabbli għar-repressjoni tal-libertajiet f’Hong Kong;
6. Jiddenunzja l-ostakli għall-monitoraġġ tal-proċessi u jisħaq fuq il-prijoritizzazzjoni ta’ appoġġ adegwat għall-osservazzjoni tal-proċessi u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti u r-rapportar tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f’koordinazzjoni ma’ sħab tal-istess fehma;
7. Jinsab imħasseb dwar l-ekstraterritorjalità u r-retroattività tal-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali li japplikaw madwar id-dinja; jikkundanna l-immirar tad-dijaspora ta’ Hong Kong ibbażata fl-UE u tal-politiċi u l-personalitajiet pubbliċi kritiċi għal Beijing; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissospendu t-trattati ta’ estradizzjoni mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u ma’ Hong Kong u jintroduċu skemi ta’ salvataġġ għal attivisti u ġurnalisti ta’ Hong Kong li jinsabu f’riskju;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Kap Eżekuttiv u lill-Kunsill Leġiżlattiv ta’ Hong Kong, u lill-Uffiċċju tal-UE f’Hong Kong.