Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi għall-Membri tal-Istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2024/2008(ACI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 u tad-19 ta’ Marzu 2024, li japprovaw l-abbozz ta’ Ftehim Interistituzzjonali li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi għall-Membri tal-Istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi għall-Membri tal-Istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim”),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 232 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2023 dwar proposta għal korp interistituzzjonali tal-etika u l-annessi tagħha (COM(2023)0311),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar it-twaqqif ta’ Korp tal-Etika indipendenti tal-UE(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar it-twaqqif ta’ korp tal-etika tal-UE(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 148(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0181/2024),
A. billi l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE huma tal-akbar importanza għal-leġittimità demokratika tagħhom u għat-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini; billi l-Parlament Ewropew illum huwa fost il-leġiżlaturi l-aktar trasparenti fid-dinja;
B. billi hemm bżonn li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-qafas tal-etika attwali, li huwa frammentat fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-UE, b’regoli, proċeduri u livelli ta’ infurzar differenti;
C. billi l-Parlament ippropona, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021(7), u tenna, fir-riżoluzzjonijiet sussegwenti tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023(8) u tat-12 ta’ Lulju 2023(9), li jiġi stabbilit korp tal-etika ambizzjuż, ġenwin u indipendenti;
D. billi l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għall-istabbiliment ta’ korp interistituzzjonali tal-etika fit-8 ta’ Ġunju 2023, fejn ressqet korp li jistabbilixxi l-istandards; billi dik il-proposta tal-Kummissjoni ma laħqitx bil-ħafna l-ambizzjoni mressqa fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, billi prinċipalment kienet nieqsa mill-kapaċità li teżamina każijiet individwali u ksur potenzjali tar-regoli etiċi kif ukoll li tirrakkomanda sanzjonijiet;
E. billi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-16 ta’ Frar 2023(10) u tat-12 ta’ Lulju 2023(11) servew bħala l-mandat ta’ negozjar tal-Parlament;
F. billi korp interistituzzjonali tal-etika se jikkontribwixxi biex jissaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-leġittimità demokratika tagħhom, kif ukoll biex tinbena kultura istituzzjonali bbażata fuq l-ogħla standards etiċi;
G. billi r-regoli etiċi attwali tal-Parlament fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jipprevedu ħafna dikjarazzjonijiet standardizzati bil-miktub, fosthom dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, dikjarazzjonijiet tal-assi, dikjarazzjonijiet dwar is-sensibilizzazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess għad-detenturi ta’ karigi, rapporteurs, shadow rapporteurs u parteċipanti f’delegazzjoni uffiċjali jew negozjati interistituzzjonali, dikjarazzjonijiet ta’ laqgħat skedati ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, anke meta delegati lill-assistenti tagħhom, dikjarazzjonijiet ta’ kontribut mir-rapporteurs dwar il-fajls tagħhom, dikjarazzjonijiet ta’ attendenza f’avvenimenti organizzati minn partijiet terzi, dikjarazzjonijiet ta’ rigali u dikjarazzjonijiet ta’ intergruppi jew gruppi mhux uffiċjali dwar l-appoġġ finanzjarju estern;
1. Jilqa’ l-Ftehim li jippermetti l-iżvilupp ta’ standards etiċi komuni b’saħħithom u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u li jippermetti li każijiet individwali jiġu eżaminati mill-esperti indipendenti fuq talba ta’ istituzzjoni jew korp konsultattiv li jkunu parti għall-Ftehim rigward kwalunkwe dikjarazzjoni tal-Membri tagħhom;
2. Jissottolinja l-fatt li s-setgħa finali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet rilevanti tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi; jinnota li kwalunkwe konsultazzjoni tal-esperti indipendenti dwar każ individwali tibda b’talba minn parti għall-Ftehim fir-rigward tal-membri tagħha stess, f’konformità mar-regoli interni tagħha; jissottolinja li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati, bħala każijiet ta’ livell għoli li jmorru lil hinn mill-interessi tal-istituzzjoni kkonċernata, għandhom bħala regola jkunu soġġetti għal eżami mill-esperti indipendenti;
3. Itenni, madankollu, li l-Parlament jibqa’ impenjat bis-sħiħ lejn korp indipendenti tal-etika, kapaċi li jwettaq investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja tiegħu u li joħroġ rakkomandazzjonijiet għal sanzjonijiet lill-awtoritajiet responsabbli tal-istituzzjonijiet jew il-korpi parteċipanti, magħmul minn esperti indipendenti bħala membri sħaħ, li jkopri Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE qabel, matul u wara l-mandat jew it-terminu ta’ servizz tagħhom, kif ukoll il-persunal, kif previst fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Settembru 2021(12) u kif tenna fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023(13) u tat-12 ta’ Lulju 2023(14);
4. Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew iddeċieda li ma jisseħibx fil-Ftehim;
5. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Kunsill li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim għal mill-inqas ir-rappreżentanti fil-livell ministerjali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, billi jargumenta li m’hemm l-ebda bażi legali fit-Trattati biex jiġu adottati standards minimi komuni li japplikaw għar-rappreżentanti tal-Istati Membri; jimpenja ruħu li juża l-ewwel rieżami tal-Ftehim biex jindirizza din il-lakuna legali u jistieden, sadanittant, lill-Presidenzi tal-Kunsill li jmiss biex japplikaw b’mod volontarju d-dispożizzjonijiet tiegħu; huwa tal-fehma li l-Membri tal-Kunsill, bħall-Membri tal-Parlament Ewropew, jistgħu jkunu marbuta bir-regoli stabbiliti mill-Kunsill skont is-setgħa tiegħu ta’ awtoorganizzazzjoni, li jipprevalu f’każ ta’ kunflitt mar-regoli nazzjonali; jissottolinja, f’dan il-kuntest, li r-rappreżentanti tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala Membri tal-Kunsill meta jadottaw atti legali tal-UE; jimpenja ruħu li jfittex kjarifika legali dwar jekk il-Kunsill jistax jorbot lill-Membri tiegħu bi standards minimi komuni;
6. Huwa tal-fehma li r-riżorsi disponibbli jridu jippermettu l-funzjonament tajjeb kemm tal-korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi (il-“Korp”) innifsu magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull parti għall-Ftehim, kif ukoll tal-ħames esperti indipendenti li jassistu lir-rappreżentanti istituzzjonali u li jingħaqdu mal-Korp bħala osservaturi, u kwalunkwe appoġġ meħtieġ għal dan l-għan; jiddispjaċih li skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim, kwalunkwe kost li jirriżulta minn konsultazzjoni tal-esperti indipendenti għandu jkun kopert mill-parti li tagħmel it-talba, peress li dan jista’ jirriżulta f’limitazzjoni tal-għadd ta’ tali konsultazzjonijiet;
7. Huwa tal-fehma li l-esperti indipendenti, li se jiġu mħatra b’kunsens tal-partijiet għall-Ftehim, għandhom bżonn ikollhom esperjenza professjonali speċifikament fl-oqsma tal-etika, tal-integrità u tat-trasparenza, minbarra r-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim li jirreferu għal rekord impekkabbli ta’ mġiba professjonali u esperjenza f’funzjonijiet ta’ livell għoli f’organizzazzjonijiet pubbliċi Ewropej, nazzjonali jew internazzjonali;
8. Jenfasizza r-rwol essenzjali li għandhom l-esperti indipendenti fl-eżami ta’ każijiet individwali fuq talba ta’ parti għall-Ftehim; huwa tal-fehma li jkun ta’ benefiċċju kbir għall-fini tal-iżvilupp jew l-aġġornament ta’ standard etiku li kull parti tibgħat kampjun aleatorju żgħir ta’ każijiet lill-esperti indipendenti;
9. Jemmen li l-Korp għandu jiddependi mis-setgħat eżistenti tal-istituzzjonijiet biex jistaqsu lill-membri tagħhom għall-informazzjoni jew mill-qbil tal-awtoritajiet nazzjonali biex jaqsmu l-informazzjoni; jemmen li l-esperti indipendenti għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fejn meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom, filwaqt li jittrattaw tali informazzjoni bl-istess kunfidenzjalità bħall-awtorità ta’ oriġini; jisħaq f’dan ir-rigward li l-esperti indipendenti għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti amministrattivi tal-partijiet parteċipanti, speċjalment il-parti li tikkonsultahom dwar każ, sabiex jippermettulhom iwettqu valutazzjonijiet motivati sew u dokumentati tajjeb;
10. Jinnota li l-esperti indipendenti għandhom jaħtru kelliem minn fosthom; huwa tal-fehma li l-esperti indipendenti għandu jkollhom awtonomija sħiħa fl-organizzazzjoni tal-ħidma tagħhom, kif ukoll meta jiġu biex isejħu l-laqgħat tagħhom stess;
11. Jemmen li r-rakkomandazzjoni motivata tal-esperti indipendenti, mingħajr preġudizzju għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-drittijiet personali, għandha tiġi ppubblikata mill-istituzzjoni jew il-korp konsultattiv, flimkien mad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, li għandha tagħti spjegazzjoni fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet ma jiġux segwiti bis-sħiħ;
12. Jitlob li l-Korp imexxi bl-eżempju fir-rigward tat-trasparenza billi jippubblika r-rakkomandazzjonijiet, ir-rapporti annwali, id-deċiżjonijiet u r-rekords tal-infiq kollha f’format ta’ data miftuħa li jinqara mill-magni disponibbli għaċ-ċittadini kollha, u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż, inter alia, l-opinjoni bil-miktub tal-esperti indipendenti dwar l-awtovalutazzjonijiet tal-istituzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-kont annwali anonimizzat u aggregat ta’ kull sena li jiġbor fil-qosor f’forma aggregata u anonima l-konsultazzjonijiet u l-mistoqsijiet imressqa mill-partijiet u l-azzjonijiet sussegwenti skont l-Artikolu 7(4) tal-Ftehim; jissottolinja l-importanza li tiġi protetta l-privatezza tal-individwi kkonċernati sa punt xieraq u l-preżunzjoni tal-innoċenza; jistieden lill-partijiet għall-Ftehim jiżviluppaw gwida komuni għall-konsultazzjoni tal-esperti indipendenti u l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom;
13. Jemmen li, sabiex ikun kompletament effettiv, il-Korp ikun jeħtieġ li jgħaqqad il-funzjonijiet tal-organi eżistenti responsabbli għall-etika u li għalhekk, għal każijiet li jirrikjedu kunsiderazzjoni speċifika jew għall-iskop tal-iżvilupp jew tal-aġġornament ta’ standard etiku kull parti parteċipanti għandha tikkonsulta lill-esperti indipendenti;
14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi definit kif se jiġi ddeterminat il-mandat tal-Viċi President li jirrappreżenta lill-Parlament fil-Korp u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta’ responsabbiltà;
15. Iqis li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat min se jkun ir-rappreżentant sostitut tal-Parlament f’dan il-Korp;
16. Iqis li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali għandu jkollu rwol fid-determinazzjoni tal-mandat tal-Viċi President li jirrappreżenta lill-Parlament f’dak il-Korp, kif ukoll rwol biex il-Viċi President u r-rappreżentant sostitut jinżammu responsabbli; iqis li huwa tal-akbar importanza li l-Membri tal-Parlament Ewropew ikollhom vuċi fl-iżvilupp ta’ standards li jorbtuhom;
17. Jibqa’ impenjat li jinvolvi ruħu b’mod kostruttiv fir-rieżami tal-Ftehim li għandu jitwettaq tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex jittejjeb u jissaħħaħ il-Korp, kif previst fl-Artikolu 21 tal-Ftehim;
18. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-Korp għandu jkun jista’ jinvestiga fuq inizjattiva proprja tiegħu ksur allegat ta’ regoli etiċi minn uffiċjali u persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE u li jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post u bbażati fuq ir-rekords bl-użu tal-informazzjoni li jkun ġabar jew li huwa jkun irċieva mingħand partijiet terzi;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma l-Ftehim mal-President tal-Kunsill, il-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-President tal-Qorti tal-Awdituri, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-President tal-Kumitat tar-Reġjuni u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi, għal skopijiet ta’ informazzjoni, din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
FTEHIM BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI EWROPEA, IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI, LI JISTABBILIXXI KORP INTERISTITUZZJONALI GĦALL-ISTANDARDS ETIĊI GĦALL-MEMBRI TAL-ISTITUZZJONIJIET U L-KORPI KONSULTATTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 13 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEAREFERRED TO IN ARTICLE 13 OF THE TREATY ON EUROPEAN UNION
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-ftehim interistituzzjonali kif ippubblikat fil-ĠU L, 2024/1365, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2024/1365/oj.)