Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024 - Emendi tal-baġit 2024 meħtieġa minħabba r-reviżjoni tal-QFP (07432/2024 – C9-0048/2024 – 2024/0056(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, adottat b’mod definittiv fit-22 ta’ Novembru 2023(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (“ir-Regolament QFP”)(6),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(8),
– wara li kkunsidra l-proposta tat-8 ta’ Novembru 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (COM(2023)0692),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2024 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(9),
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Frar 2024 (COM(2024)0080),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, adottata mill-Kunsill fid-19 ta’ Marzu 2024 u mibgħuta lill-Parlament Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2024 (07432/2024 – C9-0048/2024),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0174/2024).
A. billi, f’dikjarazzjoni konġunta annessa mal-ftehim dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, il-Parlament u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni tipproponi baġit emendatorju hekk kif ikun intlaħaq qbil dwar ir-reviżjoni tar-Regolament QFP bil-ħsieb li l-baġit tal-2024 isir konformi mar-Regolament QFP rivedut u, min-naħa tagħhom, impenjaw ruħhom li jikkunsidraw l-abbozz ta’ baġit emendatorju mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqisu l-urġenza tal-kwistjoni;
B. billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 huwa għalhekk iffukat fuq l-inklużjoni fil-baġit tal-2024 tal-bidliet meħtieġa li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-QFP li ntlaħaq qbil dwarha reċentement; billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 iżid in-nefqa b’EUR 5 833,7 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 4 143,6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament;
C. billi, minbarra l-bidliet li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-QFP, l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 jinkludi wkoll bidliet fir-rimarki baġitarji għan-nefqa ta’ appoġġ fl-ambitu tal-programm Ewropa Diġitali biex ikun jista’ jkopri l-kostijiet tal-persunal estern meħtieġ għall-Uffiċċju għall-Intelliġenza Artifiċjali, li għandu jiġi stabbilit skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li dwaru ntlaħaq qbil reċentement;
1. Jilqa’ l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, li jinkludi rinforzi importanti proposti mill-Parlament fil-qari tal-baġit tiegħu li ma setgħux jiġu inklużi fil-baġit tal-2024 minħabba dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament QFP rivedut;
2. Jisħaq li, bl-adozzjoni tal-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, il-baġit tal-Unjoni għall-2024 se jkun aktar adattat għall-iskop tiegħu, aktar flessibbli u mgħammar aħjar biex jilqa’ l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni;
3. Jilqa’ l-proposta li jiġu mobilizzati EUR 4,8 biljun mir-Riżerva għall-Ukrajna li għadha kif inħolqot biex ikun possibbli l-ħlas ta’ għotjiet lill-Ukrajna; ifakkar li l-ħlas ta’ self ma jirrikjedix baġit emendatorju u għalhekk li l-Unjoni diġà qed tipprovdi appoġġ lill-gvern Ukren sabiex ikun jista’ jżomm servizzi essenzjali; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju bbażat fuq l-għotjiet u s-self permezz tal-Faċilità għall-Ukrajna se jgħin biex iżomm l-istat u s-servizzi essenzjali jiffunzjonaw, filwaqt li tikkontribwixxi fi triqitha lejn ir-rikostruzzjoni, l-irkupru, ir-riforma u s-sħubija mal-Unjoni;
4. Jissottolinja li n-nomenklatura baġitarja għall-Faċilità tal-Ukrajna, introdotta permezz tal-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, se tgħin biex jiġi żgurat li l-awtorità baġitarja tkun tista’ teżerċita skrutinju xieraq fuq l-infiq; jilqa’ l-inklużjoni fil-Faċilità ta’ pagamenti ta’ sussidju għar-rati tal-imgħax għall-Assistenza Makrofinanzjarja (AMF) ipprovduta lill-Ukrajna fl-2022, li se tnaqqas il-pressjoni fl-Intestatura 6 (Il-Viċinat u d-Dinja), b’mod partikolari fir-riżerva tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali;
5. Ifakkar li s-sussidju tar-rati tal-imgħax għas-self tal-AMF+ imħallas lill-Ukrajna għandu jiġi kopert mill-Istati Membri; jiddispjaċih li tliet ftehimiet ta’ kontribuzzjoni nazzjonali għadhom mhumiex stabbiliti; jissottolinja li l-inklużjoni ta’ EUR 5 miljun fil-baġit tal-2024 kienet proviżorja soġġetta għal soluzzjoni alternattiva ta’ finanzjament, f’konformità mad-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-Kummissjoni u tal-Parlament annessi mal-ftehim baġitarju tal-2024; jistenna, għalhekk, li l-EUR 5 miljun jitnaqqsu mil-linja rilevanti f’abbozz ta’ baġit emendatorju li jmiss għall-2024;
6. Jilqa’ t-tisħiħ ta’ EUR 376 miljun għall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) fl-2024, li jirriżulta mir-Regolament dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)(10); jinnota li, b’kuntrast mad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa mal-proposta STEP, il-Kummissjoni issa tqis li ma hija meħtieġa l-ebda approprjazzjoni ta’ pagament addizzjonali fl-2024; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ħtiġijiet ta’ pagament bir-reqqa;
7. Jinnota li, fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tistabbilixxi programm ġdid għad-difiża - il-Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża - għall-perjodu 2025-2027, bi trasferiment ippjanat ta’ EUR 1,5 biljun mill-EDF, preċiżament l-ammont tat-tisħiħ tal-EDF maqbul fl-ambitu ta’ STEP; itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li prijoritajiet ta’ politika ġodda jeħtieġu flus ġodda; jinsisti li r-riżorsi addizzjonali assenjati lill-EDF għall-bqija tal-perjodu tal-QFP jintużaw għall-objettivi ta’ STEP skont il-ftehim tal-koleġiżlaturi;
8. Jilqa’ l-EUR 500 miljun addizzjonali għall-Balkani tal-Punent, imqiegħda f’riżerva soġġetta għall-adozzjoni tar-regolament propost li jistabbilixxi l-Faċilità għat-Tkabbir u r-Riforma għall-Balkani tal-Punent; jirrimarka, li ma jqisx in-nomenklatura kif stabbilita fl-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 bħala adegwata għall-iskop tagħha u biħsiebu, flimkien mal-Kunsill, jirrevedi n-nomenklatura bħala parti mill-proċedura baġitarja tal-2025 sabiex jiġi żgurat skrutinju politiku u baġitarju xieraq;
9. Jinnota li, mit-total ta’ EUR 3,1 biljun f’rinforzi għall-Intestatura 6 bejn l-2024 u l-2027 maqbula fir-reviżjoni tal-QFP, EUR 500 miljun biss huma inklużi fl-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024; jirrimarka, barra minn hekk, li r-riallokazzjonijiet ippjanati tal-fondi fi ħdan dik l-Intestatura mhumiex inklużi; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-awtorità baġitarja b’informazzjoni dettaljata li tispjega kif biħsiebha timmaniġġja l-bidliet kollha fil-programmi u fl-istrumenti speċjali li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-QFP;
10. Jilqa’ l-fatt li l-Unjoni se tkun tista’ tirreaġixxi aħjar għall-kriżijiet b’riżultat taż-żieda fil-finanzjament għal diżastri naturali u emerġenzi oħra inklużi fl-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024; jinnota li l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 joħloq linji ġodda f’konformità mad-deċiżjoni li r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza tinqasam f’żewġ partijiet - ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea għal diżastri naturali u emerġenzi tas-saħħa pubblika fl-Unjoni u fil-pajjiżi tal-adeżjoni u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza għal rispons rapidu għal emerġenzi fl-Unjoni u barra mill-Unjoni; iqis li l-arkitettura l-ġdida se tagħmel il-fondi aktar faċli biex jiġu ġestiti u jfakkar fl-importanza ta’ trattament rapidu tal-applikazzjonijiet taħt il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u mobilizzazzjoni f’waqtha taż-żewġ riżervi biex tiżgura l-iżborż rapidu tal-fondi;
11. Ifakkar li l-għajnuna umanitarja għall-Ukrajna mhijiex koperta mill-Faċilità tal-Ukrajna u jistenna bis-sħiħ li l-ħtiġijiet globalment jibqgħu għoljin u x’aktarx jiżdiedu aktar fit-2024 f’kuntest fejn l-Għajnuna Umanitarja mhijiex ibbaġitjata biżżejjed; filwaqt li jqis l-implimentazzjoni tal-baġit fis-snin reċenti, jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-ħtiġijiet tal-għajnuna umanitarja u tipproponi kwalunkwe miżura meħtieġa lill-awtorità baġitarja fi żmien xieraq; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Istrument ta’ Flessibbiltà ġie msaħħaħ b’madwar EUR 500 miljun għall-2024 bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP;
12. Jinnota li l-allokazzjoni tal-2024 għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) tnaqqset għal EUR 33,8 miljun, f’konformità mar-Regolament QFP rivedut; Jappella lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-FEG u l-istituzzjonijiet kollha jenħtieġ li jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jiżguraw li t-talbiet ġustifikati kollha għal appoġġ mill-FEG, bħala manifestazzjoni tas-solidarjetà tal-Unjoni, ikunu jistgħu jiġu ssodisfati;
13. Jieħu nota tal-bidliet fir-rimarki baġitarji biex il-programm Ewropa Diġitali jkun jista’ jiffinanzja l-kostijiet tar-reklutaġġ ta’ aġenti kuntrattwali għall-Uffiċċju għall-Intelliġenza Artifiċjali stabbilit skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li ntlaħaq qbil dwaru reċentement; jissottolinja li soluzzjoni alternattiva bħal din hija meħtieġa biss minħabba riżorsi insuffiċjenti taħt l-Intestatura 7 (Amministrazzjoni), minħabba l-politika ta’ stabbiltà ta’ persunal awtoimposta mill-Kummissjoni u r-rifjut tal-Kunsill biex jindirizza l-infiq amministrattiv fir-reviżjoni tal-QFP jinsisti li l-kopertura tal-ispejjeż tal-persunal għall-Uffiċċju l-ġdid b’dan il-mod hija aċettabbli biss bħala soluzzjoni temporanja u ma tikkostitwixxix preċedent, filwaqt li trid tinstab soluzzjoni strutturali fit-tul taħt l-Intestatura 7 u li l-infiq taħt l-Intestatura 7 jrid jiġi stabbilit f’livell li jiggarantixxi li l-Unjoni jkollha amministrazzjoni effettiva u effiċjenti;
14. Ifakkar li, fl-ittra ta’ implimentabbiltà tagħha li tivvaluta l-qari rispettiv tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-baġit 2024, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rimarki tal-baġit għandhom, “bħala regola ġenerali, [...] jirriflettu l-bażi legali u għandhom jiġu rieżaminati biss jekk ikun meħtieġ biex jirriflettu l-bidliet fil-bażijiet legali applikabbli” u “ma għandhom jipproponu l-ebda bidla u modifika għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm jew azzjonijiet li mhumiex imsemmija b’mod espliċitu fl-atti bażiċi”; jistenna li, fid-dawl tal-flessibbiltà evidenti tal-Kummissjoni biex temenda r-rimarki għall-programm Ewropa Diġitali biex takkomoda r-reklutaġġ ta’ persunal estern mhux relatat mal-implimentazzjoni tal-programm, se tapplika l-istess kriterji ta’ flessibbiltà meta tivvaluta kwalunkwe bidla fir-rimarki baġitarji li l-Parlament jew il-Kunsill jafu jipproponu fil-proċedura baġitarja tal-2025;
15. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-Baġit emendatorju Nru 1/2024 ġie adottat b’mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.