Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/817 u r-Regolament (UE) 2018/1726, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (COM(2022)0729 – C9-0428/2022 – 2022/0424(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0729),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0428/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ April 2023(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta’ Marzu 2024, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0409/2023),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-25 ta' April 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2025/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726 u (UE) 2019/817, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE