Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0253/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2024 - 7.12

Testi adottati :

P9_TA(2024)0379

Testi adottati
PDF 148kWORD 51k
Il-Ħamis, 25 ta' April 2024 - Strasburgu
L-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
P9_TA(2024)0379RC-B9-0253/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati (2024/2665(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Copenhagen tal-OSKE tal-1990,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ES-11/4 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “L-integrità territorjali tal-Ukrajna: niddefendu l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” u r-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta’ Marzu 2014 bit-titolu “L-integrità territorjali tal-Ukrajna”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2023 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-intenzjonijiet li jsiru “elezzjonijiet” fit-territorji okkupati tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta’ Jannar 2024 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE dwar id-deċiżjoni tad-Federazzjoni Russa li ma tistidinx lill-OSKE tosserva l-elezzjonijiet presidenzjali Russi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-UE dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Russi u n-nonapplikabbiltà tagħhom fit-territorju Ukren,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 tal-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Theodoros Rousopoulos, dwar l-“elezzjoni” presidenzjali fir-Russja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, tal-15 ta’ Settembru 2023 bit-titolu “Situation of human rights in the Russian Federation” (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 992/2020 tat-23 ta’ Marzu 2021 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) dwar l-emendi kostituzzjonali u l-proċedura għall-adozzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2519 (2023) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta’ Ottubru 2023 bit-titolu “Examining the legitimacy and legality of the ad hominem term-limit waiver for the incumbent President of the Russian Federation” (Eżami tal-leġittimità u l-legalità tad-deroga ad hominem għal-limitu tal-mandat għall-President fil-kariga tal-Federazzjoni Russa) u r-rapport tagħha Nru 15827, tat-22 ta’ Settembru 2023, bl-istess titolu, li fuqu kienet ibbażata,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2540 (2024) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ April 2024 bit-titolu “Alexei Navalny’s death and the need to counter Vladimir Putin’s totalitarian regime and its war on democracy” (Il-mewt ta’ Alexei Navalny u l-ħtieġa li jiġu miġġielda r-reġim totalitarju ta’ Vladimir Putin u l-gwerra tiegħu kontra d-demokrazija),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-11 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istati parteċipanti kollha fl-OSKE, inkluża l-Federazzjoni Russa, qablu li r-rieda tal-poplu, espressa b’mod liberu u ekwu permezz ta’ elezzjonijiet ġenwini u perjodiċi, tirrappreżenta l-bażi tal-awtorità u tal-leġittimità tal-gvern;

B.  billi l-Istati parteċipanti fl-OSKE impenjaw ruħhom li jirrispettaw għadd ta’ prinċipji, bħal dawk definiti fid-Dokument ta’ Copenaghen tal-1990, sabiex jiżguraw, fost affarijiet oħra, li l-kampanji elettorali jkunu jistgħu jsiru f’atmosfera miftuħa u ekwa mingħajr vjolenzi, intimidazzjonijiet jew biża’ ta’ ritorsjonijiet fil-konfront ta’ kandidati, partiti jew eletturi, kif ukoll li jiżguraw li l-voti jintefgħu b’mod sigriet u jingħaddu u jiġu ddikjarati b’mod onest;

C.  billi l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali li saret mir-Russja mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024 saret mingħajr ebda kompetizzjoni politika, f’ambjent ristrett ħafna ta’ repressjoni sistemika u gravi u matul il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi kien hemm rapporti ta’ votanti li ġew intimidati, votanti oħrajn li ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom li jivvutaw, kaxxi tal-voti li mtlew b’voti foloz, protokolli mid-distretti elettorali li ġew iffalsifikati fuq skala massiva u li osservaturi elettorali domestiċi indipendenti ġew detenuti; billi r-Russja organizzat b’mod illegali l-votazzjoni fit-territorji Ukreni okkupati tal-Krimea, Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, xi drabi qalb vjolenza u theddid minn suldati armati Russi; billi r-Russja għandha wkoll rekord ta’ organizzazzjoni ta’ votazzjonijiet illegali fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u fit-Transnistrija, kontra r-rieda tal-awtoritajiet Ġeorġjani u Moldovani;

D.  billi l-awtoritajiet Russi ma stednux lill-OSKE/ODIHR biex josservaw l-elezzjoni tagħha, li jmur kontra l-impenji u l-obbligi tar-Russja bħala stat parteċipanti fl-OSKE; billi din kienet it-tieni elezzjoni Russa konsekuttiva li saret mingħajr osservaturi elettorali internazzjonali imparzjali u indipendenti fil-pajjiż;

E.  billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Federazzjoni Russa rrifjutat b’mod mhux raġonevoli li tirreġistra bħala kandidati lil kwalunkwe politiku kritiku tar-reġim jew tal-gwerra ta’ aggressjoni, inklużi xi wħud li allegatament kienu ġabru aktar minn 100 000 firma, kif preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

F.  billi Alexei Navalny, l-iktar figura b’saħħitha fl-oppożizzjoni demokratika u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2021, inqatel f’kolonja penali Siberjana fis-16 ta’ Frar 2024, ftit ġimgħat biss qabel l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali; billi Navalny kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs infondata u politikament motivata; billi r-responsabbiltà sħiħa għal dan il-qtil hija tal-Istat Russu u b’mod partikolari tal-president tiegħu Vladimir Putin;

G.  billi l-Kostituzzjoni tar-Russja tal-1993 illimitat lill-President għal żewġ mandati konsekuttivi, iżda Vladimir Putin ilu fil-poter kontinwament mill-2000, u sab modi differenti biex idur ma’ dan il-limitu; billi r-referendum fittizju tal-2020 ma jistax jitqies bħala validu u ġie ppromulgat bi ksur tal-liġijiet u tal-impenji internazzjonali tal-Federazzjoni Russa; billi l-mandat presidenzjali mġedded ta’ Vladimir Putin huwa meqjus bħala antikostituzzjonali minn diversi esperti; billi mill-2022, ir-reġim tal-Kremlin implimenta diversi liġijiet restrittivi dwar il-monitoraġġ elettorali, filwaqt li s-sostenituri tal-partiti tal-oppożizzjoni jisfaw regolarment fil-mira, detenuti u spiss akkużati, fil-biċċa l-kbira skont il-liġi l-ġdida li għaddiet fi Frar 2024 li tippermetti l-konfiska tal-proprjetà u tal-assi għal kwalunkwe individwu li jikkritika l-gwerra fl-Ukrajna;

H.  billi għal għexieren ta’ snin, ir-reġim awtoritarju tar-Russja uża tali hekk imsejħa elezzjonijiet dejjem aktar frawdolenti u farsa biex joffri illużjoni ta’ demokrazija bil-għan li jkompli jikkonċentra s-setgħa kollha f’idejn Vladimir Putin; billi l-gvern irażżan kwalunkwe dissens bl-appoġġ ta’ forzi tas-sigurtà fidili, ġudikatura sottomessa, ambjent tal-media kkontrollat mill-istat li jiżgura dulluvju kontinwu ta’ propaganda u ta’ miżinformazzjoni, u leġiżlatura li tikkonsisti f’partit fil-gvern u fazzjonijiet tal-oppożizzjoni li jistgħu jiġu kkontrollati;

I.  billi l-kandidati l-oħrajn li ħarġu f’din l-elezzjoni fittizja kienu rappreżentanti tal-Partit Komunista tal-Federazzjoni Russa (CPRF), tan-New People, u tal-Partit Demokratiku Liberali tar-Russja (LDPR), u bħalissa jinsabu taħt sanzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti minħabba l-appoġġ tagħhom għall-gwerra fl-Ukrajna;

J.  billi r-“rebħa elettorali” ta’ Putin, b’ 87 % tal-voti, li huwa numru inkonċepibbli b’mod ċar għal elezzjoni ħielsa u ġusta, ġejja minn riżultat manipulat b’mod ċar mill-postijiet tal-votazzjoni fir-Russja kollha, minn Adygea sa Yamalo-Nenets; billi dan juri l-mod kavalier u flagranti li bih l-elezzjonijiet jintużaw ħażin mir-reġim ta’ Putin biex ikomplu fl-24 sena tiegħu fil-poter;

K.  billi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-awtoritajiet Russi żiedu r-repressjoni tagħhom fil-konfront tal-oppożizzjoni politika, tal-media u tas-soċjetà ċivili inkluża l-komunità LGBTIQ, billi rrestrinġew id-drittijiet u l-libertajiet individwali saħansitra aktar biex joħonqu d-dissens intern;

L.  billi ħafna votanti Russi esprimew b’kuraġġ ir-rabja u l-oppożizzjoni tagħhom lejn ir-reġim tal-Kremlin u l-farsa li ppreżentaw bħala elezzjoni billi wettqu atti ta’ reżistenza fil-postijiet tal-votazzjoni; billi l-folol niżlu fil-postijiet tal-votazzjoni f’nofsinhar fl-aħħar jum tal-hekk imsejħa elezzjoni b’appoġġ għad-dimostrazzjoni “nofsinhar kontra Putin” li Alexei Navalny kien ukoll sejjaħ qabel ma nqatel fil-ħabs wara li kien soġġett għal tortura u trattament inuman;

M.  billi r-reġim tal-Kremlin qered ġenerazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-oppożizzjoni politika demokratika, u tad-drittijiet tal-bniedem Russi, inklużi Memorial u l-Grupp Helsinki ta’ Moska; billi l-għadd ta’ priġunieri politiċi fir-Russja, li huwa stmat li jlaħħaq mill-inqas 1 000 ruħ, jaqbeż il-livelli li kien hemm saħansitra matul l-aħħar snin tal-era Sovjetika, u kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta’ individwi detenuti talli kkritikaw il-politiki ta’ Putin, b’mod partikolari fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna; billi skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, ir-Russja qed iżżomm mill-inqas 22 ġurnalist il-ħabs;

N.  billi l-UE ta’ sikwit esprimiet is-solidarjetà inekwivoka tagħha ma’ dawk id-dissidenti kollha u mal-poplu Russu li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom, u l-pressjoni min-naħa tal-Kremlin u tal-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija; billi l-UE tospita varjetà ta’ dissidenti Russi u rappreżentanti tal-media u tas-soċjetà ċivili li ġew imġiegħla jitilqu mir-Russja peress li l-kritika tagħhom fil-konfront tal-gvern qegħdithom f’riskju sinifikanti ta’ ritaljazzjoni mill-awtoritajiet;

O.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa kkonkluda li ma għadx hemm spazju sikur għal azzjoni ċivika jew għal oppożizzjoni politika fir-Russja;

P.  billi l-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-Opinjoni Nru 992/2020 tagħha, ikkonkludiet li l-veloċità li biha tħejjew l-emendi kostituzzjonali tal-2020 ma kinitx evidentement xierqa, li l-emendi għall-Kostituzzjoni tar-Russja li ġew adottati b’mod mgħaġġel fl-2020 saħħew b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni tal-President u li l-esklużjoni ad hominem mil-limiti tal-mandat tal-presidenti attwali u preċedenti tikkontradixxi l-loġika stess tal-emenda adottata li tillimita l-mandat tal-President għal żewġ mandati;

Q.  billi, fir-Riżoluzzjonijiet 2519 (2023) u 2540 (2024) tagħha, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa stiednet lill-gvernijiet Ewropej jirrikonoxxu lil Vladimir Putin bħala illeġittimu wara t-tmiem tal-mandat presidenzjali attwali tiegħu u jwaqqfu kull kuntatt miegħu, ħlief għal finijiet umanitarji u fl-insegwiment tal-paċi;

R.  billi, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja(1), il-Parlament ikkonkluda li l-bidliet kostituzzjonali implimentati f’Ġunju 2020 kienu illegali, kif għamlet l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 2519 (2023) tagħha;

S.  billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

T.  billi fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandat ta’ arrest għal Vladimir Putin fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu għad-delitt tal-gwerra ta’ deportazzjoni u trasferiment illegali ta’ tfal Ukreni matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

1.  Jiddenunzja bil-qawwa l-ksur elettorali kollu mwettaq mir-reġim ta’ Vladimir Putin matul l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali Russa tal-15 sas-17 ta’ Marzu 2024, kif ukoll ir-repressjoni u l-ksur preċedenti sistemiċi u li ilhom għaddejja tad-drittijiet ċivili u politiċi; jissottolinja li l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali tar-Russja saret fi klima ta’ biża’ u repressjoni u fil-kuntest ta’ gwerra illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; jinnota li matul l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali, ma kien hemm l-ebda kandidat alternattiv ġenwin, l-ebda media ħielsa, l-ebda osservatur kredibbli u l-ebda libertà politika; jikkonkludi li l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali fir-Russja kienet illeġittima u mhux demokratika;

2.  Jikkonkludi li din il-prestazzjoni farsa mill-awtoritajiet Russi kellha l-għan uniku li toħloq id-dehra ta’ leġittimità elettorali għal Vladimir Putin, il-politika tiegħu ta’ repressjoni domestika bla waqfien u, fuq kollox, il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna;

3.  Jikkundanna b’mod inekwivoku l-hekk imsejħa elezzjoni illegali mwettqa fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja okkupat b’mod temporanju, jiġifieri r-Repubblika Awtonoma tal-Krimea, il-belt ta’ Sevastopol u partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson; jisħaq li l-organizzazzjoni ta’ elezzjoni f’dawn it-territorji tikkostitwixxi ksur ċar tas-sovranità tal-Ukrajna u ksur distint tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari tal-Karta tan-NU; jiddeplora l-użu tat-theddida ta’ vjolenza mill-awtoritajiet Russi, peress li n-nies ġew imġiegħla jivvutaw fil-preżenza ta’ suldati armati Russi; itenni li, kif iddikjarat mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE, l-UE mhux se tirrikonoxxi l-organizzazzjoni ta’ din l-hekk imsejħa elezzjoni fit-territorji tal-Ukrajna jew l-eżitu tagħha; jappella għal miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk involuti fl-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-votazzjoni illegali;

4.  Jissottolinja li r-rifjut li tiġi permessa osservazzjoni internazzjonali indipendenti tal-elezzjoni presidenzjali Russa, f’konformità mal-impenji internazzjonali tar-Russja bħala Stat parteċipanti tal-OSKE, jindika grad bla preċedent ta’ rigress demokratiku u nuqqas gravi ta’ rieda li jiġu onorati l-impenji internazzjonali u jiġu rispettati l-prinċipji stabbiliti ta’ kooperazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali; jisħaq li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi li ma jistednux lill-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR biex tosserva l-elezzjoni turi l-intenzjoni tagħhom li jċaħħdu lill-votanti minn valutazzjoni imparzjali u indipendenti tal-elezzjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-komunità internazzjonali biex ma jirrikonoxxux l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali Russa bħala leġittimu, peress li saret fit-territorji okkupati illegalment tal-Ukrajna, u, anke fir-Russja, la kienet ħielsa u lanqas ġusta, ma ssodisfatx l-istandards elettorali internazzjonali bażiċi, u għalhekk ma kellhiex leġittimità demokratika, u jħeġġeġ biex ir-relazzjonijiet ma’ Putin jiġu limitati għal kwistjonijiet meħtieġa għall-paċi reġjonali kif ukoll għal finijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju skambji ta’ priġunieri, ir-ritorn ta’ tfal deportati lejn l-Ukrajna jew it-talba għall-ħelsien ta’ priġunieri politiċi;

6.  Ifaħħar il-qlubija tal-eluf ta’ persuni fir-Russja li qed jipprotestaw kontra r-reġim ta’ Putin u qed ifittxu li jittrasformaw pajjiżhom f’demokrazija, inkluż b’atti ta’ reżistenza matul l-hekk imsejħa elezzjoni, bħall-protesti tal-Ħadd 17 ta’ Marzu 2024 f’nofsinhar li ħonqu l-postijiet tal-votazzjoni fir-Russja u barra minnha;

7.  Itenni li r-reġim tal-Kremlin u Vladimir Putin iġorru personalment responsabbiltà kriminali u politika għall-mewt tal-aktar avversarju prominenti tagħhom, Alexei Navalny; jappella biex issir investigazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi ta’ mewtu, bil-għan li dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;

8.  Ikompli jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u l-kumpens għall-priġunieri politiċi kollha, inklużi Vladimir Kara-Murza, Oleg Orlov, Alexei Gorinov, Alexandra Skochilenko, Dmitry Ivanov, Ioann Kurmoyarov, Viktoria Petrova, Maria Ponomarenko, Dmitry Talantov, Yuri Dmitriev, Lilia Chanysheva, Ksenia Fadeeva, Ivan Safronov u Ilya Yashin, għall-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs inġustament, inklużi Alsu Kurmasheva u Evan Gershkovich, u għall-familji tagħhom, għar-restawr tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni fir-Russja u għaż-żieda fl-iskrutinju internazzjonali u l-monitoraġġ tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu aċċess immedjat għal kura medika komprensiva għall-priġunieri politiċi li saħħithom tinsab f’kundizzjoni kritika, b’mod partikolari Vladimir Kara-Murza; ifakkar lir-Russja biex taderixxi mal-obbligi internazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-priġunieri;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi jagħtu lill-uffiċjali konsulari aċċess għal priġunieri b’ċittadinanza doppja;

11.  Itenni li l-UE għandha tkun f’solidarjetà sħiħa mas-soċjetà ċivili Russa li aderixxiet mal-valuri demokratiċi universali u rrifjutat l-imperjaliżmu, u għandha tagħmel użu mir-reġim Ewropew ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem biex tissanzjona l-awturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jiddenunzja l-eskalazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim tal-Kremlin u jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tal-kritiċi tal-gvern, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti kontra l-gwerra, tal-ġurnalisti indipendenti, tal-avukati, u tal-istoriċi li jirriċerkaw id-delitti Sovjetiċi, kif ukoll iż-żieda fis-soppressjoni tal-attivisti LGBTIQ;

12.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu appoġġ lill-priġunieri politiċi, b’mod partikolari assistenza medika u legali, li qed tiġi limitata jew miċħuda lilhom, u jfittxu modi biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib il-proċedimenti tal-qorti kontra l-membri tal-oppożizzjoni politika tar-Russja u l-kundizzjonijiet li qed jinżammu fihom il-ħabs; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fir-Russja u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Russu biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu;

13.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw b’mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi indipendenti, lill-mezzi tal-media indipendenti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b’mod attiv u joffru appoġġ lill-oppożizzjoni demokratika Russa li topponi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu viżi umanitarji u appoġġ ieħor lid-dissidenti Russi, inklużi l-avukati, li jinsabu f’riskju ta’ persekuzzjoni politika; itenni l-appell tiegħu biex ikun hemm skema ta’ viża għal dħul multiplu fl-UE kollha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-individwi ppersegwitati politikament u biex tintuża l-flessibbiltà eżistenti ħalli jiġu indirizzati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni, kif propost mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fir-rapport tagħha tal-2023 bit-titolu “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE); jisħaq, f’dan ir-rigward, li skemi bħal dawn jistgħu jestendu wkoll għall-mexxejja tal-oppożizzjoni, għall-attivisti tas-soċjetà ċivili u għall-persuni l-oħra ppersegwitati politikament;

15.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jħejju għal sitwazzjoni li fiha r-Russja, bħall-Belarussja, tieqaf toħroġ passaporti fil-konsulati tagħha, f’liema każ jista’ jkun meħtieġ li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jirrikonoxxu de facto l-apolidija u joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar, kif previst fl-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi;

16.  Jappella għas-simplifikazzjoni tal-proċessi biex id-dissidenti Russi fl-UE jirreġistraw organizzazzjonijiet u entitajiet, jiftħu kontijiet bankarji u jwettqu kompiti amministrattivi oħra sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fl-eżilju;

17.  Jiddeplora l-fatt li l-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orbán, għażel li jitbiegħed mill-pożizzjonijiet tal-UE u jifraħ lil Vladimir Putin għall-elezzjoni mill-ġdid fittizja tiegħu;

18.  Jesprimi appoġġ għall-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jerġa’ jestendi l-mandat tagħha fl-2024;

19.  Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; itenni, għaldaqstant, il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jesiġi li r-Russja u l-forzi bi prokura tagħha jtemmu l-azzjonijiet militari kollha, iwaqqfu l-attakki kontra żoni residenzjali u infrastrutturi ċivili, jirtiraw il-forzi militari minn ġewwa t-territorju tal-Ukrajna kollu kif rikonoxxut f’livell internazzjonali, iwaqqfu d-deportazzjonijiet furzati ta’ ċivili Ukreni, jeħilsu l-Ukreni detenuti kollha, b’mod partikolari t-tfal, kif ukoll jieqfu jiksru jew jheddu b’mod permanenti s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet Russi.

(1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2021 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja (ĠU C 117, 11.3.2022, p. 170).

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza