Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2696(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0262/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2024 - 7.13
CRE 25/04/2024 - 7.13

Testi adottati :

P9_TA(2024)0380

Testi adottati
PDF 172kWORD 65k
Il-Ħamis, 25 ta' April 2024 - Strasburgu
Allegazzjonijiet ġodda ta’ ndħil Russu fil-Parlament Ewropew, fl-elezzjonijiet tal-UE li ġejjin, u l-impatt fuq l-Unjoni
P9_TA(2024)0380RC-B9-0262/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar allegazzjonijiet ġodda ta’ ndħil Russu fil-Parlament Ewropew, fl-elezzjonijiet tal-UE li ġejjin, u l-impatt fuq l-Unjoni (2024/2696(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Frar 2024 bit-titolu “Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea”(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-23 ta’ Jannar 2024 bit-titolu “2nd EEAS Report on Foreign Information Manipulation and Interference Threats – A Framework for Networked Defence” (It-Tieni Rapport tas-SEAE dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin – Qafas għad-Difiża f’Network),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija (COM(2023)0630), u l-proposti fiha għall-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ April 2024,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna(6),

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi qed jiġi rrapportat li atturi statali u mhux statali minn pajjiżi terzi qed jippruvaw jinterferixxu dejjem aktar, direttament jew indirettament, fil-proċessi demokratiċi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u dawk elettorali fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha; billi hemm evidenza ċara ta’ tali tentattivi mir-Russja biex tinterferixxi fil-proċessi elettorali u fit-tfassil tal-politika madwar id-dinja u speċjalment kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ metodi differenti ta’ gwerra ibrida, inkorporati fi strateġija usa’ biex jiġi mminat il-funzjonament xieraq tal-proċessi demokratiċi u l-proċeduri leġiżlattivi Ewropej; billi dawn il-metodi jinkludu attakki ċibernetiċi, inkluż fuq il-Parlament Ewropew, il-kontroll ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, l-indħil elettorali, kif ukoll billi jiġu ffinanzjati movimenti u lobbies, iżda dawn il-metodi mhumiex limitati għalihom;

B.  billi studji u rapporti ġodda juru li, f’dawn l-aħħar xhur, in-networks ta’ diżinformazzjoni magħrufa sew intensifikaw operazzjonijiet li għandhom l-għan li jxerrdu n-narrattiva favur il-Kremlin fuq il-media soċjali, speċjalment fuq pjattaformi bħal X (li qabel kien magħruf bħala Twitter) u Tiktok; billi hemm prova li n-networks ta’ influwenza Russi użaw l-IA u l-bots fil-media soċjali u ddependew fuq il-pubblikazzjoni fuq skala kbira ta’ reklami politiċi mixtrija permezz ta’ kontijiet foloz; billi l-mezzi tal-media tradizzjonali ntużaw ukoll biex jagħtu spinta lill-interessi tagħhom fl-aġenda politika; billi din il-gwerra ibrida kienet il-prekursur tal-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u qed tkompli tappoġġjaha; billi dan l-indħil barrani jikkostitwixxi forom ta’ pressjoni esterna li jistgħu jimminaw b’mod effettiv l-eżerċizzju tas-sovranità tal-UE u tal-Istati Membri;

C.  billi r-Russja sistematikament żammet kuntatti ma’ partiti tal-lemin estrem u tax-xellug estrem, u ma’ personaġġi u movimenti oħrajn biex tikseb appoġġ minn atturi istituzzjonali fl-Unjoni sabiex tilleġittima l-azzjonijiet illegali u kriminali tagħha; billi l-analiżi tat-tendenzi tal-votazzjonijiet u tad-diskorsi fil-Parlament Ewropew uriet li dawn il-partiti kienu l-aktar favorevoli għar-Russja, u saru wkoll sejħiet tant estremi bħal dawk li saru fil-pubbliku għall-qerda tal-Ewropa f’Jannar 2024 mill-Membru tal-Parlament Ewropew (Membru tal-PE) Miroslav Radačovský – li kien tħallas ukoll minn sorsi Russi biex josserva l-elezzjonijiet parlamentari fir-Russja fl-2021; billi l-partit Ungeriż Fidesz kien qed ixerred messaġġi u propaganda favur il-Kremlin;

D.  billi hemm ukoll politiċi msejħa “Russlandversteher” (simpatizzanti tar-Russja) fi ħdan il-partiti politiċi prinċipali; billi diversi personaġġi pubbliċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi eks kapijiet tal-gvern u membri tal-kabinett, b’mod partikolari Gerhard Schröder, kellhom pożizzjonijiet imħallsa tajjeb f’kumpaniji tal-enerġija kkontrollati mill-Kremlin; billi, anke wara l-aggressjoni fuq skala sħiħa kontra l-Ukrajna, uħud minn dawn in-nies iddeċidew li ma jirriżenjawx u komplew jirċievu l-prezz tad-demm tal-Kremlin, bil-kompliċità silenzjuża tal-partiti politiċi tagħhom; billi qed ikomplu jużaw l-influwenza tagħhom favur ir-Russja kemm fix-xena domestika kif ukoll fix-xena politika Ewropea;

E.  billi taħt il-President Putin, ir-Russja identifikat id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istil ta’ ħajja Ewropew bħala theddida għall-gvern dittatorjali tiegħu, u għalhekk ilu għal numru ta’ snin isegwi strateġija biex sistematikament jipprova jdgħajjef u finalment jeqred id-demokraziji kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati bħall-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova, il-Balkani tal-Punent u pajjiżi oħra tal-viċinat bħall-Armenja;

F.  billi skont ir-rapporti tal-media kkonfermati mis-servizzi tas-sigurtà tal-Polonja, taċ-Ċekja u tal-Belġju, kif ukoll mill-Prim Ministri tal-Belġju u taċ-Ċekja, ċerti Membri tal-PE u kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin irċevew ħlas mill-Gvern Russu jew mill-proxies tiegħu biex ixerrdu l-propaganda u d-diżinformazzjoni u jinfluwenzaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’diversi pajjiżi Ewropej;

G.  billi fis-27 ta’ Marzu 2024, wara li kixef network favur ir-Russja li kien qed jipprova jwettaq operazzjonijiet ta’ influwenza b’implikazzjonijiet għaċ-Ċekja u għall-UE, permezz tas-sit tal-aħbarijiet “Voice of Europe”, ibbażat fi Praga, il-ministeru tal-affarijiet barranin Ċek ħabbar li kien issanzjona l-oligark Ukren Viktor Medvedchuk, alleat tal-President Russu Vladimir Putin, talli mexxa operazzjoni ta’ influwenza Russa mit-territorju Ċek bl-użu ta’ dan is-sit tal-aħbarijiet, flimkien ma’ medjatur imsejjaħ Artem Marchevskyi, għall-attivitajiet tiegħu mwettqa bl-għan li jimminaw l-appoġġ Ewropew għall-Ukrajna u jinfluwenzaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 billi jpinġu lill-UE bħala entità belliġerenti, u jiddeskrivu lill-Ukrajna bħala pajjiż korrott b’mod irrimedjabbli; billi ftit wara din ir-rivelazzjoni, l-awtoritajiet għalqu s-sit web, iżda dan reġa’ lura online fil-11 ta’ April 2024, u beda jopera minn sit web ospitat minn fornitur tas-servizzi tal-cloud u tas-servizzi tas-siti web ibbażat fil-Każakistan;

H.  billi fit-28 ta’ Marzu 2024, matul dibattitu fil-Parlament Belġjan, il-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo ddikjara li, abbażi tal-investigazzjonijiet imwettqa mis-servizzi tal-intelligence Belġjani f’kollaborazzjoni mal-kontropartijiet Ċeki tagħhom, kien evidenti li r-Russja avviċinat lil parlamentari Ewropej u ħallset lil uħud minnhom biex jippromwovu l-propaganda Russa; billi, fit-12 ta’ April 2024, il-Prim Ministru De Croo ħabbar ukoll il-ftuħ tal-prosekuzzjoni kriminali u talab laqgħa urġenti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u appella għat-twessigħ tal-mandat għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

I.  billi fit-28 ta’ Marzu 2024, l-Aġenzija għas-Sigurtà Interna tal-Polonja ħabbret li kienet wettqet tfittxijiet bħala parti minn investigazzjoni kollaborattiva ma’ servizzi ta’ sigurtà Ewropej oħra f’allegat spjunaġġ Russu marbut ma’ “Voice of Europe”, u din wasslet biex ġew irkuprati somom kbar ta’ flus kontanti u wasslet għal akkużi kontra ċittadin Pollakk suspettat bi spjunaġġ Russu; billi skont l-Aġenzija għas-Sigurtà Interna, dan l-individwu huwa maħsub li ġie inkorporat fiċ-ċrieki parlamentari tal-Polonja u tal-UE, u wettaq kompiti kkummissjonati u ffinanzjati minn kontropartijiet mill-intelligence Russa;

J.  billi fid-29 ta’ Marzu 2024, l-awtoritajiet Awstrijaċi arrestaw eks uffiċjal tal-intelligence Awstrijaka fuq diversi kapi ta’ akkużi, inkluż li allegatament ipprovda data tal-mowbajl ta’ eks uffiċjali Awstrijaċi ta’ grad għoli lill-intelligence Russa, l-involviment fl-ippjanar ta’ serq f’appartament ta’ ġurnalist prominenti, u li abbozza “suġġerimenti għal titjib” wara qtil ordnat mir-Russja fil-Ġermanja; billi l-eks uffiċjal tal-intelligence Awstrijaka arrestat kien f’kuntatt mill-qrib ma’ politiċi tal-lemin estrem mill-Partit tal-Libertà tal-Awstrija (FPÖ) fil-parlament u fil-gvern tal-pajjiż;

K.  billi fis-16 ta’ April 2024 inxterdu rapporti tal-media li, f’Diċembru li għadda fi New York, l-Uffiċċju Federali tal-Investigazzjoni (FBI) tal-Istati Uniti kien interroga lill-Membru tal-PE Ġermaniż Maximilian Krah, il-kandidat ewlieni tal-Alternattiva għall-Ġermanja (AfD) għall-elezzjonijiet Ewropej u membru tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali u s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża, dwar suspetti li kien qed jirċievi flus minn aġenti tal-Kremlin; billi, fit-23 ta’ April 2024, rapporti tal-istampa indikaw li assistent tal-Membru tal-PE Maximilian Krah kien ġie arrestat fuq suspetti ta’ spjunaġġ għaċ-Ċina, u dawn urew tendenza ta’ kooperazzjoni ma’ atturi barranin malizzjużi li jfittxu li jimminaw il-valuri u l-proċessi demokratiċi Ewropej;

L.  billi fit-18 ta’ April 2024, l-awtoritajiet Ġermaniżi arrestaw żewġ sabotaturi suspettati fl-istat Ġermaniż tal-Bavarja li allegatament kienu qed jispjunaw l-installazzjonijiet militari biex possibbilment jattakkawhom b’bombi jew bi ħruq doluż f’isem servizz tal-intelligence Russu, allegatament biex iwettqu sabotaġġ fuq l-appoġġ Ġermaniż għall-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja; billi l-arresti jindikaw li s-servizzi sigrieti tar-Russja evidentement qed jidħlu f’dimensjonijiet ġodda, li jinkludu attakki fuq faċilitajiet militari, flimkien ma’ kampanji ta’ diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi;

M.  billi mezz tal-media Ċek isostni li s-servizzi sigrieti Ċeki għandhom reġistrazzjonijiet awdjo li jikkonfermaw li Petr Bystron, kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej, membru tal-Bundestag Ġermaniż u uffiċjal tal-politika barranija f’isem l-AfD, tħallas bi flus li joriġinaw mir-Russja; billi skont il-gazzetta Ġermaniża Der Spiegel, il-pagament sar jew fi flus kontanti f’laqgħat sigrieti fi Praga jew permezz tal-kriptovaluta; billi l-mezzi tal-media Ġermaniżi b’reputazzjoni tajba reċentement żvelaw ukoll li impjegat ta’ membru tal-AfD fil-Bundestag Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għas-Servizz Federali ta’ Sigurtà tal-Federazzjoni Russa (FSB); billi, skont rapporti tal-media, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċċekkjaw darbtejn lill-istess persuna meta daħlet fil-Ġermanja mir-Russja, u kienet qed iġġorr ammont fi flus kontanti ta’ EUR 9 000;

N.  billi, fit-12 ta’ Frar 2024, VIGINUM, l-aġenzija tal-Gvern Franċiż responsabbli biex tidentifika ndħil diġitali barrani, ippubblikat rapport li jagħti dettalji dwar kampanja vasta ta’ diżinformazzjoni Russa msejħa “Portal Kombat”, li kienet tinvolvi 193 sit web imqabbda biex ixerrdu narrattiva favur ir-Russja fost il-popolazzjoni li titkellem bir-Russu u dik Ewropea madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti; billi, lejn l-aħħar tal-2023, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-Istilel ta’ David li nstabu f’diversi postijiet f’Pariġi kienu parti minn operazzjoni ta’ destabbilizzazzjoni marbuta ma’ negozjant favur ir-Russja mill-Moldova;

O.  billi, skont l-analiżijiet tal-media, minn Awwissu 2023, 16-il Membru tal-PE tal-lemin estrem mill-Ġermanja, minn Franza, min-Netherlands, mill-Italja, mis-Slovakkja, mill-Estonja, minn Spanja, mill-Kroazja, mid-Danimarka u mill-Belġju pparteċipaw f’dibattiti u f’intervisti organizzati minn “Voice of Europe”; billi l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-politiċi għandhom it-tendenza li jinnormalizzaw il-manifestazzjoni ta’ mibegħda u intolleranza abbażi tar-razza, tal-oriġini nazzjonali jew tal-orjentazzjoni sesswali u li jagħtu stampa tar-Russja bħala l-gwardjan awtentiku tal-valuri tradizzjonali tal-familja; billi d-diskors pubbliku ta’ dawk il-politiċi qed iwassal għal diviżjonijiet perikolużi fis-soċjetà kollha kemm hi u huwa theddida għad-demokrazija;

P.  billi, l-ġurnalisti investigattivi kixfu addendum ikklassifikat għall-“Kunċett ta’ Politika Barranija tal-Federazzjoni Russa” uffiċjali tar-Russja, li fih, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin jappella għal “kampanja ta’ informazzjoni offensiva” u miżuri oħra li jkopru “l-oqsma militari-politiċi, ekonomiċi u kummerċjali u sferi psikoloġiċi ta’ informazzjoni” kontra “koalizzjoni ta’ pajjiżi mhux ħbieb” immexxija mill-Istati Membri, filwaqt li jinnota li “huwa importanti li jinħoloq mekkaniżmu biex jinstabu l-punti vulnerabbli tal-politiki esterni u interni tagħhom bil-għan li jiġu żviluppati passi prattiċi biex jiddgħajfu l-opponenti tar-Russja” u li l-eżitu tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna “jiddetermina fil-biċċa l-kbira l-ordni dinjija futura”;

Q.  billi studju reċenti mill-Kummissjoni(7) sab li, fl-ewwel sena tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-pjattaformi online “ippermettew lill-Kremlin imexxi kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira mmirata lejn l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha, li tilħaq udjenza aggregata ta’ mill-anqas 165 miljun u tiġġenera mill-anqas 16-il biljun viżwalizzazzjoni”; billi l-finanzjament Russu ta’ attivitajiet politiċi u ta’ persuni politiċi fl-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi wkoll għal żieda fil-firxa tal-propaganda favur il-Kremlin, u din tikkontribwixxi għal impatt negattiv sproporzjonat fuq id-diskors ċiviku online;

R.  billi permezz tal-bini tagħha ta’ kuntatti u relazzjonijiet, ir-Russja għandha l-għan li tibni influwenza politika u ekonomika biex tiddestabbilizza d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea; billi r-rapporti tal-istampa enfasizzaw il-kuntatti bejn uħud mis-seċessjonisti fil-Katalonja, li wasslu biex issir laqgħa bejn l-eks diplomatiku Russu Nikolai Sadovnikov u l-mexxej separatista ta’ dak iż-żmien u l-eks President tal-Katalonja, li issa jokkupa l-kariga ta’ Membru tal-PE Carles Puigdemont, f’Barċellona, lejliet ir-referendum illegali tal-Katalonja f’Ottubru 2017; billi wħud mill-Membri tal-PE u mill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali esprimew b’mod konsistenti sentimenti li jistgħu jitqiesu favur ir-Russja, pereżempju billi attribwew il-bidu tal-kunflitt lill-Ukrajna, ipparteċipaw bħala osservaturi elettorali mhux uffiċjali fil-Krimea, u esprimew xewqa li l-Ukrajna titlef fil-gwerra, filwaqt li taw anqas importanza lill-possibbiltà tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE, opponew aktar vjeġġi ta’ armi lejn l-Ukrajna, u ppromwovew konċessjonijiet territorjali mill-gvern f’Kiev; billi f’Marzu, delegazzjoni ta’ membri tal-AfD tal-parlament reġjonali Bavarjan ġiet mistiedna tosserva l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja, u sussegwentement ivvalutat l-elezzjonijiet bħala miftuħa, demokratiċi u liberi f’dikjarazzjonijiet pubbliċi;

S.  billi l-Kremlin sponsorja u appoġġja għadd ta’ partiti tal-lemin estrem fl-Ewropa, inkluż billi pprovda self ta’ EUR 9,4 miljun lill-partit ta’ Marine Le Pen fl-2013; billi minn dak iż-żmien ’l hawn, Le Pen u l-membri tal-partit tagħha komplew saħħew il-pożizzjoni tagħhom favur il-Kremlin billi attendew avvenimenti politiċi fir-Russja, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom f’missjonijiet fittizji ta’ osservazzjoni elettorali waqt l-elezzjonijiet reġjonali jew nazzjonali;

T.  billi diversi investigazzjonijiet żvelaw li, minħabba l-indħil Russu, ir-regoli elettorali nkisru jew ġew evitati, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanja elettorali b’allegazzjonijiet ta’ finanzjament moħbi minn sorsi ta’ pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari mir-Russja;

U.  billi hemm evidenza kredibbli li, fl-2020, Peter Pelligrini, il-Prim Ministru tas-Slovakkja ta’ dak iż-żmien, talab l-għajnuna tal-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban biex jikseb appoġġ mill-Kremlin qabel l-elezzjoni parlamentari tas-Slovakkja fl-2020; billi dan irriżulta fi żjara mill-Prim Ministru Pelligrini fir-Russja fi Frar 2020, tlett ijiem qabel ma saru l-elezzjonijiet; billi l-elezzjonijiet parlamentari fl-2023 kienu fil-mira ta’ aktar kampanji Russi ta’ ndħil u diżinformazzjoni; billi Peter Pelligrini issa huwa l-President elett tas-Slovakkja u għandu jieħu l-kariga f’Ġunju 2024;

V.  billi wara rapporti li Membru tal-PE Latvjana pprovdiet assistenza estensiva lis-servizzi tal-intelligence Russi, il-Parlament nieda l-investigazzjoni amministrattiva tiegħu stess, li wasslet biex il-President Metsola timponi sanzjonijiet fuq il-Membru tal-PE, inkluża multa ta’ ħamest ijiem tal-indennizz tagħha ta’ kuljum li tammonta għal EUR 1 750 u projbizzjoni minn ċerti rwoli li jirrappreżentaw lill-Parlament sa tmiem din il-leġiżlatura f’Lulju;

W.  billi l-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (INGE u ING2) kixef fid-dettall l-isforzi u l-operazzjonijiet immexxija mir-Russja sabiex tinfiltra, tinfluwenza u tindaħal fid-demokraziji Ewropej u fl-istituzzjonijiet Ewropej;

X.  billi xi gruppi politiċi ppruvaw, mingħajr suċċess, jiċħdu l-aħħar estensjoni tal-mandat tal-ING2 biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta’ korruzzjoni u ndħil barrani fil-Parlament Ewropew, filwaqt li minflok ippromwovew kumitat investigattiv li jiffoka biss fuq il-Qatargate;

Y.  billi, filwaqt li l-Membri tal-PE kienu regolarment fil-mira ta’ software ta’ spjunaġġ, kif muri mir-rivelazzjonijiet reċenti dwar l-immirar fil-passat ta’ żewġ Membri tal-PE u membru wieħed tal-persunal tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Parlament, kien hemm żieda qawwija fl-attakki ċibernetiċi u fl-indħil barrani mmirati lejn il-ħidma tal-Parlament Ewropew fit-tħejjija għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

Z.  billi, f’Settembru 2023, il-Parlament Ewropew, wara r-rivelazzjonijiet tal-Qatargate, aġġorna u saħħaħ b’mod sinifikanti l-qafas ta’ integrità interna tiegħu, fost affarijiet oħra, permezz ta’ reviżjoni fil-fond tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE u d-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Bureau; billi l-Kodiċi ta’ Kondotta rieżaminat jistabbilixxi li kwalunkwe Membru tal-PE elett li jinstab li jkun kiser ir-regoli ta’ trasparenza jista’ jiġi ssanzjonat mill-President tal-Parlament Ewropew;

AA.  billi huwa ta’ importanza kruċjali li tiġi miġġielda l-proliferazzjoni tad-diżinformazzjoni u tal-indħil barrani fid-demokrazija Ewropea, u li jittieħdu aktar miżuri biex jiġi ssalvagwardjat id-dritt taċ-ċittadini Ewropej għal sorsi tal-aħbarijiet preċiżi u affidabbli kif ukoll biex jiġi protett ix-xenarju Ewropew tal-informazzjoni mill-manipulazzjoni minn reġimi awtoritarji; billi r-Reporters mingħajr fruntieri reċentement ressqu 12-il proposta għal Patt Ġdid għad-Dritt għall-Informazzjoni;

AB.  billi fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, il-Kunsill Ewropew jissottolinja d-determinazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jimmonitorjaw mill-qrib u jrażżnu kwalunkwe riskju li jirriżulta mid-diżinformazzjoni, inkluż permezz tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin fil-proċessi elettorali. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw fuq dawn il-kwistjonijiet.”;

AC.  billi l-Membri tal-PE appellaw lill-President Metsola biex titlob investigazzjoni urġenti dwar it-tentattivi ta’ ndħil Russu qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss; billi sa issa ma kien hemm l-ebda tweġiba;

1.  Jinsab ixxukkjat bir-rapporti kredibbli lil Membri tal-PE tħallsu biex ixerrdu propaganda Russa kif ukoll biex jappoġġjaw l-isforzi Russi biex sistematikament toħloq network ta’ dipendenzi permezz ta’ partiti politiċi Ewropej li mbagħad jaġixxu bħala amplifikaturi tal-propaganda tal-Kremlin;

2.  Jesprimi r-rabja tiegħu għall-parteċipazzjoni tal-Membri tal-PE fil-mezz tal-media favur ir-Russja, “Voice of Europe”, waqt li r-Russja qed tmexxi l-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; jenfasizza li l-maġġoranza tal-fehmiet ippropagati mill-Membri tal-PE dwar “Voice of Europe” ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-maġġoranza l-kbira tal-Membri tal-PE, li jiddenunzjaw b’mod qawwi l-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna, l-użu tagħha ta’ tattiċi tal-gwerra ibrida kontra d-demokrazija Ewropea, u d-deċiżjonijiet politiċi aggressivi u antidemokratiċi l-oħra tagħha fis-snin reċenti;

3.  Jiddenunzja bil-qawwa t-tentattivi kollha, speċjalment mill-Federazzjoni Russa, biex jiġi mminat il-funzjonament tal-proċessi demokratiċi Ewropej u jisħaq li għal dawn it-tattiċi jrid ikun hemm il-konsegwenzi; jistieden lit-tmexxija politika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex fl-aħħar jindirizzaw dawn l-isforzi Russi b’sens meħtieġ ta’ urġenza u determinazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw u jirfinaw il-pakketti ta’ sanzjonijiet adottati kontra l-Federazzjoni Russa sabiex jillimitaw b’mod aktar effettiv il-kapaċità tagħha li tmexxi l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha u jingħalqu l-lakuni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi li bħalissa huma fis-seħħ; itenni l-appell tiegħu li jiġi introdott reġim ta’ sanzjonijiet kontra l-awturi involuti f’manipulazzjoni tal-informazzjoni u ndħil minn barranin malizzjużi;

4.  Jinsab ixxukkjat minn rapporti kredibbli reċenti li Petr Bystron, membru ewlieni tal-AfD (Grupp ID) u membru fil-Bundestag Ġermaniż, aċċetta pagamenti sa EUR 25 000 biex ixerred propaganda favur ir-Russja;

5.  Barra minn hekk, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-interrogazzjoni reċenti ta’ Maximilian Krah, Membru tal-PE tal-AfD, mill-FBI u jistieden lill-AfD jiddikjara pubblikament ir-relazzjonijiet finanzjarji tiegħu mal-Kremlin mingħajr dewmien, u jiżvela pubblikament l-iskop u l-ammont eżatt tal-pagamenti kollha li joriġinaw minn sorsi marbuta mal-Kremlin; jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu dwar l-arrest tal-assistent tal-Membru tal-PE Krah fit-23 ta’ April 2024 wara akkużi serji ta’ spjunaġġ għaċ-Ċina;

6.  Jinsab estremament imħasseb bir-rapporti reċenti, tas-17 ta’ April 2024, ta’ żewġ allegati spiji Russi ta’ nazzjonalità doppja Ġermaniża-Russa, li ġew arrestati fil-Bavarja wara li ġew akkużati li kienu qed ifittxu miri, fosthom faċilitajiet militari, għal attakki u operazzjonijiet ta’ sabotaġġ potenzjali; itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-firxa tal-attivitajiet ta’ spjunaġġ Russi fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra, bħall-Polonja fejn ġew skoperti attivitajiet simili f’Marzu 2023, u jtenni l-appell qawwi tiegħu għal rispons deċiżiv għat-theddida kkawżata mill-aġenti Russi li joperaw fil-Ġermanja u lil hinn minnha;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattika tar-Russja li tistrumentalizza l-immigranti illegali billi timbuttahom fit-territorju tal-UE ħalli tiddestabbilizza l-Istati Membri ġirien, b’mod partikolari l-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja u l-Finlandja;

8.  Jinsab daqstant ieħor imħasseb bl-arrest fit-22 ta’ April 2024 ta’ tliet Ġermaniżi detenuti fuq suspett ta’ ħidma mal-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà tal-Istat biex jgħaddu teknoloġija li tista’ tintuża għal skopijiet militari; itenni l-appelli preċedenti tiegħu lill-Istati Membri biex jiġġieldu b’mod aktar effettiv l-elementi kollha ta’ spjunaġġ fl-UE, li jridu jinkludu wkoll protezzjoni aħjar tal-infrastruttura kritika, kif ukoll konfrontazzjoni sinċiera u ċara tal-istati ta’ oriġini tal-ispjunaġġ; jissottolinja li dawn ir-rivelazzjonijiet ta’ spjunaġġ x’aktarx li jiżvelaw biss ftit minn dak li effettivament jeżisti, u li huma theddida serja għas-sigurtà u għad-demokrazija tagħna;

9.  Jikkundanna bil-qawwa r-rivelazzjoni allarmanti żvelata minn mezzi tal-media Ġermaniżi b’reputazzjoni tajba fi Frar, li tiżvela li impjegat affiljat mal-AfD u assoċjat ma’ membru tal-parlament federali Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB tar-Russja, u li qajmet tħassib serju dwar l-influwenza barranija potenzjali fix-xenarju politiku Ġermaniż; barra minn hekk, jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-istess individwu, malli daħal fil-Ġermanja mir-Russja, ġie interċettat ripetutament mill-awtoritajiet Ġermaniżi filwaqt li kien qiegħed iġorr ammonti ta’ flus kontanti ta’ EUR 9 000;

10.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirriflettu s-sanzjonijiet adottati mill-Gvern Ċek kontra “Voice of Europe”, kif ukoll kontra Viktor Medvedchuk u Artem Marchevskyi; jiddeplora l-fatt li “Voice of Europe” seta’ jerġa’ jibda l-operazzjonijiet tiegħu mill-Każakistan mill-11 ta’ April 2024; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li “Voice of Europe” ma jkunx jista’ jiġi aċċessat madwar l-Unjoni Ewropea; barra minn hekk, jinnota li l-badges li jippermettu lil “Voice of Europe” jaċċessaw il-bini tal-Parlament Ewropew ġew sospiżi;

11.  Jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ u l-kollaborazzjoni sħaħ tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar l-imġiba tal-Membri tal-PE kkonċernati; jilqa’ l-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-każijiet suspettati ta’ ndħil Russu fl-elezzjonijiet tal-UE mill-awtoritajiet Belġjani, jistieden lill-Istati Membri rilevanti jiddeterminaw jekk il-Membri tal-PE involuti humiex responsabbli għall-prosekuzzjoni skont id-dritt kriminali rispettiv tagħhom; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi mas-sħab internazzjonali biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet kriminali tranżnazzjonali u networks ta’ atturi barranin malizzjużi li jippromwovu prattiki korrotti li għandhom l-għan li jippromwovu l-indħil fl-elezzjonijiet Ewropej u li jimminaw id-demokrazija fl-UE; jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ u l-kooperazzjoni sħaħ tiegħu għal dan il-għan; jistieden lill-korpi tal-Parlament rilevanti biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw deċiżjoni f’waqtha dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-PE kull meta l-awtoritajiet rilevanti jirċievu tali talba; jistieden lil dawn il-korpi jiltaqgħu mill-aktar fis possibbli wara l-laqgħat kostituttivi tagħhom wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss sabiex jibdew immedjatament il-proċedimenti tagħhom jekk ikunu rċevew talbiet bħal dawn; jibqa’ lest li jkompli jtejjeb ir-regoli interni tiegħu dwar l-etika, abbażi tal-ogħla standards, u l-qafas ta’ sorveljanza u ta’ obbligu ta’ rendikont tiegħu, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ sanzjoni disponibbli għall-ksur aċċertat tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; jitlob li jingħata l-ogħla livell ta’ attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, l-obbligu ta’ rendikont u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2023 u l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli l-ġodda tiegħu dwar it-trasparenza u l-integrità adottati f’Settembru 2023, kif ukoll il-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta’ kondotta interni kollha tiegħu u d-deċiżjonijiet approvati mill-Bureau tiegħu, b’mod partikolari dwar l-interazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

12.  Jilqa’ r-riferiment tal-Membri tal-PE kkonċernati lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta; jimpenja ruħu li jinforza bis-sħiħ il-qafas ta’ sanzjonijiet interni applikabbli tiegħu u jitlob li jiġi espost kwalunkwe Membru tal-PE fil-kariga jew kandidat fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin li jkun irċieva flus mill-Gvern Russu jew mill-proxies tiegħu, jew li jkun ġie korrott minnhom; jinnota li l-allegati fatti ġraw qabel l-adozzjoni reċenti tar-riforma tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; iqis li r-regoli waħedhom ma kinux jipprevjenu l-allegata mġiba kundannabbli tal-Membri tal-PE; jibqa’ lest, madankollu, li jevalwa u jirfina aktar il-funzjonament u s-sanzjonar tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament, li ssaħħaħ wara l-Qatargate;

13.  Jilqa’ l-appell għal laqgħa urġenti tal-Eurojust mitluba mill-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo; jilqa’ wkoll it-talba biex jiġi eżaminat, u meta meħtieġ jitwessa’, il-mandat għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex ikun jista’ jipproċedi kontra każijiet bħal dawn; jilqa’ wkoll il-ftehim imħabbar mill-Presidenza Belġjana li tniedi task force temporanja għall-kriżijiet biex tiġġieled it-tentattivi tar-Russja li tinterferixxi fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u jisħaq li fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE kollha jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-indħil barrani biex jiżguraw l-integrità sħiħa ta’ dawn l-elezzjonijiet importanti; jisħaq, f’dan ir-rigward, li l-libertà tal-kelma, il-libertà tal-media, u l-konformità mal-liġi huma ugwalment importanti fil-proċessi demokratiċi kollha u ma jistgħux jiġu restritti bla bżonn;

14.  Itenni l-kundanna preċedenti tiegħu ta’ każijiet passati ta’ sħubijiet politiċi bejn partijiet tal-lemin estrem fl-Ewropa u t-tmexxija Russa, bħas-self bankarju għall-partit ta’ Le Pen fi Franza, il-ftehim ta’ sħubija bejn il-partit FPÖ tal-Awstrija u l-partit tar-Russja Magħquda ta’ Putin, kif ukoll bosta laqgħat u skambji bejn diversi Membri tal-PE eletti, inkluża t-tmexxija tal-partit AfD tal-Ġermanja;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-każ ta’ spjunaġġ Awstrijak, fejn eks uffiċjal tal-intelligence Awstrijak, Egisto Ott, li jingħad li huwa marbut mill-qrib mal-politiku tal-FPÖ, Hans-Jörg Jenewein, huwa akkużat bi spjunaġġ għar-Russja u bi ksib illegali ta’ data personali mill-bażijiet tad-data tal-pulizija, inkluż il-forniment ta’ data tal-mobile ta’ eks uffiċjali Awstrijaċi ta’ grad għoli lill-intelligence Russa;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti kredibbli ta’ aktar tentattivi Russi ta’ ndħil fl-elezzjonijiet li ġejjin għall-parlament nazzjonali Bulgaru fid-9 ta’ Ġunju 2024; iqajjem tħassib serju dwar l-eżistenza u l-kontroll Russu ta’ network ta’ aġenti ta’ diżinformazzjoni attivi fuq pjattaformi tal-media soċjali, fil-media tradizzjonali, fl-akkademja, fl-organizzazzjonijiet mhux governattivi u fil-partiti politiċi; jinsab estremament imħasseb dwar il-bosta proprjetajiet fit-territorju tal-Bulgarija li bħalissa huma proprjetà tal-awtoritajiet Russi, xi wħud minnhom ta’ importanza strateġika, u li jservu bħala ċentri ta’ influwenza Russa fuq il-proċessi demokratiċi fil-pajjiż;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar għadd ta’ politiki u pożizzjonijiet tal-Gvern Ungeriż, li taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Orban f’diversi okkażjonijiet kritiċi assuma pożizzjoni favur ir-Russja, kif ukoll favur iċ-Ċina;

18.  Jikkundanna l-parteċipazzjoni tar-Russja f’kampanji ta’ diżinformazzjoni, kif ukoll l-allegati kuntatti intensi u l-għadd ta’ laqgħat bejn l-aġenti responsabbli għall-interferenza Russa ma’ grupp seċessjonista Katalan; jissuġġerixxi li ċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra t-Theddid ibridu f’Helsinki biex iwettaq studju; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jinvestigaw b’mod effettiv il-konnessjonijiet tal-Membri tal-PE allegatament assoċjati mal-Kremlin u t-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni u ndħil tar-Russja fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jiddeplora l-attakki kollha fuq l-imħallfin li qed jinvestigaw kwalunkwe attività ta’ ndħil;

19.  Jemmen li l-allegazzjonijiet reċenti jistgħu jikkostitwixxu mġiba sanzjonabbli skont il-Kodiċi ta’ Kondotta tiegħu u, f’każ li jiġu kkonfermati, iridu jiġu indirizzati b’rispons mill-aktar sod; jissottolinja l-importanza li minnufih titwettaq investigazzjoni interna bir-reqqa sabiex jiġu vvalutati l-każijiet kollha possibbli ta’ ndħil barrani mir-Russja u minn pajjiżi oħrajn fil-Parlament Ewropew; jenfasizza li dawn ir-rivelazzjonijiet huma parti minn xejra akbar ta’ ndħil Russu, kif enfasizzat fir-rapporti finali ta’ INGE u ING2;

20.  Iqis li l-allegazzjonijiet rigward il-Membri tal-PE kkonċernati jissottolinjaw il-ħtieġa ta’ kultura ta’ sigurtà msaħħa fil-Parlament Ewropew; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż taħriġ obbligatorju dwar is-sigurtà għall-Membri tal-PE u għall-persunal, approvazzjoni tas-sigurtà xierqa u skrinjar imsaħħaħ tal-persunal, b’mod partikolari dawk li jattendu laqgħat bil-magħluq; jissottolinja li ħafna parlamenti nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom sistemi leġittimi u li jiffunzjonaw tajjeb f’dan il-qasam u jitlob li jiġu vvalutati l-aħjar prattiki;

21.  Jitlob li l-Parlament jintroduċi taħriġ obbligatorju, effettiv u regolari dwar is-sigurtà, l-indħil, l-istandards etiċi, il-konformità u l-integrità għall-Membri tal-PE kollha u l-uffiċċji tagħhom u għall-persunal kollu tal-Parlament, li jqajjem kuxjenza li huma miri potenzjali ta’ atturi statali u mhux statali barranin; jitlob li s-servizzi tal-Parlament jistabbilixxu sistemi effettivi ta’ monitoraġġ u sorveljanza biex jidentifikaw l-indħil barrani filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-mandat tal-Membri tal-PE;

22.  Ifakkar li l-indħil barrani huwa theddida sistemika li trid tiġi miġġielda b’mod vigoruż; ifakkar ukoll li, filwaqt li r-Russja tibqa’ l-oriġini ewlenija tal-indħil barrani u d-diżinformazzjoni fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi oħra wettqu wkoll kampanji bħal dawn; jissottolinja li r-rispons tal-UE għal dan it-theddid jista’ jkun effettiv biss jekk ikun ibbażat fuq approċċ ta’ politika trażversali, olistiku u fit-tul imwettaq b’mod konġunt kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri tagħha; jibqa’ determinat li jsegwi l-isforzi tiegħu biex jiġġieled l-indħil barrani fl-UE fis-snin li ġejjin, fost affarijiet oħra, permezz ta’ korp parlamentari ddedikat; jisħaq li l-viġilanza u l-protezzjoni mill-indħil barrani huma partikolarment meħtieġa fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ din is-sena;

23.  Jenfasizza l-leġiżlazzjoni ewlenija dwar il-libertà tal-media u d-drittijiet diġitali adottata mill-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin, bħall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jew l-Att dwar is-Servizzi Diġitali; jenfasizza, madankollu, li hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitwaqqaf it-tixrid tad-diżinformazzjoni malinna online u jiġi protett id-dritt taċ-ċittadini Ewropej għal aħbarijiet affidabbli;

24.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jinkludi regoli ġodda fil-livell tal-UE li għandhom l-għan li jindirizzaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus relatati ma’ persuni politikament esposti;

25.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jinkludu fl-14-il pakkett ta’ sanzjonijiet li jmiss il-mezzi tal-media ġodda appoġġjati mill-Kremlin u organizzazzjonijiet oħra tax-xandir u tal-media u individwi responsabbli għall-kampanji ta’ propaganda u ta’ diżinformazzjoni fl-UE;

26.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-iżvelar tat-tentattivi ta’ ndħil barrani u attivitajiet li jsiru bil-moħbi; itenni l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament suffiċjenti u sostenibbli għall-ġurnaliżmu investigattiv; jikkundanna bil-qawwa l-kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira esposta f’Jannar mill-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, allegatament orkestrata mir-Russja fuq X (preċedentement Twitter), bl-intenzjoni li timmanipula l-opinjoni pubblika;

27.  Jikkundanna b’mod qawwi l-isforzi kontinwi tar-Russja biex tabbuża u tiffalsifika t-tifkira storika tal-perjodi l-aktar traġiċi tal-Ewropa, bħat-terrur tar-reġim tan-Nazi, sabiex tipprova tiġġustifika l-aggressjoni brutali, illegali u inumana attwali tagħha u l-politika espansjonista tagħha, kif ukoll it-tentattivi tagħha biex sistematikament ixxerred narrattivi storiċi foloz;

28.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir aktar biex jiġi protett l-ambjent Ewropew tal-informazzjoni u d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli; ifakkar, kif iddikjarat fir-rapporti preċedenti tal-Parlament, fil-ħtieġa li jiġu stabbiliti “klawżoli mera” fejn il-ftuħ tal-ispazju Ewropew tal-informazzjoni għal pajjiżi terzi jkun proporzjonat mal-aċċess tal-mezzi tal-media Ewropej f’dawn il-pajjiżi; jissottolinja li l-mezzi tal-media li jaħdmu għal reġimi ostili u awtoritarji ma għandux ikollhom aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew; jinsisti li t-tikkettar fuq il-pjattaformi għandu jmur lil hinn mill-identifikazzjoni ta’ deep fakes biex jistabbilixxi wkoll tikkettar pożittiv bl-użu ta’ għodod maħluqa mis-settur tal-media, bħall-Journalism Trust Initiative; jesprimi, f’dan il-kuntest, l-appoġġ ġenerali tiegħu għall-Patt Ġdid għad-Dritt għall-Informazzjoni propost mir-Reporters mingħajr fruntieri;

29.  Jemmen li hemm bżonn aktar sforzi biex tiġi protetta b’mod xieraq id-demokrazija Ewropea u jitlob bil-qawwa lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurmaw bis-sħiħ liċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati fil-każ ta’ “Voice of Europe”;

30.  Jinnota li l-għan aħħari tal-indħil Russu huwa li jimmina, jaqsam u jdgħajjef l-UE u li jnaqqas l-appoġġ għall-Ukrajna; jisħaq li t-tattiċi ibridi tal-Federazzjoni Russa assolutament ma javvanzaw xejn l-aġenda politika tar-Russja fl-UE, iżda, għall-kuntrarju, jiġġeneraw aktar momentum għall-appoġġ sod tal-UE lill-Ukrajna fid-difiża tagħha kontra l-okkupant illegali;

31.  Jissottolinja li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kixfet il-firxa enormi ta’ manipulazzjoni barranija ta’ informazzjoni fl-UE u lill-viċinat immedjat tagħha, jiġifieri lill-Balkani tal-Punent u lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jappella lill-UE u lill-pajjiżi ġirien tagħha jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu u s-sigurtà ċibernetika;

32.  Jappella sabiex l-Unjoni Ewropea tkun viġilanti fir-rigward ta’ tentattivi minn kwalunkwe pajjiż terz, inkluża r-Russja, biex jinfluwenza b’mod mhux xieraq il-proċessi demokratiċi tiegħu; iwissi lill-Federazzjoni Russa li kampanji ta’ diżinformazzjoni ibridi, attakki ċibernetiċi u operazzjonijiet ta’ influwenza diġà jikkostitwixxu attakki serji fuq id-demokrazija Ewropea u kwalunkwe azzjoni fiżika fit-territorju Ewropew tikkostitwixxi eskalazzjoni drammatika; jistieden lill-Istati Membri jesponu u jinvestigaw it-tentattivi Russi għas-sabotaġġ tal-infrastrutturi kritiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji biex tiġi protetta l-infrastruttura elettorali, li hija partikolarment vulnerabbli għal attakki fiżiċi u attakki ċibernetiċi qabel u matul l-elezzjonijiet;

33.  Ifakkar li anke fil-każ fejn il-liġi tillimita s-sorsi ta’ finanzjament politiku, l-atturi Russi sabu modi kif jevitawhom u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom; ifakkar b’mod partikolari l-evidenza ta’ self minn banek barranin (bħal fil-każ tal-partit Front National fi Franza fl-2016), ftehimiet ta’ xiri u ftehimiet kummerċjali (bħal fl-allegazzjonijiet irrapportati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-partit FPÖ u minn Buzzfeed u L’Espresso fl-10 ta’ Lulju 2019 dwar Lega per Salvini Premier fl-Italja), u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji (kif irrapportat mill-istampa Brittanika fir-rigward tal-kampanja Leave.eu);

34.  Jikkundanna l-fatt li l-kampanji tal-indħil barrani spiss ikunu diretti kontra minoranzi speċifiċi u gruppi vulnerabbli, u jinnota li l-immirar ta’ dawk il-minoranzi jservi l-iskop akbar li jimmina l-appell ta’ soċjetajiet demokratiċi u ugwali;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(1) Testi adottati, P9_TA(2024)0079.
(2) Testi adottati, P9_TA(2023)0292).
(3) ĠU C, C/2023/1226, 21.12.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2023/1226/oj?locale=mt
(4) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(5) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 18.
(6) ĠU C 125, 18.3.2022, p. 2.
(7) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija, “Digital Services Act: – Application of the risk management framework to Russian disinformation campaigns” (Att dwar is-Servizzi Diġitali – L-applikazzjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni Russi), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2759/764631.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Ottubru 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza