Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0244/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2024 - 7.14

Testi adottati :

P9_TA(2024)0381

Testi adottati
PDF 135kWORD 48k
Il-Ħamis, 25 ta' April 2024 - Strasburgu
Tentattivi biex terġa’ tiddaħħal liġi dwar l-aġenti barranin fil-Georgia u r-restrizzjonijiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà ċivili
P9_TA(2024)0381RC-B9-0244/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar tentattivi biex terġa’ tiddaħħal liġi dwar l-aġenti barranin fil-Georgia u r-restrizzjonijiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà ċivili (2024/2703(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tas-17 ta’ April 2024 dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-4 ta’ April 2024 dwar l-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2023)0690),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar il-Georgia tat-18 ta’ April 2024 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ opinjoni, ta’ espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika huwa dritt fundamentali minqux fil-Kostituzzjoni tal-Georgia;

B.  billi l-Georgia, bħala firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, impenjat ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi l-Unjoni Ewropea tistenna li l-Georgia, pajjiż kandidat għal adeżjoni mal-UE, tirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u impenji internazzjonali oħra li ħadet u, b’mod partikolari, tissodisfa l-kundizzjonijiet u tieħu l-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti l-istatus ta’ kandidat lill-Georgia biss bil-kundizzjoni li dawn il-passi jittieħdu; billi din ir-rakkomandazzjoni stiednet lill-Georgia tiżgura li s-soċjetà ċivili setgħet topera liberament (pass 9) u tiġġieled id-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-valuri tagħha (pass 1), u billi l-abbozz ta’ liġi jmur kontra ż-żewġ objettivi;

D.  billi fis-17 ta’ April 2024, il-Parlament tal-Georgia għadda l-hekk imsejħa liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija fl-ewwel qari bi 83 vot favur u ebda vot kontra, minkejja protesti tal-massa minn ċittadini tal-Georgia, kritika mill-President tal-Georgia, li sejħet l-abbozz ta’ liġi “sabotaġġ tat-triq tal-pajjiż lejn l-Ewropa”, kundanna nazzjonali u internazzjonali u appelli ripetuti mis-sħab Ewropej tal-Georgia biex l-abbozz ta’ liġi jiġi rtirat; billi din il-liġi tirrikjedi li l-organizzazzjonijiet li jirċievu aktar minn 20 % tal-finanzjament tagħhom minn barra l-pajjiż jirreġistraw fi żmien xahrejn bħala “organizzazzjonijiet li jsegwu l-interessi ta’ setgħa barranija” u jippreżentaw lilhom infushom bħala tali; billi l-organizzazzjonijiet ikunu soġġetti għal skrutinju addizzjonali, rekwiżiti ta’ rappurtar u possibbilment sanzjonijiet, inklużi penali amministrattivi sa massimu ta’ GEL 25 000; billi l-liġi tirrestrinġi serjament il-kapaċità tal-media u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw liberament;

E.  billi l-għan leġittimu li tiġi żgurata t-trasparenza tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirċievu finanzjament barrani bl-ebda mod ma jista’ jiġġustifika miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tagħhom, speċjalment fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi dan l-abbozz ta’ liġi qed jiġi propost fi żmien ta’ attakki jiżdiedu kontra s-soċjetà ċivili u l-media indipendenti fil-Georgia, kif ukoll kontra l-appoġġ għad-demokrazija minn donaturi internazzjonali fi sforz apparenti biex jiċċekken l-ispazju ċiviku u jissikktu l-ilħna kritiċi fl-isfera pubblika, fost affarijiet oħra billi jitnaqqas l-aċċess għall-finanzjament barrani; billi dan l-abbozz ta’ liġi huwa biss l-aħħar inizjattiva f’sensiela ta’ inizjattivi leġiżlattivi ta’ qabel l-elezzjoni u inizjattivi oħra mill-Gvern tal-Georgia, li jinkludu wkoll it-tħabbir ta’ emendi kostituzzjonali għall-ġlieda kontra l-“propaganda LGBT” u t-treġġigħ lura ta’ politika favur il-kwoti tal-ġeneru għan-nisa fil-parlament, li jipperikolaw ir-riformi demokratiċi u jikkontribwixxu għat-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar l-UE, il-valuri u l-politiki tagħha; billi l-Parlament Ewropew, f’riżoluzzjonijiet preċedenti, diġà appella għal miżuri biex jitnaqqas ir-rwol distruttiv tal-interessi oligarkiċi fil-politika u fl-ekonomija tal-Georgia, inkluż fil-persekuzzjoni politikament motivata ta’ ġurnalisti u avversarji politiċi bħall-eks President Mikheil Saakashvili, li l-Parlament talab li jinħeles għal raġunijiet umanitarji sabiex jingħata trattament mediku barra mill-pajjiż;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-introduzzjoni mill-ġdid tal-abbozz ta’ liġi kontroversjali dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”, li jimponi restrizzjonijiet debilitanti fuq is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti u li għalhekk ixekkel il-possibbiltà tagħhom li joperaw liberament, u għaldaqstant intlaqa’ bi protesti enormi miċ-ċittadini tal-Georgia, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-media indipendenti, personalitajiet pubbliċi prominenti u s-sħab tal-pajjiż, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali;

2.  Jissottolinja li l-abbozz ta’ liġi huwa inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji demokratiċi tal-UE, imur kontra l-ambizzjonijiet tal-Georgia ta’ sħubija mal-UE, jagħmel ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali tal-Georgia u jipperikola l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż;

3.  Jisħaq li n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE m’għandhomx jinfetħu sakemm din il-liġi tkun parti mill-ordinament ġuridiku tal-Georgia;

4.  Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Parlament tal-Georgia jwaqqaf il-proċedimenti parlamentari li jwasslu għall-adozzjoni tal-liġi u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jonora l-impenji li ħa f’Marzu 2023 meta ħabbar li se jirtira mingħajr kundizzjonijiet l-abbozz ta’ liġi tiegħu biex jiġu imposti restrizzjonijiet fuq is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti u li mhux se jerġa’ jipproponi liġi bħal din; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jastjeni wkoll milli jissottometti xi proposti leġiżlattivi oħra li jmorru kontra l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li, għalhekk, imorru kontra l-kriterji ta’ Copenhagen għal sħubija fl-UE;

5.  Jenfasizza li l-abbozz ta’ liġi jittradixxi l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza l-kbira tal-poplu tal-Georgia li jgħixu f’soċjetà demokratika, li jitkomplew ir-riformi demokratiċi u tal-istat tad-dritt, li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Ewro-Atlantiċi u li jittieħed impenn favur triq lejn sħubija fl-UE;

6.  Jenfasizza li d-drittijiet għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ għaqda u ta’ protesta paċifika huma libertajiet fundamentali u jridu jiġu rrispettati f’kull ċirkostanza, b’mod partikolari f’pajjiż bl-ambizzjoni li jissieħeb fl-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jirrispetta d-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini tal-Georgia u għalhekk jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet użaw forza sproporzjonata biex ixerrdu d-dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra l-abbozz ta’ liġi kontroversjali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jinvestigaw u jżommu responsabbli lil dawk responsabbli għall-użu illegali u sproporzjonat tal-forza;

8.  Jissottolinja li r-rwol ta’ għassies pubbliku moqdi mis-soċjetà ċivili u l-media indipendenti huwa essenzjali għal soċjetà demokratika u huwa kruċjali għall-avvanz tar-riformi relatati mal-adeżjoni mal-UE, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu l-almu tagħhom biex jiggarantixxu ambjent abilitanti li fih is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti jistgħu jirnexxu;

9.  Jiddenunzja l-fatt li l-Gvern tal-Georgia qed jispira ruħu minn leġiżlazzjoni Russa simili u kontroversjali immens, bħal-“Liġi dwar l-Aġenti Barranin” tar-Russja, li intenzjonalment tistigmatizza u tiddiskrimina kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u attivisti u li ntużat ukoll biex trażżan l-oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex jissikktu l-ilħna kritiċi kollha li fadal fil-pajjiż;

10.  Ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 ta lill-Georgia l-istatus ta’ kandidat bil-kundizzjoni li jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jisħaq li din ir-rakkomandazzjoni stiednet lill-Georgia tiżgura li s-soċjetà ċivili setgħet topera liberament u tiġġieled id-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-valuri tagħha, u li l-abbozz ta’ liġi jmur kontra ż-żewġ objettivi;

11.  Ifakkar lill-Gvern tal-Georgia fl-impenji li ħa kif ukoll fil-valuri u l-prinċipji li aderixxa għalihom meta applika għal sħubija fl-UE u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir u lill-President tal-Kummissjoni biex jagħmlu l-istess;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti valutazzjoni interim tal-progress tal-Georgia relatat mal-implimentazzjoni tad-disa’ passi indikati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta minnufih l-impatt tal-liġi ppjanata tal-Georgia dwar l-“aġenti barranin” fuq it-twettiq kontinwu mill-Georgia tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża, b’mod partikolari l-parametru referenzjarju tad-drittijiet fundamentali, komponent kruċjali tal-politika tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt ta’ dan l-abbozz ta’ liġi fuq ir-rwol tal-UE bħala donatur fil-Georgia u jikkomunikaw b’mod ċar lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia dwar dan l-impatt possibbli u l-konsegwenzi tiegħu għall-finanzjament tal-UE b’mod ġenerali;

15.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jerġa’ lura għat-triq tiegħu lejn l-Ewropa, jonora l-impenn tiegħu li jirrispetta, isaħħaħ u jippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jinvolvi ruħu ġenwinament fl-implimentazzjoni sħiħa tal-passi meħtieġa biex jissodisfa l-kundizzjonijiet għal status ta’ kandidat u sħubija fl-UE, fi spirtu ta’ involviment u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika tal-Georgia;

16.  Jiddeplora r-rwol personali li żvolġa Bidzina Ivanishvili, l-uniku oligarka tal-Georgia, li rritorna attivament fil-politika fit-30 ta’ Diċembru 2023 u sar “president onorarju” tal-partit “Georgian Dream”, fil-kriżi politika attwali u f’saħansitra tentattiv ieħor biex jikkomprometti l-perkors tal-pajjiż orjentat lejn il-Punent biex minflok jiddevjah lejn ir-Russja; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi tal-UE biex jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet personali fuq Ivanishvili minħabba r-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia u talli qiegħed jaħdem kontra l-interessi tal-poplu tagħha;

17.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej leġittimi tal-poplu tal-Georgia u għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’pajjiż prosperu, ħieles mill-korruzzjoni, li jirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi soċjetà miftuħa u media indipendenti; jissottolinja li d-deċiżjoni biex il-Georgia tingħata status ta’ kandidat għal sħubija fl-UE kienet immotivata mix-xewqa li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet u l-isforzi demokratiċi tas-soċjetà ċivili tal-Georgia, kif ukoll l-appoġġ enormi fost iċ-ċittadini tagħha għal adeżjoni mal-UE;

18.  Iħeġġeġ lill-maġġoranza tal-partit “Georgian Dream” tirtira l-leġiżlazzjoni kostituzzjonali proposta li tillimita d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, li tirrappreżenta attakk mhux biss fuq il-komunità LGBTIQ iżda anke fuq il-libertà tal-kelma u soċjetà ċivili ħielsa;

19.  Itenni l-appell tiegħu fuq l-awtoritajiet tal-Georgia biex jeħilsu lill-eks President Mikheil Saakashvili għal raġunijiet umanitarji u jippermettulu jingħata trattament mediku xieraq barra mill-pajjiż; jenfasizza li l-każ tiegħu jenfasizza aktar l-importanza li tiġi implimentata riforma ġenwina tas-sistema ġudizzjarja.

20.  Jappella għal missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul imparzjali u indipendenti mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, biex timmonitorja l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss tal-pajjiż f’Ottubru 2024;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Ottubru 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza