Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 25 ta' April 2024 - Strasburgu
L-introduzzjoni gradwali tal-Eudamed, l-obbligu ta’ informazzjoni f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista u d-dispożizzjonijiet tranżitorji għal ċerti apparati mediċi dijanjostiċi in vitro
 L-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev
 It-tħassir propost tal-liġi li tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-Gambja
 Il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà f’Hong Kong u l-każijiet ta’ Andy Li u Joseph John
 Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi
 Estimi tad-dħul u tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2025 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew
 Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024: Emendi għall-baġit tal-2024 meħtieġa minħabba r-reviżjoni tal-QFP
 Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024: Tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara l-adeżjoni tal-Polonja u l-parteċipazzjoni mistennija tal-Iżvezja
 Informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri: titjib u faċilitazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri esterni
 Informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri: prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja
 Qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti
 L-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
 Allegazzjonijiet ġodda ta’ ndħil Russu fil-Parlament Ewropew, fl-elezzjonijiet tal-UE li ġejjin, u l-impatt fuq l-Unjoni
 Tentattivi biex terġa’ tiddaħħal liġi dwar l-aġenti barranin fil-Georgia u r-restrizzjonijiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà ċivili
 L-attakk bla preċedent tal-Iran fuq Iżrael, il-ħtieġa ta’ tnaqqis tat-tensjoni u rispons tal-UE

L-introduzzjoni gradwali tal-Eudamed, l-obbligu ta’ informazzjoni f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista u d-dispożizzjonijiet tranżitorji għal ċerti apparati mediċi dijanjostiċi in vitro
PDF 137kWORD 46k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2017/746 fir-rigward tal-introduzzjoni gradwali tal-Eudamed, l-obbligu ta’ informazzjoni f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista u d-dispożizzjonijiet tranżitorji għal ċerti apparati mediċi dijanjostiċi in vitro (COM(2024)0043 – C9-0010/2024 – 2024/0021(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2024)0043),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4), il-punt (c), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0010-2024),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2024(1),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Frar 2024, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-25 ta' April 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2017/746 fir-rigward tal-introduzzjoni gradwali tal-Eudamed, tal-obbligu ta’ informazzjoni f’każ ta’ interruzzjoni jew waqfien tal-provvista, u ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji għal ċerti apparati mediċi dijanjostiċi in vitro

P9_TC1-COD(2024)0021


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2024/1860.)

(1) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali


L-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev
PDF 126kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev (2024/2698(RSP))
P9_TA(2024)0369RC-B9-0227/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ażerbajġan intensifika r-repressjoni tiegħu tas-soċjetà ċivili, l-attivisti u l-media indipendenti li fadal, bħal Abzas Media, permezz ta’ detenzjonijiet u vessazzjoni ġudizzjarja; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalissa jelenkaw kważi 300 priġunier politiku fl-Ażerbajġan; billi l-indiċi Dinji tal-Libertà għall-2024 ta’ Freedom House jikklassifika lill-Ażerbajġan fost il-pajjiżi l-inqas ħielsa fid-dinja, taħt ir-Russja u l-Belarussja;

B.  billi Gubad Ibadoghlu, ekonomista politiku u figura tal-oppożizzjoni, ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan f’Lulju 2023 u baqa’ f’detenzjoni sat-22 ta’ April 2024, meta ġie ttrasferit għal detenzjoni domiċiljari; billi saħħtu ddeterjorat b’mod sinifikanti minn mindu ġie arrestat, bħala riżultat ta’ tortura, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani u rifjut ta’ kura medika adegwata, li b’hekk poġġew ħajtu f’periklu;

C.  billi Ilhamiz Guliyev, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ġie arrestat arbitrarjament fl-4 ta’ Diċembru 2023 fuq akkużi dubjużi ta’ traffikar tad-droga wara li xehed bħala informatur dwar it-tbagħbis mill-pulizija tal-evidenza kontra l-kritiċi tal-gvern; billi hu qed jiffaċċja sa 12-il sena ħabs;

1.  Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Ilhamiz Guliyev; jinnota li Gubad Ibadoghlu nħeles u tqiegħed taħt detezjoni domiċiljari u jistieden lill-awtoritajiet ineħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih; jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura b’mod urġenti li Gubad Ibadoghlu jirċievi eżami mediku indipendenti minn tabib tal-għażla tiegħu stess u li jitħalla jirċievi trattament barra mill-pajjiż;

2.  Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi l-oħra kollha, inklużi Tofig Yagublu, Akif Gurbanov, Bakhtiyar Hajiyev, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti Ulvi Hasanli, Sevinj Vagifgizi, Nargiz Absalamova, Hafiz Babali, Elnara Gasimova, Aziz Orujov, Rufat Muradli, Avaz Zeynalli, Elnur Shukurov, Alasgar Mammadli, Farid Ismayilov, kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE u lil ċittadini oħra;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan dwar l-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jistedinhom jirrevokaw leġiżlazzjoni ripressiva li twassal lill-organizzazzjonijiet indipendenti mhux governattivi u lill-media f’sitwazzjonijiet fil-marġini tal-liġi;

4.  Iqis li l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan huwa inkompatibbli mat-tħejjijiet tal-pajjiż biex jospita l-COP29; jitlob li l-organizzaturi jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili jkunu kompletament minquxa u garantiti fil-Ftehim dwar il-Pajjiż Ospitanti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tissospendi s-sħubija strateġika mal-Ażerbajġan fil-qasam tal-enerġija; jinsisti li kwalunkwe ftehim ta’ sħubija futur ikun dipendenti fuq il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u t-titjib tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

6.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jitlob laqgħat mal-priġunieri politiċi fl-Ażerbajġan;

7.  Itenni t-talba tiegħu li s-sanzjonijiet tal-UE fl-ambitu tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem jiġu imposti fuq uffiċjali tal-Ażerbajġan li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ażerbajġan.


It-tħassir propost tal-liġi li tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-Gambja
PDF 122kWORD 43k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar it-tħassir propost tal-liġi li tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-Gambja (2024/2699(RSP))
P9_TA(2024)0370RC-B9-0228/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Samoa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Protokoll ta’ Maputo u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benessri tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 5, li jimmira għall-eradikazzjoni globali tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) sal-2030,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Att storiku dwar in-Nisa (Emendatorju) tal-2015 fil-Gambja jipprojbixxi l-MĠF, u jagħmilha punibbli b’massimu ta’ tliet snin ħabs;

B.  billi fit-18 ta’ Marzu 2024, liġi proposta biex titħassar il-projbizzjoni għaddiet it-tieni qari fil-Parlament tal-Gambja u issa ġiet riferita lil kumitat parlamentari li se jieħu mill-inqas tliet xhur biex jeżaminaha qabel ma jerġa’ lura l-parlament għat-tielet u l-aħħar rieżami;

C.  billi l-Gambja tirriskja li tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li jreġġa’ lura l-protezzjoni legali kontra l-MĠF; billi dan jirriskja li jinkoraġġixxi li b’mod simili jiddgħajfu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet fir-reġjun;

D.  billi l-MĠF hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-diskriminazzjoni kontra l-bniet u n-nisa; billi din mhijiex ġustifikata minn xi reliġjon jew kultura, hija prattika abbużiva, waħda ta’ sfruttament u dannuża b’konsegwenzi severi inklużi ħsara irreparabbli għas-saħħa fiżika, psikoloġika, riproduttiva u sesswali, u tista’ twassal għall-mewt; billi dan jipprevjeni lin-nisa u l-bniet milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u milli jipparteċipaw fis-soċjetà;

E.  billi l-Gambja għandha fost l-ogħla prevalenza ta’ MĠF fid-dinja, u skont l-UNICEF, 76 % tan-nisa tal-Gambja ta’ bejn il-15 u d-49 sena ġew ċirkonċiżi; billi aktar minn 230 miljun tifla u mara madwar id-dinja huma affettwati mill-MĠF;

1.  Iħeġġeġ lill-Parlament tal-Gambja juri l-impenn tiegħu favur id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diversi ftehimiet internazzjonali u reġjonali li l-Gambja hija firmatarja tagħhom, biex jipproteġi d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, u għalhekk jirrifjuta l-proposta u jiddefendi l-kriminalizzazzjoni tal-MĠF;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gambja jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jipprevjeni u jelimina l-MĠF permezz ta’ miżuri ta’ infurzar robusti u sforzi ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Gambja jimpenja ruħu mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-Programm Konġunt UNFPA-UNICEF dwar l-Eliminazzjoni tal-MĠF;

3.  Jinsab lest li jappoġġja lill-gvern u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-involviment tal-komunità, inkluż ma’ mexxejja reliġjużi, tradizzjonali u komunitarji, fil-ġlieda kontra l-MĠF, u li jappoġġja lis-superstiti u lid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jindirizzaw b’mod urġenti u sistematiku l-kwistjoni tal-MĠF mal-awtoritajiet tal-Gambja f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-awtoritajiet tal-Gambja u lill-Unjoni Afrikana.


Il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà f’Hong Kong u l-każijiet ta’ Andy Li u Joseph John
PDF 124kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà f’Hong Kong u l-każijiet ta’ Andy Li u Joseph John (2024/2700(RSP))
P9_TA(2024)0371RC-B9-0238/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fid-19 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Leġiżlattiv ta’ Hong Kong għadda l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika ta’ Hong Kong; billi l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali tespandi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali imposta mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tawtorizza ksur saħansitra aktar radikali tal-libertajiet u l-libertajiet fundamentali, bi ksur tad-Dikjarazzjoni Sino-Brittanika u tad-Dikjarazzjoni Sino-Portugiża, tal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”, u tal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi Andy Li, attivist favur id-demokrazija u xhud ewlieni fil-proċess ta’ Jimmy Lai, allegatament ammetta, taħt tortura, għal reat ta’ assoċjazzjoni u kollużjoni ma’ entitajiet barranin; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura esprima tħassib;

C.  billi l-każ ta’ Joseph John, li għandu ċittadinanza doppja ta’ Hong Kong u Portugiża, huwa l-ewwel każ tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali għal ċittadin tal-UE; billi John ġie arrestat talli allegatament, mill-Ewropa, tella’ kontenut tal-media soċjali kontra ċ-Ċina u wettaq inċitament għal “seċessjoni”, u fil-11 ta’ April 2024 ġie kkundannat għal ħames snin ħabs;

D.  billi ċ-ċittadina Pollakka Aleksandra Bielakowska, li kellha l-intenzjoni li tattendi l-proċess ta’ Lai, ġiet arrestata mal-wasla tagħha f’Hong Kong, u ġiet interrogata u deportata;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tal-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali, li tikser l-aħħar traċċi tal-libertajiet fundamentali f’Hong Kong; jinsab ixxukkjat dwar l-għeluq tal-forzi politiċi, tas-soċjetà ċivili u tal-mezzi tal-aħbarijiet favur id-demokrazija, u l-arrest ta’ aktar minn 200 persuna mill-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali; iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lil Hong Kong iħassru l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta’ Hong Kong jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Li, John, Lai, Kok Tsz-lun u lir-rappreżentanti u l-attivisti l-oħra kollha favur id-demokrazija miżmuma talli eżerċitaw il-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi tagħhom, u jwaqqa’ l-akkużi kollha kontrihom;

3.  Jenfasizza l-imminar tal-libertajiet tal-istampa mill-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu l-fastidju u l-prosekuzzjoni tal-ġurnalisti;

4.  Jinsab allarmat li l-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali għandha impatt sinifikanti fuq il-ħidma tal-Uffiċċju tal-UE u l-Konsulati Ġenerali tal-Istati Membri, u ċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji tal-UE f’Hong Kong;

5.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jirrieżamina l-Konklużjonijiet tiegħu tal-2020 dwar Hong Kong u jadotta sanzjonijiet skont ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Kap Eżekuttiv John Lee u l-uffiċjali kollha ta’ Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina responsabbli għar-repressjoni tal-libertajiet f’Hong Kong;

6.  Jiddenunzja l-ostakli għall-monitoraġġ tal-proċessi u jisħaq fuq il-prijoritizzazzjoni ta’ appoġġ adegwat għall-osservazzjoni tal-proċessi u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti u r-rapportar tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f’koordinazzjoni ma’ sħab tal-istess fehma;

7.  Jinsab imħasseb dwar l-ekstraterritorjalità u r-retroattività tal-Ordinanza dwar is-Salvagwardja tas-Sigurtà Nazzjonali li japplikaw madwar id-dinja; jikkundanna l-immirar tad-dijaspora ta’ Hong Kong ibbażata fl-UE u tal-politiċi u l-personalitajiet pubbliċi kritiċi għal Beijing; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissospendu t-trattati ta’ estradizzjoni mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u ma’ Hong Kong u jintroduċu skemi ta’ salvataġġ għal attivisti u ġurnalisti ta’ Hong Kong li jinsabu f’riskju;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Kap Eżekuttiv u lill-Kunsill Leġiżlattiv ta’ Hong Kong, u lill-Uffiċċju tal-UE f’Hong Kong.


Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi
PDF 155kWORD 57k
Deċiżjoni
Anness
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi għall-Membri tal-Istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2024/2008(ACI))
P9_TA(2024)0372A9-0181/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 u tad-19 ta’ Marzu 2024, li japprovaw l-abbozz ta’ Ftehim Interistituzzjonali li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi għall-Membri tal-Istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jistabbilixxi Korp Interistituzzjonali għall-Istandards Etiċi għall-Membri tal-Istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim”),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 232 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2023 dwar proposta għal korp interistituzzjonali tal-etika u l-annessi tagħha (COM(2023)0311),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar it-twaqqif ta’ Korp tal-Etika indipendenti tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar it-twaqqif ta’ korp tal-etika tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0181/2024),

A.  billi l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE huma tal-akbar importanza għal-leġittimità demokratika tagħhom u għat-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini; billi l-Parlament Ewropew illum huwa fost il-leġiżlaturi l-aktar trasparenti fid-dinja;

B.  billi hemm bżonn li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-qafas tal-etika attwali, li huwa frammentat fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-UE, b’regoli, proċeduri u livelli ta’ infurzar differenti;

C.  billi l-Parlament ippropona, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021(7), u tenna, fir-riżoluzzjonijiet sussegwenti tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023(8) u tat-12 ta’ Lulju 2023(9), li jiġi stabbilit korp tal-etika ambizzjuż, ġenwin u indipendenti;

D.  billi l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għall-istabbiliment ta’ korp interistituzzjonali tal-etika fit-8 ta’ Ġunju 2023, fejn ressqet korp li jistabbilixxi l-istandards; billi dik il-proposta tal-Kummissjoni ma laħqitx bil-ħafna l-ambizzjoni mressqa fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, billi prinċipalment kienet nieqsa mill-kapaċità li teżamina każijiet individwali u ksur potenzjali tar-regoli etiċi kif ukoll li tirrakkomanda sanzjonijiet;

E.  billi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-16 ta’ Frar 2023(10) u tat-12 ta’ Lulju 2023(11) servew bħala l-mandat ta’ negozjar tal-Parlament;

F.  billi korp interistituzzjonali tal-etika se jikkontribwixxi biex jissaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-leġittimità demokratika tagħhom, kif ukoll biex tinbena kultura istituzzjonali bbażata fuq l-ogħla standards etiċi;

G.  billi r-regoli etiċi attwali tal-Parlament fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jipprevedu ħafna dikjarazzjonijiet standardizzati bil-miktub, fosthom dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, dikjarazzjonijiet tal-assi, dikjarazzjonijiet dwar is-sensibilizzazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess għad-detenturi ta’ karigi, rapporteurs, shadow rapporteurs u parteċipanti f’delegazzjoni uffiċjali jew negozjati interistituzzjonali, dikjarazzjonijiet ta’ laqgħat skedati ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, anke meta delegati lill-assistenti tagħhom, dikjarazzjonijiet ta’ kontribut mir-rapporteurs dwar il-fajls tagħhom, dikjarazzjonijiet ta’ attendenza f’avvenimenti organizzati minn partijiet terzi, dikjarazzjonijiet ta’ rigali u dikjarazzjonijiet ta’ intergruppi jew gruppi mhux uffiċjali dwar l-appoġġ finanzjarju estern;

1.  Jilqa’ l-Ftehim li jippermetti l-iżvilupp ta’ standards etiċi komuni b’saħħithom u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u li jippermetti li każijiet individwali jiġu eżaminati mill-esperti indipendenti fuq talba ta’ istituzzjoni jew korp konsultattiv li jkunu parti għall-Ftehim rigward kwalunkwe dikjarazzjoni tal-Membri tagħhom;

2.  Jissottolinja l-fatt li s-setgħa finali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet rilevanti tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi; jinnota li kwalunkwe konsultazzjoni tal-esperti indipendenti dwar każ individwali tibda b’talba minn parti għall-Ftehim fir-rigward tal-membri tagħha stess, f’konformità mar-regoli interni tagħha; jissottolinja li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati, bħala każijiet ta’ livell għoli li jmorru lil hinn mill-interessi tal-istituzzjoni kkonċernata, għandhom bħala regola jkunu soġġetti għal eżami mill-esperti indipendenti;

3.  Itenni, madankollu, li l-Parlament jibqa’ impenjat bis-sħiħ lejn korp indipendenti tal-etika, kapaċi li jwettaq investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja tiegħu u li joħroġ rakkomandazzjonijiet għal sanzjonijiet lill-awtoritajiet responsabbli tal-istituzzjonijiet jew il-korpi parteċipanti, magħmul minn esperti indipendenti bħala membri sħaħ, li jkopri Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE qabel, matul u wara l-mandat jew it-terminu ta’ servizz tagħhom, kif ukoll il-persunal, kif previst fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Settembru 2021(12) u kif tenna fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023(13) u tat-12 ta’ Lulju 2023(14);

4.  Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew iddeċieda li ma jisseħibx fil-Ftehim;

5.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Kunsill li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim għal mill-inqas ir-rappreżentanti fil-livell ministerjali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, billi jargumenta li m’hemm l-ebda bażi legali fit-Trattati biex jiġu adottati standards minimi komuni li japplikaw għar-rappreżentanti tal-Istati Membri; jimpenja ruħu li juża l-ewwel rieżami tal-Ftehim biex jindirizza din il-lakuna legali u jistieden, sadanittant, lill-Presidenzi tal-Kunsill li jmiss biex japplikaw b’mod volontarju d-dispożizzjonijiet tiegħu; huwa tal-fehma li l-Membri tal-Kunsill, bħall-Membri tal-Parlament Ewropew, jistgħu jkunu marbuta bir-regoli stabbiliti mill-Kunsill skont is-setgħa tiegħu ta’ awtoorganizzazzjoni, li jipprevalu f’każ ta’ kunflitt mar-regoli nazzjonali; jissottolinja, f’dan il-kuntest, li r-rappreżentanti tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala Membri tal-Kunsill meta jadottaw atti legali tal-UE; jimpenja ruħu li jfittex kjarifika legali dwar jekk il-Kunsill jistax jorbot lill-Membri tiegħu bi standards minimi komuni;

6.  Huwa tal-fehma li r-riżorsi disponibbli jridu jippermettu l-funzjonament tajjeb kemm tal-korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi (il-“Korp”) innifsu magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull parti għall-Ftehim, kif ukoll tal-ħames esperti indipendenti li jassistu lir-rappreżentanti istituzzjonali u li jingħaqdu mal-Korp bħala osservaturi, u kwalunkwe appoġġ meħtieġ għal dan l-għan; jiddispjaċih li skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim, kwalunkwe kost li jirriżulta minn konsultazzjoni tal-esperti indipendenti għandu jkun kopert mill-parti li tagħmel it-talba, peress li dan jista’ jirriżulta f’limitazzjoni tal-għadd ta’ tali konsultazzjonijiet;

7.  Huwa tal-fehma li l-esperti indipendenti, li se jiġu mħatra b’kunsens tal-partijiet għall-Ftehim, għandhom bżonn ikollhom esperjenza professjonali speċifikament fl-oqsma tal-etika, tal-integrità u tat-trasparenza, minbarra r-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim li jirreferu għal rekord impekkabbli ta’ mġiba professjonali u esperjenza f’funzjonijiet ta’ livell għoli f’organizzazzjonijiet pubbliċi Ewropej, nazzjonali jew internazzjonali;

8.  Jenfasizza r-rwol essenzjali li għandhom l-esperti indipendenti fl-eżami ta’ każijiet individwali fuq talba ta’ parti għall-Ftehim; huwa tal-fehma li jkun ta’ benefiċċju kbir għall-fini tal-iżvilupp jew l-aġġornament ta’ standard etiku li kull parti tibgħat kampjun aleatorju żgħir ta’ każijiet lill-esperti indipendenti;

9.  Jemmen li l-Korp għandu jiddependi mis-setgħat eżistenti tal-istituzzjonijiet biex jistaqsu lill-membri tagħhom għall-informazzjoni jew mill-qbil tal-awtoritajiet nazzjonali biex jaqsmu l-informazzjoni; jemmen li l-esperti indipendenti għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fejn meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom, filwaqt li jittrattaw tali informazzjoni bl-istess kunfidenzjalità bħall-awtorità ta’ oriġini; jisħaq f’dan ir-rigward li l-esperti indipendenti għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti amministrattivi tal-partijiet parteċipanti, speċjalment il-parti li tikkonsultahom dwar każ, sabiex jippermettulhom iwettqu valutazzjonijiet motivati sew u dokumentati tajjeb;

10.  Jinnota li l-esperti indipendenti għandhom jaħtru kelliem minn fosthom; huwa tal-fehma li l-esperti indipendenti għandu jkollhom awtonomija sħiħa fl-organizzazzjoni tal-ħidma tagħhom, kif ukoll meta jiġu biex isejħu l-laqgħat tagħhom stess;

11.  Jemmen li r-rakkomandazzjoni motivata tal-esperti indipendenti, mingħajr preġudizzju għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-drittijiet personali, għandha tiġi ppubblikata mill-istituzzjoni jew il-korp konsultattiv, flimkien mad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, li għandha tagħti spjegazzjoni fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet ma jiġux segwiti bis-sħiħ;

12.  Jitlob li l-Korp imexxi bl-eżempju fir-rigward tat-trasparenza billi jippubblika r-rakkomandazzjonijiet, ir-rapporti annwali, id-deċiżjonijiet u r-rekords tal-infiq kollha f’format ta’ data miftuħa li jinqara mill-magni disponibbli għaċ-ċittadini kollha, u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż, inter alia, l-opinjoni bil-miktub tal-esperti indipendenti dwar l-awtovalutazzjonijiet tal-istituzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-kont annwali anonimizzat u aggregat ta’ kull sena li jiġbor fil-qosor f’forma aggregata u anonima l-konsultazzjonijiet u l-mistoqsijiet imressqa mill-partijiet u l-azzjonijiet sussegwenti skont l-Artikolu 7(4) tal-Ftehim; jissottolinja l-importanza li tiġi protetta l-privatezza tal-individwi kkonċernati sa punt xieraq u l-preżunzjoni tal-innoċenza; jistieden lill-partijiet għall-Ftehim jiżviluppaw gwida komuni għall-konsultazzjoni tal-esperti indipendenti u l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

13.  Jemmen li, sabiex ikun kompletament effettiv, il-Korp ikun jeħtieġ li jgħaqqad il-funzjonijiet tal-organi eżistenti responsabbli għall-etika u li għalhekk, għal każijiet li jirrikjedu kunsiderazzjoni speċifika jew għall-iskop tal-iżvilupp jew tal-aġġornament ta’ standard etiku kull parti parteċipanti għandha tikkonsulta lill-esperti indipendenti;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi definit kif se jiġi ddeterminat il-mandat tal-Viċi President li jirrappreżenta lill-Parlament fil-Korp u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta’ responsabbiltà;

15.  Iqis li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat min se jkun ir-rappreżentant sostitut tal-Parlament f’dan il-Korp;

16.  Iqis li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali għandu jkollu rwol fid-determinazzjoni tal-mandat tal-Viċi President li jirrappreżenta lill-Parlament f’dak il-Korp, kif ukoll rwol biex il-Viċi President u r-rappreżentant sostitut jinżammu responsabbli; iqis li huwa tal-akbar importanza li l-Membri tal-Parlament Ewropew ikollhom vuċi fl-iżvilupp ta’ standards li jorbtuhom;

17.  Jibqa’ impenjat li jinvolvi ruħu b’mod kostruttiv fir-rieżami tal-Ftehim li għandu jitwettaq tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex jittejjeb u jissaħħaħ il-Korp, kif previst fl-Artikolu 21 tal-Ftehim;

18.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-Korp għandu jkun jista’ jinvestiga fuq inizjattiva proprja tiegħu ksur allegat ta’ regoli etiċi minn uffiċjali u persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE u li jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post u bbażati fuq ir-rekords bl-użu tal-informazzjoni li jkun ġabar jew li huwa jkun irċieva mingħand partijiet terzi;

19.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim anness hawnhekk;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma l-Ftehim mal-President tal-Kunsill, il-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-President tal-Qorti tal-Awdituri, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-President tal-Kumitat tar-Reġjuni u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi, għal skopijiet ta’ informazzjoni, din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

FTEHIM BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI EWROPEA, IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI, LI JISTABBILIXXI KORP INTERISTITUZZJONALI GĦALL-ISTANDARDS ETIĊI GĦALL-MEMBRI TAL-ISTITUZZJONIJIET U L-KORPI KONSULTATTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 13 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEAREFERRED TO IN ARTICLE 13 OF THE TREATY ON EUROPEAN UNION

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-ftehim interistituzzjonali kif ippubblikat fil-ĠU L, 2024/1365, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2024/1365/oj.)

(1) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(2) ĠU C 177, 17.5.2023, p. 109.
(3) ĠU C 283, 11.8.2023, p. 31.
(4) ĠU C 283, 11.8.2023, p. 27.
(5) Testi adottati, P9_TA(2023)0281.
(6) Testi adottati, P9_TA(2023)0292.
(7) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(8) ĠU C 283, 11.8.2023, p. 31.
(9) Testi adottati, P9_TA(2023)0281.
(10) ĠU C 283, 11.8.2023, p. 27 u p. 31.
(11) Testi adottati, P9_TA(2023)0281.
(12) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(13) ĠU C 283, 11.8.2023, p. 31.
(14) Testi adottati, P9_TA(2023)0281.


Estimi tad-dħul u tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2025 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew
PDF 164kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2025 (2023/2221(BUI))
P9_TA(2024)0373A9-0180/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2), u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’dan il-kuntest(3) u d-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar il-proposta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti u adegwat għal sfidi ġodda(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(8) (reviżjoni tal-QFP),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2023 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2024(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024(12),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024(13) u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2025,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fil-11 ta’ Marzu 2024 skont l-Artikolu 25(7) u l-Artikolu 102(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 102 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0180/2024),

A.  billi l-baġit propost fis-26 ta’ Frar 2024 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2025 jammonta għal EUR 2 507 233 329 u jirrappreżenta żieda ta’ 5,21 % jew EUR 124 132 017 meta mqabbel mal-baġit tal-2024;

B.  billi l-Kummissjoni tipprevedi li r-rata tal-inflazzjoni tal-UE se tkun 3 % fl-2024 u 2,5 % fl-2025 fit-Tbassir (Interim) tagħha tax-Xitwa 2024; billi l-livell tan-nefqa fl-Intestatura 7 tal-QFP 2021-2027 huwa bbażat fuq żieda annwali ta’ 2 %;

C.  billi l-kredibbiltà tal-Parlament tiddependi mill-kapaċità tiegħu li jwettaq il-ħidma ewlenija baġitarja, leġiżlattiva u ta’ skrutinju tiegħu sal-ogħla standard, filwaqt li jservi ta’ eżempju fil-konfront ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni biex jippjanaw u jwettqu l-infiq tagħhom b’mod prudenti u effiċjenti u biex jirriflettu r-realtajiet ekonomiċi prevalenti;

D.  billi l-2025 se tkun l-ewwel sena sħiħa wara l-elezzjonijiet u għaldaqstant se jkun hemm ritorn għal-livell normali tal-attivitajiet politiċi ewlenin u tal-attivitajiet ta’ appoġġ;

E.  billi l-Parlament qed jiffinalizza l-proċess ta’ riforma profonda tiegħu li beda s-sena l-oħra biex, minn naħa, jirrevedi l-metodi ta’ ħidma interni tiegħu biex il-ħidma parlamentari ssir aktar effiċjenti, u min-naħa l-oħra jsaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tiegħu li jwassal għal funzjonament aħjar tal-Parlament bħala koleġiżlatur, bħala fergħa tal-awtorità baġitarja, bħala awtorità ta’ kwittanza u jżid il-kapaċità tiegħu li jeżerċita sorveljanza demokratika;

Qafas ġenerali

1.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-Intestatura 7 fil-QFP attwali; ifakkar li r-restrizzjonijiet huma r-riżultati tat-tnaqqis applikat mill-Kunsill għall-proposta inizjali diġà baxxa ħafna tal-Kummissjoni waqt il-qbil dwar il-QFP 2021-2027 attwali; jiddispjaċih dwar l-oppożizzjoni tal-Kunsill għall-proposta tal-Kummissjoni li jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 7 fir-reviżjoni tal-QFP mill-2024; jindika n-nuqqas li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-limitu massimu tal-Intestatura 7 fir-reviżjoni tal-QFP; jenfasizza li l-marġni negattiv previst għall-2025 jippresupponi l-użu ta’ strumenti speċjali fl-Intestatura 7 għal dak l-għan;

2.  Ifakkar li kważi żewġ terzi tal-baġit huwa ffissat minn obbligi statutorji; ifakkar li l-previżjonijiet attwali dwar l-indiċjar tas-salarji mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, għal Lulju 2024, April 2025 u Lulju 2025 jammontaw għal 5,3 %, 0,6 % u 3,7 % rispettivament; jinnota li l-baġit tal-2024 jinkludi indiċjar tas-salarji ta’ 3,4 % minn Lulju 2024; jinnota li l-Kumitat għall-Baġits se jimmonitorja l-evoluzzjoni uffiċjali mbassra tal-indiċjar tas-salarji;

3.  Jaċċetta l-ftehim li ntlaħaq fil-konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fid-9 ta’ April 2024 biex iż-żieda fuq il-baġit tal-2024 tkun ta’ 4,87 %, li tikkorrispondi għal livell ġenerali ta’ estimi ta’ EUR 2 499 233 329 għall-2025, u li jitnaqqsu kif xieraq l-approprjazzjonijiet proposti fuq il-linji baġitarji li ġejjin għal total ta’ EUR 11 000 000:

2 0 0 0 — Kirjiet, 2 0 0 7 — Kostruzzjoni ta’ bini u sistemazzjoni ta’ binjiet, 2 3 9 0 — EMAS u attivitajiet ta’ sostenibbiltà, inkluża l-promozzjoni u l-iskema tal-Parlament Ewropew ta’ kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju, 3 2 4 2 — Nefqiet għall-pubblikazzjoni, it-tagħrif u l-parteċipazzjoni f’manifestazzjonijiet pubbliċi, 3 2 4 3 — Ċentri għall-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew, 10 1 — Riżerva ta’ kontinġenza;

barra minn hekk, jiddeċiedi li jnaqqas il-livell tan-nefqa għall-abbozz preliminari tal-estimi baġitarji approvati mill-Bureau fil-11 ta’ Marzu 2024 b’ EUR 3 000 000 u li jżid kif xieraq l-approprjazzjonijiet proposti fuq il-linji baġitarji li ġejjin:

3 2 4 4 — L-Organizzazzjoni u l-ospitalità ta’ gruppi ta’ viżitaturi, il-programm Euroscola u stediniet għall-multiplikaturi tal-opinjoni minn pajjiżi terzi; 4 0 3 — Finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

4.  Jinnota li miż-żieda ta’ EUR 116 miljun meta mqabbla mal-baġit tal-2024 żieda ta’ EUR 98 miljun hija dovuta għal obbligi statutorji, prinċipalment għall-indiċjar tas-salarji tal-persunal (EUR 54,7 miljun) u assistenza parlamentari marbuta man-nefqa (EUR 33,2 miljun); jinnota li ż-żieda għall-ispejjeż mhux statutorji bejn l-2024 u l-2025 ma taqbiżx it-2 %;

5.  Jinnota li l-Parlament mhuwa qed jitlob l-ebda pożizzjoni addizzjonali għall-2025;

6.  Jinnota li t-98 post tax-xogħol permanenti maħluqa fil-baġit tal-2023 biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 29(4) tar-Regolament tal-Persunal tneħħew mit-tabella tal-persunal tal-2025;

Gruppi ta’ viżitaturi u Europa Experiences

7.  Ifakkar li l-gruppi ta’ viżitaturi fil-postijiet tax-xogħol kollha tal-Parlament, jirrappreżentaw għodda importanti għall-Membri biex joħolqu rabta mal-kostitwenti u biex juru l-ħidma parlamentari tagħhom lill-kostitwenti; jenfasizza li l-gruppi ta’ viżitaturi jikkontribwixxu għall-promozzjoni tar-rwol tal-Parlament lill-votanti fl-Unjoni kollha;

8.  Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet li qed jiżdiedu biex jiġu organizzati tali żjarat minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji tal-baġit eżistenti, b’mod partikolari għall-Membri minn Stati Membri li ġeografikament jinsabu ‘l bogħod minn Brussell u Strażburgu; jitlob finanzjament suffiċjenti biex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar u mal-akkomodazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-rati tal-inflazzjoni u l-prezzijiet, kemm fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-gruppi ta’ viżitaturi kif ukoll fi Brussell u Strażburgu; jemmen li żieda ta’ 10 % fl-allokazzjoni għal kull persuna hija meħtieġa biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet prevalenti; Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipproponi lill-Kwesturi malajr kemm jista’ jkun żieda fil-limiti massimi għall-kostijiet koperti biex jitkompla u jissaħħaħ l-appoġġ tal-Membri biex il-gruppi ta’ viżitaturi jkunu jistgħu jżuru l-Parlament;

9.  Jinnota bi tħassib ir-regoli interni li jirregolaw il-gruppi ta’ viżitaturi tal-Membri tal-PE, li jwasslu biex 30 % tal-kostijiet bil-quddiem ikollhom jiġġarrbu mill-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APA) f’xi ċirkostanzi; jisħaq fuq l-imprattikabbiltà ta’ dawn ir-regoli u l-piż finanzjarju li dan ipoġġi fuq l-assistenti parlamentari akkreditati; jistieden lill-Bureau jirrieżamina u jaġġorna r-regoli eżistenti tiegħu li jirregolaw iż-żjarat biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-ippjanar u fl-organizzazzjoni taż-żjarat;

10.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Bureau tal-25 ta’ Novembru 2019 li jiġu stabbiliti ċentri tal-Europa Experience fl-Istati Membri kollha sa tmiem l-2024; jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-istabbiliment ta’ Europa Experiences fl-Istati Membri kollha qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament tal-2024 u jinnota li bħalissa 12 biss qed joperaw; jirrikonoxxi li għadd ta’ fatturi esterni, inkluża l-volatilità tas-swieq tal-proprjetà immobbli, ikkontribwew għal dan id-dewmien;

11.  Jieħu nota li huwa ppjanat li ħames ċentri jinfetħu fl-2025 (f’Ateni, Zagreb, The Hague, Sofia u Budapest); jappella għall-istabbiliment ta’ Europa Experiences fl-Istati Membri kollha mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-Europa Experiences għandhom jippermettu liċ-ċittadini kollha jifhmu aħjar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

Infrastruttura

12.  Jinnota li l-Kumitat għall-Baġits approva d-deċiżjoni tal-Bureau li jwettaq rinnovazzjoni profonda tal-bini SPAAK, f’konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023(14); jisħaq li l-bini attwali għandu klassifikazzjoni baxxa ħafna tal-effiċjenza enerġetika u huwa nieqes mill-flessibbiltà tant meħtieġa biex ikun adattat għall-iskop tiegħu; jenfasizza li l-Parlament għandu jimmaniġġja l-portafoll immobiljari tiegħu stess f’termini ta’ effiċjenza enerġetika u sostenibbiltà biex jallinja mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; jinnota li r-rinnovazzjoni se twassal għal iffrankar sinifikanti fil-kostijiet ta’ diversi miljuni ta’ EUR fis-sena u barra minn hekk se tgħin biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea futura dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Bini; ifakkar lill-Bureau li huma meħtieġa t-trasparenza, informazzjoni u konsultazzjoni xierqa mal-Kumitat għall-Baġits, inkluż l-aċċess għal dettalji komprensivi, qabel ma tiġi adottata kwalunkwe deċiżjoni ewlenija dwar kwistjonijiet relatati mal-bini u l-finanzjament tiegħu minħabba l-implikazzjonijiet baġitarji importanti tagħhom;

13.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinbdew xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fl-2025 għall-bini TREVES II sabiex tiġi ffaċilitata l-akkomodazzjoni temporanja tal-persunal li ser jiġi spostat bħala parti mir-rinnovazzjonijiet tal-bini SPAAK;

14.  Jilqa’ l-politika tal-Parlament li għandha l-għan li tiżgura l-użu kompletament indipendenti tal-bini tal-Parlament minn persuni b’diżabbiltà u jappoġġja aktar miżuri u adattamenti li se jkunu meħtieġa f’dan ir-rigward; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-persuni b’diżabbiltà għall-Kamra Plenarja fi Strażburgu;

15.  Ifakkar li l-amministrazzjoni tal-Parlament bħalissa qed taħdem fuq approċċ komprensiv biex tiddefinixxi l-politika tal-bini fuq perjodu ta’ żmien twil tal-Parlament filwaqt li tqis b’mod partikolari l-obbligi ambjentali, il-kostijiet, ir-restrizzjonijiet baġitarji, l-effiċjenza enerġetika, u l-immaniġġjar tal-iskart f’konformità mal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”; jappella għal kunsiderazzjoni ta’ modi flessibbli ta’ ħidma li rriżultaw bħala konsegwenza tal-pandemija, li wasslu pereżempju biex il-preżenza fiżika għal negozjati politiċi, dibattiti jew skambju ta’ fehmiet tibqa’ aktar effiċjenti għat-tfassil tal-politika pubblika;

16.  Jieħu nota tal-prattika li tinsab għaddejja tat-“trasferiment ta’ tlaqqit” ta’ tmiem is-sena li tikkontribwixxi għall-proġetti immobiljari; jinnota li dan it-”trasferiment ta’ tlaqqit” sistematikament isir fl-istess kapitoli, l-istess titoli u, spiss, eżattament fuq l-istess linji baġitarji; jinnota li l-eżerċizzju annwali tat-“trasferiment ta’ tlaqqit” jista’ jservi wkoll skopijiet oħra minbarra l-finanzjament ta’ proġetti relatati mal-bini;

17.  Jilqa’ l-isforzi u l-miżuri kontinwi stabbiliti mill-Parlament sabiex titnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu; Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-miri tas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMAS) tal-Parlament għall-2024; jistenna li l-Parlament jikseb il-miri tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kollha tas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMAS) sa tmiem l-2024 u jipproċedi għall-adozzjoni ta’ miri ambizzjużi ġodda għas-snin li ġejjin; jinnota b’mod partikolari għadd ta’ kisbiet f’dan ir-rigward, inkluż tnaqqis ta’ 44 % fl-emissjonijiet tal-karbonju mill-2006 ’l hawn, tnaqqis ta’ 66 % fl-użu tal-karti meta mqabbel mal-2014, ir-rati għoljin ta’ membri tal-persunal li jmorru x-xogħol bil-mixi jew bir-rota, tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-plastik, u l-introduzzjoni b’suċċess tal-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, li rat 458 MWh ta’ enerġija solari ġġenerata mill-Parlament fl-2023;

18.  Jieħu nota taż-żidiet fil-prezzijiet tal-kreditu tal-karbonju; ifakkar li tali investimenti fl-effiċjenza enerġetika huma metodu tajjeb biex jinkiseb valur għall-flus; jilqa’ u jinkoraġġixxi l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili b’mod partikolari minħabba l-kriżi tal-enerġija u l-kuntest ġeopolitiku u biex dan jiġi rifless fl-istrateġija pluriennali tal-bini li jmiss; jinnota li l-Parlament installa u qed ikompli jinstalla pannelli solari fotovoltajċi biex ikompli jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post biex tintlaħaq il-mira ta’ 25 %. ifakkar li kważi żewġ terzi tal-impronta tal-karbonju tal-Parlament joriġinaw mit-trasport tal-persuni; jilqa’ l-isforzi tal-Parlament biex inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta’ ferroviji mikrija u jitlob li jiżdiedu d-disponibbiltajiet biex l-ivvjaġġar bejn it-tliet postijiet tax-xogħol jixxaqleb lejn l-użu tal-ferrovija;

Kwistjonijiet oħra

19.  Ifakkar fit-taqbida kontinwa li fiha l-Unjoni hija involuta biex tissalvagwardja l-valuri Ewropej u tiddefendi l-integrità tal-proċessi demokratiċi tagħna; jilqa’ l-azzjonijiet meħuda mill-Parlament fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi, filwaqt li jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni; jistieden lid-DĠ COMM u lill-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) ikomplu jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji effettivi biex jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni; jenfasizza li waħda mill-aktar armi qawwija kontra d-diżinformazzjoni hija komunikazzjoni pożittiva, ibbażata fuq il-fatti rigward l-attivitajiet tal-Parlament;

20.  Ifakkar li l-Parlament tal-UE jappoġġja bil-qawwa l-multilingwiżmu u jippromwovi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi; iqis li l-Parlament tal-UE jista’ jikkontribwixxi b’mod attiv għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni billi jsaħħaħ il-komunikazzjoni tiegħu wkoll bil-lingwi tal-minoranzi u tal-komunitajiet lingwistiċi, fejn ikun xieraq; jirrikjedi li l-Bureau jwessa’ l-firxa tal-produzzjoni u tad-disseminazzjoni tal-Parlament ta’ materjali ta’ komunikazzjoni li huma skont il-ħtiġijiet tal-minoranzi lingwistiċi nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri, pereżempju fl-EPLOs u fiċ-Ċentri tal-Europa Experience, bħala mod kif jiġi miġġieled kwalunkwe tentattiv li wieħed jiddependi fuq differenzi lingwistiċi biex tiġi mfixkla l-koeżjoni; Ifakkar fl-isforzi kbar li saru mill-EPLOs fil-pajjiżi Baltiċi biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini Ukreni u Russi sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna, b’enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda Russa u jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-appoġġ u tal-promozzjoni ta’ tali attivitajiet bl-Ukren u bir-Russu; jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-EPLO fl-implimentazzjoni tal-ħidma tal-Parlament dwar l-edukazzjoni ċivika permezz ta’ programmi multipli li jinvolvu l-komunitajiet lokali, l-iskejjel u l-universitajiet;

21.  Jissottolinja l-potenzjal tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) li tappoġġja lill-Membri biex jeżerċitaw il-mandat tagħhom u għal diversi attivitajiet tal-amministrazzjoni tal-Parlament; jilqa’ l-fatt li l-proġetti fl-IA diġà huma ppjanati għall-2025;

22.  Jappoġġja t-tħabbira li saret mis-Segretarju Ġenerali fil-Kumitat għall-Baġits biex jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-burokrazija għall-Membri u l-uffiċċji tagħhom  filwaqt li tiġi aċċellerata d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi fi ħdan l-amministrazzjoni; jisħaq li l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni qed jiġġeneraw redditu fuq l-investiment f’nofs it-terminu u ma għandhomx jiddewmu għall-iffrankar tal-kostijiet fuq terminu qasir;

23.  Jistieden lill-Parlament ikompli jwettaq valutazzjonijiet regolari tal-organizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persunal tiegħu, jottimizza t-tqassim tal-persunal fis-Segretarjat tal-Parlament, partikolarment billi jalloka mill-ġdid il-pożizzjonijiet vakanti bejn is-servizzi sabiex jinżammu kemm jista’ jkun livelli kostanti ta’ persunal; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta r-riskji relatati mal-għadd dejjem jikber ta’ aġenti kuntrattwali li qed jiġu impjegati, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura tal-persunal b’żewġ livelli fi ħdan il-Parlament; jinsisti li l-pożizzjonijiet u l-kompiti permanenti ewlenin għandhom jitwettqu minn persunal permanenti;

24.  Jenfasizza li l-iżgurar ta’ bilanċ ġeografiku ġust huwa parti importanti mill-ħolqien ta’ servizz pubbliku li jkun tassew Ewropew; jirrimarka li matul is-snin, il-Parlament ħa għadd ta’ miżuri f’dak ir-rigward; jinnota li għad baqa’ lok għal titjib; jinnota li l-Bureau ħoloq il-qafas legali għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet speċifiċi għan-nazzjonalità u ddeċieda li jorganizza l-ewwel waħda minn tali kompetizzjonijiet; jenfasizza li l-kompetizzjonijiet għandhom dejjem ikunu bbażati fuq il-mertu;

25.  Jieħu nota tal-proċedura diġà fis-seħħ għal talbiet minn utent ta’ korp parlamentari għall-interpretazzjoni tal-Lingwa Internazzjonali tas-Sinjali f’laqgħa; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jkompli jesplora possibbiltajiet oħra, bħall-għodod ta’ Speech-to-Text u Traduzzjoni Awtomatika fir-rigward tal-prinċipju ta’ aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha;

26.  Itenni t-talba tiegħu, adottata fil-livell tal-Plenarja f’diversi okkażjonijiet, lill-Bureau biex jibda l-ħidma fuq ir-reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’mod remot, waqt li jkunu qed jibbenefikaw mil-liv tal-maternità jew tal-paternità, waqt marda fit-tul jew f’każijiet ta’ force majeure, filwaqt li jittieħed vantaġġ mit-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija dwar l-aspetti tekniċi ta’ dan il-metodu ta’ votazzjoni;

27.  Itenni t-talba tiegħu lill-Bureau biex jiggarantixxi li r-ristoranti kollha fil-Parlament jirrispettaw l-istandards tagħhom ta’ kwalità, effiċjenza u affordabbiltà, u jintroduċi mill-ġdid il-kontroll tal-aċċess fl-entraturi tar-restaurant Self-service matul il-ħinijiet li l-aktar ikollhom nies; jilqa’ l-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-aċċess fid-daħla tas-self-service tal-bini WEISS fi Strażburgu matul is-sessjonijiet parzjali;

28.  Jappella għal impenn ġenwin biex jintlaħaq il-prinċipju tal-multilingwiżmu;

29.  Itenni t-talba tiegħu lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau biex jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet barra mill-Unjoni; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-assistenti akkreditati, skont ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f’delegazzjonijiet u f’missjonijiet uffiċjali tal-Parlament; jenfasizza li din il-bidla ma tirriżulta fl-ebda bidla fil-pakkett u tkun newtrali għall-baġit;

30.  Jistenna li t-talbiet ivvotati mill-Plenarja għandhom jiġu implimentati bħala kwistjoni ta’ prijorità għolja;

o
o   o

31.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2025;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 4.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0357.
(5) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(6) Testi adottati, P9_TA(2023)0335.
(7) ĠU C 177, 17.5.2023, p. 115.
(8) ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj.
(9) COM(2022)0223.
(10) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15
(11) Testi adottati, P9_TA(2023)0119.
(12) Testi adottati, P9_TA(2023)0367.
(13) ĠU L 207, 22.2.2024.
(14) Testi adottati, P9_TA(2022)0366.


Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024: Emendi għall-baġit tal-2024 meħtieġa minħabba r-reviżjoni tal-QFP
PDF 144kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024 - Emendi tal-baġit 2024 meħtieġa minħabba r-reviżjoni tal-QFP (07432/2024 – C9-0048/2024 – 2024/0056(BUD))
P9_TA(2024)0374A9-0174/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, adottat b’mod definittiv fit-22 ta’ Novembru 2023(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (“ir-Regolament QFP”)(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(7),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(8),

–  wara li kkunsidra l-proposta tat-8 ta’ Novembru 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (COM(2023)0692),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2024 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(9),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Frar 2024 (COM(2024)0080),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, adottata mill-Kunsill fid-19 ta’ Marzu 2024 u mibgħuta lill-Parlament Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2024 (07432/2024 – C9-0048/2024),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0174/2024).

A.  billi, f’dikjarazzjoni konġunta annessa mal-ftehim dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, il-Parlament u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni tipproponi baġit emendatorju hekk kif ikun intlaħaq qbil dwar ir-reviżjoni tar-Regolament QFP bil-ħsieb li l-baġit tal-2024 isir konformi mar-Regolament QFP rivedut u, min-naħa tagħhom, impenjaw ruħhom li jikkunsidraw l-abbozz ta’ baġit emendatorju mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqisu l-urġenza tal-kwistjoni;

B.  billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 huwa għalhekk iffukat fuq l-inklużjoni fil-baġit tal-2024 tal-bidliet meħtieġa li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-QFP li ntlaħaq qbil dwarha reċentement; billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 iżid in-nefqa b’EUR 5 833,7 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 4 143,6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament;

C.  billi, minbarra l-bidliet li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-QFP, l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 jinkludi wkoll bidliet fir-rimarki baġitarji għan-nefqa ta’ appoġġ fl-ambitu tal-programm Ewropa Diġitali biex ikun jista’ jkopri l-kostijiet tal-persunal estern meħtieġ għall-Uffiċċju għall-Intelliġenza Artifiċjali, li għandu jiġi stabbilit skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li dwaru ntlaħaq qbil reċentement;

1.  Jilqa’ l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, li jinkludi rinforzi importanti proposti mill-Parlament fil-qari tal-baġit tiegħu li ma setgħux jiġu inklużi fil-baġit tal-2024 minħabba dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament QFP rivedut;

2.  Jisħaq li, bl-adozzjoni tal-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, il-baġit tal-Unjoni għall-2024 se jkun aktar adattat għall-iskop tiegħu, aktar flessibbli u mgħammar aħjar biex jilqa’ l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni;

3.  Jilqa’ l-proposta li jiġu mobilizzati EUR 4,8 biljun mir-Riżerva għall-Ukrajna li għadha kif inħolqot biex ikun possibbli l-ħlas ta’ għotjiet lill-Ukrajna; ifakkar li l-ħlas ta’ self ma jirrikjedix baġit emendatorju u għalhekk li l-Unjoni diġà qed tipprovdi appoġġ lill-gvern Ukren sabiex ikun jista’ jżomm servizzi essenzjali; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju bbażat fuq l-għotjiet u s-self permezz tal-Faċilità għall-Ukrajna se jgħin biex iżomm l-istat u s-servizzi essenzjali jiffunzjonaw, filwaqt li tikkontribwixxi fi triqitha lejn ir-rikostruzzjoni, l-irkupru, ir-riforma u s-sħubija mal-Unjoni;

4.  Jissottolinja li n-nomenklatura baġitarja għall-Faċilità tal-Ukrajna, introdotta permezz tal-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024, se tgħin biex jiġi żgurat li l-awtorità baġitarja tkun tista’ teżerċita skrutinju xieraq fuq l-infiq; jilqa’ l-inklużjoni fil-Faċilità ta’ pagamenti ta’ sussidju għar-rati tal-imgħax għall-Assistenza Makrofinanzjarja (AMF) ipprovduta lill-Ukrajna fl-2022, li se tnaqqas il-pressjoni fl-Intestatura 6 (Il-Viċinat u d-Dinja), b’mod partikolari fir-riżerva tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali;

5.  Ifakkar li s-sussidju tar-rati tal-imgħax għas-self tal-AMF+ imħallas lill-Ukrajna għandu jiġi kopert mill-Istati Membri; jiddispjaċih li tliet ftehimiet ta’ kontribuzzjoni nazzjonali għadhom mhumiex stabbiliti; jissottolinja li l-inklużjoni ta’ EUR 5 miljun fil-baġit tal-2024 kienet proviżorja soġġetta għal soluzzjoni alternattiva ta’ finanzjament, f’konformità mad-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-Kummissjoni u tal-Parlament annessi mal-ftehim baġitarju tal-2024; jistenna, għalhekk, li l-EUR 5 miljun jitnaqqsu mil-linja rilevanti f’abbozz ta’ baġit emendatorju li jmiss għall-2024;

6.  Jilqa’ t-tisħiħ ta’ EUR 376 miljun għall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) fl-2024, li jirriżulta mir-Regolament dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)(10); jinnota li, b’kuntrast mad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa mal-proposta STEP, il-Kummissjoni issa tqis li ma hija meħtieġa l-ebda approprjazzjoni ta’ pagament addizzjonali fl-2024; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ħtiġijiet ta’ pagament bir-reqqa;

7.  Jinnota li, fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tistabbilixxi programm ġdid għad-difiża - il-Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża - għall-perjodu 2025-2027, bi trasferiment ippjanat ta’ EUR 1,5 biljun mill-EDF, preċiżament l-ammont tat-tisħiħ tal-EDF maqbul fl-ambitu ta’ STEP; itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li prijoritajiet ta’ politika ġodda jeħtieġu flus ġodda; jinsisti li r-riżorsi addizzjonali assenjati lill-EDF għall-bqija tal-perjodu tal-QFP jintużaw għall-objettivi ta’ STEP skont il-ftehim tal-koleġiżlaturi;

8.  Jilqa’ l-EUR 500 miljun addizzjonali għall-Balkani tal-Punent, imqiegħda f’riżerva soġġetta għall-adozzjoni tar-regolament propost li jistabbilixxi l-Faċilità għat-Tkabbir u r-Riforma għall-Balkani tal-Punent; jirrimarka, li ma jqisx in-nomenklatura kif stabbilita fl-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 bħala adegwata għall-iskop tagħha u biħsiebu, flimkien mal-Kunsill, jirrevedi n-nomenklatura bħala parti mill-proċedura baġitarja tal-2025 sabiex jiġi żgurat skrutinju politiku u baġitarju xieraq;

9.  Jinnota li, mit-total ta’ EUR 3,1 biljun f’rinforzi għall-Intestatura 6 bejn l-2024 u l-2027 maqbula fir-reviżjoni tal-QFP, EUR 500 miljun biss huma inklużi fl-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024; jirrimarka, barra minn hekk, li r-riallokazzjonijiet ippjanati tal-fondi fi ħdan dik l-Intestatura mhumiex inklużi; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-awtorità baġitarja b’informazzjoni dettaljata li tispjega kif biħsiebha timmaniġġja l-bidliet kollha fil-programmi u fl-istrumenti speċjali li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-QFP;

10.  Jilqa’ l-fatt li l-Unjoni se tkun tista’ tirreaġixxi aħjar għall-kriżijiet b’riżultat taż-żieda fil-finanzjament għal diżastri naturali u emerġenzi oħra inklużi fl-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024; jinnota li l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024 joħloq linji ġodda f’konformità mad-deċiżjoni li r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza tinqasam f’żewġ partijiet - ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea għal diżastri naturali u emerġenzi tas-saħħa pubblika fl-Unjoni u fil-pajjiżi tal-adeżjoni u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza għal rispons rapidu għal emerġenzi fl-Unjoni u barra mill-Unjoni; iqis li l-arkitettura l-ġdida se tagħmel il-fondi aktar faċli biex jiġu ġestiti u jfakkar fl-importanza ta’ trattament rapidu tal-applikazzjonijiet taħt il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u mobilizzazzjoni f’waqtha taż-żewġ riżervi biex tiżgura l-iżborż rapidu tal-fondi;

11.  Ifakkar li l-għajnuna umanitarja għall-Ukrajna mhijiex koperta mill-Faċilità tal-Ukrajna u jistenna bis-sħiħ li l-ħtiġijiet globalment jibqgħu għoljin u x’aktarx jiżdiedu aktar fit-2024 f’kuntest fejn l-Għajnuna Umanitarja mhijiex ibbaġitjata biżżejjed; filwaqt li jqis l-implimentazzjoni tal-baġit fis-snin reċenti, jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-ħtiġijiet tal-għajnuna umanitarja u tipproponi kwalunkwe miżura meħtieġa lill-awtorità baġitarja fi żmien xieraq; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Istrument ta’ Flessibbiltà ġie msaħħaħ b’madwar EUR 500 miljun għall-2024 bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP;

12.  Jinnota li l-allokazzjoni tal-2024 għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) tnaqqset għal EUR 33,8 miljun, f’konformità mar-Regolament QFP rivedut; Jappella lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-FEG u l-istituzzjonijiet kollha jenħtieġ li jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jiżguraw li t-talbiet ġustifikati kollha għal appoġġ mill-FEG, bħala manifestazzjoni tas-solidarjetà tal-Unjoni, ikunu jistgħu jiġu ssodisfati;

13.  Jieħu nota tal-bidliet fir-rimarki baġitarji biex il-programm Ewropa Diġitali jkun jista’ jiffinanzja l-kostijiet tar-reklutaġġ ta’ aġenti kuntrattwali għall-Uffiċċju għall-Intelliġenza Artifiċjali stabbilit skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li ntlaħaq qbil dwaru reċentement; jissottolinja li soluzzjoni alternattiva bħal din hija meħtieġa biss minħabba riżorsi insuffiċjenti taħt l-Intestatura 7 (Amministrazzjoni), minħabba l-politika ta’ stabbiltà ta’ persunal awtoimposta mill-Kummissjoni u r-rifjut tal-Kunsill biex jindirizza l-infiq amministrattiv fir-reviżjoni tal-QFP jinsisti li l-kopertura tal-ispejjeż tal-persunal għall-Uffiċċju l-ġdid b’dan il-mod hija aċettabbli biss bħala soluzzjoni temporanja u ma tikkostitwixxix preċedent, filwaqt li trid tinstab soluzzjoni strutturali fit-tul taħt l-Intestatura 7 u li l-infiq taħt l-Intestatura 7 jrid jiġi stabbilit f’livell li jiggarantixxi li l-Unjoni jkollha amministrazzjoni effettiva u effiċjenti;

14.  Ifakkar li, fl-ittra ta’ implimentabbiltà tagħha li tivvaluta l-qari rispettiv tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-baġit 2024, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rimarki tal-baġit għandhom, “bħala regola ġenerali, [...] jirriflettu l-bażi legali u għandhom jiġu rieżaminati biss jekk ikun meħtieġ biex jirriflettu l-bidliet fil-bażijiet legali applikabbli” u “ma għandhom jipproponu l-ebda bidla u modifika għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm jew azzjonijiet li mhumiex imsemmija b’mod espliċitu fl-atti bażiċi”; jistenna li, fid-dawl tal-flessibbiltà evidenti tal-Kummissjoni biex temenda r-rimarki għall-programm Ewropa Diġitali biex takkomoda r-reklutaġġ ta’ persunal estern mhux relatat mal-implimentazzjoni tal-programm, se tapplika l-istess kriterji ta’ flessibbiltà meta tivvaluta kwalunkwe bidla fir-rimarki baġitarji li l-Parlament jew il-Kunsill jafu jipproponu fil-proċedura baġitarja tal-2025;

15.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2024;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-Baġit emendatorju Nru 1/2024 ġie adottat b’mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L, 2024/207, 22.02.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/budget/2024/207/oj.
(3) ĠU L, 2024/765, 29.02.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj.
(4) ĠU L, 2024/792, 29.02.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.
(5) ĠU L, 2024/795, 29.02.2024, http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj.
(6) ĠU L, 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(7) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(8) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(9) Testi adottati, P9_TA(2024)0082.
(10) COM(2023)0335.


Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024: Tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara l-adeżjoni tal-Polonja u l-parteċipazzjoni mistennija tal-Iżvezja
PDF 134kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3 għall-baġit ġenerali tas-sena 2024 li jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara l-adeżjoni tal-Polonja u l-parteċipazzjoni mistennija tal-Iżvezja (08805/2024 – C9-0147/2024 – 2024/0090(BUD))
P9_TA(2024)0375A9-0179/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, adottat b’mod definittiv fit-22 ta’ Novembru 2023(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(3) (“Regolament dwar il-QFP”),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024, adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ April 2024 (COM(2024)0090),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024 adottata mill-Kunsill fit-22 ta’ April 2024 u mibgħuta lill-Parlament Ewropew dakinhar stess, (08805/2024 – C9-0147/2024),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0179/2024),

A.  billi, wara n-notifika tal-Polonja tal-5 ta’ Jannar 2024 dwar l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni korrispondenti fid-29 ta’ Frar 2024 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Polonja;

B.  billi, fis-26 ta’ Jannar 2024, il-gvern Żvediż ressaq abbozz ta’ leġiżlazzjoni li jwitti t-triq għall-parteċipazzjoni tal-Iżvezja fl-UPPE, li huwa mistenni li jiġi kkonfermat aktar tard fl-2024;

C.  billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024 għalhekk isaħħaħ il-baġit tal-UPPE għall-2024 b’ammont addizzjonali ta’ EUR 3,6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament u b’20 kariga addizzjonali fit-tabella tal-persuna;

D.  billi, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe marġni fl-Intestatura 2b (Reżiljenza u Valuri), il-Kummissjoni tipproponi li tkopri l-ispejjeż addizzjonali billi timmobilizza l-Istrument ta’ Flessibbiltà;

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-adeżjoni tal-Polonja mal-UPPE u l-parteċipazzjoni mistennija tal-Iżvezja, li tieħu n-numru ta’ Stati Membri parteċipanti għal 24; jinnota li, b’dan it-tkabbir, l-UPPE se jkun ukoll f’pożizzjoni li jinvestiga u jwettaq prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mwettqa f’dawk l-Istati Membri, u b’hekk jipproteġi aħjar l-interessi tal-Unjoni u l-baġit tagħha u jgħin biex jiġi rrispettat l-istat tad-dritt;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UPPE jingħata riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali, inkluż biex ikopri r-reklutaġġ tal-Prosekuturi Ewropej, il-funzjonijiet ta’ appoġġ meħtieġa u n-nefqa operazzjonali u tas-salarji relatata; jilqa’ l-fatt, għalhekk, li l-Kummissjoni tat widen għat-talba tal-Parlament meta pproponiet abbozz ta’ baġit emendatorju korrispondenti bl-urġenza dovuta;

3.  Jifhem li l-Kummissjoni mhux se tibqa’ tipprovdi lill-UPPE b’servizzi tal-post tax-xogħol diġitali mill-2025; jinnota li l-UPPE talab ripetutament ir-riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali meħtieġa biex jagħmel it-tranżizzjoni lejn indipendenza sħiħa tal-IT u jiżgura s-sigurtà tas-sistema tal-IT tiegħu;

4.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024 ma jipprovdix ir-riżorsi meħtieġa biex jiżgura li l-UPPE jkun mgħammar bis-sħiħ biex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod effettiv, ikun kapaċi jimmaniġġja l-ammont dejjem jikber ta’ xogħol operazzjonali tiegħu u jkollu biżżejjed riżorsi biex iħejji għal awtonomija sħiħa u sigura tas-sistemi tal-IT mill-2025; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-riżorsi addizzjonali meħtieġa, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 016/2024 tal-Kulleġġ ta’ Prosekuturi Ewropej tal-21 ta’ Frar 2024, f’abbozz ta’ baġit emendatorju futur u tipprovdi s-servizzi tal-IT sa tali żmien li l-UPPE jkollu r-riżorsi meħtieġa biex ikun indipendenti għall-IT;

5.  Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li l-UPPE jgawdi indipendenza sħiħa, li tiddependi fuq l-awtonomija baġitarja u b’hekk riżorsi adegwati; jinnota li l-possibbiltà li l-UPPE jagħmel użu mill-appoġġ amministrattiv mill-Eurojust skont l-Artikolu 100 tar-regolament ta’ twaqqif tiegħu ma mmaterjalizzatx; ifakkar li, fl-Ittra Emendatorja 1/2022, il-Kummissjoni impenjat ruħha għal valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persunal tal-UPPE sa tmiem l-2023; jistieden lill-Kummissjoni tittrażmetti r-riżultati ta’ dak ir-rieżami tal-persunal lill-awtorità baġitarja mingħajr dewmien sabiex tkun tista’ tqishom fil-ħidma tagħha għall-baġit tal-2025;

6.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2024;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2024 ġie adottat b’mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L, 2024/207, 22.02.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/budget/2024/207/oj?locale=mt.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(4) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(5) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.


Informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri: titjib u faċilitazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri esterni
PDF 142kWORD 47k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/817 u r-Regolament (UE) 2018/1726, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (COM(2022)0729 – C9-0428/2022 – 2022/0424(COD))
P9_TA(2024)0376A9-0409/2023
RETTIFIKI

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0729),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0428/2022),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ April 2023(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta’ Marzu 2024, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0409/2023),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-25 ta' April 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2025/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726 u (UE) 2019/817, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE

P9_TC1-COD(2022)0424


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2025/12.)

(1) ĠU C 228, 29.6.2023, p. 97.


Informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri: prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja
PDF 132kWORD 51k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (COM(2022)0731 – C9-0427/2022 – 2022/0425(COD))
P9_TA(2024)0377A9-0411/2023
RETTIFIKI

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0731),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 82(1), il-punt (d) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0427/2022),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ April 2023(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-13 ta' Marzu 2024, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0411/2023),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-25 ta' April 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818

P9_TC1-COD(2022)0425


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2025/13.)

(1) ĠU C 228, 29.6.2023, p. 97.


Qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti
PDF 134kWORD 60k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (COM(2023)0161 – C9-0062/2023 – 2023/0081(COD))
P9_TA(2024)0378A9-0343/2023

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2023)0161),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0062/2023),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta’ Lulju 2023(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-16 ta’ Frar 2024, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0343/2023),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-25 ta' April 2024 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724

P9_TC1-COD(2023)0081


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2024/1735.)

(1) ĠU C 349, 29.9.2023, p. 179.
(2) ĠU C, C/2023/254, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/254/oj.


L-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
PDF 148kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati (2024/2665(RSP))
P9_TA(2024)0379RC-B9-0253/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Copenhagen tal-OSKE tal-1990,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ES-11/4 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “L-integrità territorjali tal-Ukrajna: niddefendu l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” u r-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta’ Marzu 2014 bit-titolu “L-integrità territorjali tal-Ukrajna”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2023 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-intenzjonijiet li jsiru “elezzjonijiet” fit-territorji okkupati tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta’ Jannar 2024 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE dwar id-deċiżjoni tad-Federazzjoni Russa li ma tistidinx lill-OSKE tosserva l-elezzjonijiet presidenzjali Russi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-UE dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Russi u n-nonapplikabbiltà tagħhom fit-territorju Ukren,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 tal-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Theodoros Rousopoulos, dwar l-“elezzjoni” presidenzjali fir-Russja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, tal-15 ta’ Settembru 2023 bit-titolu “Situation of human rights in the Russian Federation” (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 992/2020 tat-23 ta’ Marzu 2021 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) dwar l-emendi kostituzzjonali u l-proċedura għall-adozzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2519 (2023) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta’ Ottubru 2023 bit-titolu “Examining the legitimacy and legality of the ad hominem term-limit waiver for the incumbent President of the Russian Federation” (Eżami tal-leġittimità u l-legalità tad-deroga ad hominem għal-limitu tal-mandat għall-President fil-kariga tal-Federazzjoni Russa) u r-rapport tagħha Nru 15827, tat-22 ta’ Settembru 2023, bl-istess titolu, li fuqu kienet ibbażata,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2540 (2024) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ April 2024 bit-titolu “Alexei Navalny’s death and the need to counter Vladimir Putin’s totalitarian regime and its war on democracy” (Il-mewt ta’ Alexei Navalny u l-ħtieġa li jiġu miġġielda r-reġim totalitarju ta’ Vladimir Putin u l-gwerra tiegħu kontra d-demokrazija),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-11 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istati parteċipanti kollha fl-OSKE, inkluża l-Federazzjoni Russa, qablu li r-rieda tal-poplu, espressa b’mod liberu u ekwu permezz ta’ elezzjonijiet ġenwini u perjodiċi, tirrappreżenta l-bażi tal-awtorità u tal-leġittimità tal-gvern;

B.  billi l-Istati parteċipanti fl-OSKE impenjaw ruħhom li jirrispettaw għadd ta’ prinċipji, bħal dawk definiti fid-Dokument ta’ Copenaghen tal-1990, sabiex jiżguraw, fost affarijiet oħra, li l-kampanji elettorali jkunu jistgħu jsiru f’atmosfera miftuħa u ekwa mingħajr vjolenzi, intimidazzjonijiet jew biża’ ta’ ritorsjonijiet fil-konfront ta’ kandidati, partiti jew eletturi, kif ukoll li jiżguraw li l-voti jintefgħu b’mod sigriet u jingħaddu u jiġu ddikjarati b’mod onest;

C.  billi l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali li saret mir-Russja mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024 saret mingħajr ebda kompetizzjoni politika, f’ambjent ristrett ħafna ta’ repressjoni sistemika u gravi u matul il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi kien hemm rapporti ta’ votanti li ġew intimidati, votanti oħrajn li ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom li jivvutaw, kaxxi tal-voti li mtlew b’voti foloz, protokolli mid-distretti elettorali li ġew iffalsifikati fuq skala massiva u li osservaturi elettorali domestiċi indipendenti ġew detenuti; billi r-Russja organizzat b’mod illegali l-votazzjoni fit-territorji Ukreni okkupati tal-Krimea, Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, xi drabi qalb vjolenza u theddid minn suldati armati Russi; billi r-Russja għandha wkoll rekord ta’ organizzazzjoni ta’ votazzjonijiet illegali fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u fit-Transnistrija, kontra r-rieda tal-awtoritajiet Ġeorġjani u Moldovani;

D.  billi l-awtoritajiet Russi ma stednux lill-OSKE/ODIHR biex josservaw l-elezzjoni tagħha, li jmur kontra l-impenji u l-obbligi tar-Russja bħala stat parteċipanti fl-OSKE; billi din kienet it-tieni elezzjoni Russa konsekuttiva li saret mingħajr osservaturi elettorali internazzjonali imparzjali u indipendenti fil-pajjiż;

E.  billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Federazzjoni Russa rrifjutat b’mod mhux raġonevoli li tirreġistra bħala kandidati lil kwalunkwe politiku kritiku tar-reġim jew tal-gwerra ta’ aggressjoni, inklużi xi wħud li allegatament kienu ġabru aktar minn 100 000 firma, kif preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

F.  billi Alexei Navalny, l-iktar figura b’saħħitha fl-oppożizzjoni demokratika u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2021, inqatel f’kolonja penali Siberjana fis-16 ta’ Frar 2024, ftit ġimgħat biss qabel l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali; billi Navalny kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs infondata u politikament motivata; billi r-responsabbiltà sħiħa għal dan il-qtil hija tal-Istat Russu u b’mod partikolari tal-president tiegħu Vladimir Putin;

G.  billi l-Kostituzzjoni tar-Russja tal-1993 illimitat lill-President għal żewġ mandati konsekuttivi, iżda Vladimir Putin ilu fil-poter kontinwament mill-2000, u sab modi differenti biex idur ma’ dan il-limitu; billi r-referendum fittizju tal-2020 ma jistax jitqies bħala validu u ġie ppromulgat bi ksur tal-liġijiet u tal-impenji internazzjonali tal-Federazzjoni Russa; billi l-mandat presidenzjali mġedded ta’ Vladimir Putin huwa meqjus bħala antikostituzzjonali minn diversi esperti; billi mill-2022, ir-reġim tal-Kremlin implimenta diversi liġijiet restrittivi dwar il-monitoraġġ elettorali, filwaqt li s-sostenituri tal-partiti tal-oppożizzjoni jisfaw regolarment fil-mira, detenuti u spiss akkużati, fil-biċċa l-kbira skont il-liġi l-ġdida li għaddiet fi Frar 2024 li tippermetti l-konfiska tal-proprjetà u tal-assi għal kwalunkwe individwu li jikkritika l-gwerra fl-Ukrajna;

H.  billi għal għexieren ta’ snin, ir-reġim awtoritarju tar-Russja uża tali hekk imsejħa elezzjonijiet dejjem aktar frawdolenti u farsa biex joffri illużjoni ta’ demokrazija bil-għan li jkompli jikkonċentra s-setgħa kollha f’idejn Vladimir Putin; billi l-gvern irażżan kwalunkwe dissens bl-appoġġ ta’ forzi tas-sigurtà fidili, ġudikatura sottomessa, ambjent tal-media kkontrollat mill-istat li jiżgura dulluvju kontinwu ta’ propaganda u ta’ miżinformazzjoni, u leġiżlatura li tikkonsisti f’partit fil-gvern u fazzjonijiet tal-oppożizzjoni li jistgħu jiġu kkontrollati;

I.  billi l-kandidati l-oħrajn li ħarġu f’din l-elezzjoni fittizja kienu rappreżentanti tal-Partit Komunista tal-Federazzjoni Russa (CPRF), tan-New People, u tal-Partit Demokratiku Liberali tar-Russja (LDPR), u bħalissa jinsabu taħt sanzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti minħabba l-appoġġ tagħhom għall-gwerra fl-Ukrajna;

J.  billi r-“rebħa elettorali” ta’ Putin, b’ 87 % tal-voti, li huwa numru inkonċepibbli b’mod ċar għal elezzjoni ħielsa u ġusta, ġejja minn riżultat manipulat b’mod ċar mill-postijiet tal-votazzjoni fir-Russja kollha, minn Adygea sa Yamalo-Nenets; billi dan juri l-mod kavalier u flagranti li bih l-elezzjonijiet jintużaw ħażin mir-reġim ta’ Putin biex ikomplu fl-24 sena tiegħu fil-poter;

K.  billi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-awtoritajiet Russi żiedu r-repressjoni tagħhom fil-konfront tal-oppożizzjoni politika, tal-media u tas-soċjetà ċivili inkluża l-komunità LGBTIQ, billi rrestrinġew id-drittijiet u l-libertajiet individwali saħansitra aktar biex joħonqu d-dissens intern;

L.  billi ħafna votanti Russi esprimew b’kuraġġ ir-rabja u l-oppożizzjoni tagħhom lejn ir-reġim tal-Kremlin u l-farsa li ppreżentaw bħala elezzjoni billi wettqu atti ta’ reżistenza fil-postijiet tal-votazzjoni; billi l-folol niżlu fil-postijiet tal-votazzjoni f’nofsinhar fl-aħħar jum tal-hekk imsejħa elezzjoni b’appoġġ għad-dimostrazzjoni “nofsinhar kontra Putin” li Alexei Navalny kien ukoll sejjaħ qabel ma nqatel fil-ħabs wara li kien soġġett għal tortura u trattament inuman;

M.  billi r-reġim tal-Kremlin qered ġenerazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-oppożizzjoni politika demokratika, u tad-drittijiet tal-bniedem Russi, inklużi Memorial u l-Grupp Helsinki ta’ Moska; billi l-għadd ta’ priġunieri politiċi fir-Russja, li huwa stmat li jlaħħaq mill-inqas 1 000 ruħ, jaqbeż il-livelli li kien hemm saħansitra matul l-aħħar snin tal-era Sovjetika, u kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta’ individwi detenuti talli kkritikaw il-politiki ta’ Putin, b’mod partikolari fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna; billi skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, ir-Russja qed iżżomm mill-inqas 22 ġurnalist il-ħabs;

N.  billi l-UE ta’ sikwit esprimiet is-solidarjetà inekwivoka tagħha ma’ dawk id-dissidenti kollha u mal-poplu Russu li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom, u l-pressjoni min-naħa tal-Kremlin u tal-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija; billi l-UE tospita varjetà ta’ dissidenti Russi u rappreżentanti tal-media u tas-soċjetà ċivili li ġew imġiegħla jitilqu mir-Russja peress li l-kritika tagħhom fil-konfront tal-gvern qegħdithom f’riskju sinifikanti ta’ ritaljazzjoni mill-awtoritajiet;

O.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa kkonkluda li ma għadx hemm spazju sikur għal azzjoni ċivika jew għal oppożizzjoni politika fir-Russja;

P.  billi l-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-Opinjoni Nru 992/2020 tagħha, ikkonkludiet li l-veloċità li biha tħejjew l-emendi kostituzzjonali tal-2020 ma kinitx evidentement xierqa, li l-emendi għall-Kostituzzjoni tar-Russja li ġew adottati b’mod mgħaġġel fl-2020 saħħew b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni tal-President u li l-esklużjoni ad hominem mil-limiti tal-mandat tal-presidenti attwali u preċedenti tikkontradixxi l-loġika stess tal-emenda adottata li tillimita l-mandat tal-President għal żewġ mandati;

Q.  billi, fir-Riżoluzzjonijiet 2519 (2023) u 2540 (2024) tagħha, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa stiednet lill-gvernijiet Ewropej jirrikonoxxu lil Vladimir Putin bħala illeġittimu wara t-tmiem tal-mandat presidenzjali attwali tiegħu u jwaqqfu kull kuntatt miegħu, ħlief għal finijiet umanitarji u fl-insegwiment tal-paċi;

R.  billi, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja(1), il-Parlament ikkonkluda li l-bidliet kostituzzjonali implimentati f’Ġunju 2020 kienu illegali, kif għamlet l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 2519 (2023) tagħha;

S.  billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

T.  billi fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandat ta’ arrest għal Vladimir Putin fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu għad-delitt tal-gwerra ta’ deportazzjoni u trasferiment illegali ta’ tfal Ukreni matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

1.  Jiddenunzja bil-qawwa l-ksur elettorali kollu mwettaq mir-reġim ta’ Vladimir Putin matul l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali Russa tal-15 sas-17 ta’ Marzu 2024, kif ukoll ir-repressjoni u l-ksur preċedenti sistemiċi u li ilhom għaddejja tad-drittijiet ċivili u politiċi; jissottolinja li l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali tar-Russja saret fi klima ta’ biża’ u repressjoni u fil-kuntest ta’ gwerra illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; jinnota li matul l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali, ma kien hemm l-ebda kandidat alternattiv ġenwin, l-ebda media ħielsa, l-ebda osservatur kredibbli u l-ebda libertà politika; jikkonkludi li l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali fir-Russja kienet illeġittima u mhux demokratika;

2.  Jikkonkludi li din il-prestazzjoni farsa mill-awtoritajiet Russi kellha l-għan uniku li toħloq id-dehra ta’ leġittimità elettorali għal Vladimir Putin, il-politika tiegħu ta’ repressjoni domestika bla waqfien u, fuq kollox, il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna;

3.  Jikkundanna b’mod inekwivoku l-hekk imsejħa elezzjoni illegali mwettqa fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja okkupat b’mod temporanju, jiġifieri r-Repubblika Awtonoma tal-Krimea, il-belt ta’ Sevastopol u partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson; jisħaq li l-organizzazzjoni ta’ elezzjoni f’dawn it-territorji tikkostitwixxi ksur ċar tas-sovranità tal-Ukrajna u ksur distint tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari tal-Karta tan-NU; jiddeplora l-użu tat-theddida ta’ vjolenza mill-awtoritajiet Russi, peress li n-nies ġew imġiegħla jivvutaw fil-preżenza ta’ suldati armati Russi; itenni li, kif iddikjarat mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE, l-UE mhux se tirrikonoxxi l-organizzazzjoni ta’ din l-hekk imsejħa elezzjoni fit-territorji tal-Ukrajna jew l-eżitu tagħha; jappella għal miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk involuti fl-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-votazzjoni illegali;

4.  Jissottolinja li r-rifjut li tiġi permessa osservazzjoni internazzjonali indipendenti tal-elezzjoni presidenzjali Russa, f’konformità mal-impenji internazzjonali tar-Russja bħala Stat parteċipanti tal-OSKE, jindika grad bla preċedent ta’ rigress demokratiku u nuqqas gravi ta’ rieda li jiġu onorati l-impenji internazzjonali u jiġu rispettati l-prinċipji stabbiliti ta’ kooperazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali; jisħaq li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi li ma jistednux lill-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR biex tosserva l-elezzjoni turi l-intenzjoni tagħhom li jċaħħdu lill-votanti minn valutazzjoni imparzjali u indipendenti tal-elezzjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-komunità internazzjonali biex ma jirrikonoxxux l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali Russa bħala leġittimu, peress li saret fit-territorji okkupati illegalment tal-Ukrajna, u, anke fir-Russja, la kienet ħielsa u lanqas ġusta, ma ssodisfatx l-istandards elettorali internazzjonali bażiċi, u għalhekk ma kellhiex leġittimità demokratika, u jħeġġeġ biex ir-relazzjonijiet ma’ Putin jiġu limitati għal kwistjonijiet meħtieġa għall-paċi reġjonali kif ukoll għal finijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju skambji ta’ priġunieri, ir-ritorn ta’ tfal deportati lejn l-Ukrajna jew it-talba għall-ħelsien ta’ priġunieri politiċi;

6.  Ifaħħar il-qlubija tal-eluf ta’ persuni fir-Russja li qed jipprotestaw kontra r-reġim ta’ Putin u qed ifittxu li jittrasformaw pajjiżhom f’demokrazija, inkluż b’atti ta’ reżistenza matul l-hekk imsejħa elezzjoni, bħall-protesti tal-Ħadd 17 ta’ Marzu 2024 f’nofsinhar li ħonqu l-postijiet tal-votazzjoni fir-Russja u barra minnha;

7.  Itenni li r-reġim tal-Kremlin u Vladimir Putin iġorru personalment responsabbiltà kriminali u politika għall-mewt tal-aktar avversarju prominenti tagħhom, Alexei Navalny; jappella biex issir investigazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi ta’ mewtu, bil-għan li dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;

8.  Ikompli jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u l-kumpens għall-priġunieri politiċi kollha, inklużi Vladimir Kara-Murza, Oleg Orlov, Alexei Gorinov, Alexandra Skochilenko, Dmitry Ivanov, Ioann Kurmoyarov, Viktoria Petrova, Maria Ponomarenko, Dmitry Talantov, Yuri Dmitriev, Lilia Chanysheva, Ksenia Fadeeva, Ivan Safronov u Ilya Yashin, għall-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs inġustament, inklużi Alsu Kurmasheva u Evan Gershkovich, u għall-familji tagħhom, għar-restawr tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni fir-Russja u għaż-żieda fl-iskrutinju internazzjonali u l-monitoraġġ tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu aċċess immedjat għal kura medika komprensiva għall-priġunieri politiċi li saħħithom tinsab f’kundizzjoni kritika, b’mod partikolari Vladimir Kara-Murza; ifakkar lir-Russja biex taderixxi mal-obbligi internazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-priġunieri;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi jagħtu lill-uffiċjali konsulari aċċess għal priġunieri b’ċittadinanza doppja;

11.  Itenni li l-UE għandha tkun f’solidarjetà sħiħa mas-soċjetà ċivili Russa li aderixxiet mal-valuri demokratiċi universali u rrifjutat l-imperjaliżmu, u għandha tagħmel użu mir-reġim Ewropew ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem biex tissanzjona l-awturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jiddenunzja l-eskalazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim tal-Kremlin u jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tal-kritiċi tal-gvern, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti kontra l-gwerra, tal-ġurnalisti indipendenti, tal-avukati, u tal-istoriċi li jirriċerkaw id-delitti Sovjetiċi, kif ukoll iż-żieda fis-soppressjoni tal-attivisti LGBTIQ;

12.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu appoġġ lill-priġunieri politiċi, b’mod partikolari assistenza medika u legali, li qed tiġi limitata jew miċħuda lilhom, u jfittxu modi biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib il-proċedimenti tal-qorti kontra l-membri tal-oppożizzjoni politika tar-Russja u l-kundizzjonijiet li qed jinżammu fihom il-ħabs; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fir-Russja u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Russu biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu;

13.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw b’mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi indipendenti, lill-mezzi tal-media indipendenti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b’mod attiv u joffru appoġġ lill-oppożizzjoni demokratika Russa li topponi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu viżi umanitarji u appoġġ ieħor lid-dissidenti Russi, inklużi l-avukati, li jinsabu f’riskju ta’ persekuzzjoni politika; itenni l-appell tiegħu biex ikun hemm skema ta’ viża għal dħul multiplu fl-UE kollha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-individwi ppersegwitati politikament u biex tintuża l-flessibbiltà eżistenti ħalli jiġu indirizzati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni, kif propost mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fir-rapport tagħha tal-2023 bit-titolu “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE); jisħaq, f’dan ir-rigward, li skemi bħal dawn jistgħu jestendu wkoll għall-mexxejja tal-oppożizzjoni, għall-attivisti tas-soċjetà ċivili u għall-persuni l-oħra ppersegwitati politikament;

15.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jħejju għal sitwazzjoni li fiha r-Russja, bħall-Belarussja, tieqaf toħroġ passaporti fil-konsulati tagħha, f’liema każ jista’ jkun meħtieġ li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jirrikonoxxu de facto l-apolidija u joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar, kif previst fl-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi;

16.  Jappella għas-simplifikazzjoni tal-proċessi biex id-dissidenti Russi fl-UE jirreġistraw organizzazzjonijiet u entitajiet, jiftħu kontijiet bankarji u jwettqu kompiti amministrattivi oħra sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fl-eżilju;

17.  Jiddeplora l-fatt li l-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orbán, għażel li jitbiegħed mill-pożizzjonijiet tal-UE u jifraħ lil Vladimir Putin għall-elezzjoni mill-ġdid fittizja tiegħu;

18.  Jesprimi appoġġ għall-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jerġa’ jestendi l-mandat tagħha fl-2024;

19.  Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; itenni, għaldaqstant, il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jesiġi li r-Russja u l-forzi bi prokura tagħha jtemmu l-azzjonijiet militari kollha, iwaqqfu l-attakki kontra żoni residenzjali u infrastrutturi ċivili, jirtiraw il-forzi militari minn ġewwa t-territorju tal-Ukrajna kollu kif rikonoxxut f’livell internazzjonali, iwaqqfu d-deportazzjonijiet furzati ta’ ċivili Ukreni, jeħilsu l-Ukreni detenuti kollha, b’mod partikolari t-tfal, kif ukoll jieqfu jiksru jew jheddu b’mod permanenti s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet Russi.

(1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2021 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja (ĠU C 117, 11.3.2022, p. 170).


Allegazzjonijiet ġodda ta’ ndħil Russu fil-Parlament Ewropew, fl-elezzjonijiet tal-UE li ġejjin, u l-impatt fuq l-Unjoni
PDF 172kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar allegazzjonijiet ġodda ta’ ndħil Russu fil-Parlament Ewropew, fl-elezzjonijiet tal-UE li ġejjin, u l-impatt fuq l-Unjoni (2024/2696(RSP))
P9_TA(2024)0380RC-B9-0262/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Frar 2024 bit-titolu “Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea”(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-23 ta’ Jannar 2024 bit-titolu “2nd EEAS Report on Foreign Information Manipulation and Interference Threats – A Framework for Networked Defence” (It-Tieni Rapport tas-SEAE dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin – Qafas għad-Difiża f’Network),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija (COM(2023)0630), u l-proposti fiha għall-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ April 2024,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna(6),

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi qed jiġi rrapportat li atturi statali u mhux statali minn pajjiżi terzi qed jippruvaw jinterferixxu dejjem aktar, direttament jew indirettament, fil-proċessi demokratiċi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u dawk elettorali fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha; billi hemm evidenza ċara ta’ tali tentattivi mir-Russja biex tinterferixxi fil-proċessi elettorali u fit-tfassil tal-politika madwar id-dinja u speċjalment kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ metodi differenti ta’ gwerra ibrida, inkorporati fi strateġija usa’ biex jiġi mminat il-funzjonament xieraq tal-proċessi demokratiċi u l-proċeduri leġiżlattivi Ewropej; billi dawn il-metodi jinkludu attakki ċibernetiċi, inkluż fuq il-Parlament Ewropew, il-kontroll ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, l-indħil elettorali, kif ukoll billi jiġu ffinanzjati movimenti u lobbies, iżda dawn il-metodi mhumiex limitati għalihom;

B.  billi studji u rapporti ġodda juru li, f’dawn l-aħħar xhur, in-networks ta’ diżinformazzjoni magħrufa sew intensifikaw operazzjonijiet li għandhom l-għan li jxerrdu n-narrattiva favur il-Kremlin fuq il-media soċjali, speċjalment fuq pjattaformi bħal X (li qabel kien magħruf bħala Twitter) u Tiktok; billi hemm prova li n-networks ta’ influwenza Russi użaw l-IA u l-bots fil-media soċjali u ddependew fuq il-pubblikazzjoni fuq skala kbira ta’ reklami politiċi mixtrija permezz ta’ kontijiet foloz; billi l-mezzi tal-media tradizzjonali ntużaw ukoll biex jagħtu spinta lill-interessi tagħhom fl-aġenda politika; billi din il-gwerra ibrida kienet il-prekursur tal-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u qed tkompli tappoġġjaha; billi dan l-indħil barrani jikkostitwixxi forom ta’ pressjoni esterna li jistgħu jimminaw b’mod effettiv l-eżerċizzju tas-sovranità tal-UE u tal-Istati Membri;

C.  billi r-Russja sistematikament żammet kuntatti ma’ partiti tal-lemin estrem u tax-xellug estrem, u ma’ personaġġi u movimenti oħrajn biex tikseb appoġġ minn atturi istituzzjonali fl-Unjoni sabiex tilleġittima l-azzjonijiet illegali u kriminali tagħha; billi l-analiżi tat-tendenzi tal-votazzjonijiet u tad-diskorsi fil-Parlament Ewropew uriet li dawn il-partiti kienu l-aktar favorevoli għar-Russja, u saru wkoll sejħiet tant estremi bħal dawk li saru fil-pubbliku għall-qerda tal-Ewropa f’Jannar 2024 mill-Membru tal-Parlament Ewropew (Membru tal-PE) Miroslav Radačovský – li kien tħallas ukoll minn sorsi Russi biex josserva l-elezzjonijiet parlamentari fir-Russja fl-2021; billi l-partit Ungeriż Fidesz kien qed ixerred messaġġi u propaganda favur il-Kremlin;

D.  billi hemm ukoll politiċi msejħa “Russlandversteher” (simpatizzanti tar-Russja) fi ħdan il-partiti politiċi prinċipali; billi diversi personaġġi pubbliċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi eks kapijiet tal-gvern u membri tal-kabinett, b’mod partikolari Gerhard Schröder, kellhom pożizzjonijiet imħallsa tajjeb f’kumpaniji tal-enerġija kkontrollati mill-Kremlin; billi, anke wara l-aggressjoni fuq skala sħiħa kontra l-Ukrajna, uħud minn dawn in-nies iddeċidew li ma jirriżenjawx u komplew jirċievu l-prezz tad-demm tal-Kremlin, bil-kompliċità silenzjuża tal-partiti politiċi tagħhom; billi qed ikomplu jużaw l-influwenza tagħhom favur ir-Russja kemm fix-xena domestika kif ukoll fix-xena politika Ewropea;

E.  billi taħt il-President Putin, ir-Russja identifikat id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istil ta’ ħajja Ewropew bħala theddida għall-gvern dittatorjali tiegħu, u għalhekk ilu għal numru ta’ snin isegwi strateġija biex sistematikament jipprova jdgħajjef u finalment jeqred id-demokraziji kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati bħall-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova, il-Balkani tal-Punent u pajjiżi oħra tal-viċinat bħall-Armenja;

F.  billi skont ir-rapporti tal-media kkonfermati mis-servizzi tas-sigurtà tal-Polonja, taċ-Ċekja u tal-Belġju, kif ukoll mill-Prim Ministri tal-Belġju u taċ-Ċekja, ċerti Membri tal-PE u kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin irċevew ħlas mill-Gvern Russu jew mill-proxies tiegħu biex ixerrdu l-propaganda u d-diżinformazzjoni u jinfluwenzaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’diversi pajjiżi Ewropej;

G.  billi fis-27 ta’ Marzu 2024, wara li kixef network favur ir-Russja li kien qed jipprova jwettaq operazzjonijiet ta’ influwenza b’implikazzjonijiet għaċ-Ċekja u għall-UE, permezz tas-sit tal-aħbarijiet “Voice of Europe”, ibbażat fi Praga, il-ministeru tal-affarijiet barranin Ċek ħabbar li kien issanzjona l-oligark Ukren Viktor Medvedchuk, alleat tal-President Russu Vladimir Putin, talli mexxa operazzjoni ta’ influwenza Russa mit-territorju Ċek bl-użu ta’ dan is-sit tal-aħbarijiet, flimkien ma’ medjatur imsejjaħ Artem Marchevskyi, għall-attivitajiet tiegħu mwettqa bl-għan li jimminaw l-appoġġ Ewropew għall-Ukrajna u jinfluwenzaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 billi jpinġu lill-UE bħala entità belliġerenti, u jiddeskrivu lill-Ukrajna bħala pajjiż korrott b’mod irrimedjabbli; billi ftit wara din ir-rivelazzjoni, l-awtoritajiet għalqu s-sit web, iżda dan reġa’ lura online fil-11 ta’ April 2024, u beda jopera minn sit web ospitat minn fornitur tas-servizzi tal-cloud u tas-servizzi tas-siti web ibbażat fil-Każakistan;

H.  billi fit-28 ta’ Marzu 2024, matul dibattitu fil-Parlament Belġjan, il-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo ddikjara li, abbażi tal-investigazzjonijiet imwettqa mis-servizzi tal-intelligence Belġjani f’kollaborazzjoni mal-kontropartijiet Ċeki tagħhom, kien evidenti li r-Russja avviċinat lil parlamentari Ewropej u ħallset lil uħud minnhom biex jippromwovu l-propaganda Russa; billi, fit-12 ta’ April 2024, il-Prim Ministru De Croo ħabbar ukoll il-ftuħ tal-prosekuzzjoni kriminali u talab laqgħa urġenti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u appella għat-twessigħ tal-mandat għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

I.  billi fit-28 ta’ Marzu 2024, l-Aġenzija għas-Sigurtà Interna tal-Polonja ħabbret li kienet wettqet tfittxijiet bħala parti minn investigazzjoni kollaborattiva ma’ servizzi ta’ sigurtà Ewropej oħra f’allegat spjunaġġ Russu marbut ma’ “Voice of Europe”, u din wasslet biex ġew irkuprati somom kbar ta’ flus kontanti u wasslet għal akkużi kontra ċittadin Pollakk suspettat bi spjunaġġ Russu; billi skont l-Aġenzija għas-Sigurtà Interna, dan l-individwu huwa maħsub li ġie inkorporat fiċ-ċrieki parlamentari tal-Polonja u tal-UE, u wettaq kompiti kkummissjonati u ffinanzjati minn kontropartijiet mill-intelligence Russa;

J.  billi fid-29 ta’ Marzu 2024, l-awtoritajiet Awstrijaċi arrestaw eks uffiċjal tal-intelligence Awstrijaka fuq diversi kapi ta’ akkużi, inkluż li allegatament ipprovda data tal-mowbajl ta’ eks uffiċjali Awstrijaċi ta’ grad għoli lill-intelligence Russa, l-involviment fl-ippjanar ta’ serq f’appartament ta’ ġurnalist prominenti, u li abbozza “suġġerimenti għal titjib” wara qtil ordnat mir-Russja fil-Ġermanja; billi l-eks uffiċjal tal-intelligence Awstrijaka arrestat kien f’kuntatt mill-qrib ma’ politiċi tal-lemin estrem mill-Partit tal-Libertà tal-Awstrija (FPÖ) fil-parlament u fil-gvern tal-pajjiż;

K.  billi fis-16 ta’ April 2024 inxterdu rapporti tal-media li, f’Diċembru li għadda fi New York, l-Uffiċċju Federali tal-Investigazzjoni (FBI) tal-Istati Uniti kien interroga lill-Membru tal-PE Ġermaniż Maximilian Krah, il-kandidat ewlieni tal-Alternattiva għall-Ġermanja (AfD) għall-elezzjonijiet Ewropej u membru tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali u s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża, dwar suspetti li kien qed jirċievi flus minn aġenti tal-Kremlin; billi, fit-23 ta’ April 2024, rapporti tal-istampa indikaw li assistent tal-Membru tal-PE Maximilian Krah kien ġie arrestat fuq suspetti ta’ spjunaġġ għaċ-Ċina, u dawn urew tendenza ta’ kooperazzjoni ma’ atturi barranin malizzjużi li jfittxu li jimminaw il-valuri u l-proċessi demokratiċi Ewropej;

L.  billi fit-18 ta’ April 2024, l-awtoritajiet Ġermaniżi arrestaw żewġ sabotaturi suspettati fl-istat Ġermaniż tal-Bavarja li allegatament kienu qed jispjunaw l-installazzjonijiet militari biex possibbilment jattakkawhom b’bombi jew bi ħruq doluż f’isem servizz tal-intelligence Russu, allegatament biex iwettqu sabotaġġ fuq l-appoġġ Ġermaniż għall-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja; billi l-arresti jindikaw li s-servizzi sigrieti tar-Russja evidentement qed jidħlu f’dimensjonijiet ġodda, li jinkludu attakki fuq faċilitajiet militari, flimkien ma’ kampanji ta’ diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi;

M.  billi mezz tal-media Ċek isostni li s-servizzi sigrieti Ċeki għandhom reġistrazzjonijiet awdjo li jikkonfermaw li Petr Bystron, kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej, membru tal-Bundestag Ġermaniż u uffiċjal tal-politika barranija f’isem l-AfD, tħallas bi flus li joriġinaw mir-Russja; billi skont il-gazzetta Ġermaniża Der Spiegel, il-pagament sar jew fi flus kontanti f’laqgħat sigrieti fi Praga jew permezz tal-kriptovaluta; billi l-mezzi tal-media Ġermaniżi b’reputazzjoni tajba reċentement żvelaw ukoll li impjegat ta’ membru tal-AfD fil-Bundestag Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għas-Servizz Federali ta’ Sigurtà tal-Federazzjoni Russa (FSB); billi, skont rapporti tal-media, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċċekkjaw darbtejn lill-istess persuna meta daħlet fil-Ġermanja mir-Russja, u kienet qed iġġorr ammont fi flus kontanti ta’ EUR 9 000;

N.  billi, fit-12 ta’ Frar 2024, VIGINUM, l-aġenzija tal-Gvern Franċiż responsabbli biex tidentifika ndħil diġitali barrani, ippubblikat rapport li jagħti dettalji dwar kampanja vasta ta’ diżinformazzjoni Russa msejħa “Portal Kombat”, li kienet tinvolvi 193 sit web imqabbda biex ixerrdu narrattiva favur ir-Russja fost il-popolazzjoni li titkellem bir-Russu u dik Ewropea madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti; billi, lejn l-aħħar tal-2023, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-Istilel ta’ David li nstabu f’diversi postijiet f’Pariġi kienu parti minn operazzjoni ta’ destabbilizzazzjoni marbuta ma’ negozjant favur ir-Russja mill-Moldova;

O.  billi, skont l-analiżijiet tal-media, minn Awwissu 2023, 16-il Membru tal-PE tal-lemin estrem mill-Ġermanja, minn Franza, min-Netherlands, mill-Italja, mis-Slovakkja, mill-Estonja, minn Spanja, mill-Kroazja, mid-Danimarka u mill-Belġju pparteċipaw f’dibattiti u f’intervisti organizzati minn “Voice of Europe”; billi l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-politiċi għandhom it-tendenza li jinnormalizzaw il-manifestazzjoni ta’ mibegħda u intolleranza abbażi tar-razza, tal-oriġini nazzjonali jew tal-orjentazzjoni sesswali u li jagħtu stampa tar-Russja bħala l-gwardjan awtentiku tal-valuri tradizzjonali tal-familja; billi d-diskors pubbliku ta’ dawk il-politiċi qed iwassal għal diviżjonijiet perikolużi fis-soċjetà kollha kemm hi u huwa theddida għad-demokrazija;

P.  billi, l-ġurnalisti investigattivi kixfu addendum ikklassifikat għall-“Kunċett ta’ Politika Barranija tal-Federazzjoni Russa” uffiċjali tar-Russja, li fih, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin jappella għal “kampanja ta’ informazzjoni offensiva” u miżuri oħra li jkopru “l-oqsma militari-politiċi, ekonomiċi u kummerċjali u sferi psikoloġiċi ta’ informazzjoni” kontra “koalizzjoni ta’ pajjiżi mhux ħbieb” immexxija mill-Istati Membri, filwaqt li jinnota li “huwa importanti li jinħoloq mekkaniżmu biex jinstabu l-punti vulnerabbli tal-politiki esterni u interni tagħhom bil-għan li jiġu żviluppati passi prattiċi biex jiddgħajfu l-opponenti tar-Russja” u li l-eżitu tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna “jiddetermina fil-biċċa l-kbira l-ordni dinjija futura”;

Q.  billi studju reċenti mill-Kummissjoni(7) sab li, fl-ewwel sena tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-pjattaformi online “ippermettew lill-Kremlin imexxi kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira mmirata lejn l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha, li tilħaq udjenza aggregata ta’ mill-anqas 165 miljun u tiġġenera mill-anqas 16-il biljun viżwalizzazzjoni”; billi l-finanzjament Russu ta’ attivitajiet politiċi u ta’ persuni politiċi fl-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi wkoll għal żieda fil-firxa tal-propaganda favur il-Kremlin, u din tikkontribwixxi għal impatt negattiv sproporzjonat fuq id-diskors ċiviku online;

R.  billi permezz tal-bini tagħha ta’ kuntatti u relazzjonijiet, ir-Russja għandha l-għan li tibni influwenza politika u ekonomika biex tiddestabbilizza d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea; billi r-rapporti tal-istampa enfasizzaw il-kuntatti bejn uħud mis-seċessjonisti fil-Katalonja, li wasslu biex issir laqgħa bejn l-eks diplomatiku Russu Nikolai Sadovnikov u l-mexxej separatista ta’ dak iż-żmien u l-eks President tal-Katalonja, li issa jokkupa l-kariga ta’ Membru tal-PE Carles Puigdemont, f’Barċellona, lejliet ir-referendum illegali tal-Katalonja f’Ottubru 2017; billi wħud mill-Membri tal-PE u mill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali esprimew b’mod konsistenti sentimenti li jistgħu jitqiesu favur ir-Russja, pereżempju billi attribwew il-bidu tal-kunflitt lill-Ukrajna, ipparteċipaw bħala osservaturi elettorali mhux uffiċjali fil-Krimea, u esprimew xewqa li l-Ukrajna titlef fil-gwerra, filwaqt li taw anqas importanza lill-possibbiltà tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE, opponew aktar vjeġġi ta’ armi lejn l-Ukrajna, u ppromwovew konċessjonijiet territorjali mill-gvern f’Kiev; billi f’Marzu, delegazzjoni ta’ membri tal-AfD tal-parlament reġjonali Bavarjan ġiet mistiedna tosserva l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja, u sussegwentement ivvalutat l-elezzjonijiet bħala miftuħa, demokratiċi u liberi f’dikjarazzjonijiet pubbliċi;

S.  billi l-Kremlin sponsorja u appoġġja għadd ta’ partiti tal-lemin estrem fl-Ewropa, inkluż billi pprovda self ta’ EUR 9,4 miljun lill-partit ta’ Marine Le Pen fl-2013; billi minn dak iż-żmien ’l hawn, Le Pen u l-membri tal-partit tagħha komplew saħħew il-pożizzjoni tagħhom favur il-Kremlin billi attendew avvenimenti politiċi fir-Russja, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom f’missjonijiet fittizji ta’ osservazzjoni elettorali waqt l-elezzjonijiet reġjonali jew nazzjonali;

T.  billi diversi investigazzjonijiet żvelaw li, minħabba l-indħil Russu, ir-regoli elettorali nkisru jew ġew evitati, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanja elettorali b’allegazzjonijiet ta’ finanzjament moħbi minn sorsi ta’ pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari mir-Russja;

U.  billi hemm evidenza kredibbli li, fl-2020, Peter Pelligrini, il-Prim Ministru tas-Slovakkja ta’ dak iż-żmien, talab l-għajnuna tal-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban biex jikseb appoġġ mill-Kremlin qabel l-elezzjoni parlamentari tas-Slovakkja fl-2020; billi dan irriżulta fi żjara mill-Prim Ministru Pelligrini fir-Russja fi Frar 2020, tlett ijiem qabel ma saru l-elezzjonijiet; billi l-elezzjonijiet parlamentari fl-2023 kienu fil-mira ta’ aktar kampanji Russi ta’ ndħil u diżinformazzjoni; billi Peter Pelligrini issa huwa l-President elett tas-Slovakkja u għandu jieħu l-kariga f’Ġunju 2024;

V.  billi wara rapporti li Membru tal-PE Latvjana pprovdiet assistenza estensiva lis-servizzi tal-intelligence Russi, il-Parlament nieda l-investigazzjoni amministrattiva tiegħu stess, li wasslet biex il-President Metsola timponi sanzjonijiet fuq il-Membru tal-PE, inkluża multa ta’ ħamest ijiem tal-indennizz tagħha ta’ kuljum li tammonta għal EUR 1 750 u projbizzjoni minn ċerti rwoli li jirrappreżentaw lill-Parlament sa tmiem din il-leġiżlatura f’Lulju;

W.  billi l-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (INGE u ING2) kixef fid-dettall l-isforzi u l-operazzjonijiet immexxija mir-Russja sabiex tinfiltra, tinfluwenza u tindaħal fid-demokraziji Ewropej u fl-istituzzjonijiet Ewropej;

X.  billi xi gruppi politiċi ppruvaw, mingħajr suċċess, jiċħdu l-aħħar estensjoni tal-mandat tal-ING2 biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta’ korruzzjoni u ndħil barrani fil-Parlament Ewropew, filwaqt li minflok ippromwovew kumitat investigattiv li jiffoka biss fuq il-Qatargate;

Y.  billi, filwaqt li l-Membri tal-PE kienu regolarment fil-mira ta’ software ta’ spjunaġġ, kif muri mir-rivelazzjonijiet reċenti dwar l-immirar fil-passat ta’ żewġ Membri tal-PE u membru wieħed tal-persunal tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Parlament, kien hemm żieda qawwija fl-attakki ċibernetiċi u fl-indħil barrani mmirati lejn il-ħidma tal-Parlament Ewropew fit-tħejjija għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

Z.  billi, f’Settembru 2023, il-Parlament Ewropew, wara r-rivelazzjonijiet tal-Qatargate, aġġorna u saħħaħ b’mod sinifikanti l-qafas ta’ integrità interna tiegħu, fost affarijiet oħra, permezz ta’ reviżjoni fil-fond tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE u d-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Bureau; billi l-Kodiċi ta’ Kondotta rieżaminat jistabbilixxi li kwalunkwe Membru tal-PE elett li jinstab li jkun kiser ir-regoli ta’ trasparenza jista’ jiġi ssanzjonat mill-President tal-Parlament Ewropew;

AA.  billi huwa ta’ importanza kruċjali li tiġi miġġielda l-proliferazzjoni tad-diżinformazzjoni u tal-indħil barrani fid-demokrazija Ewropea, u li jittieħdu aktar miżuri biex jiġi ssalvagwardjat id-dritt taċ-ċittadini Ewropej għal sorsi tal-aħbarijiet preċiżi u affidabbli kif ukoll biex jiġi protett ix-xenarju Ewropew tal-informazzjoni mill-manipulazzjoni minn reġimi awtoritarji; billi r-Reporters mingħajr fruntieri reċentement ressqu 12-il proposta għal Patt Ġdid għad-Dritt għall-Informazzjoni;

AB.  billi fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, il-Kunsill Ewropew jissottolinja d-determinazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jimmonitorjaw mill-qrib u jrażżnu kwalunkwe riskju li jirriżulta mid-diżinformazzjoni, inkluż permezz tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin fil-proċessi elettorali. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw fuq dawn il-kwistjonijiet.”;

AC.  billi l-Membri tal-PE appellaw lill-President Metsola biex titlob investigazzjoni urġenti dwar it-tentattivi ta’ ndħil Russu qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss; billi sa issa ma kien hemm l-ebda tweġiba;

1.  Jinsab ixxukkjat bir-rapporti kredibbli lil Membri tal-PE tħallsu biex ixerrdu propaganda Russa kif ukoll biex jappoġġjaw l-isforzi Russi biex sistematikament toħloq network ta’ dipendenzi permezz ta’ partiti politiċi Ewropej li mbagħad jaġixxu bħala amplifikaturi tal-propaganda tal-Kremlin;

2.  Jesprimi r-rabja tiegħu għall-parteċipazzjoni tal-Membri tal-PE fil-mezz tal-media favur ir-Russja, “Voice of Europe”, waqt li r-Russja qed tmexxi l-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; jenfasizza li l-maġġoranza tal-fehmiet ippropagati mill-Membri tal-PE dwar “Voice of Europe” ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-maġġoranza l-kbira tal-Membri tal-PE, li jiddenunzjaw b’mod qawwi l-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna, l-użu tagħha ta’ tattiċi tal-gwerra ibrida kontra d-demokrazija Ewropea, u d-deċiżjonijiet politiċi aggressivi u antidemokratiċi l-oħra tagħha fis-snin reċenti;

3.  Jiddenunzja bil-qawwa t-tentattivi kollha, speċjalment mill-Federazzjoni Russa, biex jiġi mminat il-funzjonament tal-proċessi demokratiċi Ewropej u jisħaq li għal dawn it-tattiċi jrid ikun hemm il-konsegwenzi; jistieden lit-tmexxija politika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex fl-aħħar jindirizzaw dawn l-isforzi Russi b’sens meħtieġ ta’ urġenza u determinazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw u jirfinaw il-pakketti ta’ sanzjonijiet adottati kontra l-Federazzjoni Russa sabiex jillimitaw b’mod aktar effettiv il-kapaċità tagħha li tmexxi l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha u jingħalqu l-lakuni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi li bħalissa huma fis-seħħ; itenni l-appell tiegħu li jiġi introdott reġim ta’ sanzjonijiet kontra l-awturi involuti f’manipulazzjoni tal-informazzjoni u ndħil minn barranin malizzjużi;

4.  Jinsab ixxukkjat minn rapporti kredibbli reċenti li Petr Bystron, membru ewlieni tal-AfD (Grupp ID) u membru fil-Bundestag Ġermaniż, aċċetta pagamenti sa EUR 25 000 biex ixerred propaganda favur ir-Russja;

5.  Barra minn hekk, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-interrogazzjoni reċenti ta’ Maximilian Krah, Membru tal-PE tal-AfD, mill-FBI u jistieden lill-AfD jiddikjara pubblikament ir-relazzjonijiet finanzjarji tiegħu mal-Kremlin mingħajr dewmien, u jiżvela pubblikament l-iskop u l-ammont eżatt tal-pagamenti kollha li joriġinaw minn sorsi marbuta mal-Kremlin; jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu dwar l-arrest tal-assistent tal-Membru tal-PE Krah fit-23 ta’ April 2024 wara akkużi serji ta’ spjunaġġ għaċ-Ċina;

6.  Jinsab estremament imħasseb bir-rapporti reċenti, tas-17 ta’ April 2024, ta’ żewġ allegati spiji Russi ta’ nazzjonalità doppja Ġermaniża-Russa, li ġew arrestati fil-Bavarja wara li ġew akkużati li kienu qed ifittxu miri, fosthom faċilitajiet militari, għal attakki u operazzjonijiet ta’ sabotaġġ potenzjali; itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-firxa tal-attivitajiet ta’ spjunaġġ Russi fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra, bħall-Polonja fejn ġew skoperti attivitajiet simili f’Marzu 2023, u jtenni l-appell qawwi tiegħu għal rispons deċiżiv għat-theddida kkawżata mill-aġenti Russi li joperaw fil-Ġermanja u lil hinn minnha;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattika tar-Russja li tistrumentalizza l-immigranti illegali billi timbuttahom fit-territorju tal-UE ħalli tiddestabbilizza l-Istati Membri ġirien, b’mod partikolari l-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja u l-Finlandja;

8.  Jinsab daqstant ieħor imħasseb bl-arrest fit-22 ta’ April 2024 ta’ tliet Ġermaniżi detenuti fuq suspett ta’ ħidma mal-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà tal-Istat biex jgħaddu teknoloġija li tista’ tintuża għal skopijiet militari; itenni l-appelli preċedenti tiegħu lill-Istati Membri biex jiġġieldu b’mod aktar effettiv l-elementi kollha ta’ spjunaġġ fl-UE, li jridu jinkludu wkoll protezzjoni aħjar tal-infrastruttura kritika, kif ukoll konfrontazzjoni sinċiera u ċara tal-istati ta’ oriġini tal-ispjunaġġ; jissottolinja li dawn ir-rivelazzjonijiet ta’ spjunaġġ x’aktarx li jiżvelaw biss ftit minn dak li effettivament jeżisti, u li huma theddida serja għas-sigurtà u għad-demokrazija tagħna;

9.  Jikkundanna bil-qawwa r-rivelazzjoni allarmanti żvelata minn mezzi tal-media Ġermaniżi b’reputazzjoni tajba fi Frar, li tiżvela li impjegat affiljat mal-AfD u assoċjat ma’ membru tal-parlament federali Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB tar-Russja, u li qajmet tħassib serju dwar l-influwenza barranija potenzjali fix-xenarju politiku Ġermaniż; barra minn hekk, jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-istess individwu, malli daħal fil-Ġermanja mir-Russja, ġie interċettat ripetutament mill-awtoritajiet Ġermaniżi filwaqt li kien qiegħed iġorr ammonti ta’ flus kontanti ta’ EUR 9 000;

10.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirriflettu s-sanzjonijiet adottati mill-Gvern Ċek kontra “Voice of Europe”, kif ukoll kontra Viktor Medvedchuk u Artem Marchevskyi; jiddeplora l-fatt li “Voice of Europe” seta’ jerġa’ jibda l-operazzjonijiet tiegħu mill-Każakistan mill-11 ta’ April 2024; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li “Voice of Europe” ma jkunx jista’ jiġi aċċessat madwar l-Unjoni Ewropea; barra minn hekk, jinnota li l-badges li jippermettu lil “Voice of Europe” jaċċessaw il-bini tal-Parlament Ewropew ġew sospiżi;

11.  Jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ u l-kollaborazzjoni sħaħ tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar l-imġiba tal-Membri tal-PE kkonċernati; jilqa’ l-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-każijiet suspettati ta’ ndħil Russu fl-elezzjonijiet tal-UE mill-awtoritajiet Belġjani, jistieden lill-Istati Membri rilevanti jiddeterminaw jekk il-Membri tal-PE involuti humiex responsabbli għall-prosekuzzjoni skont id-dritt kriminali rispettiv tagħhom; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi mas-sħab internazzjonali biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet kriminali tranżnazzjonali u networks ta’ atturi barranin malizzjużi li jippromwovu prattiki korrotti li għandhom l-għan li jippromwovu l-indħil fl-elezzjonijiet Ewropej u li jimminaw id-demokrazija fl-UE; jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ u l-kooperazzjoni sħaħ tiegħu għal dan il-għan; jistieden lill-korpi tal-Parlament rilevanti biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw deċiżjoni f’waqtha dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-PE kull meta l-awtoritajiet rilevanti jirċievu tali talba; jistieden lil dawn il-korpi jiltaqgħu mill-aktar fis possibbli wara l-laqgħat kostituttivi tagħhom wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss sabiex jibdew immedjatament il-proċedimenti tagħhom jekk ikunu rċevew talbiet bħal dawn; jibqa’ lest li jkompli jtejjeb ir-regoli interni tiegħu dwar l-etika, abbażi tal-ogħla standards, u l-qafas ta’ sorveljanza u ta’ obbligu ta’ rendikont tiegħu, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ sanzjoni disponibbli għall-ksur aċċertat tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; jitlob li jingħata l-ogħla livell ta’ attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, l-obbligu ta’ rendikont u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2023 u l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli l-ġodda tiegħu dwar it-trasparenza u l-integrità adottati f’Settembru 2023, kif ukoll il-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta’ kondotta interni kollha tiegħu u d-deċiżjonijiet approvati mill-Bureau tiegħu, b’mod partikolari dwar l-interazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

12.  Jilqa’ r-riferiment tal-Membri tal-PE kkonċernati lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta; jimpenja ruħu li jinforza bis-sħiħ il-qafas ta’ sanzjonijiet interni applikabbli tiegħu u jitlob li jiġi espost kwalunkwe Membru tal-PE fil-kariga jew kandidat fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin li jkun irċieva flus mill-Gvern Russu jew mill-proxies tiegħu, jew li jkun ġie korrott minnhom; jinnota li l-allegati fatti ġraw qabel l-adozzjoni reċenti tar-riforma tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; iqis li r-regoli waħedhom ma kinux jipprevjenu l-allegata mġiba kundannabbli tal-Membri tal-PE; jibqa’ lest, madankollu, li jevalwa u jirfina aktar il-funzjonament u s-sanzjonar tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament, li ssaħħaħ wara l-Qatargate;

13.  Jilqa’ l-appell għal laqgħa urġenti tal-Eurojust mitluba mill-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo; jilqa’ wkoll it-talba biex jiġi eżaminat, u meta meħtieġ jitwessa’, il-mandat għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex ikun jista’ jipproċedi kontra każijiet bħal dawn; jilqa’ wkoll il-ftehim imħabbar mill-Presidenza Belġjana li tniedi task force temporanja għall-kriżijiet biex tiġġieled it-tentattivi tar-Russja li tinterferixxi fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u jisħaq li fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE kollha jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-indħil barrani biex jiżguraw l-integrità sħiħa ta’ dawn l-elezzjonijiet importanti; jisħaq, f’dan ir-rigward, li l-libertà tal-kelma, il-libertà tal-media, u l-konformità mal-liġi huma ugwalment importanti fil-proċessi demokratiċi kollha u ma jistgħux jiġu restritti bla bżonn;

14.  Itenni l-kundanna preċedenti tiegħu ta’ każijiet passati ta’ sħubijiet politiċi bejn partijiet tal-lemin estrem fl-Ewropa u t-tmexxija Russa, bħas-self bankarju għall-partit ta’ Le Pen fi Franza, il-ftehim ta’ sħubija bejn il-partit FPÖ tal-Awstrija u l-partit tar-Russja Magħquda ta’ Putin, kif ukoll bosta laqgħat u skambji bejn diversi Membri tal-PE eletti, inkluża t-tmexxija tal-partit AfD tal-Ġermanja;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-każ ta’ spjunaġġ Awstrijak, fejn eks uffiċjal tal-intelligence Awstrijak, Egisto Ott, li jingħad li huwa marbut mill-qrib mal-politiku tal-FPÖ, Hans-Jörg Jenewein, huwa akkużat bi spjunaġġ għar-Russja u bi ksib illegali ta’ data personali mill-bażijiet tad-data tal-pulizija, inkluż il-forniment ta’ data tal-mobile ta’ eks uffiċjali Awstrijaċi ta’ grad għoli lill-intelligence Russa;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti kredibbli ta’ aktar tentattivi Russi ta’ ndħil fl-elezzjonijiet li ġejjin għall-parlament nazzjonali Bulgaru fid-9 ta’ Ġunju 2024; iqajjem tħassib serju dwar l-eżistenza u l-kontroll Russu ta’ network ta’ aġenti ta’ diżinformazzjoni attivi fuq pjattaformi tal-media soċjali, fil-media tradizzjonali, fl-akkademja, fl-organizzazzjonijiet mhux governattivi u fil-partiti politiċi; jinsab estremament imħasseb dwar il-bosta proprjetajiet fit-territorju tal-Bulgarija li bħalissa huma proprjetà tal-awtoritajiet Russi, xi wħud minnhom ta’ importanza strateġika, u li jservu bħala ċentri ta’ influwenza Russa fuq il-proċessi demokratiċi fil-pajjiż;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar għadd ta’ politiki u pożizzjonijiet tal-Gvern Ungeriż, li taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Orban f’diversi okkażjonijiet kritiċi assuma pożizzjoni favur ir-Russja, kif ukoll favur iċ-Ċina;

18.  Jikkundanna l-parteċipazzjoni tar-Russja f’kampanji ta’ diżinformazzjoni, kif ukoll l-allegati kuntatti intensi u l-għadd ta’ laqgħat bejn l-aġenti responsabbli għall-interferenza Russa ma’ grupp seċessjonista Katalan; jissuġġerixxi li ċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra t-Theddid ibridu f’Helsinki biex iwettaq studju; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jinvestigaw b’mod effettiv il-konnessjonijiet tal-Membri tal-PE allegatament assoċjati mal-Kremlin u t-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni u ndħil tar-Russja fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jiddeplora l-attakki kollha fuq l-imħallfin li qed jinvestigaw kwalunkwe attività ta’ ndħil;

19.  Jemmen li l-allegazzjonijiet reċenti jistgħu jikkostitwixxu mġiba sanzjonabbli skont il-Kodiċi ta’ Kondotta tiegħu u, f’każ li jiġu kkonfermati, iridu jiġu indirizzati b’rispons mill-aktar sod; jissottolinja l-importanza li minnufih titwettaq investigazzjoni interna bir-reqqa sabiex jiġu vvalutati l-każijiet kollha possibbli ta’ ndħil barrani mir-Russja u minn pajjiżi oħrajn fil-Parlament Ewropew; jenfasizza li dawn ir-rivelazzjonijiet huma parti minn xejra akbar ta’ ndħil Russu, kif enfasizzat fir-rapporti finali ta’ INGE u ING2;

20.  Iqis li l-allegazzjonijiet rigward il-Membri tal-PE kkonċernati jissottolinjaw il-ħtieġa ta’ kultura ta’ sigurtà msaħħa fil-Parlament Ewropew; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż taħriġ obbligatorju dwar is-sigurtà għall-Membri tal-PE u għall-persunal, approvazzjoni tas-sigurtà xierqa u skrinjar imsaħħaħ tal-persunal, b’mod partikolari dawk li jattendu laqgħat bil-magħluq; jissottolinja li ħafna parlamenti nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom sistemi leġittimi u li jiffunzjonaw tajjeb f’dan il-qasam u jitlob li jiġu vvalutati l-aħjar prattiki;

21.  Jitlob li l-Parlament jintroduċi taħriġ obbligatorju, effettiv u regolari dwar is-sigurtà, l-indħil, l-istandards etiċi, il-konformità u l-integrità għall-Membri tal-PE kollha u l-uffiċċji tagħhom u għall-persunal kollu tal-Parlament, li jqajjem kuxjenza li huma miri potenzjali ta’ atturi statali u mhux statali barranin; jitlob li s-servizzi tal-Parlament jistabbilixxu sistemi effettivi ta’ monitoraġġ u sorveljanza biex jidentifikaw l-indħil barrani filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-mandat tal-Membri tal-PE;

22.  Ifakkar li l-indħil barrani huwa theddida sistemika li trid tiġi miġġielda b’mod vigoruż; ifakkar ukoll li, filwaqt li r-Russja tibqa’ l-oriġini ewlenija tal-indħil barrani u d-diżinformazzjoni fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi oħra wettqu wkoll kampanji bħal dawn; jissottolinja li r-rispons tal-UE għal dan it-theddid jista’ jkun effettiv biss jekk ikun ibbażat fuq approċċ ta’ politika trażversali, olistiku u fit-tul imwettaq b’mod konġunt kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri tagħha; jibqa’ determinat li jsegwi l-isforzi tiegħu biex jiġġieled l-indħil barrani fl-UE fis-snin li ġejjin, fost affarijiet oħra, permezz ta’ korp parlamentari ddedikat; jisħaq li l-viġilanza u l-protezzjoni mill-indħil barrani huma partikolarment meħtieġa fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ din is-sena;

23.  Jenfasizza l-leġiżlazzjoni ewlenija dwar il-libertà tal-media u d-drittijiet diġitali adottata mill-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin, bħall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jew l-Att dwar is-Servizzi Diġitali; jenfasizza, madankollu, li hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitwaqqaf it-tixrid tad-diżinformazzjoni malinna online u jiġi protett id-dritt taċ-ċittadini Ewropej għal aħbarijiet affidabbli;

24.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jinkludi regoli ġodda fil-livell tal-UE li għandhom l-għan li jindirizzaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus relatati ma’ persuni politikament esposti;

25.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jinkludu fl-14-il pakkett ta’ sanzjonijiet li jmiss il-mezzi tal-media ġodda appoġġjati mill-Kremlin u organizzazzjonijiet oħra tax-xandir u tal-media u individwi responsabbli għall-kampanji ta’ propaganda u ta’ diżinformazzjoni fl-UE;

26.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-iżvelar tat-tentattivi ta’ ndħil barrani u attivitajiet li jsiru bil-moħbi; itenni l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament suffiċjenti u sostenibbli għall-ġurnaliżmu investigattiv; jikkundanna bil-qawwa l-kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira esposta f’Jannar mill-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, allegatament orkestrata mir-Russja fuq X (preċedentement Twitter), bl-intenzjoni li timmanipula l-opinjoni pubblika;

27.  Jikkundanna b’mod qawwi l-isforzi kontinwi tar-Russja biex tabbuża u tiffalsifika t-tifkira storika tal-perjodi l-aktar traġiċi tal-Ewropa, bħat-terrur tar-reġim tan-Nazi, sabiex tipprova tiġġustifika l-aggressjoni brutali, illegali u inumana attwali tagħha u l-politika espansjonista tagħha, kif ukoll it-tentattivi tagħha biex sistematikament ixxerred narrattivi storiċi foloz;

28.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir aktar biex jiġi protett l-ambjent Ewropew tal-informazzjoni u d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli; ifakkar, kif iddikjarat fir-rapporti preċedenti tal-Parlament, fil-ħtieġa li jiġu stabbiliti “klawżoli mera” fejn il-ftuħ tal-ispazju Ewropew tal-informazzjoni għal pajjiżi terzi jkun proporzjonat mal-aċċess tal-mezzi tal-media Ewropej f’dawn il-pajjiżi; jissottolinja li l-mezzi tal-media li jaħdmu għal reġimi ostili u awtoritarji ma għandux ikollhom aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew; jinsisti li t-tikkettar fuq il-pjattaformi għandu jmur lil hinn mill-identifikazzjoni ta’ deep fakes biex jistabbilixxi wkoll tikkettar pożittiv bl-użu ta’ għodod maħluqa mis-settur tal-media, bħall-Journalism Trust Initiative; jesprimi, f’dan il-kuntest, l-appoġġ ġenerali tiegħu għall-Patt Ġdid għad-Dritt għall-Informazzjoni propost mir-Reporters mingħajr fruntieri;

29.  Jemmen li hemm bżonn aktar sforzi biex tiġi protetta b’mod xieraq id-demokrazija Ewropea u jitlob bil-qawwa lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurmaw bis-sħiħ liċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati fil-każ ta’ “Voice of Europe”;

30.  Jinnota li l-għan aħħari tal-indħil Russu huwa li jimmina, jaqsam u jdgħajjef l-UE u li jnaqqas l-appoġġ għall-Ukrajna; jisħaq li t-tattiċi ibridi tal-Federazzjoni Russa assolutament ma javvanzaw xejn l-aġenda politika tar-Russja fl-UE, iżda, għall-kuntrarju, jiġġeneraw aktar momentum għall-appoġġ sod tal-UE lill-Ukrajna fid-difiża tagħha kontra l-okkupant illegali;

31.  Jissottolinja li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kixfet il-firxa enormi ta’ manipulazzjoni barranija ta’ informazzjoni fl-UE u lill-viċinat immedjat tagħha, jiġifieri lill-Balkani tal-Punent u lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jappella lill-UE u lill-pajjiżi ġirien tagħha jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu u s-sigurtà ċibernetika;

32.  Jappella sabiex l-Unjoni Ewropea tkun viġilanti fir-rigward ta’ tentattivi minn kwalunkwe pajjiż terz, inkluża r-Russja, biex jinfluwenza b’mod mhux xieraq il-proċessi demokratiċi tiegħu; iwissi lill-Federazzjoni Russa li kampanji ta’ diżinformazzjoni ibridi, attakki ċibernetiċi u operazzjonijiet ta’ influwenza diġà jikkostitwixxu attakki serji fuq id-demokrazija Ewropea u kwalunkwe azzjoni fiżika fit-territorju Ewropew tikkostitwixxi eskalazzjoni drammatika; jistieden lill-Istati Membri jesponu u jinvestigaw it-tentattivi Russi għas-sabotaġġ tal-infrastrutturi kritiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji biex tiġi protetta l-infrastruttura elettorali, li hija partikolarment vulnerabbli għal attakki fiżiċi u attakki ċibernetiċi qabel u matul l-elezzjonijiet;

33.  Ifakkar li anke fil-każ fejn il-liġi tillimita s-sorsi ta’ finanzjament politiku, l-atturi Russi sabu modi kif jevitawhom u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom; ifakkar b’mod partikolari l-evidenza ta’ self minn banek barranin (bħal fil-każ tal-partit Front National fi Franza fl-2016), ftehimiet ta’ xiri u ftehimiet kummerċjali (bħal fl-allegazzjonijiet irrapportati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-partit FPÖ u minn Buzzfeed u L’Espresso fl-10 ta’ Lulju 2019 dwar Lega per Salvini Premier fl-Italja), u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji (kif irrapportat mill-istampa Brittanika fir-rigward tal-kampanja Leave.eu);

34.  Jikkundanna l-fatt li l-kampanji tal-indħil barrani spiss ikunu diretti kontra minoranzi speċifiċi u gruppi vulnerabbli, u jinnota li l-immirar ta’ dawk il-minoranzi jservi l-iskop akbar li jimmina l-appell ta’ soċjetajiet demokratiċi u ugwali;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(1) Testi adottati, P9_TA(2024)0079.
(2) Testi adottati, P9_TA(2023)0292).
(3) ĠU C, C/2023/1226, 21.12.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2023/1226/oj?locale=mt
(4) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(5) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 18.
(6) ĠU C 125, 18.3.2022, p. 2.
(7) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija, “Digital Services Act: – Application of the risk management framework to Russian disinformation campaigns” (Att dwar is-Servizzi Diġitali – L-applikazzjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni Russi), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2759/764631.


Tentattivi biex terġa’ tiddaħħal liġi dwar l-aġenti barranin fil-Georgia u r-restrizzjonijiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà ċivili
PDF 135kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar tentattivi biex terġa’ tiddaħħal liġi dwar l-aġenti barranin fil-Georgia u r-restrizzjonijiet tagħha fir-rigward tas-soċjetà ċivili (2024/2703(RSP))
P9_TA(2024)0381RC-B9-0244/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tas-17 ta’ April 2024 dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-4 ta’ April 2024 dwar l-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2023)0690),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar il-Georgia tat-18 ta’ April 2024 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ opinjoni, ta’ espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika huwa dritt fundamentali minqux fil-Kostituzzjoni tal-Georgia;

B.  billi l-Georgia, bħala firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, impenjat ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi l-Unjoni Ewropea tistenna li l-Georgia, pajjiż kandidat għal adeżjoni mal-UE, tirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u impenji internazzjonali oħra li ħadet u, b’mod partikolari, tissodisfa l-kundizzjonijiet u tieħu l-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti l-istatus ta’ kandidat lill-Georgia biss bil-kundizzjoni li dawn il-passi jittieħdu; billi din ir-rakkomandazzjoni stiednet lill-Georgia tiżgura li s-soċjetà ċivili setgħet topera liberament (pass 9) u tiġġieled id-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-valuri tagħha (pass 1), u billi l-abbozz ta’ liġi jmur kontra ż-żewġ objettivi;

D.  billi fis-17 ta’ April 2024, il-Parlament tal-Georgia għadda l-hekk imsejħa liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija fl-ewwel qari bi 83 vot favur u ebda vot kontra, minkejja protesti tal-massa minn ċittadini tal-Georgia, kritika mill-President tal-Georgia, li sejħet l-abbozz ta’ liġi “sabotaġġ tat-triq tal-pajjiż lejn l-Ewropa”, kundanna nazzjonali u internazzjonali u appelli ripetuti mis-sħab Ewropej tal-Georgia biex l-abbozz ta’ liġi jiġi rtirat; billi din il-liġi tirrikjedi li l-organizzazzjonijiet li jirċievu aktar minn 20 % tal-finanzjament tagħhom minn barra l-pajjiż jirreġistraw fi żmien xahrejn bħala “organizzazzjonijiet li jsegwu l-interessi ta’ setgħa barranija” u jippreżentaw lilhom infushom bħala tali; billi l-organizzazzjonijiet ikunu soġġetti għal skrutinju addizzjonali, rekwiżiti ta’ rappurtar u possibbilment sanzjonijiet, inklużi penali amministrattivi sa massimu ta’ GEL 25 000; billi l-liġi tirrestrinġi serjament il-kapaċità tal-media u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw liberament;

E.  billi l-għan leġittimu li tiġi żgurata t-trasparenza tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirċievu finanzjament barrani bl-ebda mod ma jista’ jiġġustifika miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tagħhom, speċjalment fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi dan l-abbozz ta’ liġi qed jiġi propost fi żmien ta’ attakki jiżdiedu kontra s-soċjetà ċivili u l-media indipendenti fil-Georgia, kif ukoll kontra l-appoġġ għad-demokrazija minn donaturi internazzjonali fi sforz apparenti biex jiċċekken l-ispazju ċiviku u jissikktu l-ilħna kritiċi fl-isfera pubblika, fost affarijiet oħra billi jitnaqqas l-aċċess għall-finanzjament barrani; billi dan l-abbozz ta’ liġi huwa biss l-aħħar inizjattiva f’sensiela ta’ inizjattivi leġiżlattivi ta’ qabel l-elezzjoni u inizjattivi oħra mill-Gvern tal-Georgia, li jinkludu wkoll it-tħabbir ta’ emendi kostituzzjonali għall-ġlieda kontra l-“propaganda LGBT” u t-treġġigħ lura ta’ politika favur il-kwoti tal-ġeneru għan-nisa fil-parlament, li jipperikolaw ir-riformi demokratiċi u jikkontribwixxu għat-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar l-UE, il-valuri u l-politiki tagħha; billi l-Parlament Ewropew, f’riżoluzzjonijiet preċedenti, diġà appella għal miżuri biex jitnaqqas ir-rwol distruttiv tal-interessi oligarkiċi fil-politika u fl-ekonomija tal-Georgia, inkluż fil-persekuzzjoni politikament motivata ta’ ġurnalisti u avversarji politiċi bħall-eks President Mikheil Saakashvili, li l-Parlament talab li jinħeles għal raġunijiet umanitarji sabiex jingħata trattament mediku barra mill-pajjiż;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-introduzzjoni mill-ġdid tal-abbozz ta’ liġi kontroversjali dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”, li jimponi restrizzjonijiet debilitanti fuq is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti u li għalhekk ixekkel il-possibbiltà tagħhom li joperaw liberament, u għaldaqstant intlaqa’ bi protesti enormi miċ-ċittadini tal-Georgia, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-media indipendenti, personalitajiet pubbliċi prominenti u s-sħab tal-pajjiż, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali;

2.  Jissottolinja li l-abbozz ta’ liġi huwa inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji demokratiċi tal-UE, imur kontra l-ambizzjonijiet tal-Georgia ta’ sħubija mal-UE, jagħmel ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali tal-Georgia u jipperikola l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż;

3.  Jisħaq li n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE m’għandhomx jinfetħu sakemm din il-liġi tkun parti mill-ordinament ġuridiku tal-Georgia;

4.  Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Parlament tal-Georgia jwaqqaf il-proċedimenti parlamentari li jwasslu għall-adozzjoni tal-liġi u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jonora l-impenji li ħa f’Marzu 2023 meta ħabbar li se jirtira mingħajr kundizzjonijiet l-abbozz ta’ liġi tiegħu biex jiġu imposti restrizzjonijiet fuq is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti u li mhux se jerġa’ jipproponi liġi bħal din; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jastjeni wkoll milli jissottometti xi proposti leġiżlattivi oħra li jmorru kontra l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li, għalhekk, imorru kontra l-kriterji ta’ Copenhagen għal sħubija fl-UE;

5.  Jenfasizza li l-abbozz ta’ liġi jittradixxi l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza l-kbira tal-poplu tal-Georgia li jgħixu f’soċjetà demokratika, li jitkomplew ir-riformi demokratiċi u tal-istat tad-dritt, li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Ewro-Atlantiċi u li jittieħed impenn favur triq lejn sħubija fl-UE;

6.  Jenfasizza li d-drittijiet għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ għaqda u ta’ protesta paċifika huma libertajiet fundamentali u jridu jiġu rrispettati f’kull ċirkostanza, b’mod partikolari f’pajjiż bl-ambizzjoni li jissieħeb fl-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jirrispetta d-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini tal-Georgia u għalhekk jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet użaw forza sproporzjonata biex ixerrdu d-dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra l-abbozz ta’ liġi kontroversjali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jinvestigaw u jżommu responsabbli lil dawk responsabbli għall-użu illegali u sproporzjonat tal-forza;

8.  Jissottolinja li r-rwol ta’ għassies pubbliku moqdi mis-soċjetà ċivili u l-media indipendenti huwa essenzjali għal soċjetà demokratika u huwa kruċjali għall-avvanz tar-riformi relatati mal-adeżjoni mal-UE, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu l-almu tagħhom biex jiggarantixxu ambjent abilitanti li fih is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti jistgħu jirnexxu;

9.  Jiddenunzja l-fatt li l-Gvern tal-Georgia qed jispira ruħu minn leġiżlazzjoni Russa simili u kontroversjali immens, bħal-“Liġi dwar l-Aġenti Barranin” tar-Russja, li intenzjonalment tistigmatizza u tiddiskrimina kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u attivisti u li ntużat ukoll biex trażżan l-oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex jissikktu l-ilħna kritiċi kollha li fadal fil-pajjiż;

10.  Ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 ta lill-Georgia l-istatus ta’ kandidat bil-kundizzjoni li jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jisħaq li din ir-rakkomandazzjoni stiednet lill-Georgia tiżgura li s-soċjetà ċivili setgħet topera liberament u tiġġieled id-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-valuri tagħha, u li l-abbozz ta’ liġi jmur kontra ż-żewġ objettivi;

11.  Ifakkar lill-Gvern tal-Georgia fl-impenji li ħa kif ukoll fil-valuri u l-prinċipji li aderixxa għalihom meta applika għal sħubija fl-UE u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir u lill-President tal-Kummissjoni biex jagħmlu l-istess;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti valutazzjoni interim tal-progress tal-Georgia relatat mal-implimentazzjoni tad-disa’ passi indikati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta minnufih l-impatt tal-liġi ppjanata tal-Georgia dwar l-“aġenti barranin” fuq it-twettiq kontinwu mill-Georgia tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża, b’mod partikolari l-parametru referenzjarju tad-drittijiet fundamentali, komponent kruċjali tal-politika tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt ta’ dan l-abbozz ta’ liġi fuq ir-rwol tal-UE bħala donatur fil-Georgia u jikkomunikaw b’mod ċar lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia dwar dan l-impatt possibbli u l-konsegwenzi tiegħu għall-finanzjament tal-UE b’mod ġenerali;

15.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jerġa’ lura għat-triq tiegħu lejn l-Ewropa, jonora l-impenn tiegħu li jirrispetta, isaħħaħ u jippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jinvolvi ruħu ġenwinament fl-implimentazzjoni sħiħa tal-passi meħtieġa biex jissodisfa l-kundizzjonijiet għal status ta’ kandidat u sħubija fl-UE, fi spirtu ta’ involviment u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika tal-Georgia;

16.  Jiddeplora r-rwol personali li żvolġa Bidzina Ivanishvili, l-uniku oligarka tal-Georgia, li rritorna attivament fil-politika fit-30 ta’ Diċembru 2023 u sar “president onorarju” tal-partit “Georgian Dream”, fil-kriżi politika attwali u f’saħansitra tentattiv ieħor biex jikkomprometti l-perkors tal-pajjiż orjentat lejn il-Punent biex minflok jiddevjah lejn ir-Russja; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi tal-UE biex jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet personali fuq Ivanishvili minħabba r-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia u talli qiegħed jaħdem kontra l-interessi tal-poplu tagħha;

17.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej leġittimi tal-poplu tal-Georgia u għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’pajjiż prosperu, ħieles mill-korruzzjoni, li jirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi soċjetà miftuħa u media indipendenti; jissottolinja li d-deċiżjoni biex il-Georgia tingħata status ta’ kandidat għal sħubija fl-UE kienet immotivata mix-xewqa li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet u l-isforzi demokratiċi tas-soċjetà ċivili tal-Georgia, kif ukoll l-appoġġ enormi fost iċ-ċittadini tagħha għal adeżjoni mal-UE;

18.  Iħeġġeġ lill-maġġoranza tal-partit “Georgian Dream” tirtira l-leġiżlazzjoni kostituzzjonali proposta li tillimita d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, li tirrappreżenta attakk mhux biss fuq il-komunità LGBTIQ iżda anke fuq il-libertà tal-kelma u soċjetà ċivili ħielsa;

19.  Itenni l-appell tiegħu fuq l-awtoritajiet tal-Georgia biex jeħilsu lill-eks President Mikheil Saakashvili għal raġunijiet umanitarji u jippermettulu jingħata trattament mediku xieraq barra mill-pajjiż; jenfasizza li l-każ tiegħu jenfasizza aktar l-importanza li tiġi implimentata riforma ġenwina tas-sistema ġudizzjarja.

20.  Jappella għal missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul imparzjali u indipendenti mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, biex timmonitorja l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss tal-pajjiż f’Ottubru 2024;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.


L-attakk bla preċedent tal-Iran fuq Iżrael, il-ħtieġa ta’ tnaqqis tat-tensjoni u rispons tal-UE
PDF 153kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-attakk bla preċedent tal-Iran fuq Iżrael, u l-ħtieġa ta' de-eskalazzjoni u r-rispons tal-UE (2024/2704(RSP))
P9_TA(2024)0382RC-B9-0235/2024

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-13 ta’ April 2024 dwar l-attakki mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran immirati lejn Iżrael,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tal-14 ta’ April 2024 dwar l-attakk tal-Iran kontra Iżrael,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-UE tal-14 ta’ April 2024 dwar l-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta’ April 2024 tal-Portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-attakk f’Damasku,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra l-lista tal-UE tat-terroristi u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK li tistabbilixxi l-kriterji għall-elenkar ta’ persuni, gruppi u entitajiet(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ April 2024,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dritt umanitarju internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet ta’ The Hague tal-1899 u tal-1907 u l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE lill-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tat-12 ta’ Settembru 2023 dwar il-verifika u l-monitoraġġ fl-Iran fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-1970,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta’ April 2024, l-Iran attakka t-territorju Iżraeljan għall-ewwel darba, billi spara aktar minn 300 dron u missila; billi l-biċċa l-kbira ġew interċettati minn Iżrael, mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit u minn Franza, li pprovdew ukoll rikonjizzjoni u difiża mill-ajru mit-territorju tal-Ġordan; billi ħames missili xorta waħda spiċċaw fit-territorju Iżraeljan, fejn laqtu l-Bażi tal-Forza tal-Ajru Iżraeljana ta’ Nevatim u darbu serjament lil tifla ta’ seba’ snin mill-komunità tal-Bedwini Għarab ta’ Iżrael; billi l-170 dron u t-30 missila kruċiera kollha ġew interċettati qabel ma daħlu fit-territorju Iżraeljan, filwaqt li 105 minn 110 missili ballistiċi ġew interċettati mis-sistemi ta’ difiża kontra l-missili ta’ Iżrael; billi qabel u matul l-attakk, il-Hezbollah spara wkoll rokits lejn l-Għoljiet ta’ Golan u l-Houthi attakkaw it-territorju Iżraeljan;

B.  billi fl-1 ta’ April 2024, il-konsolat tal-Iran f’Damasku, is-Sirja ġie bbumbardjat f’attakk mill-ajru, attribwit b’mod wiesa’ lil Iżrael, liema attakk ħalla seba’ uffiċjali mejta, inklużi żewġ ġenerali superjuri Iranjani mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), u darab lil 13 oħra; billi huwa rrapportat li l-konsolat tal-Iran f’Damasku ntuża biex jitwettqu 150 attakk fuq bersalli Amerikani u Iżraeljani fir-reġjun; billi wara l-attakk bil-bombi, l-Iran appella għal “kastig u vendetta”; billi l-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari jagħtu protezzjoni lill-bini diplomatiku; billi l-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprimew tħassib u appellaw għal tnaqqis tat-tensjoni; billi l-uffiċjali tal-Istati Uniti kkonfermaw li, matul il-lejl tad-19 ta’ April 2024, Iżrael wettaq xi operazzjonijiet militari ta’ ritaljazzjoni b’attakki bid-droni fil-provinċja ċentrali ta’ Isfahan;

C.  billi l-UE, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn ikkundannaw b’mod unanimu l-attakki u appellaw liż-żewġ naħat biex inaqqsu t-tensjoni;

D.  billi l-attakki terroristiċi ta’ stmellija mill-Ħamas f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, li matulhom dawk li wettquhom, b’mod brutali qatlu fil-biċċa l-kbira ċivili, ħatfu 253 persuna bħala ostaġġi u ħaduhom fl-Istrixxa ta’ Gaża, fejn minn dak iż-żmien ’l hawn 112 minnhom ġew illiberati, kellhom effetti profondi u detrimentali fuq l-istabbiltà tal-Lvant Nofsani kollu; billi l-gwerra sussegwenti ta’ Iżrael kontra t-terroristi tal-Ħamas fl-Istrixxa ta’ Gaża involviet rispons militari sproporzjonat li qatel għexieren ta’ eluf ta’ ċivili, inklużi ħafna ħaddiema umanitarji u ġurnalisti, u kkawżat sitwazzjoni umanitarja katastrofika, inklużi livelli mingħajr preċedent ta’ karestija, minħabba n-nuqqas ta’ aċċess sikur u mingħajr xkiel tal-popolazzjoni għall-għajnuna umanitarja; billi l-avvenimenti mis-7 ta’ Ottubru 2023 ’l hawn kellhom effetti profondi u detrimentali fuq l-istabbiltà tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

E.  billi fit-Territorji Palestinjani Okkupati, l-Iran kien qed jappoġġja lill-organizzazzjoni terroristika tal-Ħamas mil-lat finanzjarju u dak loġistiku;

F.  billi mis-7 ta’ Ottubru 2023 ’l hawn, mijiet ta’ rokits u attakki mill-ajru mnedija mill-Hezbollah u mill-alleati tiegħu u minn Iżrael laqtu n-Nofsinhar tal-Libanu u t-Tramuntana ta’ Iżrael, u b’hekk 60 000 persuna Iżraeljana u 30 000 persuna Libaniża sfaw spostati; billi l-attakki mill-ajru ta’ Iżrael fil-Libanu kellhom fil-mira l-membri tal-Hezbollah u tal-Ħamas;

G.  billi l-Iran ġab milizzji mil-Libanu, mill-Iraq, mill-Iran u mill-Afganistan lejn is-Sirja biex irażżan id-dissens u jikkontrolla t-territorju tar-reġim Sirjan; billi mis-7 ta’ Ottubru 2023 ’l hawn, il-milizzji appoġġjati mill-Iran fis-Sirja żiedu l-isparar tad-droni u tar-rokits lejn Iżrael;

H.  billi, bejn l-2011 u l-2015, l-alleat tal-Iran fis-Sirja, ir-reġim ta’ Assad, assedja, ibbumbardja u qatel bil-ġuħ il-Kamp ta’ Yarmouk, l-akbar kamp tar-rifuġjati Palestinjani fis-Sirja, u qatel mijiet ta’ ċivili u aktar minn 200 000 rifuġjat Palestinjan sfaw spostati;

I.  billi fl-Iraq, il-milizzji appoġġjati mill-Iran imponew influwenza politika u militari krudili, u aġixxew barra mill-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali tad-difiża; billi dawn kellhom fil-mira speċifikament il-bażijiet militari tal-Istati Uniti, kif ukoll ir-reġjun Iraqi tal-Kurdistan; billi milizzja favur l-Iran fl-Iraq assumiet ir-responsabbiltà għall-attakki tal-1 ta’ April 2024 kontra bażi navali Iżraeljana f’Eilat;

J.  billi fil-Jemen, l-Iran jipprovdi appoġġ sostanzjali u huwa marbut mill-qrib mal-moviment tal-Houthi; billi l-attakki mill-Houthi ilhom minn Ottubru 2023 jimmiraw it-trasport marittimu kummerċjali internazzjonali fl-Istrett ta’ Bab el-Mandeb, u dan iħarbat ħafna t-traffiku marittimu fil-Baħar l-Aħmar u jhedded l-istabbiltà ekonomika globali; billi dawn ilhom mid-19 ta’ Novembru 2023 iżommu l-bastiment Galaxy Leader tal-Ġappun u lill-ekwipaġġ tiegħu, inklużi tliet ċittadini tal-UE, bħala ostaġġi; billi l-Istati Uniti u l-alleati Ewropej tagħha interċettaw attakki bid-droni mill-Houthi; billi fi Frar 2024 inħolqot l-Operazzjoni ASPIDES tal-Forza Navali tal-UE biex tipproteġi l-passaġġ marittimu internazzjonali; billi l-proċess ta’ paċi mmexxi min-NU fil-Jemen ilu staġnat minn Ottubru 2023; billi l-attakki Iranjani preċedenti, bħall-qbid tal-MSC Aries, bastiment tal-kontejners bil-bandiera Portugiża b’ekwipaġġ Estonjan abbord, fl-Istrett ta’ Hormuz, huma ta’ periklu għas-sigurtà marittima internazzjonali;

K.  billi l-programm nukleari tal-Iran kiser b’mod konsistenti t-termini tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), billi qabeż il-limitu fuq ir-riżerva tal-uranju tiegħu, filwaqt li żied l-attivitajiet ta’ arrikkiment għal 60 %, reġa’ beda l-operazzjonijiet ristretti tal-PAKK f’faċilitajiet nukleari u fixkel b’mod effettiv is-sorveljanza tal-IAEA; billi fit-13 ta’ Settembru 2023, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti esprimew tħassib serju dwar dawn l-iżviluppi lill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA; billi l-Iran wissa lil Iżrael li jista’ jirrieżamina d-duttrina nukleari tiegħu wara l-ispekulazzjoni li Iżrael kien se jimmira l-faċilitajiet nukleari tal-Iran;

L.  billi l-Iran ipprovda assistenza militari sinifikanti, inkluż permezz tal-kostruzzjoni ta’ fabbrika tad-droni fir-Russja u billi pprovda diversi eluf ta’ droni (vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord), (artillerija) munizzjon u missili ballistiċi minn superfiċje għal superfiċje, biex jappoġġja lir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; billi dawn l-armi ntużaw b’mod indiskriminat kontra l-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna; billi fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa qafas ġdid għal miżuri restrittivi mmirati lejn l-assistenza militari Iranjana lir-Russja;

M.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti, l-artisti, il-komunità LGBTIQ, l-unjonisti u ċ-champions tal-isport sofrew taħt ir-repressjoni domestika u tranżnazzjonali brutali tal-Iran, inkluż fit-territorju tal-UE, b’mod partikolari avversarji għar-reġim Iranjan, bħall-eks Viċi President tal-Parlament Ewropew Alejo Vidal-Quadras, li kien vittma ta’ sparatura, preżumibbilment mill-IRGC; billi eluf ta’ priġunieri politiċi bħalissa qed jinżammu f’kundizzjonijiet ta’ detenzjoni orribbli, ħafna minnhom ikkundannati għall-mewt; billi l-Iran huwa wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja li jagħti pieni tal-mewt, hekk kif fl-2023 qatel mill-anqas 853 persuna, skont Amnesty International; billi l-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali fl-Iran għadhom jiffaċċjaw repressjoni vjolenti;

N.  billi l-kwistjoni tal-apartheid tal-ġeneru fl-Iran tqajmet minn rapporteurs speċjali tan-NU; billi minn Settembru 2022 u mill-qtil ta’ Jina Mahsa Amini, seħħew protesti storiċi għad-drittijiet tan-nisa fl-Iran; billi l-Premju Sakharov tal-2023 għal-Libertà tal-Ħsieb ingħata lil Jina Mahsa Amini u lill-moviment “Woman, Life, Freedom” tal-Iran; billi r-reġim Iranjan irreaġixxa b’ambjent legali saħansitra eħrex, filwaqt li rrestrinġa aktar l-ilbies tan-nisa u espanda s-segregazzjoni tal-ġeneri;

O.  billi l-Istati Uniti ddeżinjaw lill-IRGC bħala organizzazzjoni terroristika barranija f’April 2019; billi l-Parlament Ewropew ilu sa mill-bidu tal-2023 jitlob li l-IRGC jiżdied mal-lista tal-UE ta’ terroristi; billi l-IRGC kien ġie implikat fl-ippjanar u/jew fl-eżekuzzjoni ta’ għexieren ta’ operazzjonijiet, assassinji u attakki terroristiċi fuq it-territorju tal-UE matul dawn l-aħħar 30 sena, inkluż il-“Mykonos Plot” f’Berlin fl-1992, l-attakk bil-bombi fuq il-karozzi tal-linja u l-qtil ta’ ħames ċittadini Iżraeljani u ċittadin Bulgaru fil-Bulgarija fl-2012, il-qtil ta’ dissidenti Iranjani fin-Netherlands fl-2015 u fl-2017, attakk bil-bombi ppjanat fuq dissidenti Iranjani f’Pariġi fl-2018, assassinju ppjanat ta’ tliet dissidenti Iranjani fid-Danimarka fl-2018 u attentat ta’ attakk bi ħruq doluż kontra sinagoga f’Bochum, il-Ġermanja fl-2022; billi xi ministri tal-affarijiet barranin tal-UE għamlu talba għal sanzjonijiet kontra l-IRGC matul il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta’ April 2024;

P.  billi madwar erbgħa u għoxrin ċittadin innoċenti tal-UE ġew detenuti b’mod arbitrarju bħala parti mid-diplomazija ta’ ostaġġi tal-Iran biex jinkisbu gwadanji politiċi; billi l-Iran ħataf lil xi wħud minn dawn id-dissidenti barra mit-territorju tiegħu stess sabiex jiġu detenuti jew jinqatlu fl-Iran;

Q.  billi, b’reazzjoni għas-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-UE, l-Iran ħa miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE); billi b’reazzjoni għal dan, f’Novembru 2022, il-Parlament iddeċieda li d-delegazzjonijiet u l-kumitati tiegħu mhux se jibqgħu jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet Iranjani;

R.  billi fis-17 ta’ April 2024, il-Kunsill iddeċieda li jespandi r-reġim ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra l-Iran biex jinkludi l-produzzjoni tal-missili u tad-droni tal-Iran; billi l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet ġodda fuq il-programmi tal-missili ballistiċi u tad-droni tal-Iran;

S.  billi minkejja l-appoġġ fost parti mill-popolazzjoni Iranjana li qed jintwera mill-media tal-istat, l-attakki mir-reġim Iranjan ġew ikkritikati b’qawwa minn ħafna Iranjani fil-pajjiż u barra minnu; billi allegatament ittieħdu miżuri biex dawk li ma jaqblux jinżammu milli jesprimu kritika wara l-attakk; billi r-reġim Iranjan ma jirrappreżentax b’mod leġittimu lill-poplu tal-Iran;

1.  Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, l-attakk bla preċedent bi droni u missili mwettaq mill-Iran fuq Iżrael fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ April 2024, kif ukoll l-eskalazzjoni serja u t-theddida għas-sigurtà reġjonali li jirrappreżenta dan; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sigurtà tal-Istat ta’ Iżrael u taċ-ċittadini tiegħu; iwassal is-simpatija tiegħu lill-familja tal-vittma mill-komunità Bedwina Għarbija ta’ Iżrael, tifla ta’ seba’ snin li ndarbet serjament minn bomba; jikkundanna l-attakki simultanji mwettqa mill-proxies tal-Iran, jiġifieri l-Hezbollah fl-Għoljiet tal-Golan u l-moviment Houthi ’l barra mill-kosta tal-Jemen;

2.  Jiddeplora l-attakk fuq il-konsulat Iranjan f’Damasku fl-1 ta’ April 2024, li rriżulta f’diversi vittmi; ifakkar fl-importanza tal-prinċipju tal-invjolabbiltà tal-bini diplomatiku u konsulari, li jrid jiġi rrispettat fil-każijiet kollha skont id-dritt internazzjonali;

3.  Jistieden lill-partijiet kollha jevitaw kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri u jappella għal trażżin massimu u tnaqqis tat-tensjoni;

4.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-UE li tespandi u twessa’ r-reġim ta’ sanzjonijiet attwali stabbilit f’Lulju 2023, inkluż billi tissanzjona l-provvista u l-produzzjoni tal-Iran ta’ droni mingħajr bdot abbord u missili lir-Russja u lir-reġjun usa’ tal-Lvant Nofsani; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jidħlu fis-seħħ b’mod urġenti; jappella li jiġu sanzjonati aktar individwi u entitajiet, bħall-Baithe Rahbari (l-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem tal-Iran), il-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati Iranjani, il-Kwartieri Ġenerali Ċentrali Khatam-al Anbiya u l-kmandant tiegħu Gholam Ali Rashid, il-flotta navali tal-IRGC, il-Ministru għad-Difiża tal-Iran Brigadier Ġeneral Mohammad-Reza Ashtiani, u d-Direttur tal-Organizzazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali tal-Iran Seid Nooshin; jinnota li s-sanzjonijiet attwali tal-UE jinkludu biss sitt individwi u ħames entitajiet responsabbli għall-programm nukleari tal-Iran; jissottolinja li dawn is-sanzjonijiet se jkollhom jiġu estiżi wara Lulju 2024; jistieden lill-Kunsill iħejji sanzjonijiet addizzjonali fis-settur bankarju, taż-żejt u tal-avjazzjoni li għandhom jiġu imposti f’każ li r-reġim Iranjan iwassal b’mod inaċċettabbli għall-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni, u jikkomunika dawn il-miżuri preparatorji minn qabel lill-awtoritajiet Iranjani; iħeġġeġ lill-Kunsill jevalwa l-aħħar sanzjonijiet tal-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran u jqis il-valur miżjud tas-sinkronizzazzjoni tar-reġimi tas-sanzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti, meta jkun rilevanti u possibbli; jissottolinja li s-sanzjonijiet imsemmija għandhom jiġu kkoordinati mal-Istati Uniti, mar-Renju Unit, mal-G7 u ma’ alleati oħra sa fejn ikun possibbli;

5.  Itenni l-appell li ilu jagħmel lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) biex iżidu l-IRGC mal-lista tal-UE ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi u jisħaq li din id-deċiżjoni ilha mistennija; jenfasizza l-fatt li f’dawn l-aħħar ftit snin kien hemm għexieren ta’ każijiet ta’ qtil u tentattivi mill-IRGC fuq it-territorju Ewropew;

6.  Jenfasizza r-rabtiet qawwija bejn l-Iran/l-IRGC, il-proxies tiegħu bħall-Houthi, il-milizzji u l-organizzazzjonijiet Iraqini u Sirjani fuq il-lista tal-UE ta’ terroristi, jiġifieri l-fergħa militari tal-Ħamas u tal-Hezbollah; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ iżidu lill-Hezbollah fl-intier tiegħu mal-lista tal-UE ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi; jikkundanna l-esportazzjoni ta’ droni u munizzjon mill-Iran biex tiġi appoġġjata l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

7.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-eskalazzjoni dejjem tikber fir-reġjun u r-rwol destabbilizzanti li għandhom ir-reġim Iranjan u n-network tiegħu ta’ atturi mhux tal-istat fil-Lvant Nofsani; jinsab allarmat bir-riskju serju ta’ eskalazzjoni reġjonali dejjem akbar; jikkundanna l-atti kollha minn atturi statali u mhux statali li jipprovokaw jew ikebbsu ċiklu eskalatorju li qed jintensifika; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjoni u jżommu lura mit-theddida jew l-użu tal-forza f’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom, b’mod partikolari skont l-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u jeżerċitaw l-akbar sens ta’ rażan; iħeġġeġ lill-atturi kollha jirrispettaw għalkollox id-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali f’kull waqt;

8.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jkomplu u jżidu l-isforzi diplomatiċi tagħhom mas-sħab internazzjonali, inkluż mal-pajjiżi tal-Golf, filwaqt li jibnu fuq inizjattivi reċenti u b’mod partikolari fuq l-ewwel Forum ta’ Livell Għoli tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Golf fil-livell ministerjali li sar fit-22 ta’ April 2024, u jinkoraġġixxu tnaqqis urġenti tat-tensjoni u djalogu sinifikanti;

9.  Jenfasizza l-effetti profondi tal-gwerra fl-Istrixxa ta’ Gaża fuq l-istabbiltà tar-reġjun; jiddeplora t-terroriżmu u d-delitti tal-gwerra mwettqa mill-Ħamas u minn gruppi terroristiċi Palestinjani oħra kontra Iżrael u kontra l-poplu Iżraeljan u Palestinjan; jitlob li l-ostaġġi kollha ta’ Iżrael miżmuma fl-Istrixxa ta’ Gaża jiġu illiberati minnufih u mingħajr kundizzjonijiet u li l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar jingħata aċċess immedjat għall-ostaġġi kollha ta’ Iżrael li jkunu qed jinżammu fl-Istrixxa ta’ Gaża sabiex ikun jista’ jagħtihom kura medika; jissottolinja l-obbligu ta’ Iżrael li jikkonforma mad-dritt internazzjonali meta jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ awtodifiża, kif stabbilit fil-Karta tan-NU; jikkundanna r-rispons militari sproporzjonat Iżraeljan, li kkawża mwiet ta’ ċivili fuq skala bla preċedent; iħeġġeġ lil Iżrael jipprovdi lill-popolazzjoni bil-ġuħ tal-Istrixxa ta’ Gaża b’aċċess sħiħ, mingħajr xkiel u sikur għall-għajnuna umanitarja u jikkonforma mal-ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; jenfasizza li s-sejba ta’ soluzzjoni politika fit-tul għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina ttejjeb b’mod sinifikanti l-istabbiltà u l-prospetti tar-reġjun; ifakkar fl-appoġġ fit-tul tiegħu għal soluzzjoni negozjata ta’ żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b’żewġ Stati sovrani u demokratiċi li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà garantita, b’Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, u b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

10.  Jinnota li l-Iran, ir-Russja u ċ-Ċina qed jaqsmu dejjem aktar intelliġenza kruċjali u qed jikkooperaw permezz ta’ kumpaniji faċċata, sforzi biex jikkollegaw is-sistemi bankarji tagħhom u t-trasferimenti taż-żejt fuq il-baħar b’tagħmir ta’ lokazzjoni mitfi, li jirrendi s-sanzjonijiet tal-UE inqas effettivi; jappella għal infurzar imtejjeb tas-sanzjonijiet tal-UE, għal titjib urġenti tas-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika biex tiġi miġġielda l-evażjoni tas-sanzjonijiet u tal-embargo, u għal aktar sorveljanza u spezzjonijiet ta’ bastimenti suspettati mill-Iran;

11.  Jikkundanna n-nuqqas ta’ konformità persistenti tal-Iran mal-obbligi ta’ salvagwardja legali tiegħu skont il-PAKK u l-avvanz tal-programm nukleari tiegħu lil hinn minn kull ġustifikazzjoni ċivili kredibbli; jisħaq li diversi sorsi kredibbli ddikjaraw li l-“breakout time” attwali tal-Iran – iż-żmien li l-Iran jeħtieġ biex jipproduċi biżżejjed plutonju għall-użu militari – huwa kwistjoni ta’ ġimgħat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw immedjatament l-obbligi tagħhom u jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti relatati kollha; iħeġġeġ lill-E3 (Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit) u lis-sħab tiegħu jikkunsidraw li jimponu skadenza fuq l-Iran biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu fil-qafas tal-PAKK u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, biex jinvokaw kollettivament l-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet ta’ kontinġenza skont ir-Riżoluzzjoni 2231 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

12.  billi l-Istati Uniti huma tassew imħassbin dwar il-kooperazzjoni militari bejn l-Iran u l-Korea ta’ Fuq, b’mod partikolari dwar il-missili nukleari u ballistiċi; billi hemm ukoll tħassib leġittimu dwar il-kooperazzjoni militari tal-Iran mar-Russja u mal-Pakistan, u l-kooperazzjoni msaħħa tiegħu maċ-Ċina dwar it-teknoloġija militari; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrapporta dwar l-iskambju ta’ teknoloġiji ta’ missili u ta’ armi ta’ medda twila bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Iran, li twasslu wkoll lill-proxies tal-Iran fil-Lvant Nofsani; billi l-Korea ta’ Fuq forniet lill-Iran b’komponenti kruċjali tal-missili, li jippermettu l-iżvilupp ta’ missili ballistiċi li huma kapaċi jolqtu bersalji ħafna aktar ’il bogħod u li, fil-fatt, jgħinu lill-Iran biex isir potenza fejn jidħlu l-missili;

13.  Ifakkar li l-Hezbollah jeħtieġ li jżarma f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jikkundanna r-rwol attiv tiegħu fir-repressjoni tal-vuċijiet tal-oppożizzjoni fil-Libanu u fis-Sirja, inkluż permezz tal-qtil ta’ diversi informaturi li rrappurtaw dwar l-isplużjoni tal-port ta’ Bejrut f’Awwissu 2020; jikkundanna l-attakki tal-Hezbollah kontra Iżrael u l-attakki mill-ajru Iżraeljani fil-Libanu; jistieden b’mod urġenti liż-żewġ partijiet biex juru trażżin u jwaqqfu l-ostilitajiet sabiex ma jibqgħux jiżdiedu t-tensjonijiet; jistieden lill-Kunsill jiddeżinja lill-Hezbollah fl-intier tiegħu bħala organizzazzjoni terroristika;

14.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkonsolidaw u jintensifikaw l-isforzi kollha biex jiżguraw il-liberazzjoni sigura u immedjata tal-ostaġġi kollha meħuda mill-bastiment Galaxy Leader, inklużi żewġ ċittadini Bulgari, ċittadin Rumen u tliet ċittadini Ukreni, li ilhom mid-19 ta’ Novembru 2023 jinżammu ostaġġi mill-Houthi; iħeġġeġ lill-VP/HR u lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni diplomatika tagħhom għal dan il-għan u jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiggarantixxu r-ritorn sikur tal-Ewropej maqbuda mingħajr aktar dewmien; jikkundanna bil-qawwa l-interċettazzjoni, l-imbark u d-detenzjoni illegali tal-bastiment MSC Aries bil-bandiera Portugiża, flimkien mal-ekwipaġġ tiegħu, minn entitajiet li joperaw taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-Gvern Iranjan; jitlob b’urġenza l-liberazzjoni immedjata tagħhom; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jniedi l-Operazzjoni ASPIDES tal-Forza Navali tal-UE biex tissalvagwardja l-libertà tan-navigazzjoni ’l barra mill-kosta tal-Jemen, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi reġjonali;

15.  Jikkundanna d-diplomazija tal-ostaġġi tal-Iran; jeżiġi l-liberazzjoni immedjata u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Johan Floderus, ċittadin Żvediż u uffiċjal tal-UE li ġie detenut arbitrarjament f’Tehran u li għadu l-ħabs fl-Iran taħt kundizzjonijiet inumani; iħeġġeġ lill-UE tniedi strateġija biex tiġġilidha b’task force apposta biex tgħin aħjar lill-familji tad-detenuti u tipprevjeni b’mod effettiv aktar teħid ta’ ostaġġi; jappella li jiġi skoraġġut l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu miċ-ċittadini tal-UE lejn l-Iran; jistieden lill-Iran biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet jillibera liċ-ċittadini kollha tal-UE, inkluż lill-uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni EsternaJohan Floderus , kif ukoll lill-priġunieri politiċi l-oħra kollha;

16.  Jikkundanna s-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Iranjani kontra l-Membri tal-PE; jafferma mill-ġdid li sakemm jippersistu dawn is-sanzjonijiet fuq il-membri parlamentari Ewropej, id-djalogu interparlamentari jrid jibqa’ sospiż;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi strateġija wiesgħa biex tindirizza r-repressjoni tranżnazzjonali mir-reġim Iranjan fl-UE u jqis li l-istrateġija għandha tippromwovi għodod tekniċi għall-prevenzjoni ta’ tali repressjoni; jappella għal sanzjonijiet kontra l-membri tal-familja ta’ membri prominenti tal-IRGC li jistudjaw jew jaħdmu fl-UE u għal miżuri biex jiġi pprevenut kwalunkwe fastidju jew intimidazzjoni tad-dijaspora Iranjana fl-UE, inkluż fil-campuses; jistieden lis-servizzi tal-intelligence Ewropej, lis-CSIRTs, liċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE, lill-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u lit-Task Force East StratCom biex jikkooperaw b’mod attiv biex jiġu miġġielda u skoraġġuti d-diżinformazzjoni online Iranjana/mill-IRGC/mill-Ministeru Iranjan tal-Intelligence u l-operazzjonijiet ċibernetiċi u ta’ intimidazzjoni indirizzati kontra d-dijaspora Iranjana; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiġġieldu b’mod attiv it-tentattivi tal-Iran biex ixerred l-ideoloġija rivoluzzjonarja tiegħu fit-territorju tal-UE;

18.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għaċ-ċibersigurtà u networks privati virtwali (VPNs) bla ħlas u aċċessibbli jew għodod oħra ta’ ċirkomvenzjoni lis-soċjetà ċivili u lill-oppożizzjoni fl-Iran;

19.  Jikkundanna r-repressjoni massiva fil-pajjiż kollu mill-awtoritajiet Iranjani fuq in-nisa li jiksru l-liġi esaġerata dwar il-ħiġab; jinnota bi tħassib serju l-eskalazzjoni reċenti fl-użu tal-piena tal-mewt fl-Iran u jtenni l-appell tiegħu għall-abolizzjoni tagħha;

20.  Jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà sħaħ tiegħu mas-soċjetà ċivili u l-forzi demokratiċi fl-Iran; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġ li jitilqu mill-Iran, inkluż permezz ta’ aċċess rapidu għall-viżi u l-ażil, u jipprovdu appoġġ tekniku lil dawk li jgħinu lis-soċjetà ċivili Iranjana, filwaqt li jiżguraw is-sjieda Iranjana ta’ dawn l-attivitajiet;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran u lill-Gvern u l-Parlament ta’ Iżrael.

(1) ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20.
(2) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93.

Avviż legali - Politika tal-privatezza