"L-għajnuna liż-żgħażagħ qatt ma kienet importanti daqs illum“

Lukas Jipprovdi taħriġ professjonali lin-nies fl-Awstrija bejn il-15 u l-24 sena L-Awstrija, Innsbruck

Meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, żdied il-bżonn tal-Awstrijaċi għall-għajnuna professjonali. Mal-persuni qegħda eżistenti żdiedu wkoll nies li tilfu xogħolhom. "Suq tax-xogħol milqut b'mod qawwi jagħmilha aktar diffiċli biex jinstabu opportunitajiet ta' xogħol", jgħid Lukas, li jmexxi l-proġett "VERA". VERA huwa wieħed mill-ħafna proġetti ta' taħriġ iffinanzjati taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Huwa jipprovdi liż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena bi tliet tipi ta' taħriġ minn fejn jagħżlu (upcycling u manutenzjoni, moda u dekorazzjoni, u media) u kompla bis-sessjonijiet tiegħu ta' coaching anki waqt il-lockdown. "Il-COVID-19 ma jieqafx mal-fruntieri. Lanqas m'għandu jkun hemm limiti għall-kooperazzjoni, komunità, u kreattività", jsostni Lukas. Kull baġit fit-tul tal-UE għandu jikkunsidra l-bżonnijiet tal-ġenerazzjoni li jmiss, sostniet Sabine Verheyen, il-President tal-Kumitat għall-Kultura tal-Parlament. Hija reċentement sejħet għal finanzjament suffiċjenti għall-programmi edukattivi u kulturali.

"Aħna nibqgħu ngħinu liż-żgħażagħ, anki jekk mill-bogħod“

Katharina Tagħti coaching liż-żgħażagħ mingħajr xogħol, edukazzjoni jew taħriġ permezz tal-finanzjament taħt il-proġett "We need you" L-Awstrija, Linz

Fl-2019, xi 65,200 żgħażagħ fl-Awstrija la kienu impjegati u lanqas ma kienu rreġistrati li qed jistudjaw jew jitħarrġu (NEET). Għal Katharina li tipprovdi coaching lil żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena, il-COVID-19 kien l-agħar ħaġa li setgħet tiġri. "Aħna tlifna l-kuntatt ma x'uħud minnhom waqt il-lockdown, li kienet xi ħaġa drammatika għalina peress li l-mentors għandhom rwol vitali fl-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà", tispjega Katharina. Madankollu, Katharina u l-kollegi tagħha tal-proġett b'kofinanzjament tal-UE "We need you" għażlu li ma jaqtgħux qalbhom. Huma baqgħu jaħdmu biex jibnu futur għal dawn iż-żgħażagħ. "Aħna riedna nkomplu nsaħħu l-fiduċja tagħhom fihom infushom u nuruhom perspettivi ġodda minkejja l-kriżi. Issa għandhom bżonna aktar minn qatt qabel", tgħid Katharina. "We need you" toffri għajnuna mingħajr ħlas fl-Awstrija ta' Fuq. Hija parti min-NEBA, network għall-għajnuna vokazzjonali mnedija mill-Ministeru Awstrijakk għall-Affarijiet Soċjali. Il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

"Aħna nistinkaw għar-responsabbiltà u għall-benefiċċji ekoloġiċi“

Gabriele Tmexxi Gabarage, li hija impriża soċjali ddedikata għar-riċiklaġġ b'livell għoli ta' valur miżjud (upcycling) L-Awstrija, Vjenna

Gabarage hija totalment ibbażata fuq l-upcycling. L-impriża soċjali tittrasforma pultruni u pajpijiet għat-tifi tan-nar f'bandli, escalators f'sufanijiet, u tili użati f'backpacks u basktijiet. "Aħna nimpjegaw nies li għandhom diffikultà isibu posthom f'ambjent tax-xogħol. Aħna nipprovdulhom taħriġ u nagħtuhom ħiliet ġodda bħala parti minn approċċ iffukat fuq il-karriera", tgħid Gabriele, il-fundatriċi u l-manager ta' din l-impriża soċjali. Bit-tifqigħa tal-COVID-19, Gabriele għarfet kif iċ-ċittadini fi kwarantina fl-Ewropa kollha bdew jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom biex jesploraw id-delizzji tagħhom. "L-artiġjanat u l-upcycling qed jerġgħu jiżdiedu, u nispera li din ix-xejra tkompli", qalet Gabrielle. L-Unjoni Ewropea tappoġġa ħafna start-ups li jiffavorixxu l-ambjent permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Interessat f'ekonomija ambjentalment sostenibbli? Il-Parlament Ewropew approva regoli ġodda dwar investimenti ekoloġiċi f'Ġunju 2020. Skopri aktar → https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/economy/20200604STO80509/l-ue-tiddefinixxi-investimenti-ahdari-bhala-spinta-ghal-finanzjament-sostenibbli

"Solnatide huwa l-ewwel trattament approvat għad-disfunzjoni tal-pulmun li jikkawża l-COVID-19“

Bernhard Jiffaċilita l-aċċess għal trattamenti ġodda bis-saħħa tal-finanzjament tal-UE għar-riċerka L-Awstrija, Vjenna

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-COVID-19 huwa assoċjat ma' sintomi respiratorji ħfief. Madankollu, madwar 15% tal-pazjenti jkollhom jiġu rikoverati l-isptar u madwar 5% jiżviluppaw ħsara gravi fil-pulmun li tista' twassal għas-sindromu ta' diffikultà respiratorja akuta (ARDS). F'April, is-Solnatide sar uffiċjalment l-ewwel trattament għall-ARDS approvat għall-użu fl-Awstrija u fl-Italja. "Aħna kuntenti ħafna li nistgħu infornu l-mediċina li qed niżviluppaw, Solnatide, lid-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika tal-Università Medika ta' Vjenna. Is-Solnatide hija l-unika sustanza terapewtika b'riżultati ta' prova tal-kunċett f'żewġ studji kliniċi fuq pazjenti b'disfunzjonijiet tal-pulmun gravi," qal b'entużjażmu Bernhard, is-CEO ta' APETICO. Il-kumpanija ta' bijoteknoloġija tiegħu tikkoordina proġett finanzjat mill-UE għar-riċerka tal-coronavirus u tiżviluppa mediċini ġodda. L-Unjoni Ewropea pprovdiet finanzjament ta' aktar minn EUR47.5 miljun għal 17-il proġett differenti f'dan il-qasam.

"Il-passjoni tagħna hija l-moda u ħassejna li kellna nagħmlu kull ma stajna bir-riżorsi limitati li għandna biex nipproduċu PPE (Tagħmir ta' protezzjoni personali) għall-persuni fuq quddiem nett tal-ġlieda“

Team HTL Dornbirn Iħitu maskri protettivi għaċ-ċittadini li jkollhom bżonnhom L-Awstrija, Dornbirn

HTL Dornbirn għandha rekord twil bħala l-post għal dawk kollha li jridu jitgħallmu dwar il-moda u t-teknoloġiji ta' produzzjoni. Issa hija wkoll magħrufa għar-rieda tagħha biex tgħin liċ-ċittadini Awstrijaċi li huma l-aktar mhedda mill-COVID-19. Wara inizjattiva minn kumpaniji tat-tessuti f'Voralberg, il-kulleġġ tekniku vokazzjonali beda jipproduċi l-maskri fil-workshops tiegħu. "Ħadna gost inħitu l-maskri. Ħassejna li qed nikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-virus," qal wieħed mill-membri tat-tim. Din hija storja li tispirana u li turi kif l-industriji kreattivi jlaqqgħuna anki meta jkollna nżommu 'l bogħod minn xulxin.

"Rapporti foloz huma attakk fuq id-demokrazija. Aħna, bħala s-soċjetà ċivili, irridu niġġielduhom“

Andre Jifred il-fatti dwar il-COVID minn dak li mhux veru f'ħidma kontinwa biex jinforma liċ-ċittadini L-Awstrija, Vjenna

Andre ddedika l-karriera tiegħu għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz. Għalih il-COVID-19 huwa eżempju ieħor ta' kemm hija importanti l-ħidma tiegħu. "Il-litteriżmu tal-media huwa importanti b'mod speċjali waqt pandemija biex ma tinfirixx il-miżinformazzjoni u potenzjalment jitqiegħdu f'riskju l-ħajjiet," huwa spjega. Is-sit web ta' Andre jismu Mimikama. Bħalissa għandu l-għan li jidentifika aħbarijiet foloz dwar il-COVID-19, bħal artikli dwar fejqan ivvintat jew teoriji ta' kospirazzjoni. L-utenti tal-internet jistgħu jiċċekkjaw fis-sit web biex jinfurmaw ruħhom dwar id-diżinformazzjoni li qed tinfirex. Huma jistgħu ukoll jissottomettu aħbarijiet foloz li jkunu sabu huma stess fuq il-media soċjali. Is-sit web Mimikama huwa disponibbli bil-Ġermaniż u bl-Olandiż. Informazzjoni qarrieqa dwar il-COVID-19 tista' tipperikolalna ħajjitna. Dejjem għandna nfittxu sorsi affidabbli u nevitaw li nxerrdu aħbarijiet foloz. Ara l-gwida qasira dwar kif nirrikonoxxu l-miti fuq https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/priorities/ir-rispons-tal-ue-ghall-coronavirus/20200326STO75917/id-dizinformazzjoni-kif-taghraf-u-tindirizza-l-miti-dwar-il-covid-19

"Aħna impenjati biex ngħinu lit-tfal fl-edukazzjoni tagħhom waqt li l-iskejjel magħluqin“

Bernhard Jgħin lit-tfal jibqgħu jitgħallmu waqt it-tifqigħa tal-coronavirus L-Awstrija, Vjenna

Il-ġenituri qed isibu diffikultà biex jiżguraw li uliedhom iżommu r-rutina skolastika tagħhom u jibqgħu jitgħallmu. Busuu (kumpanija ta' teknoloġija edukattiva globali) impenjat ruħha biex tindirizza din il-problema ġdida u nediet #KeepKidsLearning. Huma qed jipprovdu għat-tfal fl-Ewropa kollha aċċess għal lezzjonijiet tal-lingwa live b'xejn, li jsiru minn għalliema tal-lingwa kwalifikati. S'issa ppubblikaw aktar minn 120 lezzjoni b'vidjo li jgħallmu l-Ingliż, l-Ispanjol u ċ-Ċiniż u s'issa pprovdew aktar minn 3,100 siegħa ta' lezzjonijiet. Is-solidarjetà online nistgħu narawha fost bosta kumpaniji diġitali. Netflix, YouTube u Facebook, fuq talba tal-UE, qablu li jnaqqsu l-kwalità tal-istreaming tal-vidjos fl-Ewropa biex jevitaw li jgħabbu l-internet wisq waqt li aktar nies qed jiġu mġiegħla joqogħdu d-dar. Jekk trid issir taf aktar, tista' ssib il-lezzjonijiet fl-iskeda ppubblikata fuq is-sit #KeepKidsLearning li tiġi aġġornata kull ġimgħa.