"L-istudjo tagħna huwa patrimonju ta' komunità taż-żfin, kellna nsalvawh!“

David Bdew kampanja ta' crowdfunding biex isalvaw ċentru popolari tal-arti u taż-żfin kontemporanju milli jfalli Il-Belgju, Brussell

Ċerti impriżi dejjem ta' min insalvawhom, b'kull mezz possibbli. Dan huwa proprju dak li ħass it-tim taċ-Ċentru tal-Arti Tictac fil-Belġju hekk kif raw id-dinja tidħol fil-lockdown. "Aħna organizzazzjoni żagħżugħa mingħajr skop ta' qligħ li tippromwovi l-arti u ż-żfin kontemporanju mil-livell lokali sa dak internazzjonali. Aħna sirna punt ta' kuntatt dejjem aktar popolari għax-xena taż-żfin Ewropea u interkontinentali", spjega David Zambrano, direttur taċ-Ċentru tal-Arti Tictac. Hekk kif il-Belġju inforza l-lockdown tiegħu, il-grupp malajr irrealizza li l-proġett tagħhom kollu kemm hu kien qed jissogra li ma jirnexxilux joħroġ mill-kriżi. Wara bosta ġimgħat li waqthom fittxew soluzzjonijiet potenzjali, spiċċaw biex bdew kampanja ta' crowdfunding. "Aħna kellna nsalvaw il-proġett, u l-crowdfunding kien wieħed mill-ftit possibbiltajiet li kien fadlilna. Il-kampanja kienet ta' suċċess kbir. Issa nistgħu ngħidu b'mod ċar li ma stajna qatt nissopravvivu mingħajr l-appoġġ tal-artisti, iż-żeffiena, l-istudenti u d-dilettanti tal-arti kollha li tawna donazzjonijiet", ikkonkluda David.

"Il-familji fit-Togo kienu qed ibatu. Kelli nagħmel xi ħaġa“

Kadi Tipprepara u tqassam kits ta' ikel għal ommijiet żgħażagħ u trabi tat-twelid f'Togo Il-Belgju, Brussell

Kadi tgħix il-Belġju u ma setgħetx tissaporti tara familji f'pajjiżha ibatu. "Jien mit-Togo u s-sitwazzjoni hemmhekk hi partikolarment ħażina minħabba l-COVID-19. In-nies qed ibatu minħabba l-curfew u d-dħul tagħhom li huwa diġà baxx naqas drastikament."  Hija kellha tieħu azzjoni. Kadi ddeċidiet tqassam kits ta' ikel speċifikament għal nisa tqal u għat-trabi tat-twelid tagħhom. Aktar minn 100 kit diġà ġew ippreparati biex jitqassmu f'Sokodé, fiċ-ċentru tat-Togo. "L-idea hija li tipprovdi lil dawn il-familji bil-minimu meħtieġ għal bidu pożittiv tal-maternità", spjegat Kadi. "Aħna nikkollaboraw ukoll mat-tobba u nħallsu għal konsultazzjonijiet mediċi meta dawn ikunu meħtieġa". L-UE hija konxja dwar il-problemi tal-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Pakkett ta' EUR 20 biljun "Team Europe" ġie żviluppat biex jgħinhom jiġġieldu l-kriżi tal-COVID-19. Sadanittant, pont umanitarju bl-ajru jittrasporta tagħmir ta' emerġenza fiż-żoni kritiċi madwar id-dinja.

"Jien ridt biss inkun preżenti“

Elena Użat l-esperjenza tagħha fis-servizz mediku tal-Parlament Ewropew biex taħdem għall-pazjenti tal-COVID-19 tas-CHU Saint-Pierre Il-Belgju, Brussell

Bħala wieħed mill-isptarijiet fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra l-COVID-19 fi Brussell, is-CHU Saint-Pierre kellu bżonn l-għajnuna kollha li seta' jikseb. Elena malajr offriet ruħha għall-volontarjat: "Jien ridt biss inkun preżenti", hija spjegat. Elena kienet għadha kif temmet sena esperjenza taħdem fis-servizz mediku tal-Parlament Ewropew fi Brussell iżda fis-16 ta' April hija ngħaqdet mal-Unità ta' Kura Intensiva (ICU) tas-CHU Saint-Pierre. "Jien wasalt meta l-agħar kien għadda, iżda s-sodod tal-ICU kienu għadhom okkupati mill-pazjenti tal-COVID-19. Dmiri kien li ngħin lill-infermiera fuq quddiem nett tal-ġlieda. Aħna ħadna ħsieb il-pazjenti, tajnihom it-trattamenti u provdejnilhom għajnuna kruċjali", hija qalet. Issa li l-Belġju jinsab fit-triq ta' rkupru, lil Elena għarrfuha li tista' tmur lura d-dar. "Xtaqt nibqa' sakemm inħallu lill-COVID-19 warajna, iżda ma kienx hemm ħin biex immur lura għal xogħli. Qalbi dejjem se tibqa' maqsuma bejn l-isptar u l-Parlament", hija kkonkludiet.

"Ma kontx nirritorna d-dar kieku ma kinitx għall-għajnuna tal-UE“

Awa Seck Irritornat id-dar qawwija u sħiħa permezz tal-assistenza tal-UE Il-Belgju, Brussell

Xi ċittadini Ewropej inqabdu f'pajjiż ieħor meta l-Istati Membri tal-UE għalqu l-fruntieri tagħhom. Kollha naqblu li fi żmien din il-kriżi, l-aħjar post li tkun fih huwa d-dar, imma x'kont tagħmel kieku nqbadt f'pajjiż ieħor meta faqqgħet l-pandemija? Hekk ġarala Awa. Oriġinarjament mill-Belġju, hija sabet ruħha maqbuda fis-Senegal waqt li kienet fuq vjaġġ hemmhekk. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni għal Emerġenzi organizza titjiriet lura lejn l-Ewropa sabiex Awa, flimkien ma' eluf ta' residenti oħra tal-UE, setgħu jirritornaw id-dar b'mod sikur. L-Unjoni Ewropea qed tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza u l-operazzjonijiet ta' ripatriazzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE minn madwar id-dinja, ikunu fejn ikunu. S'issa għenu madwar 85,000 persuna jmorru lura d-dar fl-Ewropa matul din il-kriżi.

"Vie Féminine tistinka biex tgħin lin-nisa jiksbu d-drittijiet soċjali tagħhom filwaqt li jinżammu r-rabtiet soċjali“

Yasmina u Fatima Jipprovdu servizz telefoniku u grupp ta' Facebook għal nisa fil-bżonn fejn ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin Il-Belgju, Charleroi

Fil-Belġju n-nisa li jiffaċċaw sitwazzjonijiet diffiċli dejjem jistgħu iċemplu lill-organizzazzjoni femminista "Vie Féminine" għall-għajnuna. Iżda l-COVID-19 ħolqot sfida ġdida: il-bżonn tan-nisa għall-għajnuna kiber filwaqt li l-organizzazzjoni ltaqgħet ma' dejjem aktar diffikultajiet biex torganizza xogħolha. Biex isolvu dil-problema, Fatima u Yasmina kellhom isibu soluzzjonijiet innovattivi. Huma malajr organizzaw hotlines li jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa biex iżommu r-rabtiet soċjali u jippermettu lin-nisa f'Charleroi jeżerċitaw id-drittijiet soċjali tagħhom permezz tat-telefon. Vie Féminine organizzat l-istess appoġġ f'ħames reġjuni tal-Wallonie. Apparti t-telefonati, iż-żewġ rappreżentanti tal-Vie Féminine ħolqu grupp ta' Facebook li jismu "Konfinati u Magħquda". "Dan il-grupp jippermetti lin-nisa jżommu f'kuntatt u jappoġġaw lil xulxin matul il-lockdown. Mill-inizjattivi personali li jinkludu ideat biex inżommu lit-tfal okkupati u kuntenti, tqassim tal-ikel u għajnuna f'każ ta' emerġenza, aħna rnexxielna noħolqu spirtu komuni ta' għajnuna reċiproka bejn il-membri tal-grupp", spjegaw Fatima u Yasmina.

"Jien inħobb xogħoli u ċertament għandi l-intenzjoni li nkompli nagħmlu“

Jacqueline Ittrasferita biex taħdem fid-dipartiment tal-COVID fl-isptar fejn taħdem Il-Belgju, Brussell

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat l-2020 bħala s-"Sena Internazzjonali tal-Infermiera u l-Qwiebel" f'ċelebrazzjoni tal-200 sena mit-twelid ta' Florence Nightingale. Kien totalment mhux mistenni li din kellha tkun ukoll is-sena ta' kriżi internazzjonali tas-saħħa li issa laqtet kull livell tas-soċjetà. Illum, id-dinja kollha qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-impatt tal-pandemija, u l-infermiera jinsabu fuq quddiem nett f'din il-ġlieda. Ħafna infermiera kellhom jaddattaw ir-rwoli tagħhom, bħal Jacqueline, li normalment kienet taħdem fil-fiżjoterapija iżda issa taħdem direttament ma' pazjenti morda bil-COVID-19. Dan it-tip ta' aġġustament mhux l-ewwel darba li seħħ fost l-infermiera. Tul l-istorja, il-professjoni tal-infermiera kellha rwol ewlieni fi żminijiet ta' kriżi u pprovdiet kura u innovazzjoni li salvat il-ħajjiet u naqqset it-tbatija. L-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tiżgura li l-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa jkollhom aċċess għal tagħmir xieraq li jkollhom bżonn biex iwettqu xogħol tant essenzjali filwaqt li jibqgħu sikuri.

"Aħna lesti naqdu lill-klijenti tagħna 100%“

Erika Sidt ħanut tal-merċa li b'solidarjetà saħħaħ is-servizzi ta' konsenja tiegħu Il-Belgju, Heppenbach

Waqt li l-pandemija għadha għaddejja, persuni anzjani u dawk li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli jaf jaħsbuha darbtejn qabel ma jmorru s-supermarket. Għalhekk, il-ħanut ta' Erika, li jinsab f'villaġġ żgħir fil-Belġju, żied is-servizzi ta' konsenja sabiex kulħadd ikompli jinqeda fil-bżonnijiet ta' kuljum. Erika tuża l-midja soċjali sabiex tinforma lill-klijenti tagħha li l-ħanut għad għandu l-prodotti li jkollhom bżonn u qiegħda wkoll tappoġġa lill-produtturi lokali bħala mod addizzjonali kif turi solidarjetà mal-katina ta' provvista lokali. Erika hija parti mill-assoċjazzjoni "Emma 2.0" li tlaqqa' flimkien ħwienet lokali fil-komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju. Huma bħalissa qed jikkonċentraw fuq proġetti ta' responsabbiltà soċjali f'żoni rurali inqas popolati.

"Minħabba l-COVID, ħafna nies m'għandhomx biżżejjed x'jieklu. Donazzjoni tal-ikel tista' tagħmel differenza kbira“

Mohamed, Bilal u Hamza Iqassam pakketti tal-ikel fir-residenzi ta' nies fil-bżonn Il-Belgju, Brussell

Minħabba l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, ħafna familji qegħdin taħt pressjoni finanzjarja u għandhom inqas flus disponibbli għall-ikel. Familji b'ġenitur wieħed, nies qiegħda, l-istudenti, ir-rifuġjati, l-immigranti u ħafna oħrajn jiffaċċjaw nuqqas ta' ikel. Id-donazzjoni ta' pakketti tal-ikel tista' b'hekk iġġib serħan il-moħħ lil ħafna. Din hija r-raġuni għaliex Mohamed, Bilal u Hamza, tlitt iħbieb mid-distrett ta' Anneessens fi Brussell, iddeċidew li jwaqqfu tali inizjattiva ta' solidarjetà meta beda l-iżolament. Huma jippreparaw u jikkonsenjaw pakketti tal-ikel mogħtija direttament b'donazzjoni minn individwi jew bejjiegħa bl-imnut, mingħajr ebda sponsor finanzjarju. Illum, aktar minn għoxrin voluntier jieħdu sehem fl-attività u, ispirati mill-impatt tagħhom, inizjattivi simili bdew ifaqqsu f'żoni oħra ta' Brussell.

"Flimkien, ejja nagħmlu l-ġirien inviżibbli tagħna viżibbli fi qlubna“

Cynthia Tipprovdi ikliet ta' kwalità lill-persuni mingħajr dar Il-Belgju, Brussell

L-assoċjazzjoni "Solidarité Grands Froids" hija organizzazzjoni mmexxija mill-voluntiera li taħdem is-sena kollha ma' persuni mingħajr dar fi Brussell. Minħabba l-kriżi tal-COVID, il-parti l-kbira tal-assoċjazzjonijiet li jaħdmu ma' persuni mingħajr dar għalqu ċ-ċentri tagħhom, u dan għamel il-ħajja tal-"ġirien inviżibbli" tagħna saħansitra aktar diffiċli. Cynthia Simpson, il-fundatriċi tal-assoċjazzjoni, iddeċidiet li ma setgħetx toqgħod b'idejha fuq żaqqa waqt li din il-kriżi sanitarja affettwat anki aktar dan il-grupp vulnerabbli. Flimkien ma' grupp ta' tmien voluntiera oħra mit-tim tagħha u żewġ chefs rinomati, hija ddeċidiet li tipprovdi lill-persuni fil-bżonn ikel ta' kwalità li huwa tajjeb għas-saħħa. Il-kelma ġriet li fl-erbgħa ta' wara nofsinhar huma jservu ikel delizzjuż fl-istazzjonijiet ewlenin tal-ferrovija f'Brussell u madwar iċ-ċentru tal-belt. Huma joffru wkoll borża b'affarijiet utli li jinkludu prodotti tal-iġjene, kalzetti nodfa u prodotti oħra offruti mid-donaturi.

"Filwaqt li l-miżuri kontra l-COVID-19 huma kruċjali, huma jridu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità ta' kulħadd“

Anne-Sophie Tikkunsidra l-bżonnijiet tal-anzjani Il-Belgju, Overijse

Id-drittijiet u d-dinjità tal-anzjani jridu jiġu rrispettati waqt il-COVID-19. Anne-Sophie hija s-Segretarju Ġenerali tal-AGE Platform Europe, li huwa network kbir tal-UE li jiġġieled għal dan it-tip ta' drittijiet. L-anzjani jikkontribwixxu enormement lill-familji u lill-komunitajiet tagħhom – u spiss jissagrifikaw il-benesseri tagħhom biex jieħdu ħsieb lil ħaddieħor, inkluż billi jgħinu fit-trobbija tan-neputijiet u lil qraba u ġirien li jkollhom bżonn għajnuna. Sa mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, il-persunal kollu tal-AGE kien qed iqajjem l-għarfien dwar l-impatt tal-virus fuq id-drittijiet tal-anzjani u jiċċara kwistjonijiet etiċi. Is-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul għall-anzjani jridu jirrikonoxxu u jikkonfrontaw l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw, inkluża l-abilità tagħhom li jaċċedu għal trattament u kura medika. F'konsultazzjoni mal-membri tagħhom, l-AGE ppubblikat dokument ta' pożizzjoni dwar il-COVID-19 u d-Drittijiet tal-Anzjani, u ħolqot paġna web partikolari b'eżempji dwar kif jingħata appoġġ lill-anzjani li huma iżolati.

"Aħna impenjati biex nagħmlu l-parti tagħna biex nagħmlu disponibbli tilqima tal-COVID-19 bi prezz raġonevoli mill-aktar fis possibbli“

Konsorzju pan-Ewropew għall-iżvilupp mgħaġġel ta' tilqima tal-COVID-19 f'doża waħda Ingħaqdu biex jiżviluppaw u jipproduċu tilqima ġdida bbażata fuq l-adenovirus Il-Belgju, Brussell, Ruma u Berlin

Biex nipproteġu gruppi f'riskju għoli, jitnaqqas it-tixrid tal-marda u jitnaqqas il-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, hija meħtieġa tilqima b'mod urġenti. Minbarra l-iżvilupp ta' tilqima sikura u protettiva, huwa wkoll importanti li jiġu prodotti miljuni ta' dożi tat-tilqima f'ħin rekord. B'appoġġ għal dawn l-għanijiet, tliet kumpaniji tal-bijoteknoloġija Ewropej iffurmaw konsorzju pan-Ewropew. Il-kumpanija Taljana ReiThera Srl., dik Ġermaniża LEUKOCARE AG u dik Belġjana Univercells S.A., ħabbru kollaborazzjoni għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' tilqima kontra l-COVID-19. Huwa mistenni li jibdew il-provi kliniċi fuq it-tilqima kandidata matul is-sajf 2020 u l-produzzjoni fuq skala kbira tibda ftit wara. Is-sħab se jlaqqgħu flimkien l-għarfien espert uniku tagħhom fl-iżvilupp ta' tilqima abbażi ta' vettur virali, il-formulazzjoni u l-produzzjoni tat-tilqima rispettivament. L-UE qed torganizza wkoll ġbir ta' fondi online li għandu l-għan li inizjalment jiġbor EUR7.5 biljun għat-tilqim, il-mediċini u d-dijanjostika għall-ġlieda dinjija kontra l-coronavirus.

"Il-ħaddiema jgħinuna, issa jmiss lilna nipproteġuhom“

Julie u Cathy Ilaqqgħu donaturi u ħajjata ma' dawk il-ħaddiema li għandhom bżonn ilbies protettiv Il-Belgju, Brussell

Julie (il-fundatriċi) u Cathy nedew grupp fuq Facebook jismu "Les Petites Mains Bruxelloises pour les Blouses". Id-donaturi jagħtu lożor, duvet covers jew tvalji, u l-voluntiera, li normalment iħitu bħala delizzju, jibdluhom f'ġagagi għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. S'issa l-grupp ta lil sptarijiet u djar residenzjali aktar minn ħamsin ġagaga. Julie u Cathy bħalissa qed ifittxu aktar voluntiera biex jissodisfaw it-talba ta' 500 ġagaga.

"Agħtuna labra u ħajta ħalli nħitu rabtiet ta' solidarjetà“

Masque tissu - Solidarité Coronavirus Irawmu komunità għat-tqassim u l-produzzjoni ta' maskri DIY Il-Belgju, Brussell

Il-maskri huma għodda utli biex nipprevjenu t-tixrid tal-COVID-19 u biex nipproteġu lil dawk ta' madwarna. Madankollu, minħabba domanda qawwija, il-maskri ta' użu uniku jistgħu jsiru rari. "Masque tissu - Solidarité Coronavirus - Belgique" riedet issolvi din il-problema permezz tal-produzzjoni u t-tqassim ta' maskri riutilizzabbli. Il-grupp ta' Facebook jippermetti lil dawk li jkollhom bżonn maskri biex jikkuntattjaw direttament lill-persuni li jagħmluhom.

"Jiena kburija bil-kollegi tiegħi li jaħdmu sod biex jgħinu lill-komunità lokali tagħna“

Joelle Taħdem f'kumpanija li toffri għażliet tajbin għas-saħħa lix-xerrejja Il-Belgju, Brussell

Huwa importanti li nibqgħu f'saħħitna u niżguraw aċċess għal għażliet alimentari responsabbli u sostenibbli matul il-lockdown. Joelle taħdem f'ħanut tal-grocer ta' kooperattiva li jbigħ prodotti lokali, etiċi u organiċi. Hija spjegat li l-kumpanija taħdem biex tippromwovi dieti sustanzjużi, anki f'dawn iż-żminijiet eċċezzjonali. F'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, is-solidarjetà bejn il-kollegi, il-klijenti u l-Ewropej kollha hija kruċjali. Irridu nirrikonoxxu l-isforzi kbar li qed jagħmlu n-negozji lokali biex jappoġġaw il-komunitajiet u l-produtturi tagħhom, speċjalment f'mumenti ta' kriżi.

"Ma stajniex noqogħdu b'idejna fuq żaqqna naraw lill-Italja tbati. L-Ewropa tfisser li kulħadd jagħti sehmu“

In-Netwerk ta' Żgħażagħ Taljani fil-Belġju Jiġbor fondi biex jappoġġa s-Salib l-Aħmar Taljan fl-aktar pajjiż milqut fl-Ewropa Il-Belgju, Brussell

Għat-Taljani li jgħixu barra, huwa ta' qsim il-qalb li wieħed jara lill-Italja tintlaqat b'daqshekk qawwa mill-pandemija. In-Netwerk ta' Żgħażagħ Taljani fil-Belġju (REGIB) iddeċieda li jikkontribwixxi b'mod konkret permezz ta' ġbir ta' fondi biex jappoġġa lis-Salib l-Aħmar Taljan (CRI). Dħul mill-ġbir ta' fondi jgħin lill-persunal u lill-voluntiera tas-CRI fuq l-ewwel linja biex jipprovdu għajnuna medika, appoġġ lill-popolazzjoni u jorganizzaw servizzi ta' għajnuna. Tali azzjonijiet ta' solidarjetà bejn iċ-ċittadini huma mtejba aktar fil-livell Ewropew. Biex tiġi faċilitata l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, id-Deċiżjoni tal-UE dwar Theddida Serja Transfruntiera għas-Saħħa tiżgura aċċess għal provvisti mediċi bi prezz ġust u mqassmin b'mod ġust kullimkien fl-Ewropa, biex b'hekk pajjiżi milquta b'mod partikolari bħall-Italja jiksbu t-tagħmir li jeħtieġu.

"Qed ngħin lil Ewropej oħra waqt li nagħmel dak li nħobb l-aktar“

Elena Qed tagħti serje ta' lezzjonijiet tal-yoga online b'xejn Il-Belgju, Brussell

Waqt li d-dinja bdiet torganizza ruħha online, Elena ddeċidiet li toffri lezzjonijiet tal-yoga online b'xejn għal dawk li qed ikollhom joqogħdu d-dar minħabba l-lockdown. Ir-rispons kien enormi tant li fl-ewwel ġimagħtejn ħafna parteċipanti taw donazzjonijiet li ammontaw għal aktar minn EUR 800 għall-isptarijiet Taljani! Il-promozzjoni tal-valuri tal-ħidma flimkien u tas-solidarjetà Ewropea tista' sseħħ b'ħafna modi differenti. Il-prattika ta' Elena hija eżempju li jispirana dwar kif nistgħu nlaqqgħu nies flimkien mill-Ewropa kollha waqt li xorta waħda nsegwu r-rakkomandazzjonijiet ċiviċi u tas-saħħa rilevanti. Is-solidarjetà online nistgħu narawha fost bosta kumpaniji diġitali. Netflix, YouTube u Facebook, fuq talba tal-UE, qablu li jnaqqsu l-kwalità tal-istreaming tal-vidjos fl-Ewropa biex jevitaw li jgħabbu l-internet wisq waqt li aktar nies qed jiġu mġiegħla joqogħdu d-dar.

"Il-mużika li tgħaqqad lin-nies f'pajjiżi differenti turi biċ-ċar l-ispirtu u l-wirt Ewropew komuni tagħna“

Roch Waqqaf flimkien mal-istudenti tiegħu orkestra virtwali tal-flawt biex ixerred is-solidarjetà u l-ħbiberija madwar l-Ewropa Il-Belgju, Houyet

Hekk kif għalqu l-iskejjel tal-mużika, Roch mill-ewwel beda jfittex modi kif jibqa' f'kuntatt mal-istudenti tiegħu u jibqa' għaddej bit-tagħlim. Għall-ewwel, talabhom jibagħtulu rekordings ta' xogħolhom biex ikun jista' jgħaddilhom il-kummenti tiegħu. L-istudenti tant kienu ħerqana li Roch ġietu idea li jwaqqaf orkestra virtwali tal-flawt bil-ħsieb li jdoqqu l-"Ode to Joy" ta' Beethoven, hekk kif kienu tal-ewwel li għamlu r-Rotterdam Philharmonic Orchestra. Permezz ta' dan il-proġett, Roch mhux biss żamm l-edukazzjoni tal-istudenti tiegħu għaddejja, iżda offrilhom ukoll avventura ta' natura verament umana. F'tentattiv li jxerred il-ħbiberija u s-solidarjetà lil hinn mill-fruntieri, dan il-proġett jixhed ir-rwol tal-mużika - u tal-arti b'mod ġenerali - li tgħaqqad lin-nies fl-Ewropa fi żminijiet diffiċli. It-tkebbis tas-solidarjetà billi l-Ewropej jitfakkru dwar il-kultura komuni tagħhom juri liċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-UE kemm għandhom affarijiet komuni bejniethom. Magħquda b'wirtna, u magħquda fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

"Flimkien, qed noħolqu opportunitajiet għal azzjoni ċivika u solidarjetà“

Les Badass Solidaires Isaħħu l-komunitajiet affettwati billi jiffaċilitaw l-iskambju ta' servizzi kruċjali Il-Belgju, Brussell

Disa' tfajliet minn Brussell ħolqu grupp fuq Facebook bl-isem "Solidarité Solidariteit Brussels Bruxelles Coronavirus" biex iħeġġu s-solidarjetà bejn iċ-ċittadini komuni u l-organizzazzjonijiet jew il-professjonisti mediċi fil-bżonn. Il-grupp jaġixxi ta' pont bejn ir-rieda tajba u l-bżonn: il-parti l-kbira tan-nies iridu jgħinu, iżda mhux dejjem ikunu jafu kif jagħmlu dan. Kollaborazzjoni bejn membri tal-grupp wasslet għal strateġiji effiċjenti biex tingħata għajnuna lin-nies fil-bżonn u jingħata appoġġ lill-professjonisti fuq quddiem nett fil-ġlieda. Bis-saħħa ta' din l-inizjattiva, is-solidarjetà m'għadhiex biss intenzjoni tajba: il-voluntiera issa jistgħu jsibu faċilment fejn jistgħu jkunu l-aktar ta' għajnuna.

"Kull ġurnata li tgħaddi, aħna naħdmu biex nifhmu dan il-virus - u nitgħallmu kif niġġielduh“

Philippe Imexxi riċerka biex nifhmu aħjar - u niġġieldu - il-COVID-19 Il-Belgju, Leuven

Bħal tant xjenzati oħra madwar l-Ewropa, Philippe u l-kollegi tiegħu ta' KU Leuven jaħdmu biex jifhmu aħjar l-epidemiji bħall-COVID-19. Bl-appoġġ ta' fondi tal-UE, l-epidemjologi bħal Philippe huma xempju tar-rispons xjentifiku tal-UE għat-theddida tal-viruses. Sabiex jiġġieldu epidemiji bħal dik li qed niffaċċjaw bħalissa, ir-riċerka xjentifika hija u dejjem se tkun l-aħjar tweġiba tagħna: li nifhmu, huwa l-ewwel pass biex insibu soluzzjonijiet għall-problemi tas-saħħa pubblika. Dan huwa dak li Philippe u sħabu qed jiffukaw l-isforzi kollha tagħhom fuqu bħalissa.

"Huwa d-dmir tiegħi li nibqa' neduka lill-adulti t'għada“

Mihaela Taħdem fi skola li tgħallem il-coding lit-tfal, tagħti lezzjonijiet online Il-Belgju, Brussell

Mihaela taħdem f'Logiscool Montgomery, istituzzjoni fi Brussell li toffri lezzjonijiet tal-coding lit-tfal u ż-żgħażagħ. Meta ġie impost il-lockdown, l-iskola malajr ippreparat vidjo tutorials u klassijiet online biex tkompli tgħallem lill-istudenti tagħha: it-teknoloġiji diġitali, ir-robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali huma oqsma ta' riċerka ta' importanza kbira, hekk kif ħareġ ċar mill-kriżi preżenti. Mihaela u l-kollegi tagħha jqisu li huwa d-dmir tagħhom li jkomplu jedukaw lill-adulti t'għada f'dawn l-oqsma li jagħtu lill-Ewropej l-għodod biex jindirizzaw sfidi bħal din il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha. Madwar l-Ewropa, pajjiżi, reġjuni u bliet qed ikunu proattivi biex jgħinu lill-komunitajiet tagħhom, filwaqt li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea qed jagħmel disponibbli EUR 800 miljun biex jgħin lill-pajjiżi tagħna jiġġieldu l-coronavirus.