"Ara fejn wasalna, ma nistgħux naqtgħu qalbna“

Valentinos Jikkoordina t-traċċar tal-kuntatti fil-Ministeru tas-Saħħa f'Ċipru Cipru, Nikosija

Valentinos Silvestros huwa epidemjologu fuq il-post. Huwa wkoll il-koordinatur tat-traċċar tal-kuntatti fit-Taqsima tas-Sorveljanza u l-Kontroll tal-Mard li Jittieħed fil-Ministeru tas-Saħħa. It-tim tiegħu jidentifika l-mezzi ta' trażmissjoni u "jkissirhom", billi jiżola l-persuni diġà infettati kif ukoll lil dawk li kienu f'kuntatt mal-virus. It-tim jaħdem f'ċirkustanzi diffiċli ħafna u b'sagrifiċċju personali kbir. Valentinos ilu ma jara lil familtu u ħbiebu għal aktar minn tmien ġimgħat. Kultant, iħossu għajjien ħafna u dahru u għonqu spiss iweġġgħuh mill-ħidma tiegħu tul il-ġurnata. Xorta jieħu r-ruħ jara n-numri tal-każijiet jonqsu. "Kemm jien kuntent nara l-pajjiż ċkejken tagħna sejjer tant tajjeb" jgħid. Kulħadd kien qed jaħdem flimkien, u dan jimlieh b'ottimiżmu. "Issa għadu mhux il-waqt li nistrieħu," huwa jwissi. "Ma nistgħux naqtgħu qalbna. Irridu nipproteġu lin-nies tagħna u nsaħħu s-sistemi tagħna ta' saħħa pubblika."

"Se negħlbu dil-kriżi flimkien“

Nektaria u Paris Jaħdmu fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Immaniġġar ta' Kriżijiet f'Nikosija Cipru, Nikosija

Nektaria Kakoutsi u l-Maġġur Paris Samoutis qed jaħdmu lejl u nhar fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Immaniġġar ta' Kriżijiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta' Ċipru billi jwieġbu għat-talbiet li jaslu miċ-Ċiprijotti madwar id-dinja. Persuni li nqabdu barra jkollhom bżonn akkomodazzjoni, għajnuna finanzjarja, mediċina u appoġġ psikoloġiku. Biex jgħinuhom, Nektaria u Paris ikkoordinaw titjiriet ta' ripatrijazzjoni u taw kull tip ta' għajnuna. Persuni bi problemi tas-saħħa serji u ġenituri li nqabdu barra 'l bogħod minn uliedhom huma fost l-aktar każijiet urġenti li kellhom jindirizzaw. "Dan kien kompitu li sar saħansitra aktar diffiċli minħabba r-restrizzjonijiet imposti f'ħafna pajjiżi. Madankollu, is-sodisfazzjon tan-nies li jirritornaw id-dar jagħti valur lil kull ma nagħmlu. Se jirnexxielna u se noħorġu aktar b'saħħitna," huma qalulna. Għexieren ta' eluf ta' Ewropej li spiċċaw maqbudin madwar id-dinja minħabba t-tifqigħa ttieħdu lura pajjiżhom bis-saħħa tal-UE.

"Kull ħajja tgħodd“

Constantinos Jiġġieled il-pandemija fuq ħafna livelli: mid-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar sa koordinazzjoni nazzjonali Cipru, Nikosija

Constantinos Constantinou, speċjalist tal-mard infettiv mal-Organizzazzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa Statali, kien qed jiġġieled il-pandemija tal-coronavirus sa mill-bidu f'ħafna modi. Konxju dwar in-nuqqas ta' informazzjoni kredibbli dwar din it-theddida ġdida għas-saħħa, Constantinos ħadem fil-Ministeru tas-Saħħa Ċiprijott, fejn ikkoordina t-tqassim u l-aġġornament kontinwu tal-linji gwida dwar il-COVID-19 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u minn awtoritajiet internazzjonali oħra. Issa, Constantinos jibda l-ġurnata tiegħu billi jittratta l-pazjenti fit-taqsima tal-COVID fl-Isptar Ġenerali ta' Nikosija u jispiċċa mix-xogħol tard bil-lejl wara telefonati twal u emails mal-kollegi dwar kif jittrattaw il-pazjenti tagħhom, kif ukoll ma' nies komuni dwar kif jipproteġu ruħhom u lill-maħbubin tagħhom.

"Billi ngħinu persuna waħda, nistgħu ngħinu lil kulħadd“

Halin Tagħmel volontarjat biex tappoġġa l-ittestjar tal-COVID-19 Cipru, Nikosija

Id-djanjosi tal-laboratorju huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-COVID-19 peress li t-testijiet tagħhom jiksbu informazzjoni li se tgħin fid-dijanjosi, fit-trattament u fil-prevenzjoni ta' dan il-virus. Xjenzati bħal Halin qed jaħdmu biex jinstabu dawn is-soluzzjonijiet. Halin hija Ċiprijotta Torka u taħdem bħala voluntiera li twettaq ittestjar PCR. B'tant esperti qed jaħdmu biex tinstab soluzzjoni, l-UE impenjat ruħha li tagħti spinta lill-investigazzjonijiet tagħhom permezz ta' EUR 47.5 miljun għal 17-il proġett ġdid relatati mal-COVID-19.

"Huwa importanti li t-tfal jibqgħu jitbissmu“

Vicky u Photis Iferrħu lit-tfal minkejja t-tbegħid soċjali Cipru, Nikosija

Ir-restrizzjonijiet li ddaħħlu biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus COVID-19 biddlu radikalment ir-rutini tagħna ta' kuljum, peress li mistennija nibqgħu d-dar kemm jista' jkun. Filwaqt li l-impatt ta' dan jista' jkun diffiċli għal kulħadd, qed jaffettwa l-aktar lit-tfal. Huwa importanti ħafna għall-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal li jitkellmu mal-ħbieb u jkunu f'kuntatt mal-familja. F'dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, Vicky u Photis ġiethom l-idea li jagħmlu l-ħajja taż-żgħażagħ ġod-dar aktar kuntenta. Flimkien ma' grupp ta' voluntiera, bdew jagħmlu streaming ta' ħrejjef permezz tal-paġna ta' Facebook "The Fairytale Museum". Hemmhekk wieħed jista' jsib atturi, preżentaturi, u politiċi magħrufa jaqraw live fuq l-internet il-ħrejjef favoriti ta' uliedhom, joħolqu tbissima u jfakkru l-messaġġi tal-awtoritajiet waqt il-lockdown. Fl-istess waqt, għexieren ta' voluntiera qed jaqraw stejjer minn fuq it-telefon, biex it-tfal li jkollhom jibqgħu d-dar jiddevertu ftit.

"Anki fi żmien ta' kriżi, kull tifel u tifla għandhom dritt bażiku għall-edukazzjoni“

Joseph Jappoġġa d-dritt għall-edukazzjoni matul il-kriżi tal-COVID-19 Cipru, Nikosija

Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, sar impossibbli li n-nies jiltaqgħu fiżikament L-istudenti u l-persunal tal-iskola mhumiex eċċezzjoni. Peress li l-iskejjel bħalissa huma magħluqa, l-istudenti kienu qed isegwu lezzjonijiet u jinteraġixxu mal-għalliema permezz ta' lezzjonijiet online fuq il-kompjuters personali tagħhom jew apparati simili. "Hope for Children", flimkien mal-Ministeru ta' Ċipru għall-Edukazzjoni, jaħdmu biex jiżguraw li kulħadd f'Ċipru jkollu aċċess xieraq għat-tagħlim online. Huma jagħtu tagħmir elettroniku lill-istudenti tal-edukazzjoni sekondarja fil-pajjiż kollu li jkollhom bżonn ta' dan. Billi jeliminaw id-differenzi kkawżati mid-differenzi soċjali u ekonomiċi, l-għan tagħhom hu li jiżguraw li kull student ikollu aċċess xieraq għall-edukazzjoni anki matul dawn iż-żminijiet diffiċli.

"Jien niġġieled biex ikollhom il-kumpanija l-persuni li għandhom bżonnha“

Marios Ilaqqa' lill-għeżież u jagħti għajnuna lill-anzjani Cipru, Larnaca

Marios kien jaħdem ta' tabib u, għalkemm huwa rtira, għadu jagħti sehmu biex jgħin lill-komunità tiegħu matul il-kriżi. It-tbegħid soċjali mhu faċli għal ħadd iżda huwa diffiċli b'mod partikolari għal min hu marid u min isofri b'diżabbiltà. Mario għalhekk jinnegozja mal-persunal tal-isptar biex iħallu persuni jagħmlu kumpanija lill-għeżież tagħhom fl-isptar ħalli ma jispiċċawx imutu waħedhom. Huwa jieħu ħsieb ukoll residenti anzjani b'kundizzjonijiet pre-eżistenti, jipprovdi appoġġ mediku, psikoloġiku u soċjali lil persuni anzjani li jkunu fi kwarantina bil-għan li jipprevjeni mwiet minn kawżi oħra.