"Il-fatti, mhux il-biża, jgħinu lin-nies jipproteġu ruħhom“

Gunnar Jiċċekkja l-istatus tas-saħħa tal-passiġġieri u jipprovdi pariri siewja L-Estonja, Tallin

Il-ftuħ mill-ġdid tal-portijiet u tal-ajruporti jrid ikun immaniġġjat b'attenzjoni kbira sabiex nevitaw li t-tieni mewġa ta' COVID-19 tinxtered. F'Tallinn, il-voluntiera tas-Salib l-Aħmar tal-Estonja kienu qed jagħtu daqqa t'id. Gunnar huwa wieħed minn dawn il-voluntiera. "Ir-rwol tiegħi hu li niżgura li l-passiġġieri kollha li jaslu jkunu infurmati sew u jkunu jafu kif japplikaw il-prekawzjonijiet neċessarji biex iwaqqfu t-tixrid tal-virus. Niċċekkjaw is-saħħa tal-passiġġieri, noħdulhom it-temperatura u nipprovdu gwida bażika," spjega. Voluntiera tas-Salib l-Aħmar bħal Gunnar għandhom rwol importanti fl-isforzi kontra din it-tifqigħa. Huma jedukaw lill-pubbliku, jaqsmu informazzjoni dwar il-prevenzjoni, jgħinu fil-prevenzjoni tal-miżinformazzjoni, u jikkontrollaw l-għajdut u l-paniku. Tallinn huwa biss eżempju wieħed ta' ħafna bliet madwar l-Ewropa li qed jieħdu inizjattivi simili. Il-Parlament qed jappella għal ftuħ mill-ġdid b'ħeffa tal-fruntieri tal-UE mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità biex ikun żgurat l-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19. Skopri aktar billi żżur https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/security/20200506STO78514/il-coronavirus-u-l-kontrolli-fiz-zona-schengen-x-tista-taghmel-l-ue

"Billi nirrakkuntaw l-istejjer flimkien, naqsmu l-ferħ u s-suċċessi, u b'hekk nistgħu nirnexxu“

Pille Toffri appoġġ lil ġenituri permezz tal-kampanja Read Aloud L-Estonja, Tallinn

Hekk kif il-coronavirus ikompli jinfirex, il-parti l-kbira tan-nies li huma mdorrijin jaħdmu f'uffiċċju, ħabta u sabta sabu ruħhom jaħdmu f'ambjent differenti - f'darhom. Bnadi oħra, l-iskejjel madwar l-Ewropa għalqu l-bibien tagħhom għat-tfal kollha – ħlief għal ulied il-ħaddiema essenzjali – li jfisser li l-parti l-kbira tal-familji issa se jqattgħu flimkien perjodi twal ta' żmien id-dar. Ir-realtà li wieħed irid ilaħħaq ma' impenji tax-xogħol flimkien ma' ħajja tal-familja impenjattiva ħafna tista' tkun diffiċli immens. Hemmhekk tidħol il-kampanja Read Aloud. Pille u t-tim tagħha joffru appoġġ lill-ġenituri li jaħdmu mid-dar li qed ifittxu attivitajiet edukattivi u interessanti għat-tfal tagħhom. Read Aloud tinkoraġġixxi ħafna lit-tfal jaqraw, jisimgħu stejjer u saħansitra joħolqu l-istejjer huma stess. Dan l-appoġġ jiġi fil-forma ta' sessjonijiet individwali permezz ta' Facebook jew Skype, skont il-bżonnijiet individwali tal-livell tal-qari ta' kull tifel jew tifla filwaqt li jkun żgurat li jibqgħu interessati. L-abilità li jiġi pprattikat il-qari bil-vuċi tiżgura li l-livelli tal-litteriżmu jkomplu jitjiebu filwaqt li fl-istess ħin isaħħu l-fiduċja tat-tfal fihom infushom.

"L-istudenti kollha għandu jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja meta qegħdin id-dar“

Maria Imprenditriċi tal-EdTech li qed taħdem biex tiżgura aċċess indaqs għal apparat tal-e-learning L-Estonja, Tallinn

Is-solidarjetà u l-għajnuna reċiproka huma importanti aktar minn qatt qabel, biex flimkien noħorġu mill-pandemija tal-COVID-19. Bl-għan li tagħmel dan, Maria qed tgħaqqad lill-familji Estonjani biex ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin fuq problema speċifika. Filwaqt li l-istudenti Estonjani huma mitluba jattendu klassijiet tal-e-learning mid-dar, mhux kollha jistgħu jagħmlu dan, minħabba nuqqas ta' apparat elettroniku bħal laptops jew tablets. Permezz tal-proġett ta' Maria “Kompjuter għal kull student”, dawk il-familji li għandhom apparat id-dar jew l-uffiċċju li mhux qed jintuża, jistgħu jgħadduh lil dawk li m'għandhomx, u b'hekk jiżguraw li kull student ikollu aċċess għat-tagħlim mill-bogħod. F'inqas minn xahar tpartu 1200 kompjuter bejn il-familji.