"Fortunatament, il-katina tagħna tal-produzzjoni ppermettiet rispons mgħaġġel għaż-żieda enormi fid-domanda għas-sanitizzatur tal-idejn“

Marko Biddel il-produzzjoni mix-xorb għal sanitizzatur tal-idejn Il-Finlandja, Ilvesjoki

Id-domanda għolja għal tagħmir mediku u provvisti wasslet lil xi negozji jbiddlu l-mod kif jaħdmu waqt il-COVID-19. Għal ħafna ġimgħat, Pramia, li hija kumpanija tal-familja, biddlet il-produzzjoni tagħha tax-xorb għal dik tas-sanitizzatur tal-idejn. L-impjant tal-ibbottiljar, li jaħdem permezz tal-enerġija ġġenerata mit-turbini tar-riħ, għandu kapaċità li jipproduċi 7,700 flixkun fis-siegħa. Din l-addizzjoni ġdida fil-produzzjoni tagħhom qed tgħin id-domanda għolja għas-sanitizzaturi fis-settur tas-saħħa, il-katina ta' provvista tal-ikel u l-ispiżeriji.

"Kulħadd għandu d-dritt li jaċċedi għal informazzjoni dwar is-saħħa li hija affidabbli u bbażata fuq il-fatti“

Anni Tiddedika l-ħin tagħha twieġeb mistoqsijiet dwar il-COVID-19 fuq Instagram Il-Finlandja, Helsinki

Anni hija tabiba u l-passjoni tagħha hija li taqsam informazzjoni ma' ħaddieħor fuq il-media soċjali dwar is-saħħa u x-xjenza. Hija tagħmel dan b'mod li kulħadd jista' jifhem. Hija temmen bil-qawwa li kulħadd għandu d-dritt jaċċedi għal informazzjoni affidabbli u bbażata fuq il-fatti. Dan huwa essenzjali waqt kriżijiet tas-saħħa, fejn in-nies ikollhom bżonn kbir ta' serħan il-moħħ dwar it-tħassib tagħhom dwar is-saħħa. Huma jieħdu r-risposti minn fejn jistgħu jsibuhom, u spiss dawn iwasslu għal ftehim ħażin jew miżinformazzjoni. Biex tevita dan, Anni kienet attiva ħafna billi twieġeb mistoqsijiet fuq l-Instagram tagħha @laakari.anni (Doctor Anni). Il-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni tant hija ta' prijorità għolja, li l-gvern Finlandiż sa qabbad lill-influwenzaturi tal-media soċjali biex jgħinuh jaqsam l-għarfien dwar is-sitwazzjoni. Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni hija wkoll waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-UE. Hija ħadmet mal-pjattaformi tal-media soċjali biex tippromwovi l-kontenut leġittimu u biex jinħeba jew jitneħħa kontenut li huwa qarrieqi, illegali jew ta' ħsara. Barra minn hekk, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Věra Jourová qed tiltaqa' ma' Google, Facebook, Twitter, Microsoft u oħrajn biex tiddiskuti dak li għamlu s'issa u x'jistgħu jagħmlu iktar biex jgħinu. Fl-aħħar nett, l-UE kixfet 110 storja li jinkludu diżinformazzjoni dwar il-coronavirus u kkondividiet il-fatti fuq www.EUvsDisinfo.eu.