"Il-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi hija importanti ħafna f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi“

Luke Jaħdem mat-tim ta' riċerkaturi tiegħu biex jiżviluppaw mediċina ġdida bbażata fuq molekola li taġixxi kontra l-infjammazzjoni fil-pulmuni kkawżata mill-COVID-19 L-Irlanda, Dublin

Ħafna nies għadhom ma semgħux bl-Itaconite, iżda din il-molekola li għandha karatteristiċi anti-infjammatorji, dan l-aħħar ġiet identifikata għall-potenzjal tagħha biex teħles lill-pazjenti tal-COVID-19 mill-problemi respiratorji. Dan jista' jsalva l-ħajjiet. Il-Professur Luke O'Neill u t-tim tiegħu fi Trinity College Dublin qegħdin jagħmlu testijiet fuq din is-sustanza stess. Huma jittamaw li din il-molekola se tgħin biex trażżan l-infjammazzjoni fil-pulmun ikkawżata mill-virus tal-COVID-19. Il-ħidma ta' Luke hija ffinanzjata mill-proġett tal-UE "INITIATE". Orizzont 2020, il-programm ta' riċerka tal-UE, qed jiffinanzja 18-il proġett ta' riċerka u 151 tim fl-Ewropa kollha biex tkun tista' tinstab tilqima kontra l-COVID-19 malajr kemm jista' jkun. L-għan hu li jittejbu d-dijanjostika, l-istat ta' tħejjija, il-ġestjoni klinika u t-trattament.

"Lin-nies tajnihom iċ-ċans jivvutaw għall-oġġett li ħassew li kien l-aktar importanti għalihom li jkollhom waqt il-kwarantina“

Femi Tiddokumenta l-kultura u l-istil ta' ħajja fl-Irlanda matul il-pandemija L-Irlanda, Dublin

Waħda mill-affarijiet li tgħallimna mill-COVID-19 hija kif il-perċezzjoni tan-nies dwar x'inhu essenzjali għandha tendenza li tvarja. Kollha rajna kemm nies ħassew il-ħtieġa li jixtru wisq toilet paper, iżda xi ngħidu dwar l-affarijiet li ma tgħaddix mingħajrhom il-ġenerazzjoni żagħżugħa? Fi sforz biex tiskopri dan, il-kumpanija Irlandiża Slight Motif qasmet lista ta' 32 oġġett essenzjali għall-kwarantina fuq il-midja soċjali. Huma organizzaw tournament u taw ċans lin-nies jivvutaw fuq l-oġġett li ma jgħaddux mingħajru minn lista li tinkludi fost oħrajn tissues, ikel xi jnaqqru, sanitizzatur tal-idejn u tagħmir tal-eżerċizzju fiżiku. "Wara ħames ċikli, l-udjenza żagħżugħa vvutat l-app ta' Spotify bħala l-aktar oġġett essenzjali għal waqt il-kwarantina," qalet Femi Falana. L-inizjattiva, imsejħa "Quarantine Bunker Pack", hija parti mill-isforzi ta' Slight Motif biex tiddokumenta l-kultura urbana u l-istil ta' ħajja fl-Irlanda.

"Aħna ninqalgħu biex naħdmu flimkien meta nsibu ruħna fi żminijiet diffiċli“

Patrick Iżomm id-distillerija tiegħu miftuħa biex jipproduċi prodotti essenzjali L-Irlanda, Drumshanbo

Ibbażat f'Leitrim, qabel il-pandemija, in-negozju ta' Patrick kien jipproduċi l-ġin u l-whiskey. Hekk kif tbiddlu l-prijoritajiet, tbiddlet ukoll il-produzzjoni tiegħu. Illum, it-tim tiegħu jipprovdi sanitizzaturi tal-idejn għall-użu fl-ispiżeriji, mit-tobba, fil-ħwienet, u mill-organizzazzjonijiet tal-karità fil-punent tal-Irlanda. Fl-Ewropa kollha, in-nies qed jadattaw il-professjonijiet tagħhom biex jagħtu daqqa t'id lill-kollegi tagħhom tal-kura tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-pandemija.