"Kif jirnexxilek tgħix erba' xhur b'EUR 735?“

Giuliano Għex għal erba' xhur mingħajr paga u ddeċieda li jiddedika parti mill-ħin liberu tiegħu għal xogħol volontarju L-Italja, Reggio Emilia

Inti x'tagħmel kieku jkollok tifla ta' 11-il sena u ma kellekx dħul għal erba' xhur? Filwaqt li ħafna minna jkollhom tentazzjoni jippanikkjaw, Giuliano ddeċieda li jieħu ħinu biex ikun fin-natura u jagħmel xogħol volontarju jqassam maskri lin-nies tal-inħawi tiegħu. "Jien naħdem għal kumpanija li timmanifattura l-conveyor belts iżda bagħtuni d-dar fit-3 ta' Marzu. Il-kumpanija kellha tagħlaq u tkeċċi l-impjegati. Kelli nistenna sal-bidu ta' Mejju biex nikseb il-flus għall-qgħad: EUR 735 qabel ma tnaqqset it-taxxa u xejn aktar minn dak iż-żmien 'l hawn. Dawn kienu żminijiet diffiċli ħafna," huwa fakkar. L-UE qed taħdem biex ittaffi sitwazzjonijiet simili. L-isforzi jinkludu EUR 100 biljun biex in-nies ma jitilfux l-impjiegi tagħhom; għall-ikel u għall-assistenza materjali bażika lil dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn; u EUR 37 biljun ta' fondi strutturali biex jappoġġaw il-kura tas-saħħa, in-negozji u l-ħaddiema.

"Id-donazzjoni ta' kotba huwa mod tajjeb kif jingħataw għajnuna l-familji fil-bżonn waqt il-lockdown“

Giuseppina u Gianfranca Iqassmu kotba lill-familji milquta ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 L-Italja, Milan

Bil-Ġappuniż, "kifubon" tfisser donazzjoni ta' kotba. Dan huwa wkoll l-isem ta' proġett internazzjonali li wasal Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Italja fl-2019 u permezz ta' din l-inizjattiva jsiru donazzjonijiet regolari ta' kotba lil organizzazzjonijiet ta' karità. Fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-ambaxxatur għall-Paċi Dinjija, Prem Rawat, ta b'donazzjoni aktar minn 10,000 kopja tal-ktieb tiegħu "Splitting the Arrow: Understanding the Business of Life" lill-proġett. Il-ktieb huwa msemmi għall-influwenza li kellu fuq id-dikjarazzjoni "Pledge to Peace", li nkitbet flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew. "Dan il-ktieb intgħażel għall-messaġġi pożittivi li jwassal bl-istejjer qosra u tad-daħk li fih. Huwa dwar l-inklużjoni, is-saħħa interjuri, il-possibbiltà li nagħmlu għażliet tajbin u l-paċi li tinsab ġo kull wieħed minna", spjegat Giuseppina. Il-kotba tqassmu lill-ġenituri u lit-tfal li sabu ruħhom f'sitwazzjoni diffiċli minħabba l-COVID-19.

"Issa naf x'verament tfisser Ewropa b'saħħitha u magħquda“

Joe Ħadem spalla ma' spalla ma' speċjalisti Taljani biex isalva ħajjet pazjenti morda bil-coronavirus L-Italja, Lecco

Iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza tal-UE għen biex jibgħat tim mediku mir-Rumanija biex jappoġġa l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fl-Italja. Immexxija mill-Maġġur Joe Stroescu, huma ħadmu għal aktar minn ġimagħtejn spalla ma' spalla ma' speċjalisti Taljani biex isalvaw il-ħajjiet ta' pazjenti morda bil-coronavirus. It-tim ta' 3 infermiera u 11-il tabib kien magħmul minn speċjalisti tal-pulmun, anestetisti u esperti tal-kura intensiva u tal-mediċina tal-emerġenza. Huma kollha segwew tlitt ijiem taħriġ dwar is-sistema tal-kura tas-saħħa Taljana qabel ma libsu l-ilbies protettiv tagħhom u bdew jikkuraw lill-pazjenti fil-bliet ta' Lecco u Merate fil-Lombardija. Kif jgħid Joe, "Mhux importanti minn fejn aħna. Fil-ħajja, li jgħodd huwa dak li tagħmel, u f'dawn il-mumenti diffiċli huwa importanti li nuru s-solidarjetà u ngħinu lil xulxin, għaliex flimkien biss nistgħu nirbħu din il-battalja. Dan l-att ta' solidarjetà salva l-ħajjiet u juri n-natura vera tal-familja tal-UE." Aħna naqblu perfettament.

"Aħna qed nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu lill-komunitajiet lokali u lis-servizzi tas-saħħa“

Antonio u Francesco Jipproduċu valvoli respiratorji permezz ta' 3D printer L-Italja, Varese

Fiċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea fl-Italja, Antonio Piscia normalment joħloq komponenti speċjalizzati għax-xjenzati. Bil-laboratorji magħluqa minħabba l-lockdown, huwa biddel l-attività tiegħu tas-soltu u qed jipproduċi valvoli respiratorji permezz ta' 3D printer. Il-kollega tiegħu, Francesco Scaffidi-Argentina, ikkonsenja l-ewwel 22 minn dawn il-valvoli li jsalvaw il-ħajja lil sptar f'Varese fil-15 ta' April. "Riċerkaturi tal-JRC qed jaħdmu fuq ħafna aspetti marbuta mal-kriżi tal-COVID-19. Min-naħa tagħna tas-servizzi tekniċi u ta' appoġġ tal-JRC, aħna kuntenti li nistgħu nkomplu ngħinu lill-komunitajiet lokali u lis-servizz tas-saħħa fi kwalunkwe mod li nistgħu," jgħid Antonio. Ħaddiema f'siti oħra tal-JRC fil-Belġju, fil-Ġermanja u fin-Netherlands qed jagħtu wkoll b'donazzjoni tagħmir mediku u provvisti oħra lill-komunitajiet lokali tagħhom u lis-servizzi tas-saħħa. "Aħna rridu nuru lill-komunitajiet lokali u liċ-ċittadini sħabna Ewropej li jinteressana minnhom u li se nappoġġawhom fi kwalunkwe mod li nistgħu," isostni l-maniġer tas-sit tal-JRC, Rien Stroosnijder.

"L-għoti ta' appoġġ u ta' assistenza lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn huwa essenzjali“

Marco Voluntier għall-inizzjattiva tas-Salib l-Aħmar Taljan "Tempo della gentilezza", juri kif, fi żminijiet ta' kriżi, kull azzjoni tgħodd L-Italja, Ruma

It-"tempo della gentilezza" hija inizjattiva madwar il-pajjiż kollu organizzata mis-Salib l-Aħmar Taljan. Mijiet ta' voluntiera flimkien jgħinu lil dawk li huma milquta l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19 billi jipprovdulhom servizzi essenzjali, bħall-kunsinna ta' ikel ta' kuljum u mediċini. Marco D'Amico huwa voluntier għal din l-inizjattiva f'Ruma. Huwa jispjega li "ir-ritratt ittieħed meta kienu qed jiġu ppreparati l-kunsinni". "Jien nemmen b'mod qawwi li l-appoġġ u l-assistenza lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn waqt it-tifqigħa tal-COVID-19 huma essenzjali." Is-Salib l-Aħmar Taljan jemmen li l-azzjoni tiegħu fil-preżenti trid tkun intelliġenti, sikura, u b'imħabba għall-proxxmu. Huwa jisħaq li kull azzjoni tgħodd, min-noti ta' inkoraġġiment fuq windskrin ta' ambulanza, sal-għoti b'xejn ta' maskri u ħġieġ protettiv, jew saħansitra kunsinna tal-ikel ta' filgħodu jew ta' filgħaxija lill-impjegati tal-isptar. Baġit fit-tul tal-UE ambizzjuż huwa kruċjali biex tingħata spinta lill-ekonomija u tinħoloq Ewropa wara l-COVID-19 li hija ekoloġika, diġitali u reżiljenti. Skopri kif https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/priorities/eu-long-term-budget

"Il-ġuħ ma jmurx kwarantina“

Mircea Tippromwovi l-ġbir tal-ikel żejjed L-Italja, Pescara

Il-Fondazzjoni Banco Alimentare Onlus tassisti 1,500,000 persuna fil-bżonn fl-Italja, permezz tad-distribuzzjoni ta' ikel żejjed lil 7,500 organizzazzjoni tal-karità. Fl-aħħar xahrejn, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, it-talbiet għal għajnuna alimentari żdiedu b'40% fl-Italja u xi reġjuni raw żieda ta' aktar minn 60%. Il-Bank tal-Ikel baqa' miftuħ, konxju li huwa joffri servizz essenzjali lill-pajjiż. S'issa fl-2020, il-Fondazzjoni Banco Alimentare Onlus qassmet 30,000 tunellata ta' ikel bis-saħħa tal-għajnuna Ewropea li hija essenzjali għall-operat tagħha. Meta jagħmlu l-kunsinni tagħhom, it-tim tagħhom jibqa' barra, iżomm lin-nies 'il bogħod minn xulxin, u jserrħilhom rashom li kulħadd se jkollu xi ħaġa x'jiekol. "Intlaqatna minn dak li nistgħu nsejħu tsunami ta' solidarjetà", spjega l-President Giovanni Bruno. "Bit-tifqigħa, is-saħħa tal-volontarjat żdiedet. Jien emozzjonat b'dan kollu. F'dan il-mument huwa d-dmir tagħna li nagħmlu iktar, mhux inqas" tikkonferma Maria, voluntiera minn Salerno.

"Malli fhimna li konna qed niffaċċjaw l-ewwel każ li beda lokalment wasalna biex inwaqqfu tixrid ulterjuri“

Annalisa Skopriet l-ewwel pazjent marid bil-COVID-19 fl-Ewropa L-Italja, Codogno

Fl-20 ta' Frar it-tabiba Annalisa Malara ħadet waħda minn dawk id-deċiżjonijiet li jibdlu l-mod kif jiġru l-affarijiet, id-deċiżjoni li salvat ħajjet Mattia Maestri u ħafna aktar persuni madwar l-Ewropa. Mattia, riċerkatur ta' 37 sena, kien l-ewwel każ ta' COVID-19 li beda fl-Ewropa stess. Minkejja li Mattia kien għadu żgħir u atletiku kien f'kundizzjoni gravi ħafna. Annalisa għamlitlu ħafna testijiet u meta kollha rriżultaw negattivi hija ddeċidiet li tagħmillu t-test għall-coronavirus. Meta tħares lura, Annalisa tintebaħ li, billi wissiet minnufih dwar dan il-każ, kien possibbli li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' trażżin u prevenzjoni fl-Italja u f'pajjiżi Ewropej oħra. Hija temmen li s-solidarjetà u l-kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali huma kruċjali biex tiġi indirizzata l-pandemija. "Nittama li l-istorja tiegħi tgħin biex ikun ċar li irrispettivament minn fejn taħdem u min inti, tista' tagħmel differenza jekk tagħmel xogħlok b'integrità u passjoni. U nittama li l-Ewropa ssir aktar magħquda u aktar b'saħħitha, għax emerġenzi bħal dawn jistgħu jiġu indirizzati b'suċċess biss jekk niffaċċawhom bħala nazzjon kbir waħdani."

"Huwa kruċjali li niġġieldu d-diżinformazzjoni f'mod sempliċi u divertenti“

Sarah Sarah, l-Italja. Tappoġġa l-midja ħielsa u indipendenti L-Italja, Ruma

Dan huwa mument storiku għall-Ewropa, meta biex tikkomunika huwa diffiċli u li ssib informazzjoni korretta huwa saħansitra aktar diffiċli. Meta bdiet il-pandemija, Sarah ddeċidiet li tibda "Coffee al Fly", serje ta' podcasts mingħajr ħlas li jkopru suġġetti differenti ħafna bħal kif tgħix bit-tbegħid soċjali, l-edukazzjoni finanzjarja u s-sovranità Ewropea. Kull ġimgħa hija tiddiskuti l-aħħar aħbarijiet mal-kollegi u l-ħbieb u tipprova ssib u tifhem il-verżjoni korretta tal-ġrajjiet. Billi tagħmel hekk hija tgħin biex teduka lin-nies li jridu jkunu jafu aktar dwar l-għażliet tal-gvernijiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi tal-COVID-19. Membri tal-Parlament Ewropew appellaw għal sors ta' informazzjoni fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal informazzjoni bbażata fuq il-fatti u talbu lill-kumpaniji tal-midja soċjali jindirizzaw id-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda. Permezz tal-podcast tagħha, Sarah sserraħ moħħ l-udjenza tagħha u tikkoreġi l-ideat żbaljati bil-għan li trawwem il-paċi u s-solidarjetà f'dan iż-żmien eċċezzjonali.

"Qlibna l-produzzjoni tagħna minn ħwejjeġ għall-maskri. Ħassejna li huwa dmirna li nagħmlu dan“

Anna Timpjega nisa vulnerabbli fil-produzzjoni ta' maskri riutilizzabbli L-Italja, Verona

Anna hija l-fundatriċi u s-CEO tal-Quid Impresa Sociale, proġett li jipprovdi opportunitajiet lil nisa vulnerabbli billi joħolqu oġġetti magħmula minn materjali riċiklati. F'April li għadda, huma bdew jipproduċu maskri magħmula minn materjal speċjali li ma jqattarx u antimikrobiku, li jista' jinħasel sa 15-il darba. Biex ibiddlu l-produzzjoni għal din it-tip ta' maskra huma applikaw għaċ-ċertifikazzjoni neċessarja mill-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Taljan u rċevew din iċ-ċertifikazzjoni biex il-maskri jitqassmu bħala tagħmir mediku tal-Kategorija I. F'ħidma mal-membri tal-Legacoop, l-assoċjazzjoni kummerċjali tal-kooperattivi tal-Italja, din hija waħda mill-ħafna sforzi konġunti fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus.

"Il-futur f'idejna, m'għandniex noqogħdu b'idejna fuq żaqqna“

Isinnova Stampi, maskri, valvoli respiratorji, u provvisti mediċi stampati b'mod 3D L-Italja, Brescia

Iffaċċjati b'nuqqas ta' valvoli respiratorji fl-isptar lokali tagħhom, l-Isinnova design lab żviluppa prototip u uża stampaturi 3D biex fi ftit sigħat jipproduċi valvoli ġodda. Id-disinn sar "b'sors miftuħ", biex b'hekk kull min għandu stampatur 3D ikun jista' joħloq u jforni valvoli lill-isptarijiet. F'ħidma mat-tobba, huma ttrasformaw maskri tal-bugħaddasa f'maskri mediċi biex jissupplixxu d-domanda kbira mill-persunal tal-isptar għal tagħmir ta' protezzjoni personali.

"Nagħmluha realtà“

Massimo Jipproduċi maskri mat-tim ġdid tiegħu ta' 450 ruħ L-Italja, Bolonja

Massimo, permezz tad-ditta tiegħu GVS, għandu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-COVID-19. L-organizzazzjoni qed taħdem bla waqfien biex iżżid il-produzzjoni ta' maskri meħtieġa filwaqt li espandiet il-faċilitajiet ta' produzzjoni tagħha biex tiffoka fuq PPE u prodotti mediċi ta' filtrazzjoni speċifikament għas-suq Taljan. GVS qed tikkollabora wkoll mal-Università ta' Bologna, tittestja maskri għall-persunal mediku, tagħmel riċerka dwar il-proċessi ta' tindif u tniedi proġett diġitali ta' edukazzjoni. L-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tappoġġa l-produzzjoni ta' tagħmir mediku bħal dan. L-Istati Membri kollha issa se jibbenefikaw mill-ewwel ħażna ta' tagħmir mediku tar-RescEU, li tinkludi maskri protettivi, bħala parti mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

"Ixtri ikla llum biex tkun ċert li r-ristoranti jkunu għadhom hawn għada“

Global Shapers Appoġġa r-ristoranti u l-kafetteriji L-Italja, Ruma

Biex niġġieldu t-tixrid tal-COVID-19, ħafna negozji kellhom jagħlqu. Dan wassal biex ħafna ristoranti u kafetteriji qed jiffaċċjaw realtà ekonomika diffiċli. Fl-Italja il-hub ta' Global Shapers ta' Ruma nediet il-pjattaforma Save One Seat li tagħti l-opportunità lin-nies jixtru wegħdiet ta' ikliet illum mir-ristoranti preferuti tagħhom biex jużawhom meta tgħaddi din l-emerġenza. Dan jippermetti li n-negozji jirċievu fondi immedjati biex ikopru l-ispejjeż kurrenti tagħhom filwaqt li l-utenti jieħdu gost jippjanaw l-ikliet mal-ħbieb u l-familji tagħhom. L-UE qed tappoġġa wkoll lil negozji li għaddejjin minn diffikultajiet simili. Pereżempju, il-Fond ta' Investiment Ewropew immobbilizza EUR 8 biljun biex jgħin mill-inqas 100,000 kumpanija affettwati mit-tifqigħa.

"Jien ngħin lill-isptarijiet jaċċedu għall-aktar għodod avvanzati biex jidentifikaw il-COVID-19“

Claudio Iħarreġ lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa fl-applikazzjoni tat-tekniċi ta' dijanjostika molekulari L-Italja, Ruma

F'din is-sitwazzjoni gravi u li qed tevolvi malajr ħafna, aħna l-Ewropej irridu ningħaqdu biex niġġieldu t-tixrid tal-COVID-19. Claudio qed juża l-ħiliet innovattivi tiegħu fil-bijoloġija molekulari u l-konsulenza xjentifika biex jagħti sehmu. Bħala membru tas-Servizi Diagnostici, huwa jispeċjalizza fit-tqassim ta' prodotti dijanjostiċi għal-laboratorji u b'hekk jgħin biex jingħataw soluzzjonijiet lill-fornituri tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa kollha. Biex il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri ssir eħfef, id-Deċiżjoni tal-UE dwar Theddid Serju Transfruntier għas-Saħħa tippermetti l-akkwist pubbliku konġunt tal-kontromiżuri mediċi biex ikun żgurat l-aċċess għal provvisti mediċi mqassma u bi prezz raġonevoli, tkun tgħix fejn tkun tgħix fl-Ewropa.

"Qed infittex soluzzjoni għalija, għal ħbiebi u għall-Ewropa kollha“

Giuseppe Joħloq trattamenti mediċi li jsalvaw il-ħajja permezz ta' riċerka innovattiva L-Italja, Ancona

Giuseppe Bungaro, li oriġinarjament ġej minn Fragagnano, ġie nominat wieħed mill-100 Eccellenze Italiane wara li rebaħ Konkors tal-Unjoni Ewropea għal Xjenzati Żgħażagħ. Billi sfrutta t-terapija iperbarika tal-ossiġnu, Giuseppe sab mod kif jiġi evitat effett ċikatriċi eċċessiv fuq is-sistema respiratorja u biex jiġu trattati s-sintomi ta' pulmonite kkawżati mis-SARS-CoV-2. L-UE hija impenjata biex tixpruna riċerka bħal din, u biex tgħin lir-riċerkaturi jsibu tilqima malajr, permezz tal-finanzjament għar-riċerka eżistenti. Pereżempju, proposta għal EUR 47.5 miljun f'finanzjament fil-programm Orizzont 2020 għal 17-il proġett ta' riċerka magħżula jistgħu jilħqu għarfien akbar tal-COVID-19 u għalhekk itejbu l-ġestjoni klinika.

"It-tobba li qed jiffaċċjaw dil-kriżi għandhom bżonn apparati li huwa faċli biex tużahom u mgħammra b'intelliġenza artifiċjali“

Filippo and Marco Jiżviluppaw teknoloġija ġdida li tgħin lill-pazjenti tal-COVID-19 jieħdu n-nifs L-Italja, Parma

Il-COVID-19 tista' tikkawża qtugħ ta' nifs għal xi wħud u diffikultajiet serji fin-nifs għal oħrajn. Dan jista' jkun verament tal-biża'. Biex ikampaw minkejja n-nuqqas ta' ventilaturi disponibbli għal pazjenti bħal dawn, Marco u Filippo, permezz tal-istartup tagħhom Omnidermal, ħolqu l-Apparat għal Nifs Awtomatiku (Automatic Breathing Unit - ABU). Huma laqqgħu l-esperjenzi differenti tagħhom fl-iżvilupp ta' apparati mediċi u fl-awtomatizzazzjoni farmaċewtika u b'hekk qed jittamaw li jgħinu lill-pazjenti tal-COVID-19, u dawk li jinsabu f'fażi ta' riabilitazzjoni, biex jieħdu nifs aħjar. L-Inizjattiva għall-Mediċini Innovattivi, li hija s-sħubija tal-Ewropa għas-saħħa, qiegħda wkoll tgħaġġel il-proċess ta' żvilupp tal-mediċini, qed tiġġenera għarfien xjentifiku ġdid, u qed tiżviluppa riżorsi għal użu miftuħ mill-komunità ta' riċerka. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn il-proġetti diġà qed iwasslu benefiċċji diretti lill-pazjenti.

"Flimkien, aħna aktar b'saħħitna“

Grupp ta' voluntiera involuti fis-Servizz Mediku ta' Emerġenza Anpas Emilia Romagna, l-Italja Il-voluntiera jippreparaw għal jum ieħor mas-Servizz Mediku ta' Emerġenza L-Italja, Parma

Tul l-Ewropa kollha, organizzazzjonijiet tal-komunità qed jingħaqdu flimkien f'turija ta' solidarjetà f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Anpas Emilia Romagna huwa wieħed minn dawn il-gruppi, li jipprovdi servizzi mediċi ta' emerġenza f'uħud mir-reġjuni l-aktar affettwati tal-Italja. Biex tgħinhom fil-missjoni tagħhom, ir-RescEU - parti mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili - tiżgura li l-pajjiżi jistgħu jiksbu malajr it-tagħmir mediku li jeħtieġu. Dan ifisser li l-Istati Membri kollha issa għandhom aċċess għall-ewwel darba għal ħażna ta' tagħmir mediku tar-RescEU, bħal ventilaturi u maskri protettivi, taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

"'Iva, jien imbeżża'. Kollha kemm aħna mbeżżgħin. Iżda hija t-tip ta' biża' li ġġegħilna nibqgħu għaddejjin u nibqgħu niġġieldu“

Claudia Taħdem bħala tabiba fid-dipartiment tal-Emerġenza COVID ta' sptar f'Milan L-Italja, Milan

Claudia hija gastroenterologa li bħalissa qed isservi fid-dipartiment tal-Emerġenza COVID tal-isptar Fatebenefratelli Sacco f'Milan. Fost l-erba' dipartimenti COVID li ħoloq l-isptar, dak li taħdem fih huwa l-aktar wieħed li jittratta l-każijiet l-aktar kritiċi tal-pazjenti l-inqas stabbli. Il-parti l-kbira tal-40 pazjent tagħha qegħdin imqabbdin ma' ventilaturi, u parti kbira minnhom eventwalment jiġu ttrasferiti f'unitajiet ta' kura intensiva. Bħal ħafna tobba madwar l-Ewropa, Claudia adattat xogħolha għall-ħtiġijiet preżenti. Sabiex l-istaff mediku jkun jista' jagħmel dan ix-xogħol diffiċli tiegħu, l-UE ddedikat fondi addizzjonali għall-isptarijiet fl-Ewropa kollha u żiedet bil-kbir il-produzzjoni ta' apparati mediċi billi saru sejħiet għall-produzzjoni ta' tagħmir u ġew innegozjati provvisti ġodda.

"Qatt ma kont lest daqs illum“

Francesco Francesco, l-Italja Voluntier irreġistrat mal-Anpas Emilia Romagna L-Italja, Parma

Francesco jgħix f'Parma, f'wieħed mir-reġjuni tal-Italja l-aktar affettwati mit-tifqigħa tal-Covid-19. Bħala voluntier li jsuq l-ambulanza għas-Servizz Mediku ta' Emerġenza (Assistenza Pubblica), is-servizzi tiegħu huma mfittxija ħafna biex tingħata għajnuna lill-popolazzjoni lokali li qed tgħix din il-kriżi. Biex tagħti appoġġ lill-voluntiera u lill-istaff mediku fil-pajjiżi kollha tagħna, l-UE qed tiżgura l-provvista ta' tagħmir mediku billi żżid bil-kbir il-produzzjoni ta' apparat u tagħmir mediku, u l-innegozjar ta' provvisti ġodda għal dawk ir-reġjuni li ntlaqtu l-aktar.