"Għandna bżonn solidarjetà u koordinazzjoni fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili“

Baiba Issuġġeriet miżuri ta' emerġenza lill-gvern Latvjan biex jgħin ikopri l-ispejjeż bażiċi għal dawk fil-bżonn Il-Latvja, Riga

Kif tkompli għaddej b'ħajtek wara l-COVID-19 jekk tkun tlift xogħlok jew il-paga tiegħek tkun naqset drastikament? Biex tgħin liċ-ċittadini jiffaċċaw sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Latvjana għall-Protezzjoni tal-Konsumatur qed tissuġġerixxi miżuri ta' emerġenza lill-gvern Latvjan. "Aħna għamilna pressjoni biex liċ-ċittadini li ma setgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi tagħhom jingħatalhom benefiċċju ta' kriżi. Nofs l-ispejjeż tagħhom se jiġu rimborżati," tgħid Baiba. "Aħna konna wkoll involuti fid-deċiżjoni li jingħataw opportunitajiet ta' ħelsien mid-dejn għall-konsumaturi, kif ukoll żmien itwal biex iħallsu t-taxxa, u konsumaturi vulnerabbli issa jistgħu japplikaw għal allowance għat-tisħin." Baiba hija wkoll membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Hija tenfasizza li l-perjodu ta' wara l-COVID-19 se jirrikjedi li jkun hemm KESE b'saħħtu u stabbli, b'membri infurmati li jkunu impenjati bis-sħiħ biex jirrappreżentaw l-interessi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

"Nagħmlu l-almu tagħna biex nippromwovu d-drittijiet u l-interessi tal-persuni b'diżabilità“

Gunta Tipprovdi informazzjoni siewja lill-persuni b'diżabilità fil-Latvja Il-Latvja, Riga

Fost dawk li huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti tal-kriżi huma l-persuni b'diżabilità. Sfortunatament, ħafna minnhom irrapportaw li jħossu li tħallew l-art u li kellhom aċċess limitat ħafna għall-informazzjoni rilevanti. Huwa hawnhekk li daħlet SUSTENTO – l-organizzazzjoni Latvjana ġenerali għall-gruppi ta' diżabilità. "Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nippromwovu d-drittijiet u l-interessi tal-persuni b'diżabilità. Ħafna deċiżjonijiet tal-gvern saru ta' malajr u ma kkunsidrawx il-ħtiġijiet tagħhom. L-ewwel kompitu tagħna huwa li nressqu l-interessi tagħhom fuq l-aġenda politika," tispjega Gunta. Billi 25 % tal-popolazzjoni għandhom ukoll diffikultajiet biex jaqraw, SUSTENTO ddeċidiet ukoll li tiffoka fuq it-traduzzjoni ta' kuljum tal-aħbarijiet b'Latvjan sempliċi, biex b'hekk ikunu disponibbli b'mod mifrux. "Ftaħna wkoll linja telefonika għal persuni li ma għandhomx aċċess għall-internet jew għal sorsi oħra ta' informazzjoni. Il-pariri qed jingħataw bil-Latvjan, bir-Russu u bl-Ingliż."

"Stajt norganizza kunċerti drive-in. Din kienet waħda mill-aqwa esperjenzi tal-karriera tiegħi“

Mārcis Organizza l-ewwel kunċert drive-in fil-Latvja Il-Latvja, Ādaži

Poġġi komdu fil-karozza tiegħek, ilbes par headphones, irrilassa u gawdi l-mużika. Din hija l-esperjenza li Mārcis ħoloq mill-bidu sal-aħħar għal-Latvjani li jħobbu l-mużika. Iżda minflok ma tisma' recording jew tniżżel il-mużika mill-internet huwa ppropona kunċerti live ispirati mid-drive-ins tal-films fl-Istati Uniti. "Qsamt qalbi nara l-kunċerti tiegħi kollha kkanċellati. Ir-rabta mas-semmiegħa kienet telqet. Avolja stajt inkompli nagħti lezzjonijiet privati tal-kitarra lill-persuni madwar l-Ewropa u nipprepara r-recordings tiegħi, dawn kienu żminijiet verament diffiċli," ftakar Mārcis. "Iżda mbagħad rajt dan ir-rapportaġġ dwar ċinema drive-in fil-Ġermanja. Mill-ewwel ġie f'moħħi: Min jaf kieku ndoqq f'kunċert drive-in?" Minkejja l-problemi tekniċi u l-eżitazzjoni tal-awtoritajiet Latvjani, Mārcis irrifjuta li jaqta' qalbu. Sa fl-aħħar huwa ġab l-awtorizzazzjoni meħtieġa u daqq f'dawk li llum iqis li kienu l-aħjar kunċerti ta' ħajtu. "Inbiegħu il-biljetti kollha għaż-żewġ kunċerti f'għaxar minuti u l-feedback kien tajjeb ħafna. Din l-esperjenza kollha ġagħlitni nirrealizza kemm jien fortunat li nista' nagħmel dak li nħobb," ikkonkluda Mārcis.

"Nixtiequ li l-videos tagħna jippermettu l-koparteċipazzjoni kreattiva“

Il-kumpanija teatrali KVADRIFRONS Ippubblikaw videos ta' qari ta' stejjer mill-ktieb ta' Giovanni Boccaccio Id-"Decameron" Il-Latvja, Riga

Wasal ħin l-istejjer! Mis-16 ta' Marzu, kuljum il-kumpanija teatrali KVADRIFRONS bdiet tippubblika video li fih diversi persuni jaqraw stejjer qosra b'vuċi għolja. L-istejjer kollha ġejjin mid-"Decameron" ta' Giovanni Boccaccio – biċċa xogħol klassika tal-letteratura Taljana li fiha mitt storja rrakkuntati fil-kuntest tal-pesta bubonika. "Aħna nqisu dawn l-istejjer bħala rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa. Barra minn hekk, din l-inizjattiva toħloq sens ta' parteċipazzjoni u preżenza li tgħaqqadna", qal membru tal-kumpanija teatrali. Filwaqt li s-sessjonijiet ta' video tlestew f'Mejju, il-qari għadu disponibbli fil-paġni ta' KVADRIFRONS fuq Facebook, YouTube u Spotify.

"Ikla sħuna huwa l-mod tagħna kif nirringrazzjaw lil dawk kollha li qed isalvawna“

Fondazzjoni "Hospiss LV" Jipprovdu ikliet sħan b'xejn lit-tobba u lill-persunal mediku Il-Latvja, Riga

Ristoranti, negozji, voluntiera... ħafna persuni differenti ngħaqdu flimkien biex iwasslu ikliet sħan b'xejn lit-tobba u lill-persunal mediku. L-inizjattiva ġiet mill-fondazzjoni "Hospiss LV", li għenet biex jingħataw aktar minn 50,000 ikla minn meta faqqgħet il-COVID-19 fil-Latvja, u dan in-numru għadu qed jikber. "Permezz ta' din l-inizjattiva, aħna nappoġġaw mhux biss lill-persunal mediku li jaħdem bla waqfien għalina lkoll, iżda wkoll lill-kumpaniji tal-catering. Il-kriżi ġabet sfidi mhux mistennija għalihom ukoll," qal rappreżentant tal-Fondazzjoni. L-isforzi ta' Hospiss LV huma simili għal inizjattivi oħra madwar l-Ewropa. Il-Parlament Ewropew, pereżempju, żamm il-kċina tiegħu ta' Brussell miftuħa biex isservi ikliet lil nies li l-aktar għandhom bżonnhom.