"Kuntent li jien parti mill-mewġa ta' qalb tajba li għaddejja minn fuq il-Litwanja u b'hekk, li qed nagħti sehmi fil-ġlieda kontra l-COVID-19“

Tadas Jaħdem f'librerija li tiffoka fuq soluzzjonijiet innovattivi fil-ġlieda kontra l-COVID-19 Il-Litwanja, Kaunas

Il-Librerija Pubblika Muniċipali ta' Kaunas Vincas Kudirka fil-Litwanja malajr iffukat l-isforzi tagħha fuq il-ġlieda kontra l-COVID-19 billi pproduċiet pumi tal-bibien sempliċi iżda effiċjenti, li jintużaw mingħajr ma jintmissu. It-tim tal-librerija uża l-istampaturi 3D kollha disponibbli biex jipproduċi apparat li jitqabbad mal-bibien li jippermetti lin-nies jiftħu l-bibien mingħajr ma jaqbdu l-pum. Minbarra din l-innovazzjoni, it-tim ta' librara u ta' inġiniera tal-IT stampaw mijiet ta' tarki tal-wiċċ protettivi għall-ħaddiema mediċi.

"Biex nevitaw li jinħela l-ikel, iddeċidejna li nagħtuh lill-isptarijiet lokali. Dan malajr kiber f'moviment ta' solidarjetà“

Odeta Toffri ikliet b'xejn lit-timijiet mediċi u lill-banek tal-ikel bis-saħħa ta' donazzjonijiet mill-pubbliku Il-Litwanja, Vilnius

Waqt li l-katina ta' ristoranti ta' Odeta "Jurgis ir drakonas" sabet ruħha b'ammont kbir ta' ikel li kien se jinħela, hija ddeċidiet li ssajjar u toffri l-ikliet lit-timijiet li jaħdmu fl-isptarijiet f'Vilnius u f'Kaunas. Wara li qasmet l-inizjattiva fuq il-midja soċjali, ċittadini u negozji mill-pajjiż kollu offrew li jikkontribwixxu: bis-saħħa tad-donazzjonijiet tagħhom, Odeta u l-kollegi tagħha mhux biss joffru ikliet b'xejn lit-timijiet mediċi iżda jagħtu wkoll lill-banek tal-ikel lokali u lil persuni fil-bżonn.

"In-nies għad għandhom bżonn għajnuna medika għal problemi li mhumiex relatati mal-COVID-19“

Mindaugas Ħoloq servizz online b'xejn li jipprovdi pariri mediċi bażiċi matul il-lockdown Il-Litwanja, Vilnius

Peress li s-servizzi mediċi ġew konvertiti matul il-pandemija, xi ċittadini tilfu t-tobba, d-dentisti, il-fiżjoterapisti u l-psikologi li ssoltu jieħdu ħsiebhom. Mindaugas, li huwa tabib, ħoloq paġna fuq Facebook fejn in-nies jistgħu jistaqsuh mistoqsijiet mediċi u jirċievu parir malajr (bejn 10 minuti u 24 siegħa, skont kemm tkun urġenti t-talba). Dan ma jipprovdix biss pariri mediċi bażiċi lill-pazjenti iżda jnaqqas ukoll l-ammont ta' xogħol tal-persunal mediku fuq quddiem nett tal-kriżi u jevita li fondi pubbliċi jintużaw għal kompiti mhux essenzjali jew mhux urġenti.

"Flimkien nistgħu nagħmlu differenza“

Gabija u Ieva Nedew kampanja ta' crowdfunding biex jipprovdu tagħmir protettiv lill-isptarijiet Il-Litwanja, Vilnius

Flimkien mal-kollegi tagħhom ta' Laisves TV ("TV Libertà"), li hija NGO li toffri xandir online, Gabija u Ieva nedew kampanja ta' crowdfunding biex jinxtara tagħmir protettiv għall-isptarijiet, speċjalment dawk f'żoni remoti fejn is-sitwazzjoni hija aktar kritika milli fi bliet akbar. F'ġimagħtejn huma diġà ġabru aktar minn EUR 2 miljun. Huma kkollaboraw ukoll mal-industrija tal-moda lokali biex jgħinu fil-bidla lejn produzzjoni ta' lbies protettiv.

"Qatt tħalli kriżi tajba tinħela - użaha biex tgħaqqad lin-nies“

Robertas Jipproduċi tagħmir protettiv għall-professjonisti mediċi Il-Litwanja, Vilnius

Bl-għajnuna tal-voluntiera, Robertas nieda l-produzzjoni fuq skala kbira ta' mijiet ta' eluf ta' biċċiet ta' tagħmir protettiv għall-professjonisti mediċi fil-Litwanja. F'temp ta' sitt ġimgħat, huma pproduċew aktar minn 100,000 maskra kirurġika, aktar minn 240,000 maskra antibatterika mhux riutilizzabbli u maskri tat-tip “HEPA 10”, u aktar minn 20,000 jumpsuits u lbies mhux riutilizzabbli. Bis-saħħa ta' Robertas u l-voluntiera tiegħu, il-problema tan-nuqqas ta' lbies protettiv ġiet fil-parti l-kbira indirizzata: inizjattivi bħal dawn huma dak li jippermetti lill-professjonisti mediċi jaħdmu b'mod sikur u jipproteġuhom milli jimirdu.

"Kien l-aktar proġett mgħaġġel u li jgħaqqadna li qatt irnexxielna nagħmlu“

Eimantas u Tomas Jgħin lill-isptarijiet Litwani jixtru l-provvisti mediċi Il-Litwanja, Vilnius

Flimkien mal-komunità Litwana tat-teknoloġija, Eimantas, Tomas u l-kollegi tagħhom f'Tesonet irnexxilhom jiġbru EUR 440,000 biex jixtru provvisti mediċi għall-isptarijiet Litwani. Il-proġett kollu nibet mix-xejn, seħħ fi 72 siegħa, u għen biex l-akbar sptar fil-Litwanja jikseb il-ventilaturi tant meħtieġa u tagħmir ieħor bħal ilbies protettiv jew maskri tal-qoton għal użu fid-djar tal-anzjani. Inizjattivi bħal dawn jikkomplementaw il-programm RescEU tal-UE, li jiġbor tagħmir mediku biex il-provvisti neċessarji jkunu jistgħu jaslu malajr fl-Istati Membri li qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta' tagħmir.