"Is-sikurezza tal-passiġġieri, is-sewwieqa u l-persunal komplementari nieħduha bis-serjetà ħafna“

Mario, Marthese u Joseph Jiggarantixxu vjaġġi sikuri kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-impjegati Malta, Ħal-Qormi

Taqbad tal-linja waqt pandemija jaf jagħmlek anzjuż. Iżda forsi mhux jekk int passiġġier regolari tal-Malta Public Transport. "Aħna nieħdu s-sikurezza tal-passiġġieri, is-sewwieqa u l-persunal tagħna b'serjetà kbira," qalu Mario, Marthese u Joseph. Bħall-persunal kollu tal-Malta Public Transport, huma baqgħu jaħdmu biex jgħinu lil min kellu jibqa' juża t-trasport pubbliku. Huma adattaw ruħhom għal rutina ġdida u għamlu dan b'mod kuxjenzjuż. "Ma bqajniex nagħtu bqija. Passiġġieri li jixtru l-biljetti fuq tal-linja stess iridu jħallsu l-ammont preċiż tan-noll. Ma ħallejniex passiġġieri bil-wieqfa fuq tal-linja u l-karozzi nnaddfuhom sew, ħafna drabi kuljum." L-impjegati kollha tat-Malta Public Transport li jkollhom kuntatt mal-pubbliku sistematikament jingħataw sanitizzatur tal-idejn u maskri, filwaqt li l-passiġġieri jridu jilbsu maskra jew visor waqt li jistennew tal-linja jew meta jirkbu. Ġew installati wkoll skrins protettivi fuq il-flotta kollha biex jipproteġu lis-sewwieqa u lill-passiġġieri.

"Il-pandemija tal-COVID urietni kemm kapaċi nadattaw ruħna“

Casa Antonia Toffri servizzi ta' kura tal-ogħla livell għall-anzjani Malta, Ħal Balzan

Casa Antonia hija dar residenzjali u tipprovdi servizzi ta' kura tas-saħħa għall-anzjani f'Ħal Balzan. Mit-18 ta' Marzu, 115-il impjegat għexu u ħadmu f'din id-dar imqassma fuq xiftijiet ta' tliet ġimgħat. Dan jinkludi care assistants, infermiera, kokijiet, cleaners, ħaddiema tal-manutenzjoni, ġardinar u persunal tal-management. Casa Antonia issa qed tipprovdi kuljum akkomodazzjoni, ikel, ħasil tal-ħwejjeġ, ilma, elettriku u internet għal 70 persuna aktar. L-impjegati adattaw ruħhom sew ħafna għal din is-sitwazzjoni surreali, fejn qed jgħixu 'l bogħod mill-familji tagħhom għal perjodi twal ta' żmien. Ħafna minnhom qatt ma kienu għexu qabel f'komunità u issa sabu ruħhom jgħixu flimkien ma' kollegi mid-dinja kollha u jaħdmu siegħat itwal. L-isfida li jgħixu fuq il-post tax-xogħol ħarġet tant talenti fl-impjegati. L-impjegati li jaħdmu fil-kċina tgħallmu jsajru ikel Ażjatiku biex itellgħu l-moral tal-kollegi Ażjatiċi u l-ħaddiema tal-manutenzjoni qed jagħmluha ta' DJs biex ir-residenti jiddevertu filgħaxija.

"Kulħadd irid jagħti sehmu“

Mark Jiżgura li kulħadd ikollu provvisti ta' ikel frisk Malta, San Pawl il-Baħar

Mark irabbi n-nagħaġ u jipproduċi prodotti tal-ikel Malti tradizzjonali. Huwa ddeċieda li jgħin jiġġieled f'din il-gwerra silenzjuża billi jagħlaq il-farm għall-viżitaturi waqt li jkompli jipproduċi l-ikel, servizz essenzjali f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Huwa kien qed jiddedika aktar ħin biex iqassam prodotti friski bieb bieb lill-membri vulnerabbli tal-komunità peress li ta' spiss huma ma jkunux jistgħu joħorġu minn djarhom u jirriskjaw li jispiċċaw bil-ġuħ. Huwa kien iħalli posts fuq il-midja soċjali biex min ikollu bżonn l-ikel jikkuntattjah biex imbagħad jieħu ħsieb li jwasslilhom il-prodotti. Fil-waqt li ħadem ma' ibnu biex jagħmel dan, huwa kien kburi jara bdiewa oħra f'Malta u Għawdex juru solidarjetà b'modi simili. Il-bdiewa fl-Ewropa kollha qed jaħdmu sod biex ikomplu jitimgħu lill-Ewropa, minkejja d-diffikultajiet li jiffaċċjaw. L-Unjoni Ewropea se tkompli tappoġġa lill-bdiewa u lill-produtturi tal-ikel, tikkollabora mal-Istati Membri u tieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiżgura s-saħħa u benesseri tan-nies tal-Ewropa.

"Il-missjoni tagħna: nitimgħu lill-eroj li qegħdin fuq quddiem fil-battalja“

Saviour Ipprovda ikliet lill-persunal tal-isptar Malta, Balzan

Il-Bottarga Gourmet Fish Shop f'Malta huwa kburi li jiżgura li l-persunal tal-isptar li qegħdin fuq quddiem f'din il-battalja huma mitmugħa sew. Huma taw ħinhom biex jippreparaw mingħajr ħlas, ikliet għall-ħaddiema tal-isptar Mater Dei. B'dan il-mod, dawn il-kokijiet jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-pandemija u juru l-apprezzament tagħhom lil dawk li qed jipperikolaw ħajjithom meta jgħinu lill-morda. Madwar l-Ewropa, in-nies qed jużaw ħilithom u r-riżorsi tagħhom biex jappoġġaw lill-eroj tal-kura tas-saħħa.

"Li nlaqqgħu lin-nies flimkien huwa aktar importanti minn qatt qabel“

Zoe, Vegard, Keit u Niels Organizzaw lockdown festival li jippermetti lill-artisti jeżibixxu ruħhom u lill-udjenzi jgawdu attivitajiet kulturali minn djarhom Malta, Valletta

Minħabba l-kriżi kurrenti, ħafna avvenimenti ġew posposti jew totalment ikkanċellati. Zoe, Vegard, Keit u Niels minn Malta ħolqu Lockdown Festival biex l-artisti jkunu jistgħu jibqgħu jeżibixxu ruħhom quddiem udjenza, avolja online u mill-bogħod. Dawn l-avvenimenti huma essenzjali biex il-komunitajiet tagħna jibqgħu ħajjin fi żmien meta tant nies iħossuhom iżolati fi djarhom. L-avvenimenti kulturali jistgħu jferrħu lin-nies u joħolqu sens ta' appartenenza, għalhekk it-tim tal-Festival issa qiegħed jaħdem biex jinħoloq spazju permanenti għal avvenimenti online. Is-settur kulturali u kreattiv huwa magħmul minn ħafna kreaturi individwali u SMEs, kif ukoll minn organizzazzjonijiet tal-karità. L-istatus tagħhom ta' spiss jagħmilha aktar diffiċli għalihom biex jikkwalifikaw għal skemi ta' appoġġ nazzjonali jew tal-UE. Biex jiżguraw li fondi tal-UE jilħqu lis-settur, l-MEPs qed jitolbu lill-Kummissjoni tikkunsidra li żżid il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (il-programm Ewropa Kreattiva) billi jżiduha mill-baġit tal-2021, jew jittrasferulha fondi mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

"Flimkien nistgħu niġġieldu l-coronavirus aħjar“

Chef Dario Joħloq relazzjonijiet ma' negozji oħra biex jappoġġa lill-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem nett tal-kriżi Malta, Kirkop

L-industrija tal-catering u r-ristoranti ntlaqtu ħafna mill-COVID-19. Biex ipatti għal din il-problema, Chef Dario ħoloq l-NGO Feeding Heroes Malta, li topera biss b'donazzjonijiet mill-pubbliku u l-kuntatti tiegħu stess. Permezz tal-organizzazzjoni, huwa ħadem biex inaqqas il-ħela tal-ikel u jgħin chefs li spiċċaw bla xogħol. Huwa beda jiġbor ikel mhux mixtieq mir-ristoranti, materja prima mill-fornituri u sab chefs professjonisti mir-ristoranti magħluqin biex isajru l-ikliet. L-operazzjoni kienet ta' ġid kbir biex timmobbilizza l-komunità u toħloq soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli għall-kriżi tal-COVID-19.

"Meta nirrakkuntaw stejjer dawn jieħduna lil hinn mill-erba' ħitan tal-kamra li nkunu magħluqin fiha“

Marija Iġġib il-ferħ u l-immaġinazzjoni lit-tfal Malta, Mtarfa

Li noqogħdu d-dar huwa diffiċli għall-membri kollha tal-familja, inklużi l-iżgħar fostna. Biex joħolqu ftit divertiment ħafif, grupp ta' ħames nisa nġabru biex iġibu l-ferħ u l-immaġinazzjoni lit-tfal billi jirrakkuntaw stejjer. Huma ħolqu paġna ta' Facebook li jisimha "My Storytime" biex jaqraw għażla ta' stejjer u poeżiji bl-Ingliż u bil-Malti għal udjenzi ta' etajiet differenti. Filwaqt li l-qarrejja jirrekordjaw lilhom infushom, il-fundaturi jieħdu ħsieb il-ħidma minn wara l-kwinti. Fost affarijiet oħra huma jeditjaw, jiskedaw, iwieġbu domandi u jsibu aktar qarrejja. Ir-rispons kien fenomenali. Madwar 4,300 persuna bdew isegwu l-paġna sa minn meta nħolqot fit-23 ta' Marzu. Aqsam mal-oħrajn il-modi kreattivi tiegħek kif tispira lill-oħrajn matul il-kriżi tal-COVID-19 billi tuża #EwropejKontraCovid19.