"Permezz tat-tagħmir mediku mixtri b'fondi tal-UE, nistgħu nieħdu ħsieb aktar pazjenti“

Piotr Jgħin lill-komunitajiet tal-fruntieri li jiffaċċaw emerġenzi tas-saħħa Il-Polonja, Tomaszów Lubelski

Il-Coronavirus ma jieqafx mal-fruntieri, iżda lanqas ma jieqfu l-isforzi tagħna fil-ġlieda kontrih. Fir-reġjun madwar il-fruntieri tal-Polonja, il-Belarussja u l-Ukrajna, il-proġett b'finanzjament mill-UE "RESCUE" għen biex jiġu pprovduti ambulanzi u ventilaturi lill-isptarijiet biex it-tobba jkunu jistgħu jiġġieldu l-pandemija tal-coronavirus madwar il-pajjiżi u fil-periferija tal-UE. Piotr Gozdek imexxi t-taqsima tal-Mediċina Interna u tal-Kardjoloġija f'ċentru tas-saħħa f'Tomaszów Lubelski. "Peress li aħna ġirien qrib ħafna ta' xulxin, il-pazjenti tagħna, ikunu minn liema naħa tal-fruntiera jkunu, jistgħu jiddependu fuq kwalità ogħla ta' kura tas-saħħa. Il-kuntatti bejn l-isptarijiet jippermettulna li niskambjaw esperjenzi f'sitwazzjonijiet ta' kriżijiet tas-saħħa enormi, li m'hemmx dubju li l-pandemija tas-SARS-Cov2 hija waħda minnhom." Mhuwiex biss tagħmir li huwa pprovdut: il-proġett joffri korsijiet ta' taħriġ speċjalizzati għal 69 tabib, 48 persuna tas-salvataġġ, u 137 infermier, u qed isiru preparamenti għal inizjattivi ta' tagħlim għal 4,500 abitant.

"Li tgħin lil ħaddieħor u tagħmel volontarjat hija parti integrali mill-ħajja tal-Iscouts“

Anna Għenet fit-tqassim ta' aktar minn 3,000 ikla lill-anzjani u lill-persuni fuq assistenza soċjali Il-Polonja, Wieliczka

Mhux dejjem ikun hemm bżonn armata ta' voluntiera biex isiru affarijiet kbar. Fi Wieliczka, belt viċin Krakow, għadd żgħir ta' Scouts adulti mill-Assoċjazzjoni Pollakka tal-Iscouts u l-Guides (ZHP) kienu qed jgħinu b'kull mod li setgħu sa minn nofs Marzu. Ħajjithom inbidlet drastikament u issa ddur madwar żewġ attivitajiet prinċipali: jipprovdu attivitajiet online interessanti għall-iscouts li għadhom żgħar u jgħinu lill-anzjani u lil dawk li jirċievu l-assistenza soċjali. Il-grupp diġà pprovda aktar minn 3,000 ikla, flimkien ma' tagħmir protettiv u konsenja ta' bżonnijiet ta' kuljum lil dawk fil-bżonn. "Li tgħin lil ħaddieħor u tagħmel volontarjat hija parti integrali mill-ħajja tal-Iscouts," qalet Anna. "In-nies ta' Wieliczka dejjem jistgħu joqogħdu fuqna, fi żmien il-COVID-19 jew le.

"Huwa naturali li ngħinu lil dawk fil-bżonn, speċjalment f'każ fejn jiġu salvati ħajjet in-nies“

Krzysztof, Gabriela u Dagmara Jipprovdu għajnuna psikoloġika mingħajr ħlas lill-professjonisti tas-saħħa li jeħtiġuha Il-Polonja, Varsavja

Iċ-ċapċip għal dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa huwa ġest simboliku apprezzat. Iżda hekk kif tiżdied il-pressjoni fuq l-isptarijiet, l-inizjattiva tibda tasal ukoll fil-limiti tagħha. L-eżawriment jiżdied, l-istress jikber u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jistgħu jibdew jibżgħu li se jimirdu huma jew il-maħbubin tagħhom. Iċ-ċentru kontra l-Istress u l-Eżawriment fl-Università ta' Łazarski fil-Polonja huwa konxju sew dwar dan ir-riskju. Biex inaqqsuh, huma bdew inizjattiva ta' għajnuna psikoloġika b'xejn għat-tobba, l-infermiera, il-paramediċi u esperti tad-djanjostika tal-laboratorju. Psikologi ta' esperjenza huma disponibbli nhar ta' Tnejn, l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ħdud biex jipprovdu għajnuna permezz ta' numru tat-telefon apposta. "Permezz ta' #GħajnunaNitkellmu (#PomagamyRozmawiamy), noffru għajnuna vera lil dawk li qed jiġġieldu direttament il-COVID-19. Nitkellmu direttament biex inaqqsu t-tensjoni u l-istress, biex ngħinu lill-persunal mediku jiffaċċja aħjar is-sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom ta' kuljum," spjega l-grupp.

"Ħaġa li laqtitni ħafna kienet l-apprezzament tal-passiġġieri tagħna“

Olga Membru tal-ekwipaġġ tal-kabina f'titjiriet ta' ripatriazzjoni Il-Polonja, Varsavja

#LOTdoDomu (Tir lura d-dar ma' LOT) kienet waħda mill-aktar operazzjonijiet tat-titjiriet diffiċli fuq livell organizzattiv u loġistiku fl-istorja tal-avjazzjoni ċivili Pollakka. Fi 22 ġurnata, il-linja tal-ajru nazzjonali Pollakka taret sa 71 belt fi 53 pajjiż madwar id-dinja. L-operazzjoni ġiet ippreparata f'ħeffa liema bħala biex jgħinu lill-kompatrijotti li nqabdu f'pajjiż ieħor, 'il bogħod mill-familji tagħhom, minħabba l-pandemija tal-COVID-19. "F'tant modi, dawk it-titjiriet kienu differenti mit-titjiriet tagħna tas-soltu. Kull titjira kienet tinħass qisha missjoni ta' salvataġġ" tistqarr Olga, membru tal-ekwipaġġ tal-kabina f'uħud minn dawk it-titjiriet. Din il-linja tal-ajru wettqet 388 titjira minn sitt kontinenti, fejn ġew ittrasportati passiġġieri mill-Perù, il-Messiku, l-Arġentina, il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Awstralja u ħafna pajjiżi oħra. B'kollox, LOT ġabet lura d-dar aktar minn 54,000 ċittadin Pollakk.

"Aħna se nkomplu nappoġġaw negozji żgħar billi nwieġbu l-mistoqsijiet legali relatati mal-pandemija“

Małgosia u Katarzyna Jipprovdu pariri legali b'xejn lin-negozji affettwati mill-pandemija Il-Polonja, Poznan

Ħafna imprendituri nqabdu bla mistenni mill-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fuq in-negozji tagħhom. X'għandhom jagħmlu f'każ ta' tfixkil tal-katina ta' provvista? Kif japplikaw il-klawżoli ta' force majeure għall-kumpaniji tagħhom? Biex tgħinhom iwieġbu domandi bħal dawn, Małgosia , avukata Pollakka, iddeċidiet li toħloq kanal YouTube "Inqarrbu l-liġi lejn l-imprendituri". "Jien noffri gwida lill-imprendituri dwar l-aħħar regolamenti u l-għajnuna finanzjarja pubblika li jistgħu jirċievu", hija spjegat. "Peress li r-regolamenti dwar il-COVID-19 fil-Polonja qed jiġu aġġornati l-ħin kollu, aħna wessajna l-kunċett saħansitra aktar bl-għajnuna ta' Katarzyna". Huma issa qed jiffokaw fuq il-qsim tal-għarfien legali permezz ta' webinars u konsultazzjonijiet fuq it-telefon b'xejn man-negozji żgħar. Is-suġġetti li jkopru jinkludu l-protezzjoni tad-data u l-privatezza tal-impjegati li jaħdmu mid-dar. L-informazzjoni fuq l-inizjattiva hija disponibbli fuq is-sit web tal-kumpanija u l-paġna ta' Facebook.