"It-tama u x-xewqa tagħna li ngħinu jżommuna ħajjin“

PNEUMA Team Żviluppaw ventilaturi għall-isptarijiet bi prezz baxx u li jiġu armati faċilment Il-Portugall, Porto

L-isptarijiet għandhom domanda enormi għall-ventilaturi. Għalhekk tim multidixxiplinari f'Porto, immexxi minn INESC TEC, qed jiżviluppa PNEUMA, apparat li jiswa ftit u jiġi armat faċilment. L-għan ewlieni ta' dan il-ventilatur alternattiv hu li l-magni konvenzjonali jinżammu għall-każijiet kritiċi. Din it-teknoloġija toffri alternattiva għall-ventilazzjoni invażiva għal pazjenti b'insuffiċjenza respiratorja akuta li tirrikjedi kontroll tar-rata respiratorja. Din isservi wkoll ta' soluzzjoni fl-eventwalità ta' nuqqas kritiku ta' ventilaturi. Ix-xjenzati Ewropej jinsabu fuq quddiem nett tar-riċerka u l-innovazzjoni globali fil-mediċina u jaħdmu bejn il-fruntieri biex flimkien itejbu s-sistemi tal-kura tas-saħħa. Dan jinkludi wkoll appoġġ tal-UE għall-istartups u għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju b'ideat ġodda biex jiġġieldu l-virus. It-talba għall-finanzjament tal-Aċċeleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni toffri EUR 164 miljun biex tgħinhom jibdew jaħdmu fuq l-ideat tagħhom.

"L-arti hija l-mera tal-umanità. Hija tqawwielna qalbna, tagħtina t-tama' u tagħmilna pożittivi“

Ana Tmexxi pjattaforma fejn l-artisti jistgħu jesebixxu u jitħallsu mill-udjenza Il-Portugall, Torres Vedras, Lisbona

Aħseb fl-Arti, Tkellem dwar in-Negozju, Oħloq il-Kultura! Dan huwa l-motto tal-pjattaforma RHI Stage, maħluqa minn Arte Institute fuq RHI-Think.com, fejn l-artisti jistgħu jesebixxu ruħhom u jitħallsu ta' xogħolhom. L-impatt tal-COVID-19 fuq l-Istati Membri Ewropej affettwa ħafna industriji. Is-settur tal-kultura mhux eċċezzjoni. L-UE waqqfet il-programm Ewropa Kreattiva biex tipprovdi self lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fis-setturi tal-kultura u dawk kreattivi. Hija waqqfet ukoll il-Fondi SIE biex tipprovdi appoġġ fil-forma ta' self u garanziji. Huwa inkoraġġanti li wieħed jinnota li komunitajiet madwar l-UE jistgħu jappoġġaw ix-xogħol tal-artisti, b'turija ta' solidarjetà lill-artisti permezz tal-arti nnifisha.

"Billi nippermettu lin-nies joqogħdu d-dar qed insalvaw il-ħajjiet“

Vizinho amigo Jixtri u jqassam prodotti lil dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom Il-Portugall, Lisbona

"Vizinho Amigo", li tfisser "Ġar Ħabib", huwa grupp ta' voluntiera żgħażagħ li qed jipprovdu għajnuna lil dawk li jinsabu f'riskju akbar li jieħdu l-virus bħall-persuni anzjani u morda. Peress li dawn il-gruppi ta' persuni jintlaqtu b'mod aktar gravi meta jaqbadhom il-virus, huwa rakkomandat li jevitaw ġemgħat ta' nies, inklużi dawk f'supermarkets jew spiżeriji. Hawnhekk jidħlu dawn il-"ġirien ħbieb". Huma jiġbru talbiet u jmorru jixtru ikel, mediċini u prodotti meħtieġa oħra u jwassluhom fuq l-għatba tal-bieb tad-dar ta' dawn il-persuni. Huma qed jaħdmu wkoll biex ikabbru l-għarfien dwar is-servizzi tagħhom billi jħallu fuljetti fiż-żona lokali u jaħdmu mal-awtoritajiet lokali. Dan l-ispirtu ta' solidarjetà ntwera wkoll bejn l-Istati Membri tal-UE, speċjalment lejn dawk li ġew l-aktar affettwati mill-pandemija. Pereżempju, is-Slovakkja bagħtet maskri u diżinfettant lill-Italja, filwaqt li l-Awstrija bagħtet ingwanti u diżinfettant lill-Kroazja. L-isptarijiet Ġermaniżi qed jikkuraw pazjenti mill-Italja u minn Franza li huma morda b'mod kritiku , filwaqt li ċ-Ċekja offriet ilbies protettiv lill-Italja u lill-Spanja. Eżempji perfetti ta' kif qed ngħixu din il-kriżi, flimkien.

"Din hija kawża ta' kulħadd“

SOS.COVID19 Tagħmel crowdfunding għall-kampanji biex jinxtara tagħmir ta' protezzjoni personali Il-Portugall, Lisbona

Is-sistema tal-kura tas-saħħa qed tiffaċċja domanda kbira għal tagħmir li jippermetti lill-professjonisti, bħall-infermiera u t-tobba, jipproteġu ruħhom meta jgħinu lill-pazjenti fl-isptarijiet. Provvista tajba ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) hija għalhekk meħtieġa biex ngħinu lill-professjonisti tas-saħħa tagħna fil-ġlieda kontra l-COVID-19. SOS.COVID19.Portugal huwa moviment ta' solidarjetà soċjali Portugiż li l-fundaturi tiegħu huma tmien nisa impenjati għal din il-kawża. Huma qed jagħmlu crowdfunding biex jixtru aktar PPE għal bosta sptarijiet. Il-moviment ħoloq ukoll it-tieni kampanja ta' crowdfunding biex jinxtara PPE għal djar tal-kura tal-anzjani. Fil-livell tal-UE, RescEU inħoloq biex jinħażen u jitqassam tagħmir mediku u PPE biex jiġi żgurat li jaslu fejn l-aktar hemm bżonnhom sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-virus u tinqered din il-pandemija.

"Se naħdmu biex insibu soluzzjonijiet ġodda biex nappoġġaw il-ġlieda kontra din il-pandemija“

Miguel Jappoġġa s-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Portugiż permezz tal-ħolqien ta' prodotti essenzjali Il-Portugall, Porto

Provvisti ġodda ta' ġel diżinfettant, li huwa essenzjali għall-prevenzjoni u t-trattament tal-COVID-19, tqassmu lil 12-il sptar fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Portugall, bis-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn l-Amministrazzjoni tas-Saħħa, il-Grupp Super Bock u d-distillerija Levira. S'issa, ingħataw madwar 18,000 litru ta' ġel diżinfettant tal-idejn li sar mill-produzzjoni tagħna ta' birra mhux alkoħolika. Dan huwa eżempju ta' appoġġ u solidarjetà bejn in-negozji privati u dawk fuq quddiem nett tal-kriżi, eżempju li jippermetti l-ħidma tal-professjonisti mis-servizz nazzjonali tas-saħħa.

"Komunità b'innovaturi hija aktar awtonoma u reżiljenti“

VIVA Lab Jiżviluppa proġetti b'sors miftuħ biex jiddiżinja tagħmir protettiv għas-settur mediku Il-Portugall, Porto

VIVA Lab jiffoka fuq l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u d-diżinn. Matul il-pandemija, huma qed jipproduċu maskri, visors u goggles protettivi għall-isptarijiet f'Porto. Huma ttrasformaw l-ispazju tax-xogħol tagħhom f'linja ta' produzzjoni u ħolqu netwerk ta' voluntiera u ħajjata. S'issa fornew 4,500 visors, 1,300 goggle u 500 maskra. Peress li l-proġett huwa b'sors miftuħ u jista' jitqassam b'xejn, gruppi fil-Brażil, fl-Italja u fi Spanja diġà qed jadottaw is-soluzzjonijiet tagħhom. Madwar l-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet qed joffru għajnuna lill-ġirien biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Din hija s-Solidarjetà tal-Ewropa li tidħol fl-azzjoni. Għal ħarsa ġenerali tal-azzjoni komprensiva tal-UE biex tindirizza l-COVID-19 tista' żżur: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response_mt

"Li ngħidu grazzi lit-tobba u lill-infermiera mhuwiex biżżejjed. Aħna lkoll irridu nieħdu azzjoni“

Eurico Jistampa b'mod 3D tagħmir protettiv għall-professjonisti mediċi Il-Portugall, Setúbal

Eurico jaħdem ma' FAN3D, kumpanija ta' konsulenza li tispeċjalizza fil-Manifattura Addittiva (stampar 3D). Bħalissa qed jistampaw b'mod 3D tagħmir mediku protettiv għall-ħaddiema mediċi. Dan huwa biss eżempju wieħed ta' solidarjetà Ewropea. S'issa Franza tat miljun maskra lill-Italja, u l-Ġermanja bagħtet 7 tunnellati ta' tagħmir mediku lill-Italja, inklużi ventilaturi u maskri anestetiċi, biex isalvaw il-ħajjiet.

"Issa, aktar minn qatt qabel, l-appoġġ tekniku jista' jagħmel differenza reali għall-isptarijiet fil-ġlieda tagħhom kontra l-pandemija“

André Jgħin lill-isptarijiet jimmaniġġjaw il-manutenzjoni u r-riabilitazzjoni tat-tagħmir mediku Il-Portugall, Vale de Cambra

André jaħdem fuq pjattaforma web li tgħin lill-isptarijiet jikkomunikaw b'mod aktar effiċjenti ma' faċilitajiet mediċi oħra, b'enfasi fuq il-manutenzjoni u r-riabilitazzjoni tat-tagħmir mediku. L-iżgurar tal-forniment ta' tagħmir mediku adegwat huwa wieħed mill-isforzi ewlenin tal-UE matul dil-kriżi. Billi jassisti lit-tekniċi speċjalizzati fil-manutenzjoni u r-riabilitazzjoni tal-għodod li l-ħaddiema mediċi tant ikollhom bżonn sabiex jipprovdu kura adegwata lill-pazjenti, André qed jgħin biex tingħeleb l-isfida loġistika li qed jiffaċċja s-settur tas-saħħa bħalissa.

"Xogħolna għandu l-għan li jsib soluzzjonijiet lokali li jistgħu jintużaw madwar id-dinja bil-għan waħdieni li jservi lill-umanità fil-ġlieda kontra l-COVID19 billi jiġi riabilitat tagħmir mediku antik bħall-ventilaturi“

João Ipoġġi l-ħiliet teknoloġiċi tagħhom għas-servizz tal-istituzzjonijiet mediċi Il-Portugall, Cascais

L-"Open Air Project" li nieda João jiġbor flimkien komunità ta' voluntiera intiżi sew fit-teknoloġija u qed jaħdmu fuq proġetti bħal ventilaturi b'sors miftuħ, u r-riabilitazzjoni ta' ventilaturi qodma biex jiġu megħjuna l-istituzzjonijiet mediċi. Proġetti oħra jittrattaw il-prevenzjoni, it-trażżin, l-assistenza remota, l-appoġġ loġistiku, apps għall-mobiles, u soluzzjonijiet oħra teknoloġiċi għall-emerġenza preżenti. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi soluzzjonijiet lokali li jistgħu jkunu ta' għajnuna madwar id-dinja, fl-istess waqt li qed isiru sforzi mill-UE biex jiġu megħjuna n-nies fuq il-post filwaqt li jiġu offruti soluzzjonijiet fuq skala kontinentali.

"Inti tista' ssalva d-dinja billi titgħallem kif tipprevjeni l-virus milli jinxtered“

Virus Fight Club Nieda logħba edukattiva għall-ismartphones biex tgħallem l-aħjar prattiċi kif maħruġa mid-WHO Il-Portugall, Braga

Dan it-tim ta' 9 persuni żviluppa l-"Virus Fight Club app" li fih il-plejers jivvjaġġaw madwar id-dinja biex jiġġieldu l-COVID-19. Il-logħba hi ddisinjata biex tkun aċċessibbli għan-nies tal-etajiet kollha, u tiġbor flimkien informazzjoni mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll divertiment biex tipprovdi attività divertenti f'dan iż-żmien diffiċli. Il-ħasil frekwenti tal-idejn hija karatteristika prinċipali tal-logħba, flimkien mat-tqassim tal-maskri lill-karattri infettati. Inizjattivi bħal dawn jikkomplementaw b'mod kreattiv l-azzjonijiet eżistenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li jipprovdi valutazzjonijiet rapidi tar-riskji u aġġornamenti epidemjoloġiċi dwar it-tifqigħa.