"L-inizjattivi tagħna huma maħsuba biex jgħinu u jappoġġaw il-komunitajiet li ntlaqtu l-aktar minn din in-normalità ġdida“

Anca Tgħin lin-negozji lokali u lill-persunal tal-isptar matul il-pandemija Ir-Rumanija, Bucharest

Biex tgħin lin-negozji lokali jissopravvivu l-għeluq furzat matul il-lockdown, Anca ġietha idea. Hija stiednet lill-komunità tagħha fuq Facebook biex tixtri mingħand dawn in-negozji vouchers bħala rigali li jkunu jistgħu jintużaw meta dawn in-negozji jerġgħu jiftħu. "F'inqas minn 24 siegħa il-kampanja xterdet mal-midja soċjali", qalet Anca. "Il-pjattaforma ta' prenotazzjoni online CardCadou ddeċidiet li tissieħeb magħna u l-inizjattiva issa tinkludi aktar minn 140 negozju żgħir madwar ir-Rumanija". Iżda Anca kienet għadha ħerqana biex issib modi ġodda biex tgħin. Hija żviluppat ukoll pjattaforma ġdida jisimha Coffee for Hospitals minn fejn in-nies jistgħu jixtru vouchers tal-kafè għall-ħaddiema tal-isptarijiet. "Bis-saħħa ta' #cafeapentruspitale, aħna wassalna tunnellati ta' kafè ta' kwalità lill-isptarijiet ta' Bucharest u ta' ħamest ibliet Rumeni oħra", qaltilna Anca. Ir-reazzjonijiet tat-tobba u l-infermiera kienu tant pożittivi li l-inkaljatur tal-kafè "The Barn Berlin" iddeċieda li jwassal l-inizjattiva lill-Ġermanja.

"L-għan tiegħi huwa li ngħin nirranġa u norganizza d-djar u ntejjeb il-kundizzjonijiet ġo fihom“

Diana Turi kif il-kundizzjonijiet li ngħixu fihom jinfluwenzaw il-benesseri tagħna Ir-Rumanija, Bucharest

Peress li l-pandemija ġiegħlitna naħdmu mid-dar, il-ħolqien ta' ambjent favorevoli fid-dar sar partikolarment neċessarju b'mod urġenti. Diana ħolqot il-metodu tagħha ta' organizzazzjoni, #MareaOrganizare (#TheGreatOrganizingProject), biex tinkoraġġixxi l-għajxien sostenibbli. Dan jinkludi attivitajiet, ideat, u għajnuniet prattiċi biex l-organizzazzjoni tad-djar tagħna tkun faċli, divertenti u flessibbli. In-nies li pparteċipaw f'nofs il-pandemija qalu li dan għenhom jibqgħu ffukati fuq xi ħaġa prattika u pożittiva, li jagħmlu il-post fejn jgħixu aktar adattat għar-realtà l-ġdida. Sistema li tinkludi l-organizzazzjoni tista' tidher kontrointuwittiva fi żmien meta ħafna qed jimlew l-istores tagħhom. Iżda Diana tgħid li t-tindif u l-organizzazzjoni jistgħu jkunu attività li tikkalma lin-nies. Qabel ma tmur tixtri l-affarijiet tal-ikel bil-ġirja, pereżempju, hija tgħid li huwa importanti li tara x'diġà għandna d-dar, tarmi prodotti skaduti u tirranġa l-affarijiet b'mod li tkun tista' tarahom faċilment.

"Aħna ngħinu lil dawk li qegħdin fl-akbar riskju billi nwasslulhom bżonnijiet ta' kuljum. Idea sempliċi li tinvolvi ħafna nies li għandhom definizzjoni komuni tas-solidarjetà. Jista' jkun hemm xi ħaġa aktar Ewropea minn hekk?“

Marian Jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli għall-infezzjoni Ir-Rumanija, Bucharest

Jekk inti persuna anzjana, jekk għandek kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti jew tbati minn diżabbiltà, l-idea li toħroġ biex tixtri l-bżonnijiet ta' kuljum u l-mediċini tista' tbeżżgħek. Permezz tal-inizjattiva tagħhom GROCERIES AT YOUR DOOR, Geeks for Democracy tagħmel dan għalik. It-tim iwassal kits ta' ikel maħluqa bi sħab ma' tabib u ma' espert tad-dieta. Dan il-kit ikun fih prodotti ta' iġjene u tindif bażiċi, kif ukoll mediċini. "Aħna għandna proċess stabbilit li jippermetti lit-tobba u lill-pazjenti jibagħtu r-riċetti mediċi b'email direttament lill-ispiżjara," jgħid Marian. GROCERIES AT YOUR DOOR hija kompletament operattiva f'Bucharest u l-viċinat tagħha, kif ukoll disa' reġjuni oħra fir-Rumanija. Iċ-ċentru telefoniku nazzjonali jieħu ordnijiet minn dawk fil-bżonn, waqt li 450 voluntier jiżguraw li kollox jiġi proċessat u konsenjat kif suppost. Huma jissieħbu wkoll ma' NGOs oħra biex jgħinu jikkonsenjaw prodotti tal-ikel u iġjene bażiċi lil komunitajiet vulnerabbli.

"Hemm bżonn ta' solidarjetà soċjali kbira waqt dan il-perjodu meta pajjiżna għaddej minn żmien diffiċli“

Adi Imexxi l-proġett umanitarju Solidar Social Ir-Rumanija, Bucharest

"Solidar Social" huwa proġett umanitarju maħluq mix-chef Adi Hădean li, flimkien ma' għexieren ta' chefs voluntiera oħra, jippreparaw kuljum ikliet sħan għall-istaff mediku fl-isptarijiet ta' Bucharest u għall-anzjani li jgħixu iżolati. It-tim jipprepara u jqassam 1,200 ikla sħuna kuljum, li huwa possibbli biss permezz tal-appoġġ tal-voluntiera, u d-donazzjonijiet minn kumpaniji privati u minn individwi. "Solidar Social bdiet minħabba n-neċessità, u aħna qed ngħinu billi nagħmlu dak li nafu nagħmlu l-aħjar: nitimgħu lin-nies. Għandna bżonn il-kontribut ta' kulħadd biex jirnexxielna nagħmlu dak li nagħmlu. Tlesti 1,200 ikla sħuna mhix ħaġa faċli, u b'hekk għandna bżonn l-għajnuna f'ħafna oqsma, mill-kisba tal-ikel, sal-loġistika, sad-donazzjoni ta' tagħmir protettiv" qal Chef Adi Hădean. S'issa, it-tim tas-"Solidar Social" qassam 'il fuq minn 26,000 ikla sħuna lil nies fil-bżonn.  Il-Fondazzjoni Adi Hădean għandha l-għan fit-tul li tiżviluppa dan il-proġett umanitarju fir-Rumanija, biex tipprovdi l-akbar għajnuna possibbli lil dawk fil-bżonn.

"Dejjem nipprova nuża l-media soċjali għall-ġid soċjali“

Alin Jiddedika l-ħin tiegħu biex jesponi l-aħbarijiet foloz Ir-Rumanija, Bucharest

Meta Alin beda jinnota li bdiet tinxtered miżinformazzjoni dwar il-COVID-19 fil-feed tal-media soċjali tiegħu, huwa nduna li dan kien preċiżament fejn kellu jiffoka l-ħidma tal-NGO tiegħu. L-internet jagħti s-setgħa lill-aspetti kollha tan-natura umana, u dan jinkludi dawk li mhumiex attraenti: Aħna fl-istess waqt qegħdin nagħtu lin-nies aċċess bla preċedent għall-informazzjoni filwaqt li qed niffaċċjaw żieda rapida ta' miżinformazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex Alin ħoloq "Just" (li bir-Rumen tfisser "skont il-verità"), serje ta' stejjer fuq Instagram li tipprova tikkoreġi l-miżinformazzjoni dwar il-COVID-19 u ttejjeb il-ħiliet ta' ħsieb kritiku. Darbtejn fil-ġimgħa jidħlu eluf ta' utenti, u mijiet minnhom qed jinteraġixxu mal-istejjer u mal-mistoqsijiet ta' Just. L-utenti jistgħu jaqtgħu jekk għadhomx kif raw storja vera tal-aħbarijiet jew waħda falza, u ħafna drabi jibqgħu sorpriżi bir-riżultat. Dejjem fittex sorsi affidabbli u evita t-tixrid ta' aħbarijiet foloz. Żur il-gwida qasira tagħna dwar kif tagħraf il-miti dwar il-COVID-19 fuq https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/priorities/ir-rispons-tal-ue-ghall-coronavirus/20200326STO75917/id-dizinformazzjoni-kif-taghraf-u-tindirizza-l-miti-dwar-il-covid-19

"Huwa importanti li nuru li jimpurtana, speċjalment f'dawn iż-żminijiet diffiċli“

Ioana Tagħti appoġġ lill-anzjani u lill-qraba vulnerabbli Ir-Rumanija, Oradea

Huwa importanti ħafna li nippromwovu l-ħidma flimkien u s-solidarjetà Ewropea f'dan iż-żmien inkwetanti u diffiċli. Ioana hija eżempju tajjeb ta' kif m'hemmx għalfejn tħares wisq 'il bogħod minnek biex issib lil xi ħadd li jaf ikollu bżonn l-għajnuna. Din tista' tkun għajnuna prattika, bħal xiri ta' bżonnijiet ta' kuljum jew qadjiet, jew għajnuna soċjali, bħal meta nżommu kumpanija 'l xulxin billi nċemplu b'telefonati jew b'vidjo. Minħabba t-tbegħid soċjali, xi persuni jaf iħossuhom aktar waħidhom mis-soltu, iżda hemm ħafna għodod li nistgħu nużaw biex intaffu dawn l-emozzjonijiet. Billi nuru lil ħaddieħor l-interpretazzjoni tagħna ta' #EwropejKontraCovid19 aħna nistgħu nispiraw lill-komunità tagħna, ngħinu biex inħeġġu l-pożittività u r-reżiljenza bħal ma għamlet Ioana.