"Ejjew ngħinu lil dawk li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom“

Eva Tmexxi impriża soċjali li timpjega persuni b'diżabilità Is-Slovakkja, Michalovce

"Ejja ngħinu lil dawk li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom" Għal Eva, l-għan tal-impriża soċjali tagħha huwa li tintegra liċ-ċittadini żvantaġġati u ttejbilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, hija impjegat 100 persuna b'diżabilità u xogħolhom kien jikkonsisti fil-produzzjoni ta' komponenti għall-karozzi u għall-muturi elettriċi. Il-pandemija qalbet kollox ta' taħt fuq. "Id-dħul waqa' b'70%, li ġiegħelna nagħtu sensji lil 40 impjegat," tispjega Eva. Biex tevita li ma tagħlaqx għal kollox, l-impriża kellha titbiddel minn rasha sa saqajha. Xi impjegati ddeċidew jerġgħu jiffukaw ix-xogħol tagħhom fuq il-produzzjoni ta' maskri protettivi. "L-ewwel bdejna nħituhom għall-impjegati tagħna stess, u mbagħad bdejna nindirizzaw il-bżonnijiet ta' kumpaniji u tal-awtoritajiet muniċipali fil-qrib," irrakkontat Eva. Il-Parlament sejjaħ għal strateġija ġdida aktar ambizzjuża tal-UE dwar id-diżabilità, li tinkludi miżuri ta' rkupru u ta' mitigazzjoni biex tevita li persuni b'diżabilità jispiċċaw affettwati b'mod sproporzjonat mill-kriżijiet tas-saħħa bħall-COVID-19.

"Minflok ma noqogħdu d-dar, ħsibt li aħna l-piloti aħjar ningħaqdu u nibdew ngħinu“

Roman Juża l-ħiliet tiegħu bħala pilota u l-esperjenza tiegħu fl-algoritmi ta' tqabbil biex iwassal provvisti mediċi madwar il-pajjiż Is-Slovakkja, Bratislava

Mhux kull ajruplan fl-Ewropa baqa' l-art matul il-lockdown. Fis-Slovakkja, pereżempju, aktar minn 80 pilota li għandhom l-ajruplani privati tagħhom irrealizzaw li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet fir-realtà opportunità biex itiru aktar. Iżda dan ma kienx se jkun għal skopijiet ta' divertiment. Did-darba l-ħin ta' titjir tagħhom kien se jservi l-ġid komuni. "F'ġurnata minnhom kellna 13-il ajruplan fl-ajru. Kellna missjoni li nwasslu provvisti mediċi lil madwar 250 indirizz f'120 minuta. Fost il-"klienti" tagħna kien hemm unitajiet ta' emerġenza, pumpiera, sptarijiet, is-Salib l-Aħmar u djar tal-anzjani", spjega Roman. L-inizjattiva tiegħu bdiet b'sejħa għal voluntiera fuq Facebook u finalment ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-Gvern Slovakk. Software apposta (li sar realtà bis-saħħa tal-ħidma ta' Roman bħala CEO ta' artman.eu) iqabbel it-talbiet mal-piloti disponibbli permezz tal-GPS u jikkuntattjahom permezz tal-pjattaforma PILOTS4PEOPLE.EU.

"Għandna bżonn aktar għajnuna għall-imprendituri, speċjalment għal dawk li joħolqu l-impjiegi“

Jan Kellu diffikultà biex isalva r-ristorant tiegħu Is-Slovakkja, Zemplinska šírava

Sa minn Marzu, iżżomm ristorant għaddej saret xi ħaġa kbira. Immaġina ma jkollokx dħul għal kważi xahrejn waqt li l-ispejjeż jibqgħu l-istess, u mbagħad, meta terġa' tiftaħ, ikollok tinvesti aktar flus għal inqas klienti. Fil-31 ta' Marzu, Jan kellu jagħlaq ir-ristorant tiegħu u jibgħat lill-għaxar impjegati tiegħu id-dar. Minn meta reġa' fetaħ, il-prenotazzjonijiet naqsu bin-nofs. "Għandna bżonn aktar għajnuna għall-imprendituri, speċjalment għal dawk li joħolqu l-impjiegi," qal Jan. "L-SMEs joħolqu 80% tal-impjiegi kollha u għandhom bżonn aktar appoġġ." Il-Parlament Ewropew jifhem it-tħassib ta' Jan. "Iż-żmien huwa lussu li ma għandniex. Irridu naġixxu b'mod urġenti u kuraġġuż, peress li ċ-ċittadini, in-negozji u l-ekonomiji tal-UE għandhom bżonn reazzjoni immedjata. Iċ-ċittadini tagħna qed jistennew azzjoni kuraġġuża. Issa huwa l-waqt biex nieħdu azzjoni", qal il-President tal-Parlament David Sassoli f'video konferenza li fiha indirizza l-mexxejja tal-UE. Tista' taqra aktar hawnhekk: https://www.europarl.europa.eu/news/en/headlines/eu-affairs/20200611STO81008/sassoli-calls-for-action-on-recovery-our-citizens-expect-bold-action

"Jiena rikonoxxenti ħafna li ngħatajt l-opportunità li nsir voluntiera mas-Salib l-Aħmar tas-Slovakkja“

Veronika Tgħin lis-Slovakki li rritornaw f'pajjiżhom waqt li jkunu għaddejjin bil-ġimagħtejn kwarantina tagħhom Is-Slovakkja, Banská Štiavnica

Il-COVID-19 ta lil għadd ta' ċittadini Ewropej aktar ħin liberu milli qatt kellhom. Għal Veronika, dan il-ħin liberu kien realizzazzjoni kbira. "Minnufih irrealizzajt li dan kien ċans biex insir voluntiera tas-Salib l-Aħmar," hija spjegat. "Jien ili voluntiera biss għal żmien qasir iżda naf li nixtieq inkompli wara li jgħaddi dan kollu. Iferraħni ħafna li nkun nista' ngħin lill-komunità tiegħi". Veronika tagħmel volontarjat f'wieħed miċ-ċentri ta' kwarantina li jmexxi l-gvern Slovakk fejn il-voluntiera tas-Salib l-Aħmar jipprovdu għajnuna 24 siegħa kuljum liċ-ċittadini li rritornaw is-Slovakkja fl-aħħar ġimagħtejn. Hija tgħin fil-proċess ta' reġistrazzjoni tagħhom, tqassam ikliet u tipprovdi għajnuna oħra skont il-bżonn. "Forsi ma temmnunix, iżda jien inkun ħerqana li nilbes il-ġagaga bajda protettiva tiegħi! Inħobb naħdem ma' tim ta' kollegi mill-aqwa li bħali għandhom il-vokazzjoni li jgħinu lin-nies f'ċirkostanzi diffiċli," qalet Veronika.

"L-aqwa li nipproteġu lill-ħaddiema tas-saħħa tagħna. Ma nistgħux inwaqqfu l-COVID-19 mingħajrhom“

Lucia u Šimon Ħolqu pjattaforma ċivika biex jgħinu lill-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem nett tal-ġlieda kif ukoll lin-nies vulnerabbli Is-Slovakkja, Bratislava

Lucia u Šimon huma l-fundaturi ta' "Kto Pomôže Slovensku" - "Min jgħin lis-Slovakkja" - biex jorganizzaw voluntiera u jiġbru donazzjonijiet għal tagħmir għall-ħaddiema tas-saħħa. Wara biss xahar, huma ġabru kważi miljun ewro minn kumpaniji u donazzjonijiet individwali. Il-persunal mediku u dawk li jaħdmu mal-persuni vulnerabbli (eż. f'faċilitajiet ta' residenza assistita) irċevew eluf ta' oġġetti li kellhom bżonn bis-saħħa tal-organizzazzjoni - inklużi maskri, ventilaturi, ilbies protettiv u diżinfettant. L-inizjattiva tappoġġa wkoll iċ-ċentri ta' assistenza psikoloġika għall-persuni ta' kull età. L-Istati Membri wkoll qegħdin jgħinu lil xulxin. Bl-għajnuna tal-UE, 26 minnhom ingħaqdu biex jagħmlu akkwist konġunt tat-tagħmir, it-tilqim u l-mediċini antivirali. Filwaqt li ċ-ċittadini Ewropej ikkoordinaw l-azzjoni f'pajjiżhom, sħab Ewropej oħra huma lesti jappoġġawhom fil-ġlieda komuni tagħna kontra l-coronavirus.