"Il-persunal mediku qatt ma jammetti li jkun eżawst“

Bogdan, Samo u Tilen App ġdida murija għall-ewwel darba fl-avveniment hackaton tal-UE "EUvs.Virus" tista' tgħin lit-tobba u lill-infermiera jikkalkulaw il-livell ta' għejja tagħhom Is-Slovenja, Ljubljana

Kollha kemm aħna nafu li l-persunal mediku huwa parti minn lista twila ta' eroj li taw sehemhom matul il-pandemija. Iżda huma bnedmin li jgħejjew bħal ħaddieħor, minkejja li din l-għejja jista' jkollha konsegwenzi drastiċi. "Il-membri tal-persunal mediku ta' emerġenza jridu jgħinu, din hija fin-natura tagħhom. Mhux dejjem ikunu jafu meta għandhom jieqfu jew ikollhom l-għażla li jieqfu, u jistgħu ma jagħtux importanza biżżejjed għal-livell ta' għejja tagħhom. Huwa f'dan il-punt meta jistgħu jseħħu l-iżbalji," jgħid Dr Bogdan Florea. Biex isolvu din il-problema, Dr Florea u t-tim tiegħu għamlu użu mill-internet tal-oġġetti. Flimkien huma ħolqu teknoloġija msejħa BRNoutID: App tal-ismartphone "jaqra" għajnejn l-utent u jqabbel ir-riżultati mad-data relatata mal-attività tal-moħħ. Fl-aħħar tal-proċess, l-utent jirċievi riżultati preċiżi u f'ħin reali dwar l-eżawriment. Is-soluzzjoni ġiet żviluppata u ippreżentata fl-ewwel avveniment tal-Hackathon Pan-Ewropew online EUvs.Virus, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea. L-avveniment kellu l-għan li jidentifika soluzzjonijiet għall-pandemija tal-COVID-19.

"Il-kampanja #EMKrepi tgħaqqad in-negozji Sloveni u ż-żgħażagħ biex jgħinu l-ekonomija titqajjem mill-ġdid“

Nika Iħeġġeġ liż-żgħażagħ jagħtu prijorità lix-xiri ta' prodotti u servizzi Sloveni matul il-kriżi tal-COVID-19 Is-Slovenja, Ljubljana

Hekk kif ħwienet lokali fis-Slovenja qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-lockdown, il-kampanja "Karta Kulturali Ewropea għaż-Żgħażagħ" (#EMKrepi) saret sors ta' tama. L-idea hija sempliċi. Meta jingħaqdu mal-programm Karta Kulturali Ewropea għaż-Żgħażagħ, persuni Sloveni li għandhom inqas minn 30 sena jkollhom aċċess għal ħafna vantaġġi f'negozji lokali. Huma jistgħu ukoll jgħinu biex jitħarsu n-negozji ta' ħbiebhom. L-inizjattiva qed titmexxa mill-Aġenzija Slovena għaż-Żgħażagħ (SLOAM) u tħeġġeġ liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, jintegraw ruħhom fis-soċjetà u jagħmlu għażliet responsabbli. Il-programm ġa għandu aktar minn 120,000 parteċipant, ċifra li tirrapreżenta 40% taż-żgħażagħ Sloveni. "Din il-kard tipprovdi diversi benefiċċji, inkluż aktar minn 70,000 skont madwar l-Ewropa. #EMKrepi hija l-aħħar innovazzjoni tagħha. Din il-kampanja se tgħin liż-żgħażagħ jakkwistaw prodotti u servizzi primarjament Sloveni matul ix-xhur li ġejjin, u dan se jkollu l-effett pożittiv li jqajjem l-ekonomija tagħna," spjegat Nika Stegovic.  

"Peress li fil-bidu ma kien hemm l-ebda grupp jew mudell li seta' jissorvelja u jipprevedi l-futur tal-epidemija, aħna ddeċidejna li nagħtu sehemna biex isir dan“

Dr. Leskovar u l-Professur Dr. Cizelj Żewġ inġiniera nukleari Sloveni bdew jipprovdu statistiċi ewlenin dwar l-evoluzzjoni tal-COVID-19 lill-awtoritajiet kompetenti Is-Slovenja, Ljubljana

Madwar l-Ewropa kollha, iċ-ċittadini qed jistennew b'ansjetà. Il-miżuri tal-lockdown bil-mod il-mod qed jitneħħew iżda l-possibbiltà ta' mewġa oħra għadha reali ħafna. Huwa biss iż-żmien – u b'mod aktar speċifiku, l-istatistiċi – li se jgħidulna meta nistgħu nistennew li l-COVID-19 isir biss memorja kerha. Fis-Slovenja il-ħruġ regolari tal-aħħar statistiċi dwar il-COVID-19 minn Dr. Matjaž Leskovar u mill-Professur Dr. Leon Cizelj sar punt ta' referenza għas-servizzi inkarigati jippjanaw miżuri ġodda. Din ma kinitx minn dejjem il-vokazzjoni tagħhom: Fil-bidu huma bdew jibnu mudell tal-COVID-19 aktar b'sens ta' kurżità u tħejjija f'waqtha – li huwa valur kostanti fl-enerġija nukleari. L-istatistiċi, ippubblikati mid-Diviżjoni tal-Inġinerija tar-Reattur fl-Istitut Jožef Stefan, jiffukaw fuq it-tixrid tal-COVID-19 fis-Slovenja. Il-preżentazzjonijiet kollha jsiru disponibbli fuq kanal YouTube dedikat apposta għalhekk.

"Il-laboratorju tagħna se jipprovdi mod irħas u aktar mgħaġġel biex tiġi ppreparata tilqima“

Roman Imexxi tim ta' riċerkaturi li qed ifittxu tilqim u trattamenti għall-COVID-19 Is-Slovenja, Ljubljana

Madwar l-Ewropa qed isiru ammont kbir ta' studji dwar il-coronavirus u kull jum li jgħaddi qed nitgħallmu aktar dwar il-COVID-19. Il-Professur Dr. Roman Jerala, flimkien mat-tim tiegħu ta' riċerkaturi fl-Istitut tal-Kimika f'Ljubljana, jikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali fl-iżvilupp ta' mediċini u tilqim għall-ġlieda kontra dan il-virus ġdid. L-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett fl-għoti ta' appoġġ għall-innovazzjoni u l-koordinazzjoni tal-isforzi globali ta' riċerka, inkluż fil-preparament għall-pandemiji. L-azzjonijiet tagħhom jindirizzaw l-epidemjoloġija, ir-rispons għat-tifqigħat, l-iżvilupp tad-djanjostika, it-trattamenti u t-tilqim, u r-riżorsi meħtieġa biex jagħmlu r-riċerka possibbli. Il-Kummissjoni u l-ministeri nazzjonali ftehmu wkoll dwar l-ewwel Pjan ta' Azzjoni ERAvsCorona, li jistabbilixxi 10 azzjonijiet ta' koordinazzjoni ta' prijorità fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

"Barra li ngħallem, qed nipprova ninkoraġġixxi wkoll lit-tfal u lill-ġenituri“

Jerneja Tgħallem mill-bogħod lit-tfal tal-iskola Is-Slovenja, Ljubljana

Għal xi tfal, it-tagħlim mid-dar minflok mill-iskola, flimkien mal-inċertezza dwar meta se jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola, kienet esperjenza trawmatika. L-għalliema tal-primarja, Jerneja, tiżgura li minkejja l-istat ta' emerġenza, l-istudenti tagħha jkomplu jitgħallmu u jieħdu sehem fil-lezzjonijiet. Barra minn hekk, hija qed tipprova tibni relazzjonijiet interpersonali, fehim reċiproku, u gratitudni bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom. Ħafna ġenituri sostnew li t-tfal tagħhom iħossu n-nuqqas ta' sħabhom tal-klassi, u ħafna esprimew li jħossu wkoll in-nuqqas tal-għalliem tagħhom. Jerneja tgħid li tinsab f'kuntatt kostanti mal-ġenituri u tagħmel li tista' biex tikkomunika ma' dawk li m'għandhomx kompjuters u teknoloġija. Hija tuża Apps differenti tat-telefon biex tikkomunika mal-ġenituri, li għandhom in-numru tagħha tat-telefon u jistgħu jikkuntattjawha dwar il-bżonnijiet tat-tfal tagħhom. "Inħoss ħafna n-nuqqas tagħhom", tgħid Jerneja. Madankollu, qaltilna li hemm vantaġġ għat-tagħlim mill-bogħod: "Qed nara aktar kreattività u kollaborazzjoni milli qatt rajt fis-snin li għaddew".

"Kien ovvju li kelli ngħin“

Vladimir Jiżgura li n-nies jirnexxilhom imorru x-xogħol Is-Slovenja, Ljubljana

It-tifqigħa tal-COVID-19 ġegħlet lill-kumpaniji tat-taxi fl-Ewropa kollha jkunu kreattivi u ħafna minnhom bdew joffru servizzi ta' kunsinna tal-ikel u tal-mediċini. Madankollu, ħafna nies għad għandhom problema biex isibu mod kif imorru x-xogħol. Fis-Slovenja, it-trasport pubbliku twaqqaf temporanjament minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Meta x-xufier ta' taxi Vladimir Vidaković sema' li l-kollega t'ommu issa kellha timxi għal siegħa biex kemm tasal ix-xogħol, huwa ddeċieda li jwassalha sax-xogħol mingħajr ħlas. Meta nduna li ħafna aktar nies kienu fl-istess sitwazzjoni, beda joffri s-servizzi tiegħu lill-komunità inġenerali. Solidarjetà bħal din tista' taraha fl-Ewropa kollha. Minn meta seħħ il-lockdown, il-Federazzjoni tax-Xufiera tat-Taxis ta' Madrid ikkalkulat li x-xufiera tagħha għamlu xi 75,000 vjaġġ mingħajr ħlas biex iwasslu pazjenti jew tagħmir mediku.

"Jien ridt ngħin lin-nies li kienu f'sitwazzjoni urġenti ta' bżonn“

Jelena Tipproduċi maskri li huma tant meħtieġa mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Is-Slovenja, Ljubljana

Mid-ditti tal-moda ewlenin li jużaw il-faċilitajiet ta' produzzjoni tagħhom biex jipproduċu l-maskri, il-ġagagi tal-isptarijiet u s-sanitizzatur tal-idejn, sad-ditti ż-żgħar li taw il-qligħ tagħhom għal kawżi nobbli, il-komunità tal-moda verament ingħaqdet fil-ġimgħat li għaddew. L-artisti u d-disinjaturi spiss huma minn tal-ewwel li jwieġbu għall-bżonnijiet tas-soċjetà. L-artisti huma fin-natura tagħhom innovattivi b'mod oriġinali, il-ħin kollu joħorġu b'ideat, u huma ddedikati b'mod qawwi għall-biċċa xogħol kreattiva li jkunu qed jagħmlu. Id-disinnjatriċi tal-moda Jelena Proković ingħaqdet ma' disinnjaturi oħra tal-moda, disinnjaturi tal-kostumi, stilisti u ħajjata fl-inizjattiva "Mask_Sign", fejn flimkien ħietu maskri protettivi minn filgħodu sa filgħaxija. Huma ħolqu aktar minn 1,000 maskra tal-qoton li jistgħu jinħaslu għall-adulti u mijiet ta' maskri għat-tfal li huma taw b'xejn lill-membri tal-gruppi l-aktar vulnerabbli u lill-impjegati tal-istituzzjonijiet tas-saħħa u tal-kura soċjali.