"It-tilqima tagħna se tipproteġi lin-nies minn tifqigħat kurrenti u futuri tal-coronavirus“

Matti Jittestja tilqima tal-COVID-19 li tista' wkoll tipproteġina minn coronaviruses oħrajn L-Izvezja, Stokkolma

Peress li l-COVID-19 kien il-ħin kollu fl-aħbarijiet għal dawn l-aħħar tliet xhur, huwa faċli li wieħed jinsa kif il-virus huwa biss membru wieħed minn familja ħafna akbar. Il-mistoqsija ta' vera, wara tmiem il-lockdown, hija din li ġejja: Kif nistgħu niżguraw li tilqima tkun ukoll effikaċi kontra tifqigħat futuri tal-coronavirus? Il-Professur Matti Sällberg kellu l-għan li jwieġeb din id-domanda sa mill-bidu ta' April, meta t-tim tiegħu rċieva finanzjament tal-UE taħt il-proġett OPENCORONA. "It-tfassil tat-tilqima tagħna huwa uniku. B'differenza mill-maġġoranza ta' provi kliniċi li jiffukaw biss fuq il-proteina spika, it-trattament tagħna fih ukoll proteini rilevanti oħra li huma inqas speċifiċi għall-COVID-19. L-idea hija li nagħmluha lesta għall-futur", huwa spjega. L-ewwel fażi tal-prova klinika diġà ġiet ippjanata u se ssir fl-Isptar tal-Università Karolinska fl-Iżvezja. EUR 3 miljun diġà ġew allokati lill-Istitut Karolinska mill-UE għar-riċerka bħala parti mill-proġett OPENCORONA.

"Language Buddy Online diġà laqqa' 2,100 persuna li qed jitgħallmu l-Iżvediż fil-pajjiż kollu“

Natassia Jagħti opportunità lill-immigranti jitgħallmu l-Iżvediż permezz ta' video chats mal-voluntiera L-Izvezja, Stokkolma

Sa mill-2013, l-NGO Kompis Sverige (Buddy Żvezja) laqqgħet aktar minn 19,500 residenti ġodda ma' komunitajiet Żvediżi permezz ta' attivitajiet soċjali, workshops u l-programm tagħha Buddy. Language Buddy Online nibtet mill-ħsieb tagħhom li, fil-kuntest tal-COVID-19, l-immigranti li jistudjaw l-Iżvediż tħallew mingħajr parti kbira mill-ħajja soċjali tagħhom. F'inqas minn 48 siegħa, Buddy Żvezja sab soluzzjoni fil-forma ta' programm online ġdid. "Nies li jkunu qed jitgħallmu l-Iżvediż jitlaqqgħu ma' xi ħadd li jitkellem l-Iżvediż tajjeb sabiex ikunu jistgħu jiltaqgħu u jsiru jafu lil xulxin permezz ta' telefonati bil-vidjo. L-iskop huwa li nipprovdu taħriġ imtejjeb fil-lingwa kif ukoll li ntaffu l-iżolament soċjali għal kulħadd," qalet Natassia, Kofundatriċi ta' Kompis Sverige. In-nies jistgħu japplikaw fuq sit web apposta u jitlaqqgħu mal-buddies ġodda tagħhom. S'issa nkitbu aktar minn 3,000 ruħ.

"Intbaħt li din kienet opportunità għalija biex nagħti lura lill-komunità“

Edward Jaħdem bħala barbier mobbli ġo truck barra l-akbar sptar fi Stokkolma L-Izvezja, Stokkolma

Kultant, l-ilbies ta' maskra protettiva jista' jkun skomdu. B'mod partikolari, membri tal-persunal mediku li jaħdmu xiftijiet twal jiġrilhom li jekk ma jkollhomx ħin iqaxxru l-leħja, il-maskri ma jissikkawx tajjeb mal-ġilda u jistgħu jikkawżaw irritazzjoni. Meta sar jaf b'din il-problema minn klijent tiegħu li huwa infermier, Al, is-sid ta' Honest Al's Barbershop fi Stokkolma, iddeċieda li joħroġ b'soluzzjoni. Mar bit-trakk tiegħu ta' barbier sa ħdejn l-isptar biex joffri s-servizzi tiegħu ta' tqaxxir tal-leħja u qtugħ tad-daqna, mingħajr ħlas. "Mhix biss tqaxxira tal-leħja, hija wkoll mument għall-kwiet li jagħti lil dawn in-nies iċ-ċans li jirrilassaw - huma jqattgħu l-ġurnata kollha f'żona tal-gwerra u dak il-ftit ħin għalik jagħmel differenza," spjega Al. L-inizjattiva tant intlaqgħet tajjeb li ftiehem ma' barbier kompetitur tiegħu biex joffri appoġġ addizzjonali fi sptar ieħor. "Wara din l-esperjenza spiċċajna f'kuntatt eqreb, u qed nippjanaw li niftħu ħanut ġdid flimkien! Dan juri s-setgħa inkredibbli li l-kompassjoni u l-ferħ għandhom biex jittrasformaw ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn."

"M'hemmx nuqqas ta' rieda biex jgħinu lil dawk fil-bżonn fost l-Iżvediżi“

Mattis u Oskar Bdew sit web li jlaqqa' persuni li jgħinu ma' persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna L-Izvezja, Stokkolma

Fi żminijiet diffiċli, ftit għajnuna tista' tagħmel differenza kbira għal persuni oħra li ma jkunux jistgħu jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta' kuljum. Dan japplika mhux biss għal gruppi f'riskju għoli li għandhom jiżolaw ruħhom, iżda anki għal dawk li jkollhom joqogħdu fi kwarantina minħabba problemi ta' saħħa oħra. Mattis u Oskar riedu joħolqu kuntatt bejn dawn in-nies li jeħtieġu l-għajnuna u n-nies li jridu jgħinu. Karantänsamverkan (Kooperazzjoni fil-Kwarantina) hija l-pjattaforma tagħhom li għandha l-għan li tgħin lill-persuni iżolati billi toffrilhom mod sikur u faċli biex isibu persuni li jistgħu jgħinuhom. Il-proġett mingħajr skop ta' qligħ inbeda minn żewġt aħwa u ħabib tagħhom Simon Ström. Huwa sempliċi ħafna li wieħed jinvolvi ruħu u dan joħroġ ċar mis-sit web. Hemm biss żewġ buttuni fuq l-ewwel paġna, waħda tgħid "Neħtieġ għajnuna" u l-oħra tgħid "Nixtieq ngħin". Billi ddaħħal il-kodiċi postali tiegħek inti tiġi mqabbel ma' persuni qrib tiegħek u, s'issa 1,000 persuna nkitbu bħala voluntiera.

"Nistgħu nirbħu biss il-battalja kontra dan l-għadu inviżibbli permezz tax-xjenza, it-teknoloġija, il-ħsieb imprenditorjali u l-kuraġġ uman“

Mouna Taħdem fuq l-ewwel test tal-antikorpi tal-COVID-19 fl-Iżvezja L-Izvezja, Stokkolma

Wara li rnexxielha tissopravivi vjaġġ drammatiku bħala rifuġjata, Dr. Mouna hija llum rikonoxxuta bħala waħda mill-aktar professjonisti distinti fl-industrija tat-teknoloġija medika fl-Iżvezja. Hija tabiba, newroxjenzata, imprenditriċi u personalità televiżiva. Dr. Mouna kienet pijuniera fil-qasam tal-mediċina preventiva u personalizzata. Fil-ġlieda kontra l-COVID-19, hija kienet waħda minn dawk li ħarġu bl-idea ta' inizjattiva privata li tintroduċi l-ewwel test tal-antikorpi tal-COVID-19 fl-Iżvezja. Dan it-test ġie vvalidat xjentifikament mill-Isptar tal-Università Akademiska u mill-Università ta' Uppsala fl-Iżvezja.

"L-imħuħ il-kbar tal-ġejjieni jinsabu magħluqa d-dar, għalhekk ġbarna l-imħuħ il-kbar tal-lum biex ngħinuhom“

Sophie u Måns Jagħtu għajnuna mingħajr ħlas f'suġġetti relatati max-xjenza lill-istudenti tal-iskola sekondarja u postsekondarja L-Izvezja, Stokkolma

Bħala ġenitur mhuwiex faċli li tgħin lit-tfal tiegħek fil-matematika jew fil-fiżika waqt li l-iskejjel magħluqin. Madankollu hemm ħafna għarfien espert fis-soċjetà fost l-istudenti, l-għalliema u persuni oħra li jħobbu dawn is-suġġetti. Għalhekk, Sophie u Måns ġiethom l-idea li joħolqu DoTheMath, network ta' voluntiera magħmul minn dawn in-nies kollha ta' qalb tajba li jixtiequ jgħinu. Issa għandhom aktar minn 1,700 voluntier li diġà għenu eluf ta' studenti. Jekk int interessat tibda inizjattiva simili f'pajjiżek, ikkuntattja lil press@dothemath.se u huma jgħinuk tibda.

"Meta sirna nafu li s-settur tal-kura tas-saħħa kien qed iġarrab nuqqas ta' sanitizzatur tal-idejn aħna sempliċiment iddeċidejna li nżidu u nadattaw il-produzzjoni tagħna u noffru għajnuna“

Anna Tagħti etanol biex tgħin fil-produzzjoni ta' aktar sanitizzatur tal-idejn L-Izvezja, Åhus

Probabbli taf bil-Kumpanija Absolut għall-vodka Svediża tagħha. Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-kumpanija issa qed tuża r-riżorsi tagħha biex tipproduċi sanitizzatur tal-idejn. Il-Kumpanija Absolut tat l-etanol lill-KiiltoClean Ab – kumpanija tat-tindif li topera fl-Ewropa tal-Lvant – biex tkun garantita provvista ta' sanitizzatur tal-idejn li tant għandu bżonn il-persunal mediku Svediż. Madwar l-Ewropa kollha, rajna kumpaniji jibdlu l-mod kif jaħdmu biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-coronavirus.