"Aħna qed nużaw ix-xogħol ta' riċerka tagħna ffinanzjat mill-UE, fuq test ġdid tal-coronavirus“

Maarten Żviluppa tip ġdid ta' test li jagħti riżultat malajr L-Olanda, Eindhoven

Permezz tal-appoġġ tal-UE, il-Professur Maarten Merkx mill-Università Teknika ta' Eindhoven żviluppa tip ġdid ta' test li jagħti riżultat malajr li jsib l-antikorpi tal-virus fid-demm permezz ta' proteini li jarmu d-dawl. Issa qed jaħdem biex japplika l-istess metodu għall-coronavirus. Is-saħħa tal-approċċ tiegħu huwa li t-test jista' jsir direttament fid-demm, u s-sinjal jista' jinstab b'camera ta' smart phone. Parti mill-proġett tiegħu huwa wkoll biex tiġi żviluppata strippa li jkun fiha l-istess komponenti tal-ittestjar-huwa jsejħilha djanjostika bbażata fuq il-karta, li "tixgħel fid-dlam". Meta persuna jkollha antikorpi virali, ifisser li diġà kellha l-marda jew ġiet esposta għall-virus, informazzjoni li tista' tkun utli ħafna fil-konteniment tat-tixrid tal-mard bħall-COVID-19. Dan it-tip ta' ttestjar rapidu għall-antikorpi huwa għalhekk kruċjali għal dawk li jaħdmu ma' gruppi vulnerabbli, iżda wkoll biex jgħinna lkoll niddeċiedu jekk għandniex inżuru lill-maħbubin tagħna li jaqgħu fil-gruppi ta' riskju għoli jew nippjanaw li nerġgħu mmorru lura x-xogħol.

"L-UE qed tiffinanzja r-riċerka tagħna għall-identifikazzjoni u l-konteniment tat-tifqigħat ta' viruses“

Marion Tmexxi proġett b'appoġġ tal-UE li jiżviluppa tekniki li jidentifikaw u jsegwu mard infettiv ġdid L-Olanda, Rotterdam

L-aħjar imħuħ tal-Ewropa qed jaħdmu flimkien biex jiġġieldu t-tixrid tal-coronavirus u jippreparaw għall-pandemiji futuri. Il-Professur Marion Koopmans iddedikat il-karriera tagħha biex tifhem il-viruses bħall-COVID-19 bħala kap tad-dipartiment tax-xjenza tal-viruses fiċ-Ċentru Mediku tal-Università ta' Erasmus f'Rotterdam. Il-Professur Koopmans qed tistenna li t-tifqigħat bħal dik li qed nesperjenzaw bħalissa se jsiru aktar komuni fil-futur minħabba li l-popolazzjoni tal-bnedmin dejjem qed tikber u minħabba t-tibdil fil-klima u l-mod kif nużaw l-art. Huwa għalhekk li x-xogħol tagħha jiffoka fuq li niżguraw li nkunu ppreparati aħjar. F'rispons għat-tifqigħa tal-coronavirus, it-tim tagħha qed jittraduċi d-data ġenetika dwar il-virus f'għodda li nistgħu nużawha kontrih. Dan jinkludi testijiet dijanjostiċi rapidi, li nippruvaw niskopru kemm hu mifrux il-virus u jekk hemmx diġà xi immunità fil-popolazzjoni. Profs. Koopmans hija wkoll waħda mill-esperti li tagħti pariri lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen dwar azzjonijiet Ewropej għall-konteniment u l-immaniġġjar tal-pandemija tal-coronavirus.

"Jien kburi li għadni nista' nittrasporta l-merkanzija fl-Ewropa permezz tal-korsiji ħodor tal-UE“

Fred Jittrasporta merkanzija essenzjali fl-Istati Membri tal-UE permezz tal-korsiji ħodor tal-UE L-Olanda, Utrecht

Minkejja li xi fruntieri interni tal-UE setgħu kienu magħluqa, forsi kultant rajt li kien hemm xi trakkijiet għaddejjin minn pajjiż għall-ieħor. Kont taf li l-Ewropa tiddependi fuq dawn it-trakkijiet għat-trasport tal-ikel u tal-prodotti essenzjali sabiex dawn jitqassmu u jinbiegħu? Fred huwa wieħed mill-eluf ta' sewwieqa tat-trakkijiet li lkoll kemm aħna niddependu fuqhom. Il-ħidma impenjattiva tiegħu żżomm il-ħwienet tagħna stokkjati u tevita li l-isptarijiet tagħna jsibu ruħhom nieqsa minn tagħmir essenzjali. It-traġitti ta' Fred saru aktar faċli bis-saħħa tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea. Fit-23 ta' Marzu, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Istati Membri biex ma jwaqqfux lill-vetturi li jittrasportaw merkanzija għal aktar minn 15-il minuta meta jsirulhom verifiki u spezzjonijiet sanitarji. Hija pprovdiet ukoll pariri dwar kif tipproteġi lill-ħaddiema tat-trasport mill-COVID-19.

"It-tagħlim attiv huwa importanti ħafna. Fejn huwa l-aħjar post biex tagħmel dan jekk mhux f'darek?“

Annieke Żviluppat metodu ta' tagħlim mid-dar għat-tfal tal-primarja L-Olanda, Nijensleek

Annieke Otten tgħallem fl-iskola primarja "De Bron" f'Nijensleek u riedet tbiddel il-lockdown f'opportunità biex tagħmel it-tagħlim mid-dar aktar effettiv għall-ġenituri u għat-tfal. B'hekk, hija żviluppat il-metodu tagħha ta' tagħlim online: "The learning challenge". Dan il-metodu ta' tagħlim online kellu suċċess f'pajjiżha. Permezz ta' logħob, puzzles u tfittxijiet, dan il-metodu jgħin lit-tfal fit-tagħlim tal-lingwi u tal-aritmetika. It-tfal jitgħallmu l-frazzjonijiet bl-għajnuna ta' segmenti oranġjo, jitgħallmu jgħoddu billi jiġbru muniti u jiżviluppaw ħiliet lingwistiċi billi "jaħtfu" il-prodotti kollha bl-ittra 'S' mill-"istore tal-ikel". Il-paġni ta' Facebook u ta' Instagram "Learning Challenge" huma disponibbli online u Annieke tippubblika assignment tal-lingwa u tal-matematika erba' darbiet fil-ġimgħa. L-assignments huma magħżula fuq livell nazzjonali minn għalliema differenti.

"Huwa tassew minnu l-proverbju Afrikan li jgħid "hemm bżonn villaġġ biex trabbi tifel"“

Klinton Jorganizza attivitajiet fiżiċi online biex iżomm lit-tfal attivi u impenjati L-Olanda, Utrecht

It-tfal tagħna huma l-futur tal-pajjiżi tagħna u tal-Ewropa. Għalhekk, huwa essenzjali li jirċievu edukazzjoni xierqa. L-għalliema fin-Netherlands, bħal Klinton, qed jorganizzaw attivitajiet online li t-tfal u l-ġenituri tagħhom jistgħu jagħmlu flimkien. Dan mhux biss iżomm lit-tfal attivi iżda wkoll jgħaqqad lill-familja. Peress li l-edukazzjoni hija prijorità għal tant nies, l-UE pprovdiet materjal online li kulħadd jista' juża. Il-ħin li ngħaddu ġod-dar jista' jkun opportunità liema bħalha biex ningħaqdu mal-membri tal-familja u wkoll biex nippruvaw affarijiet ġodda flimkien. L-għalliema fl-Istati Membri, bħal Klinton, qed jaħdmu sod biex iżommu lill-istudenti interessati u mogħtija sfida.

"Bħala negozju li għandu l-mezzi biex jikkontribwixxi, huwa dmirna li ngħinu b'kull mod li nistgħu“

Arno Qaleb il-produzzjoni tad-distillerija tiegħu għad-diżinfettant biex jappoġġa lis-settur mediku L-Olanda, Groningen

Hooghoudt hija distillerija tal-familja li tinsab fi Groningen, fin-Netherlands. Bħala parti mill-komunità sa mill-1888, huma ħassew li kien dmirhom li jgħinu lill-belt tiġġieled il-pandemija. L-idea tagħhom ħareġ biha d-distillatur espert Frank Leystra: meta ra kemm kien diffiċli għall-professjonisti mediċi jiksbu diżinfettant, huwa ddeċieda li jipproduċih huwa stess fid-distillerija. L-ewwel ordnijiet daħlu minn Ambulance Care Groningen u minn TSN Home Care, u n-negozju tal-familja wkoll daħal f'kuntatt maċ-Ċentru Mediku tal-Università ta' Groningen. Kriżi bla preċedent teħtieġ risponsi bla preċedent bħal dawn. Pakkett ta' stimolu għall-emerġenza ta' EUR 750 biljun se jtaffi l-impatt tal-virus, filwaqt li finanzjament ta' EUR 37 biljun mill-Unjoni Ewropea diġà qed jgħin biex jiġu salvati ħajjiet, impjiegi u negozji.

"Iċ-ċapċip li nirċievu jemozzjonana, u l-appoġġ li niksbu talli nagħmlu xogħolna huwa verament inkredibbli“

Jan Isaħħaħ it-timijiet li jiġġieldu l-pandemija L-Olanda, Leiderdorp

Jan huwa tabib tal-familja li qed jaħdem xiftijiet fid-dipartiment tal-Corona fl-isptar tiegħu f'Leiderdorp. Għalkemm bħalissa Jan u l-kollegi tiegħu jinsabu kwieti, huma qed jistennew li xogħolhom jiżdied drammatikament fil-ġimgħat li ġejjin. L-appoġġ muri min-nies lokali għall-ħaddiema mediċi, permezz taċ-ċapċip mit-twieqi u l-gallariji tagħhom kull filgħaxija, jemozzjonahom u jagħtihom il-kuraġġ biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet li ġejjin. Filwaqt li aħna mhux kollha professjonisti mediċi, kulħadd jista' juri solidarjetà Ewropea u jgħin lil dawk li jaħdmu fuq quddiem nett biex jibqgħu b'saħħithom.