In-Networks Trans-Ewropej – linji gwida

In-networks trans-Ewropej (TENs) fit-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni huma żviluppati biex jgħaqqdu r-reġjuni tal-UE u biex jikkontribwixxu għat-tkabbir tas-suq intern u l-impjiegi. Huma jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; In-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) evolva maż-żmien: fl-2013 ġiet adottata riforma fundamentali u reviżjoni sinifikanti ġiet proposta fl-2021. Il-linji gwida dwar l-infrastruttura tal-enerġija (TEN-E) ġew adattati għall-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-2022.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 170-172 u 194(4)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (dan tal-aħħar għall-enerġija).

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.

Ir-Regolament (UE) 2022/869 tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea.

L-objettivi

It-Trattat ta’ Maastricht ta lill-UE l-kompitu li tistabbilixxi u tiżviluppa TENs fl-oqsma tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tas-suq intern, tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali, biex il-gżejjer, ir-reġjuni mingħajr kosta u dawk periferiċi jiġu kkollegati mar-reġjuni ċentrali tal-UE, u t-territorju tal-UE jitqarreb lejn l-istati ġirien.

Il-kisbiet

A. Linji gwida u ideat inizjali

Fil-White Paper tagħha tal-1993 dwar it-Tkabbir, il-Kompetittività u l-Impjiegi, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza fundamentali tat-TENs għas-suq intern, u b’mod partikolari għall-ħolqien tal-impjiegi, mhux biss permezz tal-bini tal-infrastruttura fih innifsu, iżda wkoll minħabba r-rwol sussegwenti tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku. L-ewwel proġetti prijoritarji (PPs) ġew approvati fl-1994.

B. Żviluppi ta’ politika settorjali u miżuri leġiżlattivi

1. It-trasport

a. Il-linji gwida TEN-T tal-1996

Id-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tat-23 ta’Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew stabbiliet il-parametri ġenerali għan-network kollu kemm hu. Din stabbiliet il-karatteristiċi tan-network speċifiku għal kull mod ta’ trasport u identifikat proġetti eliġibbli ta’ interess komuni (PCIs) kif ukoll PPs. Saret enfasi fuq modi ta’ trasport li ma jniġġsux l-ambjent, b’mod partikolari proġetti ferrovjarji. Fil-bidu kienet tinkorpora l-14-il PCIs adottati mill-Kunsill Ewropew ta’ Essen. Id-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 li temenda l-linji gwida tat-TEN-T dwar il-portijiet fuq l-ibħra, il-portijiet fuq l-ibħra interni u t-terminals intermodali kkompletat “pjan ta’ żvilupp tat-trasport” tal-Komunità għall-modi kollha ta’ trasport.

b. Ir-reviżjoni tal-linji gwida TEN-T tal-2004

It-tkabbir tal-2004 u dak tal-2007, flimkien ma’ dewmien gravi u problemi ta’ finanzjament wasslu għal reviżjoni profonda tal-linji gwida TEN-T. L-għadd ta’ PPs elenkati żdied għal 30, kollha kemm huma bl-obbligu li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Ġie introdott kunċett ġdid ta’ “Awtostradi tal-Baħar” (MoS) bil-għan li ċerti rotot marittimi jsiru aktar effiċjenti filwaqt li t-trasport marittimu fuq distanzi qosra jiġi integrat mat-trasport bil-ferrovija.

Fl-2005 nħatru sitt “koordinaturi Ewropej” għal proġetti ta’ importanza partikolari sabiex jaġixxu ta’ medjaturi fil-kuntatti mal-awtoritajiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali, l-operaturi u l-utenti tat-trasport u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

c. Ir-reviżjoni tal-2013: network integrat, struttura fuq żewġ livelli (network ewlieni/network komprensiv) u kurituri TEN-T

Filwaqt li l-politika preċedenti tat-TEN-T appoġġjat prinċipalment l-implimentazzjoni ta’ proġetti prijoritarji separati tat-trasport fl-Istati Membri tal-UE, ir-reviżjoni tal-2013 introduċiet approċċ tan-network aktar sistematiku għall-UE kollha b’sett komuni ta’ regoli għall-kostruzzjoni u l-finanzjament tan-network. In-network huwa stabbilit f’żewġ saffi: in-network ewlieni tar-rotot ewlenin (li għandu jitlesta sal-2030) u n-network komprensiv ta’ konnessjonijiet li jalimentaw in-network ewlieni (li għandu jitlesta sal-2050). In-network ewlieni jikkonsisti f’disa’ kurituri interkonnessi tat-trasport multimodali li jgħaqqdu diversi pajjiżi. Żewġ “prijoritajiet orizzontali” jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet marittimi (MoS) u l-installazzjoni ta’ sistema komuni Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju (ERTMS).

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 inkorpora wkoll il-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija preċedenti fit-TEN-T, stabbilixxa speċifikazzjonijiet tekniċi obbligatorji għall-iżvilupp tal-infrastruttura f’kull mezz ta’ trasport u stabbilixxa oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni. L-iżvilupp tan-network huwa ffukat fuq il-konnessjonijiet neqsin, prinċipalment fis-sezzjonijiet transfruntiera, fuq l-interoperabbiltà tal-infrastruttura, fuq it-titjib tal-konnessjonijiet multimodali u fuq it-tnaqqis tal-livelli tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport. Permezz ta’ atti delegati sussegwenti tal-Kummissjoni, in-network jirrifletti wkoll l-iżviluppi f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari l-Iżvizzera, in-Norveġja, it-Turkija u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Id-dimensjoni marittima tat-TEN-T ġiet adattata wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE.

Ir-responsabbiltà għall-ippjanar, il-bini u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport għadha f’idejn l-Istati Membri, filwaqt li l-ippjanar spazjali u l-ħruġ tal-permessi spiss jiġu ġestiti mill-awtoritajiet reġjonali. “Koordinaturi Ewropej” assenjati mill-Kummissjoni jaġixxu bħala medjaturi f’kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-operaturi u l-utenti tat-trasport, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kurituri tan-network u l-prijoritajiet orizzontali.

Biex tappoġġja l-implimentazzjoni tat-TEN-T, l-UE tikkomplementa l-finanzjament nazzjonali tal-proġetti TEN-T permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bħala programm ta’ finanzjament speċifiku, kif ukoll permezz tal-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej, il-programm InvestEU u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Fl-2021, diversi Stati Membri ddeċidew ukoll li jużaw parti mill-finanzjament tagħhom tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex javvanzaw il-proġetti ferrovjarji tat-TEN-T.

L-attivitajiet ta’ finanzjament taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-proġetti TEN-T huma ġestiti ċentralment permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (għal aktar informazzjoni dwar il-finanzjament tat-TENs, ara3.5.2).

d. Ir-reviżjoni tat-TEN-T fl-2021

Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T. Ir-regolament propost jipprevedi bidliet meta mqabbel mar-Regolament tal-2013 fir-rigward tal-allinjament tan-network, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar l-infrastruttura u l-governanza tiegħu. B’hekk għandha wkoll l-għan li tappoġġja d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport f’konformità mal-mira ta’ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport sal-2050, kif propost fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. B’mod partikolari, in-network ta’ kwalità għolja għandu jitlesta gradwalment fi tliet fażijiet: L-2030 għan-network ewlieni, l-2040 għan-network ewlieni estiż (li ġie introdott reċentement) u l-2050 għan-network komprensiv. L-aktar assi importanti tan-network ewlieni u tan-network ewlieni estiż li jirrappreżentaw l-ogħla valur miżjud tal-UE jinġabru mill-ġdid f’disa’ Kurituri Ewropej tat-Trasport. Il-kurituri Ewropej tat-trasport jintegraw il-kurituri preċedenti tan-network ewlieni u l-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Elementi ġodda oħra jinkludu, b’mod partikolari, veloċitajiet ogħla tal-ferroviji u operazzjonijiet transfruntiera aktar effiċjenti fin-networks ewlenin u fin-networks ewlenin estiżi għall-passiġġieri u għall-merkanzija; il-varar, fin-network TEN-T kollu, tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment meħtieġa għall-fjuwils alternattivi tat-trasport f’konformità mar-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi; aktar ċentri ta’ trażbord u terminals multimodali tal-passiġġieri fil-bliet biex tiġi ffaċilitata l-multimodalità; u l-konnessjoni ta’ ajruporti kbar mal-linji ferrovjarji, fejn possibbli, permezz ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja.

Il-proposta għal regolament dwar it-TEN-T hija kkomplementata mill-“Pjan ta’ azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport bil-ferrovija tal-passiġġieri fit-tul u transfruntier” tal-14 ta’ Diċembru 2021, li għandu l-għan li jżid il-kapaċità ferrovjarja ta’ veloċità għolja u appoġġ ġdid tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jinvesti fil-ferroviji, bl-objettiv ġenerali li tintlaħaq il-mira żero netti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Fis-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata biex tirrifletti l-kuntest ġeopolitiku modifikat, inkluża estensjoni ta’ erba’ kurituri tat-trasport Ewropej lejn l-Ukrajna u l-Moldova. Il-mandat tal-Parlament għan-negozjati mal-Kunsill ġie adottat f’April 2023.

Fl-14 ta’ April 2023, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu adotta r-rapport dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T. Ir-rapport jikkostitwixxi l-mandat tal-Parlament għan-negozjati interistituzzjonali mal-Kunsill li beda f’April 2023.

Fis-16 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet ta’ livell għoli mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-Montenegro, mal-Maċedonja ta’ Fuq u mas-Serbja, li jadattaw it-TEN-T billi jorbtuh mal-Balkani tal-Punent.

2. L-Enerġija

a. Il-linji gwida tal-1996

Fis-summit ta’ Essen tal-1994, bosta proġetti ta’ networks tal-enerġija ngħataw status ta’ prijorità. Id-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE tal-1996 stabbiliet serje ta’ linji gwida għan-networks tal-enerġija trans-Ewropej (TEN-E), biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’PCIs eliġibbli u jgħinu fil-ħolqien ta’ qafas li jiffavorixxi l-implimentazzjoni tagħhom, flimkien ma’ objettivi settorjali għall-elettriku.

b. Il-linji gwida attwali

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 stabbilixxa linji gwida tal-UE għall-iżvilupp u l-interoperabbiltà tal-infrastruttura tat-TEN-E, u ħassar dawk preċedenti. Jistipula wkoll il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ PCIs għall-assistenza finanzjarja tal-UE skont it-termini tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Il-PCIs huma proġetti ta’ infrastruttura meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-politika tal-enerġija tal-UE, inkluż l-interkonnessjoni mtejba bejn is-swieq nazzjonali, il-kompetittività akbar, is-sigurtà tal-provvista u l-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Peress li l-infrastruttura tal-enerġija hija faċilitatur ewlieni għat-tranżizzjoni tal-enerġija, kien meħtieġ rieżami tar-Regolament TEN-E wara l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u Pjaneta Nadifa għal kulħadd. Fl-2020, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-Regolament TEN-E tal-2013 biex tappoġġja aħjar il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura transfruntiera tal-enerġija tal-Ewropa u tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Ir-Regolament TEN-E rivedut (2022/869) jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-UE għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050. Dan jgħin biex jiġu żgurati l-interkonnessjonijiet, is-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq u tas-sistema u l-kompetizzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha, kif ukoll l-affordabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-linji gwida jtemmu l-appoġġ tal-UE għal proġetti ġodda tal-gass naturali u taż-żejt u jintroduċu kriterji obbligatorji ta’ sostenibbiltà għall-proġetti kollha tal-PCI. Il-11-il kuritur prijoritarju jkopru l-elettriku, il-grilji offshore għall-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-idroġenu, filwaqt li t-tliet oqsma tematiċi prijoritarji jiffukaw fuq l-użu ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku, grilji intelliġenti tal-gass, u network transfruntier tad-diossidu tal-karbonju (maqbud). L-ewwel lista tal-PCIs adottata skont ir-regoli l-ġodda hija mistennija fil-ħarifa tal-2023.

3. It-telekomunikazzjoni

Id-Deċiżjoni Nru 2717/95/KE tal-1995 stabbiliet linji gwida għall-iżvilupp tal-EURO-ISDN (Network Diġitali ta’ Servizzi Integrati) bħala TEN. Identifikat objettivi, prijoritajiet u PCIs għall-iżvilupp ta’ firxa ta’ servizzi, ibbażati fuq l-EURO-ISDN, bil-ħsieb ta’ network futur tal-komunikazzjoni broadband tal-UE.

Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-1997 stabbiliet linji gwida għan-networks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjoni (TEN-Telecom). Il-prijoritajiet adottati kienu jinkludu applikazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika u soċjali kif ukoll l-iżvilupp ta’ networks bażiċi, partikolarment networks satellitari. Dawn il-linji gwida ġew kemxejn modifikati bid-Deċiżjoni Nru 1376/2002/KE fl-2002.

Il-linji gwida identifikaw PCIs u speċifikaw proċeduri u kriterji għall-għażla tagħhom. Il-programm Komunitarju eTEN, li huwa strument ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni magħruf bħala “eEUROPE 2005: Soċjetà tal-informazzjoni għal kulħadd”, ukoll kompla jibni fuq il-programm EURO-ISDN. Dan il-programm, li tlesta fl-2006, kellu l-għan li jappoġġja l-użu, fuq bażi trans-Ewropea, ta’ servizzi bbażati fuq in-networks tat-telekomunikazzjoni. L-investiment tal-UE attwalment huwa ffukat fuq il-modernizzazzjoni tan-networks eżistenti.

Fl-2015, bħala parti mill-istrateġija għal suq uniku diġitali tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat proposti biex tirriforma l-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjoni tal-UE. Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat proposti li jinkludu direttiva li tistabbilixxi kodiċi Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (EECC). Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-KEKE li daħlet fis-seħħ fl-2018, immodernizzat ir-regoli eżistenti tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni (2.1.8).

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament appoġġja bis-sħiħ il-politiki TEN u, b’mod regolari, ġibed l-attenzjoni għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-PPs, appella għal skedi ta’ żmien stretti, u ħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi baġitarji disponibbli, b’mod partikolari għan-network TEN-T. Huwa żgura li tingħata prijorità lill-promozzjoni ta’ proġetti li għandhom “valur miżjud Ewropew” ċar li għandhom effetti pożittivi u fit-tul fuq l-ambjent u l-impjiegi u li jneħħu l-punti ta’ konġestjoni, b’mod partikolari fit-trasport bil-ferrovija u dak ikkombinat.

Matul l-aħħar 15-il sena, il-Parlament għen fir-reviżjoni ta’ testi leġiżlattivi fil-qasam tat-TEN-T, li huma sovrapposti. Flimkien mal-Kunsill, adotta r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.

Fl-2013, il-Parlament approva l-linji gwida TEN-T il-ġodda abbażi ta’ miri preċiżi u żied il-finanzjament tal-UE, u ddefinixxa viżjoni ċara għat-twaqqif tan-network tat-trasport ewlieni u dak komprensiv, bl-2030 u l-2050 bħala dati fil-mira rispettivament. Il-Parlament insista, fost affarijiet oħra, li l-għażla tal-proġetti tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ valur miżjud tal-UE (li jirriżulta minn għażliet ta’ politika u/jew minn interventi finanzjarji li jwasslu għal titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel fil-konnessjonijiet tat-trasport u fil-flussi tat-trasport). Wara li r-Regolament TEN-T (ir-Regolament Nru 1315/2013/UE) daħal fis-seħħ fi tmiem l-2013, il-Parlament kompla jagħti l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tat-TEN-T. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq ’il quddiem lejn mobilità sostenibbli, il-Parlament issottolinja l-importanza tat-trasport għall-ekonomija u għall-mobilità tan-nies fl-UE. Fil-fehma tal-Parlament, l-ikkompletar tat-TEN-T huwa prekundizzjoni għal sistema ta’ trasport tal-UE sostenibbli u effiċjenti, li jrid jiġi xprunat minn kofinanzjament speċifiku tal-UE b’mod partikolari fl-ambitu tal-FNE.

Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport sabiex tġi indirizzata l-kwistjoni ta’ dewmien persistenti fl-implimentazzjoni tal-PCIs. In-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill irriżultaw f’test ta’ kompromess u d-direttiva ġiet ippubblikata fl-20 ta’ Lulju 2021.

Fl-20 ta’ Jannar 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Ir-riżoluzzjoni tenfasizza l-importanza ta’ network TEN-T li jibqa’ validu fil-futur fl-iżgurar tal-funzjonament xieraq tas-suq uniku tal-UE u r-realizzazzjoni ulterjuri taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport. Tenfasizza wkoll l-importanza tal-kompetittività globali tal-UE fid-deċennji li ġejjin u tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, effiċjenti u sikura. Ir-riżoluzzjoni ttenni t-talbiet tal-Parlament għal investiment suffiċjenti fl-infrastruttura tat-TEN-T, b’mod partikolari sabiex jitlesta n-network ewlieni tat-TEN-T sal-2030. Tenfasizza li l-fondi rilevanti kollha tal-UE (il-FNE, l-InvestEU, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Orizzont Ewropa, eċċ.) kif ukoll is-self tal-BEI għandhom jitfasslu għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tat-trasport u li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu finanzjament suffiċjenti.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2020 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, il-Parlament talab reviżjoni li tqis il-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, l-impenn fit-tul tagħha għad-dekarbonizzazzjoni u l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”. Enfasizzat il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-infiq u l-għażla tal-PCIs ikunu konformi mal-impenji li saru skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

Fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-regolament rivedut dwar l-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, il-Parlament talab involviment aktar b’saħħtu tal-partijiet ikkonċernati fl-ippjanar tal-infrastruttura transfruntiera u fil-proċess tal-għażla tal-PCIs, u rappreżentanza aktar diversa ta’ setturi differenti fil-konsultazzjonijiet. Il-Parlament insista wkoll biex tingħata spinta lill-proġetti tal-enerġija rinnovabbli offshore u biex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tagħhom fin-networks tal-UE, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ emissjonijiet żero netti tal-UE.

Il-Parlament enfasizza wkoll, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2022 dwar ir-rispons tal-UE għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa, li network Ewropew tal-enerġija verament reżiljenti, inkluż il-bini ta’ interkonnetturi ġodda, jikkontribwixxi biex tittaffa l-pressjoni tal-prezzijiet fuq in-negozji u l-konsumaturi fuq terminu qasir, u biex jiġu stabbiliti l-indipendenza u r-reżiljenza tal-enerġija fit-tul. Huwa rrikonoxxa li l-infrastruttura ewlenija jeħtieġ li tibqa’ taħt il-kontroll tal-UE, u b’hekk titrawwem awtonomija strateġika miftuħa, u stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw proġetti ta’ infrastruttura ewlenin ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli u l-idroġenu nadif billi jiffaċilitaw il-proċess tal-għoti ta’ permessi, filwaqt li jqisu kif xieraq il-parteċipazzjoni pubblika u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir, il-Parlament irrakkomanda t-tisħiħ tas-sħubijiet bejn il-pajjiżi kandidati u l-UE permezz ta’ proġetti ta’ infrastruttura prinċipali fi ħdan in-networks trans-Ewropej tal-enerġija (TEN-E) u tat-trasport (TEN-T). Il-Parlament jappoġġja t-teħid ta’ passi immedjati biex tinkiseb il-konnessjoni fit-tul u sostenibbli tal-pajjiżi kandidati man-network Ewropew tat-trażmissjoni tal-enerġija u biex dawn jiġu inklużi fl-istrateġiji tal-politika tal-enerġija tal-UE, b’enfasi fuq dawk li huma dipendenti ħafna fuq il-gass Russu u li huma affettwati serjament minħabba l-pożizzjoni favorevoli tagħhom fil-konfront tal-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-suġġetti, jekk jogħġbok ara s-siti web tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

 

Ariane Debyser / Kristi Polluveer