L-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi, li tmur lura għall-1997, stabbiliet sensiela ta’ objettivi komuni għall-politika tal-impjiegi u kkontribwiet għal “koordinazzjoni flessibbli” fost l-Istati Membri. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 kien il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u aħjar. Mill-bidu tad-deċennju, il-Kummissjoni pproponiet miri ġodda u aktar ambizzjużi fil-politika tal-impjiegi. Il-liġi tal-UE hija rilevanti f’ċerti oqsma anke jekk ir-responsabbiltà għall-politika tal-impjiegi tinsab primarjament f’idejn il-gvernijiet nazzjonali.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8-10, 145-150, 156-159 u 162-164 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Skont l-Artikolu 3 tat-TUE, l-Unjoni għandha d-dmir li tipprova tikseb livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali. Il-klawżola orizzontali fl-Artikolu 9 tat-TFUE tistipula li, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE, irid jittieħed kont tal-objettiv ta’ livell għoli ta’ impjieg. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom ukoll il-kompitu li jaħdmu lejn l-iżvilupp ta’ strateġija koordinata għall-impjiegi, partikolarment sabiex il-ħaddiema jkunu kwalifikati, imħarrġa u flessibbli, u biex is-swieq tax-xogħol jirrispondu għat-tibdil ekonomiku, kif deskritt fl-Artikolu 145 tat-TFUE.

Il-kisbiet

A. Mill-istadji bikrin (mis-snin ħamsin sas-snin disgħin) għall-objettivi wara l-2020

Sa mis-snin ħamsin, il-ħaddiema bbenefikaw minn “għajnuna ta’ riadattament” fil-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Ingħatat għajnuna lil dawk il-ħaddiema fis-setturi tal-faħam u l-azzar li l-impjieg tagħhom kien mhedded minn ristrutturar industrijali. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (2.3.2 Il-Fond Soċjali Ewropew), maħluq fl-1957, kien l-għodda ewlenija għall-ġlieda kontra l-qgħad.

Fis-snin tmenin u fil-bidu tas-snin disgħin, programmi ta’ azzjoni dwar l-impjiegi ffukaw fuq gruppi destinatarji speċifiċi, u twaqqfu għadd ta’ sistemi ta’ osservazzjoni u ta’ dokumentazzjoni.

F’kuntest ta’ rata għolja ta’ qgħad fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, il-White Paper dwar it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi (1993) varat dibattitu dwar l-istrateġija ekonomika u tal-impjiegi tal-UE billi, għall-ewwel darba, il-kwistjoni tal-impjiegi saret prijorità fl-aġenda tal-UE.

Il-kapitolu l-ġdid dwar l-impjiegi fit-Trattat ta’ Amsterdam (1997) ipprovda l-bażi biex jitwaqqfu l-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi (EES) u l-Kumitat għall-Impjiegi permanenti b’funzjoni ta’ konsulenza biex jippromovi l-koordinazzjoni tal-politiki tal-impjiegi u s-suq tax-xogħol tal-Istati Membri. Il-kompetenza għall-politika tal-impjiegi, madankollu, tibqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. L-inklużjoni ta’ “protokoll soċjali” fit-Trattat saħħaħ l-involviment tas-sħab soċjali (2.3.7 Id-djalogu soċjali).

Is-Summit straordinarju tal-Lussemburgu dwar l-Impjiegi f’Novembru 1997 vara l-EES flimkien mal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni- magħruf bħala l-proċess tal-Lussemburgu, li huwa ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ tal-politiki nazzjonali tal-impjiegi msejjes fuq l-impenn tal-Istati Membri li jistabbilixxu ġabra ta’ objettivi u miri komuni. L-EES tat lil livell għoli ta’ impjieg l-istess importanza li tagħti lill-objettivi makroekonomiċi tat-tkabbir u l-istabbiltà.

Fis-sena 2000, il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona qabel dwar l-għan strateġiku l-ġdid li l-UE ssir “l-ekonomija l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja bbażata fuq l-għarfien”, li tħaddan livell massimu ta’ impjieg bħala objettiv ġenerali tal-politika soċjali u tal-impjiegi, kif ukoll dwar miri konkreti li jridu jintlaħqu sal-2010 (l-istrateġija ta’ Liżbona).

Wara l-kriżi finanzjarja 2007-08, l-istrateġija Ewropa 2020 ġiet adottata fl-2010 u s-Semestru Ewropew ġie introdott bħala l-mekkaniżmu li jikkoordina l-politika finanzjarja u ekonomika. Din l-istrateġija għall-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fuq perjodu ta’ 10 snin, iddefiniet għall-ewwel darba għadd ta’ miri ewlenin bħaż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni fl-età ta’ bejn l-20 u l-64 sena għal 75% sal-2020. Il-miri ewlenin kollha kellhom jissarrfu mill-Istati Membri f’miri nazzjonali.

Fl-2017, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), li jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt fundamentali b’appoġġ għal proċess imġedded ta’ konverġenza lejn kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar. Huwa akkumpanjat minn “tabella ta’ valutazzjoni soċjali” biex timmonitorja l-progress. Fis-Summit Soċjali f’Gothenburg f’Novembru 2017, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni enfasizzaw l-impenn komuni tagħhom billi adottaw proklamazzjoni komuni dwar l-EPSR.

Il-pjan ta’ azzjoni tal-2021 dwar l-implimentazzjoni tal-EPSR stabbilixxa tliet miri ewlenin ġodda għall-UE li għandhom jintlaħqu sa tmiem id-deċennju, inklużi dawn li ġejjin:

  • Impjieg: mill-inqas 78% tal-popolazzjoni fl-età ta’ bejn l-20 u l-64 sena għandu jkollhom impjieg sal-2030;
  • Ħiliet: mill-inqas 60% tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f’taħriġ kull sena.

B. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-monitoraġġ

Iċ-ċiklu ta’ monitoraġġ annwali għall-politiki tal-impjiegi fi ħdan is-Semestru Ewropew jinkludi l-komponenti li ġejjin:

  • linji gwida dwar l-impjiegi, imfassla mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill wara li jikkonsulta lill-Parlament;
  • rapport konġunt dwar l-impjiegi, ippubblikat mill-Kummissjoni u adottat mill-Kunsill;
  • programmi nazzjonali ta’ riforma;
  • rapporti għall-pajjiż u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, imfassla mill-Kummissjoni, filwaqt li dawk tal-aħħar jiġu adottati mill-Kunsill.

L-erba’ linji gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148 tat-TFUE) jippreżentaw objettivi strateġiċi għall-politiki nazzjonali tal-impjiegi u jinkludu prijoritajiet ta’ politika fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Il-linji gwida dwar l-impjiegi jiffurmaw parti mit-tmien linji gwida integrati, li jinkludu wkoll erba’ linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi (l-Artikolu 121 tat-TFUE).

Fis-snin reċenti, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew allinjati mal-prinċipji tal-EPSR (2.3.1 Il-politika soċjali u tal-impjiegi: il-prinċipji ġenerali) u integraw elementi relatati mal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-ekwità matul it-tranżizzjoni ekoloġika, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Bħala għodda ta’ monitoraġġ fundamentali użat fis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta (annessa mal-pjan ta’ azzjoni tal-EPSR). It-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tikkonsisti minn 17-il indikatur ewlieni, approvati mill-Kunsill, li jivvalutaw ir-rendiment f’termini soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri fi tliet dimensjonijiet wesgħin: (i) opportunitajiet indaqs, (ii) kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u (iii) protezzjoni u inklużjoni soċjali.

C. Atti legali vinkolanti – il-liġi tal-UE

Abbażi tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-TFUE relatati mal-oqsma tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u l-moviment liberu tagħhom, ġew adottati għadd ta’ direttivi, regolamenti u deċiżjonijiet biex jiżguraw standards minimi fl-Istati Membri kollha tal-UE fl-oqsma li ġejjin:

  • Is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol: id-drittijiet u l-obbligi ġenerali u speċifiċi, it-tagħmir tax-xogħol, ir-riskji speċifiċi, eż. sustanzi perikolużi, karċinoġeni (2.3.5 Is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol);
  • Opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel: it-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol, it-tqala, il-liv tal-maternità, il-liv tal-ġenituri (2.3.9 Il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni);
  • Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali (2.3.9 Il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni);
  • Il-kundizzjonijiet tax-xogħol: il-pagi minimi, ix-xogħol part-time, il-kuntratti għal terminu fiss, is-sigħat ta’ xogħol, l-impjieg taż-żgħażagħ, l-għoti ta’ informazzjoni lill-impjegati u l-konsultazzjoni tal-impjegati (2.3.6 Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni; 2.3.7 Id-djalogu soċjali);
  • Is-servizzi ta’ appoġġ: kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi.
  • Il-moviment liberu tal-ħaddiema: it-trattament ugwali, l-aċċess għall-benefiċċji soċjali (2.1.5 Il-moviment liberu tal-ħaddiema);
  • L-istazzjonar tal-ħaddiema: it-tul ta’ żmien, il-paga, is-setturi koperti (2.1.13 L-istazzjonar tal-ħaddiema).

D. Il-koordinazzjoni permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u inizjattivi oħra ta’ politika

Minbarra l-hekk imsejħa “liġi vinkolanti” elenkata hawn fuq, miżuri oħra jgħinu biex tiżdied il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE permezz ta’ “liġi mhux vinkolanti”, inklużi rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tal-Kunsill u inizjattivi oħra ta’ politika introdotti mill-Kummissjoni.

  • Il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ għandha l-għan li tiżgura li l-persuni kollha taħt it-30 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali.
  • Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol tiffoka fuq ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjonijiet bir-reqqa individwali u l-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg li għandhom jiġu offruti lill-persuni qiegħda fit-tul irreġistrati.
  • L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa fiha 12-il azzjoni ffukati fuq il-ħiliet għall-impjiegi sabiex jiġi żgurat li d-dritt għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà fl-Ewropa kollha. Is-sena li tibda mid-9 ta’ Mejju 2023 u li tispiċċa fit-8 ta’ Mejju 2024 ġiet iddeżinjata bħala s-“Sena Ewropea tal-Ħiliet” bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet fl-UE u li tiġi promossa mentalità ta’ tiġdid u titjib tal-ħiliet biex in-nies jiġu megħjuna jiżviluppaw il-ħiliet it-tajba għal impjiegi ta’ kwalità.
  • Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjieg wara l-kriżi tal-COVID-19 tiddeskrivi approċċ strateġiku għal tranżizzjoni gradwali bejn miżuri ta’ emerġenza meħuda biex jitħarsu l-impjiegi matul il-pandemija u miżuri ġodda meħtieġa għal irkupru li joħloq ħafna impjiegi.
  • Il-Qafas strateġiku dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol2021-2027 jinkludi l-isfidi ewlenin, l-objettivi strateġiċi għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-azzjonijiet u l-istrumenti biex dawn jiġu indirizzati.
  • L-istrateġija Ewropea għall-kura għandha l-għan li tiżgura servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli fl-UE kollha u li ttejjeb is-sitwazzjoni kemm għal min jingħata l-kura kif ukoll għal min jagħti l-kura, sew jekk professjonalment jew informalment.

E. Appoġġ għal strumenti ta’ finanzjament tal-UE

Għadd ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE jipprovdu appoġġ fil-qasam tal-impjiegi.

  • Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (2.3.2 Il-Fond Soċjali Ewropew) huwa l-istrument ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies u jgħaqqad numru ta’ fondi u programmi, b’mod partikolari l-FSE, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali.
  • Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati jappoġġja lil dawk li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjija, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
  • Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-parti ewlenija ta’ NextGenerationEU, hija strument temporanju biex jiġu appoġġjati r-riformi u l-investimenti mwettqa mill-Istati Membri bejn Frar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2026. L-għan huwa li jitnaqqas l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u li l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej isiru aktar sostenibbli u reżiljenti, u mħejjija aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
  • REACT-EU (Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa) hija żieda għall-programmi tal-fondi strutturali 2014-2020 u tikkomplementa l-allokazzjonijiet għall-koeżjoni 2021-2027. Testendi u tespandi l-miżuri ta’ rimedju u risposta għall-kriżijiet implimentati permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus.
  • SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza) ipprovda assistenza finanzjarja lill-Istati Membri matul il-kriżi tal-COVID-19, u ffaċilita skemi ta’ xogħol fuq perjodu qasir jew miżuri simili biex jipproteġu l-impjiegi u l-ħaddiema.
  • Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandu l-għan li jtaffi l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima billi jgħin lin-nies jadattaw ruħhom f’suq tax-xogħol li qed jinbidel. Huwa l-ewwel pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżazzjoni Ġusta, li huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Ir-rwol tal-Parlament f’dan il-qasam żviluppa gradwalment. Sa minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam, il-Parlament jeħtieġ li jkun ikkonsultat fir-rigward tal-linji gwida dwar l-impjiegi qabel ma dawn jiġu adottati mill-Kunsill.

Il-Parlament appoġġja bis-sħiħ l-istrateġija Ewropa 2020. Għadd ta’ inizjattivi bl-għan li jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ joħorġu minn proposti tal-Parlament favur azzjonijiet konkreti u prattiċi, fosthom il-Garanzija tal-UE għaż-Żgħażagħ u standards minimi dwar l-internships. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2014 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ, il-Parlament appella għal qafas ġuridiku tal-UE li jintroduċi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, inkluża l-kwalità tal-apprendistati u li jkopri wkoll lil persuni fl-età ta’ bejn il-25 u t-30 sena. F’riżoluzzjoni adottata fl-2018 dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, il-Parlament appella għal żieda sinifikanti fil-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Fit-8 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tesprimi tħassib dwar in-natura volontarja tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (bħalissa rakkomandazzjoni tal-Kunsill) u stieden lill-Kummissjoni tipproponi strument vinkolanti. Il-Parlament ikkundanna wkoll l-internships mingħajr ħlas u ħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-istrumenti Ewropej eżistenti, bħall-qafas ta’ kwalità għat-traineeships u l-qafas Ewropew għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi. Il-Parlament insista li l-kriterji ta’ kwalità jiġu inkorporati fl-offerti li jsiru liż-żgħażagħ, inkluż il-prinċipju ta’ remunerazzjoni ġusta għat-trainees u għall-istagiaires, u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, l-impjieg sostenibbli u d-drittijiet soċjali.

Barra minn hekk, il-Parlament appoġġja l-approċċ meħud fir-rakkomandazzjoni dwar il-qgħad fit-tul fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Ottubru 2015. Il-ħidma intensiva tal-Parlament dwar l-iżvilupp tal-ħiliet kellha impatt fuq l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa. Il-Parlament enfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Appella ripetutament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali. Irrikonoxxa wkoll il-ħtieġa għal traineeships ta’ kwalità għolja u appella lill-Kummissjoni biex taġġorna u ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 relatata u biex tibdilha fi strument leġiżlattiv aktar b’saħħtu.

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar is-Semestru Ewropew saħqet li l-għanijiet u l-impenji soċjali tal-UE huma importanti daqs l-għanijiet ekonomiċi tagħha. Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, il-Parlament ipprova jtaffi l-konsegwenzi negattivi tal-kriżi, b’mod partikolari għas-suq tax-xogħol. F’riżoluzzjoni adottata fl-10 ta’ Lulju 2020 dwar il-linji gwida tal-UE dwar l-impjiegi, il-Membri tal-PE appellaw għal miżuri radikali biex jittaffa x-xokk ikkawżat mill-pandemija, b’mod partikolari reviżjoni tal-linji gwida li jmiss fid-dawl tas-sitwazzjoni, u enfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ imtejba. Fl-isfond tal-kriżi tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja, il-Parlament stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad u jsaħħu l-istrument SURE biex jappoġġjaw l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, l-introjtu tal-ħaddiema u l-ħaddiema li jingħataw is-sensja temporanjament minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, fost kawżi oħra, kif ukoll biex jittaffew l-effetti tax-xokkijiet asimmetriċi.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

 

Monika Makay