L-ekonomija, ix-xjenza u l-kwalità tal-ħajja

L-ekonomija, ix-xjenza u l-kwalità tal-ħajja

Is-suq uniku huwa l-ikbar realtà li wettqet l-Unjoni Ewropea. Bit-tneħħija tal-fruntieri l-antiki tad-dwana, in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fl-Ewropa. Sabiex dan seħħ, il-legiżlaturi Ewropej adottaw mijiet ta' liġijiet sabiex jeliminaw l-ostakli tekniċi, regolatorji u legali fi ħdan l-Unjoni. Biex tikkomplementa s-suq uniku, l-Unjoni Ewropea żviluppat sensiela ta' politiki li għandhom influwenza profonda fuq il-ħajja taċ-ċittadini u n-negozji tagħha. L-ambjent, is-saħħa, id-drittijiet tal-konsumaturi, il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni, l-enerġija, l-industrija, ir-riċerka u l-politiki soċjali huma kollha oqsma li dwarhom l-Unjoni għandha vuċi. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja (l-UEM) hija r-riżultat ta' koordinazzjoni akbar tal-politiki ekonomiċi u monetarji tal-Istati Membri fuq livell Ewropew, u ta' impenn li jiġu evitati żbilanċi baġitarji eċċessivi.