L-ekonomija, it-trasformazzjoni u l-industrija
Is-suq uniku huwa l-akbar kisba tal-UE. Bit-tneħħija tal-fruntieri tad-dwana, in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fl-Ewropa. Biex dan ikun possibbli, il-legiżlaturi Ewropej adottaw mijiet ta’ liġijiet biex eliminaw l-ostakli tekniċi, regolatorji u legali. Flimkien mas-suq uniku, l-UE żviluppat firxa ta’ politiki li jsawru l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħha u l-funzjonament tan-negozji. Dawn jinkludu l-protezzjoni tal-konsumatur, it-tassazzjoni, l-affarijiet ekonomiċi u monetarji, l-enerġija, l-industrija, ir-riċerka, il-protezzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima, u s-saħħa pubblika, inkluż is-sikurezza tal-ikel u l-prevenzjoni tal-mard. L-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) tiżgura koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri fil-livell Ewropew, bl-għan li jinżammu l-istabbiltà, it-tkabbir u l-finanzi pubbliċi responsabbli.