Il-politika komuni tas-sajd: oriġini u żvilupp

Politika komuni tas-sajd (PKS) ġiet imfassla għall-ewwel darba fit-Trattat ta' Ruma. Għall-ewwel kienet marbuta mal-politika agrikola komuni, iżda mal-mogħdija taż-żmien gradwalment saret aktar indipendenti. L-għan ewlieni tal-PKS, kif aġġornata fl-2002, huwa l-garanzija ta' sajd sostenibbli u l-garanzija ta' dħul u impjiegi stabbli għas-sajjieda. It-Trattat ta' Lisbona introduċa diversi bidliet għall-PKS. Fl-2013 il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim dwar PKS ġdida għas-sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul tal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura.

Bażi ġuridika

L-Artikoli 38 sa 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

It-TFUE introduċa xi innovazzjonijiet fir-rigward tal-involviment tal-Parlament fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar il-PKS. L-aktar bidla importanti hija li l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS issa hija adottata fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (li qabel kienet magħrufa bħala l-proċedura ta' kodeċiżjoni), u b'hekk il-Parlament sar koleġiżlatur. Madankollu, tali leġiżlazzjoni tista' tiġi adottata biss mill-Kunsill fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

Fir-rigward tar-ratifika ta' ftehimiet internazzjonali dwar is-sajd, it-Trattat ta' Lisbona jistipula li dawn iridu jkunu ratifikati mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Parlament.

Għanijiet

Is-sajd huwa proprjetà naturali, rinnovabbli, mobbli u komuni li tagħmel parti mill-patrimonju komuni tagħna. Is-sajd huwa rregolat minn politika komuni, b'regoli komuni li jiġu adottati fil-livell tal-UE u applikati fl-Istati Membri kollha. L-objettivi oriġinali tal-PKS kienu l-preservazzjoni ta' stokkijiet tal-ħut, il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, l-iżgurar tal-vijabilità ekonomika tal-flotot tal-UE u l-provvista ta' ikel ta' kwalità lill-konsumaturi. Ir-riforma tal-2002 żiedet ma' dawn l-objettivi l-użu sostenibbli mill-aspett ambjentali, ekonomiku u soċjali tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin b'mod bilanċjat. Ir-riforma speċifikat ukoll li s-sostenibilità trid tkun ibbażata fuq pariri xjentifiċi sodi u fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni.

Kisbiet

A. Sfond

Il-PKS oriġinarjament kienet tifforma parti mill-politika agrikola komuni, iżda gradwalment żviluppat identità separata, sa mill-1970, hekk kif il-Komunità evolviet minħabba l-adozzjoni ta' żoni ekonomiċi esklużivi (ŻEE) mill-Istati Membri u d-dħul ta' Stati Membri ġodda bi flotot tas-sajd kbar. Dawn l-iżviluppi fissru li l-Komunità kellha titratta problemi speċifiċi tas-sajd, bħall-aċċess għal riżorsi komuni, il-konservazzjoni ta' stokkijiet, miżuri strutturali għall-flotta tas-sajd u relazzjonijiet internazzjonali fis-sajd.

1. Il-bidu

Kien biss fl-1970 li l-Kunsill adotta leġiżlazzjoni biex jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq għall-prodotti tas-sajd u jistabbilixxi politika strutturali Komunitarja għas-sajd.

2. L-iżvilupp bikri

Is-sajd kellu rwol sinifikanti fin-negozjati li wasslu lir-Renju Unit, lill-Irlanda u lid-Danimarka jsiru membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) fl-1972. Ir-riżultat kien tbegħid mill-prinċipju fundamentali tal-libertà ta' aċċess. Id-drittijiet nazzjonali għall-esklużività tas-sajd kostali fl-ibħra territorjali, li kienu definiti bħala li jestendu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta, ġew estiżi biex jinkludu ż-ŻEE li jestendu sa 200 mil nawtiku mill-kosta. L-Istati Membri qablu li jħallu l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd tagħhom f'idejn il-Komunità Ewropea.

3. Ir-regolamenti u r-riformi tal-PKS

a. Ir-regolament tal-1983

Fl-1983, wara bosta snin ta' negozjati, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 170/83, li stabbilixxa l-ġenerazzjoni l-ġdida tal-PKS, li stabbiliet fiha l-impenn għal ŻEE, ifformulat il-kunċett ta' stabilità relattiva u pprevediet miżuri ta' ġestjoni ta' konservazzjoni bbażati fuq qabdiet totali permissibbli u kwoti. Sa mill-1983, il-PKS kellha tadatta ruħha għall-irtirar ta' Greenland mill-Komunità fl-1985, l-adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall fl-1986 u r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja fl-1990. Dawn it-tliet ġrajjiet kellhom impatt fuq id-daqs u l-istruttura tal-flotta tal-Komunità u l-potenzjal tagħha għall-qbid.

b. Ir-regolament tal-1992

Fl-1992, ir-Regolament (KEE) Nru 3760/92, li jinkludi d-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw il-politika tas-sajd sal-2002, stinka biex jinstab rimedju għall-iżbilanċ serju li kien hemm bejn il-kapaċità tal-flotta u l-potenzjal għall-qbid. Ir-rimedju rakkomandat kien it-tnaqqis tal-flotta Komunitarja, flimkien ma' miżuri strutturali maħsuba biex itaffu l-konsegwenzi soċjali. Ir-regolament introduċa l-kunċett ta' "sforz tas-sajd", bil-għan li jiġi restawrat u jinżamm il-bilanċ bejn ir-riżorsi disponibbli u l-attivitajiet tas-sajd. Ir-regolament ippreveda aċċess għar-riżorsi permezz ta' sistema ta' liċenzji effikaċi.

c. Ir-riforma tal-2002

Il-miżuri introdotti mir-Regolament (KEE) Nru 3760/92 ma kinux effikaċi biżżejjed biex iwaqqfu s-sajd eċċessiv u ħafna mill-istokkijiet tal-ħut issoktaw jitnaqqsu b'rata terġ'aktar mgħaġġla. Is-sitwazzjoni kritika wasslet għal riforma li tikkonsisti fi tliet regolamenti li ġew adottati mill-Kunsill f'Diċembru 2002 u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003:

  • ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd (li jirrevoka r-Regolamenti (KEE) Nru 3760/92 u (KEE) Nru 101/76);
  • ir-Regolament (KE) Nru 2369/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2792/1999, li jistipula regoli dettaljati u l-arranġamenti dwar l-għajnuna strutturali tal-Komunità fil-qasam tas-sajd;
  • ir-Regolament (KE) Nru 2370/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi miżura Komunitarja ta' emerġenza għar-rottamar ta' bastimenti tas-sajd.

L-għan ewlieni tar-riforma tal-2002 kien li jiġi żgurat futur sostenibbli għas-settur tas-sajd billi jkunu garantiti introjti u impjiegi stabbli għas-sajjieda u jkun hemm provvista għall-konsumaturi filwaqt li jkun ippreservat il-bilanċ fraġli tal-ekosistemi tal-baħar. Din ir-riforma introduċiet approċċ fit-tul għall-ġestjoni tas-sajd, inkluża t-tħejjija ta' miżuri ta' emerġenza, li jinvolvu pjanijiet ta' rkupru pluriennali għal stokkijiet li jinsabu barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri u pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali għal stokkijiet oħra.

Biex jiġi żgurat monitoraġġ aktar effikaċi, trasparenti u ġust, ġiet stabbilita l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd f'Vigo (Spanja).

Ir-riforma tal-2002 żiedet il-parteċipazzjoni tas-sajjieda fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom permezz tal-ħolqien tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali li jikkonsistu minn sajjieda, esperti xjentifiċi, rappreżentanti ta' setturi oħra relatati mas-sajd u l-akkwakultura, awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, gruppi ambjentali u konsumaturi.

Ir-riforma tal-PKS tal-2013:

Ir-riforma tal-2002 ma laħqitx l-aspettattivi maħsuba għal żmien qasir peress li d-deterjorazzjoni ta' xi stokkijiet kompliet tikber. Fl-istess ħin, enfasizzat xi problemi li sa dak iż-żmien kienu baqgħu mistura, bħall-problema tal-qbid skartat.

Fl-2009 l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-PKS bil-għan li jiġu integrati l-prinċipji ġodda li għandhom jirregolaw is-sajd tal-UE fis-seklu 21. Wara dibattitu twil fil-Kunsill u, għall-ewwel darba, fil-Parlament, fl-1 ta' Mejju 2013 intlaħaq ftehim dwar reġim ġdid għas-sajd ibbażat fuq tliet pilastri:

  • il-PKS ġdida (Regolament (UE) Nru 1380/2013);
  • l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (Regolament (UE) Nru 1379/2013);
  • il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd il-ġdid (Regolament (UE) Nru 508/2014).

Il-PKS ġdida hija maħsuba biex tiżgura li l-attivitajiet tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jiġu ġestiti b'mod konsistenti mal-objettivi tal-ksib ta' benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi. L-iktar punti importanti huma dawn li ġejjin:

  • Ġestjoni pluriennali bbażata fuq l-ekosistema sabiex issaħħaħ ir-rwol li r-riforma preċedenti kienet tat lill-pjanijiet pluriennali, kif ukoll biex tadotta approċċ aktar orjentat lejn l-ekosistema bi pjanijiet ta' speċijiet multipli u tas-sajd fil-qafas reġjonali taż-żoni ġeografiċi tal-UE;
  • Rendimenti Massimi Sostenibbli (MSY): filwaqt li jitqiesu l-impenji internazzjonali, bħal dawk li saru fis-Summit ta' Johannesburg tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, il-PKS ġdida tistabbilixxi l-MSY bħala l-mira prinċipali għas-sajd kollu. Fejn possibbli sa mhux aktar tard mill-2022, il-mortalità mis-sajd se tiġi stabbilita bħala FMSY (ir-rata massima tal-mortalità mis-sajd għal stokk partikolari, li tintuża biex jiġi kkalkulat l-MSY għal dak l-istokk);
  • Projbizzjoni fuq il-qbid skartat: ir-riforma l-ġdida se ttemm waħda mill-aktar prattiki inaċċettabbli li kienu komuni fis-sajd tal-UE. Il-qbid skartat ta' speċijiet regolati se jintemm gradwalment flimkien ma' xi miżuri ta' akkumpanjament biex tiġi implimentata din il-projbizzjoni. Mill-2019, il-politika tal-qbid skartat ġiet implimentata fis-sajd kollu tal-UE;
  • Fir-rigward tal-kapaċità tal-flotta, il-PKS ġdida tobbliga lill-Istati Membri jaġġustaw il-kapaċitajiet tagħhom tas-sajd permezz ta' pjanijiet nazzjonali sabiex dawn ikunu f'bilanċ mal-opportunitajiet ta' sajd tagħhom. Is-sajd fuq skala żgħira jrid ikollu rwol speċjali fil-PKS ġdida. Iż-żona ta' esklużjoni ta' 12-il mil nawtiku għall-flotot tradizzjonali ġiet estiża sal-2022;
  • Ir-Regolament (UE) Nru 2017/2403[1], li jistipula r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tal-flotot tas-sajd tal-UE f'ilmijiet mhux tal-UE u f'ilmijiet internazzjonali, ġie abbozzat fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u f'konformità mal-prinċipji tal-politika tal-UE. L-arranġamenti għas-sajd f'dawn l-ilmijiet huma marbuta ma' Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u mal-parteċipazzjoni tal-UE f'organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;
  • L-akkwakultura sostenibbli, żieda fir-rendimenti tal-provvista fis-suq tal-ħut tal-UE u l-għoti ta' spinta lit-tkabbir fiż-żoni kostali u rurali, permezz ta' pjanijiet nazzjonali;
  • Obbligi ġodda li jirrikjedu li l-Istati Membri jsaħħu r-rwol tax-xjenza billi jintensifikaw il-ġbir tad-data u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-istokkijiet, il-flotot u l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd;
  • Governanza deċentralizzata billi l-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet tinġieb eqreb tal-postijiet tas-sajd: il-leġiżlaturi tal-UE jfasslu l-qafas ġenerali waqt li l-Istati Membri jiżviluppaw il-miżuri ta' implimentazzjoni filwaqt li jikkooperaw f'livell reġjonali;
  • Il-ġabra ta' miżuri tekniċi attwali li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 jiffurmaw sistema kumplessa u eteroġena ta' dispożizzjonijiet li se tiġi aġġornata biex il-PKS ġdida tingħata qafas ġdid għal dawn il-miżuri.

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura kienet parti mill-pakkett ta' riforma.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd se jkun l-għodda finanzjarja li se tgħin l-implimentazzjoni tal-PKS u l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

A. Kompetenza

  • Il-leġiżlazzjoni dwar is-sajd: it-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-kodeċiżjoni (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja);
  • is-sħubija tal-UE f'konvenzjonijiet internazzjonali tas-sajd u l-konklużjoni ta' ftehimiet ma' pajjiżi mhux tal-UE (kodeċiżjoni mal-Kunsill).

B. Rwol

It-Trattat ta' Lisbona ta setgħa ta' leġiżlazzjoni akbar lill-Parlament, ippermettilu li jipparteċipa fit-tfassil tal-PKS u jissorvelja r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE.

Il-Parlament adotta għadd ta' riżoluzzjonijiet relatati mal-ħtieġa li tiġi riformata l-PKS, jiġifieri:

  • ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd[2]. Huwa jagħti parir lill-Kummissjoni biex tagħti l-ogħla importanza lir-rilevanza soċjoekonomika tas-sajd kostali artiġjanali u s-sajd fuq skala żgħira fl-UE;
  • ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi[3]. It-test fih dispożizzjonijiet marbuta mal-ispeċifiċitajiet u l-kundizzjonijiet ġeografiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-użu aħjar tal-possibilitajiet previsti mill-Artikolu 349 tat-Trattat ta' Lisbona u l-PKS fir-rigward ta' regolamenti, fondi u programmi, sabiex iwieġbu għad-diffikultajiet speċifiċi li jiltaqgħu magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi;
  • ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd[4]. It-test jirrifletti l-Mira 4 tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, bil-għan li s-sajd isir aktar sostenibbli u l-ibħra fi stat ta' saħħa aħjar, filwaqt li jiġi promoss l-involviment tas-settur f'attivitajiet alternattivi bħall-ekoturiżmu;
  • il-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 intitolata "Politika Komuni tas-Sajd: l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark"[5]. Din ir-riżoluzzjoni hija relatata mal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd[6]. Fiha il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lilu jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
  • ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea[7]. It-test jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-data meħtieġa dwar is-sajd rikreattiv tinġabar b'mod regolari u jisħaq fuq l-importanza qawwija u kruċjali tal-kondiviżjoni ta' din id-data.

 

[1]Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
[2]ĠU C 58, 15.2.2018, p. 82.
[3]ĠU C 298, 23.8.2018, p. 92.
[4]ĠU C 334, 19.9.2018, p. 20.
[5]ĠU C 346, 27.9.2018, p. 363.
[7]ĠU C 28, 27.1.2020, p. 2.

Marcus Ernst Gerhard Breuer