Il-politika komuni tat-trasport: Ħarsa ġenerali

Il-politika tat-trasport ilha tagħmel parti mill-oqsma ta’ politika komuni għal aktar minn 30 sena. Flimkien mal-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-swieq tat-trasport u l-ħolqien tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport, il-mudell ta’ “mobbiltà sostenibbli” se jikseb importanza dejjem akbar, b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda kostanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tat-trasport, li thedded li jiġu kompromessi l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tikseb l-għanijiet tagħha dwar il-klima.

Bażi ġuridika u objettivi

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 4(2)(g) u t-Titolu VI tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sa mit-Trattat ta’ Ruma, l-Istati Membri saħqu fuq l-importanza ta’ politika komuni tat-trasport billi ddedikaw titolu separat għaliha. Għalhekk, it-trasport kien wieħed mill-ewwel oqsma ta’ politika komuni tal-Komunità. L-ewwel prijorità kienet il-ħolqien ta’ suq tat-trasport komuni, li ppermetta l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-ftuħ tas-swieq tat-trasport. Waqt li s-swieq tat-trasport jinfetħu, huwa vitali li jinħolqu kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni kemm fi ħdan modi individwali tat-trasport, kif ukoll bejniethom. Għalhekk, l-armonizzazzjoni akkwistat importanza dejjem akbar, u issa tkopri liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, u l-ambjent teknoloġiku, soċjali u fiskali li fih jiġu fornuti s-servizzi tat-trasport.

Għal din ir-raġuni l-White Paper tal-2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011)0144) irrakkomandat tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet tat-trasport (eskluż it-trasport marittimu internazzjonali) bejn l-2008 u l-2030 u tnaqqis ta’ mill-inqas 60% bejn l-1990 u l-2050. Talbet ukoll tnaqqis fl-emissjonijiet tat-trasport marittimu internazzjonali ta’ 40% bejn l-2005 u l-2050. Il-White Paper tal-2011 talbet li l-fjuwils sostenibbli b’livell baxx tal-karbonju jkopru 40% tal-użu fl-avjazzjoni sal-2050, u rrakkomandat bidla ta’ 50% lil hinn mill-vetturi li jaħdmu bil-fjuwils konvenzjonali fit-trasport urban sal-2030, bil-għan li dawn jitneħħew kompletament b’mod gradwali sal-2050.

Dawn l-objettivi huma ’l bogħod ħafna mill-għan stabbilit fil-Konferenza ta’ Pariġi dwar il-Klima f’Diċembru 2015 (magħrufa wkoll bħala “COP21”). Din il-kunsiderazzjoni influwenzat il-pjan ta’ azzjoni propost mill-Kummissjoni (COM(2019)0640) bit-titolu l-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, li jmur lil hinn mill-ambizzjonijiet ewlenin tiegħu (eż. “il-mobbiltà intelliġenti u sostenibbli”) biex jinkludi wkoll objettivi ġenerali tal-liġi dwar il-klima, u b’hekk l-impenji politiċi dwar il-politika dwar il-klima jinbidlu f’obbligi legali.

Linji gwida ġenerali tal-politika

It-triq ’il quddiem lejn leġiżlazzjoni komuni fis-settur tat-trasport infetħet biss meta l-Parlament ħa azzjoni legali kontra l-Kunsill għal nuqqas ta’ azzjoni. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża 13/83 tat-22 ta’ Mejju 1985, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) ħeġġet lill-Kunsill jieħu azzjoni u b’hekk jibda jiżviluppa politika komuni ġenwina tat-trasport.

Fit-2 ta’ Diċembru 1992, il-Kummissjoni adottat il-White Paper tagħha dwar l-iżvilupp futur tal-politika komuni tat-trasport (COM(1992)0494). Din immarkat bidla deċiżiva lejn “mobbiltà sostenibbli”. Il-White Paper tat-22 ta’ Lulju 1998, bit-titolu “Fair payment for infrastructure use: a phased approach to a common transport infrastructure charging framework in the EU” (Ħlasijiet ġusti għall-użu ta’ infrastrutturi: approċċ fi stadji għat-twaqqif ta’ qafas komuni fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi ta’ infrastrutturi tat-trasport fl-UE) (COM(1998)0466), ġibdet l-attenzjoni lejn id-differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fit-tariffi għas-servizzi tat-trasport, u li dawn kienu qed iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fit-trasport intramodali u intermodali.

Implimentazzjoni

Fil-White Paper ta’ Settembru 2001 bit-titolu “European Transport Policy for 2010: time to decide” (Il-Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu) (COM(2001)0370), il-Kummissjoni analizzat l-isfidi tas-settur fid-dawl tat-tkabbir li jmiss lejn il-Lvant tal-UE. Il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ 60 miżura li kienu mfassla biex ikissru r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fit-traffiku, jiġi miġġieled it-tkabbir mhux uniformi bejn id-diversi modi tat-trasport, jippromwovu pjan ta’ azzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq, jikkonsolidaw id-drittijiet tal-utenti tat-trasport u jipprovdu trasparenza tal-kostijiet permezz ta’ armonizzazzjoni tal-prinċipji tal-pedaġġ.

L-UE nediet ukoll proġetti teknoloġiċi ambizzjużi, bħas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita, Galileo, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), u l-programm ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) għal titjib fl-infrastruttura tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

F’Ġunju 2006, il-Kummissjoni ppreżentat valutazzjoni intermedja tal-White Paper tal-2001 (COM(2006)0314), bit-titolu “Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna”. Il-Kummissjoni kienet diġà ddikjarat il-fehma tagħha li l-miżuri proposti fl-2001 ma kinux komprensivi biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti; u għaldaqstant ġew introdotti strumenti ġodda.

F’Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett imsejjaħ “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku”, li jiffoka fuq strateġija biex tinternalizza l-kostijiet esterni tat-trasport, tliet komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE, magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Eurovignette (ara l-iskeda informattiva bit-titolu “Trasport bit-triq: armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni” 3.4.3).

Ir-riżultati tad-dibattitu dwar il-futur fit-tul tat-trasport (b’ħarsa ’l quddiem ta’ 20 sa 40 sena) li tnieda fil-White Paper tal-2001 ġew ippreżentati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Futur sostenibbli għat-trasport: lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment” (COM(2009)0279).

Fost l-għaxar objettivi inklużi fil-White Paper tal-2011, il-Kummissjoni inkludiet l-istabbiliment ta’ Żona Unika Ewropea tat-Trasport billi neħħiet l-ostakli kollha li kien għad fadal bejn il-modi u s-sistemi nazzjonali, billi ffaċilitat il-proċess ta’ integrazzjoni, u għenet biex jiġu stabbiliti operaturi multinazzjonali u multimodali. Fl-1 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat rapport, fil-forma ta’ dokument ta’ ħidma (SWD(2016)0226) dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ 10 snin tal-White Paper tal-2011. L-Anness II jinkludi valutazzjoni komprensiva tal-attivitajiet li twettqu sa dak il-mument.

A. Lejn mudell ta’ mobbiltà sostenibbli

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE (“Id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat”) ta’ Diċembru 1992 tistabbilixxi regoli komuni għat-trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri. Hija waħda mill-aktar strumenti ġuridiċi kruċjali tal-UE maħsub biex jippromwovi t-trasport intermodali tal-merkanzija u biex issir bidla għal modi tat-trasport b’livell ta’ emissjonijiet aktar baxx (trasport ferrovjarju u trasport marittimu fuq distanzi qosra u ilmijiet navigabbli interni minflok trasport bit-triq) bil-għan li jonqsu l-esternalitajiet negattivi u l-emissjonijiet tal-karbonju.

Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi” (COM(2016)0501), li fiha pproponiet miżuri biex taċċelera d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport Ewropew.

F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tagħha, flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ 82 inizjattiva biex tiggwida l-ħidma għall-perjodu sal-2024 (COM(2020)0789). L-istrateġija tistabbilixxi pjan direzzjonali biex it-trasport Ewropew jitqiegħed fit-triq it-tajba għal futur sostenibbli u intelliġenti bl-identifikazzjoni ta’ 10 oqsma ewlenin, maqsuma fi stadji importanti. Wieħed mill-istadji importanti huwa li sal-2030 fit-toroq ikun hemm mill-inqas 30 miljun karozza b’żero emissjonijiet.

F’Lulju 2021, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ proposti leġiżlattivi u rieżamijiet fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bi qbil mal-objettiv tal-Patt Ekoloġiku skont liema sal-2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika. Uħud minn dawn il-proposti jinkludu:

  • Proposta għar-reviżjoni tal-tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS)[1] (inklużi l-avjazzjoni u t-trasport marittimu). L-att finali ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tas-16 ta’ Mejju 2023 (id-Direttiva (UE) 2023/959) jinkludi miri aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, iżid għall-ewwel darba t-trasport marittimu fl-iskema, jelimina gradwalment il-kwoti bla ħlas għall-avjazzjoni u għall-industriji mill-2026 ’il quddiem u joħloq ETS separata għat-trasport bit-triq.
  • Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi. L-att finali li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-22 ta’ Settembru 2032 (ir-Regolament (UE) 2023/1804) jinkludi pakkett ta’ miżuri għal varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-Istati Membri tal-UE, li jwitti t-triq għal aktar mobbiltà b’żero emissjonijiet fl-Ewropa.
  • Proposta għar-reviżjoni tal-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2, bl-iżvilupp ta’ limiti aktar rigorużi għall-emissjonijiet u bl-inklużjoni tal-eliminazzjoni gradwali tal-karozzi b’magna tal-kombustjoni interna sal-2035, li twitti t-triq għall-vetturi li jaħdmu bil-batteriji elettriċi. Intlaħaq ftehim dwarha bejn il-Parlament u l-Kunsill f’Marzu 2023. L-att finali ġie ffirmat fid-19 ta’ April 2023 (ir-Regolament (UE) 2023/851) iżda l-karozzi b’magna tal-kombustjoni interna jistgħu jibqgħu jaħdmu bl-elettrofjuwils wara l-2035.

F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni ressqet it-tieni pakkett ta’ proposti maħsub biex isostni tranżizzjoni lejn trasport aktar nadif, aktar ekoloġiku u aktar intelliġenti bi qbil mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u wara l-pubblikazzjoni, f’Diċembru 2020, tal-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tal-Kummissjoni. Il-pakkett fih żewġ proposti leġiżlattivi importanti, jiġifieri r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Linji Gwida TEN-T tal-2013 u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti tal-2010.

Bis-saħħa tar-reviżjoni tar-Regolament TEN-T (2021/0420(COD)), il-Kummissjoni timmira li tindirizza aħjar l-isfidi li l-UE għandha quddiemha bil-għan li timmodernizza n-network tal-mobbiltà Ewropew, li jinkludi t-tisħiħ tal-interkonnettività tan-networks reġjonali u tat-trasport multimodali trans-Ewropew kif ukoll id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport u tal-infrastrutturi. Il-proposta għar-regolament TEN-T hija komplementata bi “Pjan ta’ azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport bil-ferrovija tal-passiġġieri fit-tul u transfruntier” u bi proposta għall-estensjoni tat-TEN-T għall-pajjiżi ġirien, bħall-Ukrajna (permezz ta’ proposta emendata ppubblikata f’Lulju 2022, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna).

Il-Parlament adotta l-abbozz ta’ rapport tiegħu dwar il-proposta TEN-T f’April 2023, bl-objettiv li jintlaħaq qbil interistituzzjonali f’din il-leġiżlatura qabel l-elezzjonijiet tal-2024.

Dan it-tieni pakkett inkluda wkoll komunikazzjoni dwar il-qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana (COM(2021)0811), li poġġiet l-enfasi fuq it-trasport pubbliku u s-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali. Il-Parlament adotta r-rapport fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-qafas il-ġdid għall-mobilità urbana fid-9 ta’ Mejju 2023.

F’Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha dwar ir-reviżjoni tal-istandards ta’ emissjonijiet Euro 6 għall-karozzi, għall-vannijiet, għat-trakkijiet u għall-karozzi tal-linja (illum l-istandards Euro 7). Tinkludi standards ta’ emissjonijiet aktar rigorużi għall-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja kollha li jaħdmu bil-petrol u bid-diżil. Bħalissa għadha qed tistenna deċiżjoni fi ħdan il-kumitat (2022/0365(COD)). Fi Frar 2023, il-Kummissjoni adottat reviżjoni tar-Regolament (UE) 2019/1242 dwar it-tisħiħ tal-istandards tal-emissjonijiet CO2 għall-vetturi tqal (2023/0042(COD)). Il-Parlament qed jippjana li jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari sa tmiem l-2023.

B. Sewqan awtomatiku u sistemi tat-trasport intelliġenti

Fid-dawl tar-ritmu mgħaġġel li bih it-teknoloġija qiegħda tiżviluppa, l-UE qiegħda tipprova tiżgura li jkun hemm regoli komuni. Bl-awtomatizzazzjoni u bil-konnettività dejjem akbar, li jagħmlu possibbli li l-vetturi “jkellmu” lil xulxin, il-mobbiltà qiegħda taqsam fruntiera – diġitali – ġdida. Dawn l-iżviluppi, li l-progress fl-intelliġenza artifiċjali qiegħed iħaffef, jippermettu livell kompletament ġdid ta’ kooperazzjoni fost min juża t-toroq, li għandu l-potenzjal li jkun estremament vantaġġuż għat-tnejn li huma u għas-sistema tal-mobbiltà kollha kemm hi, anki biex it-trasport isir aktar sikur, aktar aċċessibbli u sostenibbli. Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur” (COM(2018)283), il-Kummissjoni wriet li hija wkoll konxja tal-isfidi assoċjati mas-sewqan awtomatiku u tisħaq fuq il-bżonn li tifhem aħjar l-effetti etiċi u għas-soċjetà (ngħidu aħna fuq l-impjiegi u fuq il-ħiliet neċessarji ġodda) u li tindirizza l-kwistjonijiet etiċi emerġenti mill-aktar fis possibbli.

Id-Direttiva 2010/40/UE dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti. Dawn huma applikazzjonijiet avvanzati intiżi li jagħtu servizzi innovattivi rigward modi tat-trasport differenti, jiġġestixxu aħjar it-trasport, itejbu l-informazzjoni għall-utenti u jagħtu t-trasport aktar sikur u aktar ikkoordinat. F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 2010/40/UE bil-għan li tħaffef u tikkoordina l-varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti biex jitjiebu s-sikurezza, l-effiċjenza tat-traffiku u l-kumdità tas-sewwieqa (COM(2021)0813). Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-3 ta’ Ottubru 2023 u t-test issa qed jistenna l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Minbarra li jipprovdi appoġġ attiv għal-liberalizzazzjoni tas-swieq tat-trasport u l-mudell tal-“mobbiltà sostenibbli”, il-Parlament kompla jenfasizza l-ħtieġa li dawn jiġu kkombinati mal-armonizzazzjoni komprensiva tal-ambjent soċjali, fiskali u teknoloġiku u tal-istandards tas-sikurezza.

Fit-12 ta’ Frar 2003, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-White Paper tal-2011 tal-Kummissjoni bit-titolu “European transport policy for 2010: time to decide” (Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu) (COM(2001)0370). Ir-riżoluzzjoni saħqet fuq is-sostenibbiltà bħala l-pedament u l-istandard għall-politika Ewropea tat-trasport, u l-importanza li tinħoloq sistema globali integrata tat-trasport.

Fil-25 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper bit-titolu “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” (COM(2007)0551), li l-Parlament taha segwitu billi adotta riżoluzzjoni fid-9 ta’ Lulju 2008 bl-istess titolu. Il-Parlament adotta wkoll riżoluzzjoni oħra fit-23 ta’ April 2009 dwar pjan ta’ azzjoni għall-mobilità fl-ibliet. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba ftit wara b’komunikazzjoni bl-istess titolu, “Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana” (COM(2009)0490), ippubblikata fl-20 ta’ Settembru 2009.

Wara komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2009)0279) bit-titolu “Futur sostenibbli għat-trasport: lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment”, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fis-6 ta’ Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport.

Il-Parlament adotta żewġ riżoluzzjonijiet wara l-pubblikazzjoni tal-White Paper tal-2011. L-ewwel riżoluzzjoni kienet adottata fil-15 ta’ Diċembru 2011, bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament ivvaluta l-objettivi ewlenin definiti fil-White Paper tal-2011 u ta approvazzjoni parzjali għall-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħha.

B’reazzjoni għal komunikazzjoni oħra tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” (COM(2013)0913), ippubblikata fis-17 ta’ Diċembru 2013, fit-2 ta’ Diċembru 2015 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar mobilità urbana sostenibbli. Fir-riżoluzzjoni, l-Istati Membri u l-ibliet huma mħeġġa jfasslu pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli li jagħtu prijorità lill-modi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi, lill-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi u lis-sistemi intelliġenti tat-trasport.

Fid-9 ta’ Settembru 2015, il-Parlament adotta t-tieni riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 bit-titolu: “It-teħid tal-kont u t-triq ’il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli”. Fil-kuntest tar-rieżami intermedju, fl-1 ta’ Lulju 2016 il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ ħidma bit-titolu “The implementation of the 2011 White Paper on Transport five years after its publication: achievements and challenges” (L-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha: kisbiet u sfidi) (SWD(2016)0226). Il-Parlament stieden lill-Kummissjoni żżomm għall-inqas l-istess livell ta’ ambizzjoni bħal fl-għanijiet oriġinali. Il-Parlament ifformula wkoll sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet bil-għan li tinkiseb l-integrazzjoni bejn il-modi kollha tat-trasport biex tinħoloq sistema tat-trasport aktar effiċjenti, sostenibbli, kompetittiva, aċċessibbli u faċli għall-utent.

Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar strateġija Ewropea għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi adottata f’Diċembru 2017, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li s-settur tat-trasport jagħti kontribut akbar għall-miri klimatiċi.

Wara komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Għall-akbar użu ta’ fjuwils alternattivi: Pjan ta’ Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi” (COM(2017)0652), f’Ottubru 2018 il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tistieden lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tad-Direttiva 2014/94/UE dwar il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi, u biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni xierqa tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar dan wassal lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi f’Lulju 2021 (kif imsemmi qabel).

Il-Parlament laqa’ wkoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata” (COM(2018)0283), iżda f’riżoluzzjoni tal-15 ta’ Jannar 2019 il-Parlament enfasizza li l-atturi Ewropej jeħtiġilhom jingħaqdu biex jassumu rwol minn ta’ quddiem fid-dinja fit-trasport awtonomu. Madankollu, il-Parlament saħaq ukoll fuq l-isfidi etiċi li hemm quddiemna u stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-partijiet ikkonċernati, linji gwida dwar l-etika għall-intelliġenza artifiċjali.

F’Jannar 2020, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex b’hekk ta segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u inkludiet xi linji gwida għat-trasport taħt l-intestatura “L-aċċelerar tal-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti”.

Fit-13 ta’ Novembru 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni bit-titolu “Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli – Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku”, li fiha wkoll il-kontribut tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu.

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatti sussegwenti tagħha fuq it-trasport, fid-19 ta’ Ġunju 2020 il-Parlament adotta riżoluzzjoni bit-titolu “It-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn”, li fiha talab appoġġ rapidu, fuq terminu qasir u fit-tul għas-setturi tat-trasport u tat-turiżmu biex jiġu żgurati s-sopravivenza u l-kompetittività tagħhom. Minn Marzu 2020, il-Parlament adotta wkoll diversi atti relatati skont il-proċedura b’urġenza, bil-għan li jiġu miġġielda l-effetti negattivi immedjati tal-pandemija fuq is-settur tat-trasport.

F’Ġunju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Soċjali għall-Klima. Il-Parlament ivvota biex jintroduċi definizzjoni ta’ “faqar tal-mobbiltà” li jirreferi għal unitajiet domestiċi b’aċċess limitat għal trasport bi prezz raġonevoli jew bi spejjeż għat-trasport għoljin. Il-Parlament ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri u l-investimenti appoġġjati mill-fond għandhom jgħinu lill-unitajiet domestiċi u lil min juża t-trasport li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli;

Fi Frar 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE favur l-użu tar-roti. Din tissuġġerixxa l-promozzjoni tad-drawwa tal-użu tar-rota u tat-tranżizzjoni ekoloġika fl-UE bis-saħħa ta’ aktar korsiji ddedikati għaċ-ċiklisti, spazji ta’ parkeġġ għar-roti u tnaqqis tal-VAT għall-provvista, it-tiswija u l-kiri ta’ roti u roti elettriċi.

Il-Parlament adotta r-rapport fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-qafas il-ġdid għall-mobilità urbana fid-9 ta’ Mejju 2023.

 

[1]L-EU ETS tiffissa limitu għall-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li entità (ngħidu aħna s-settur tal-avjazzjoni) tista’ tipproduċi. Il-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE mbagħad jiġu rkantati jew allokati bla ħlas u mqiegħda għad-dispożizzjoni tan-negozjar.

Davide Pernice