It-trasport bit-triq: standards tat-traffiku u tas-sikurezza

Wieħed mill-objettivi tal-UE fuq perjodu ta’ għaxar snin bejn l-2010 u l-2020 kien il-ħolqien ta’ żona Ewropea ta’ sikurezza fit-toroq. Filwaqt li kull Stat Membru għandu s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu relatati ma’ ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar it-traffiku fit-toroq u s-sikurezza, l-UE twettaq ukoll ħidma f’dan il-qasam u kienet qed tiffoka l-miżuri tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-vetturi, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi u s-sikurezza tan-networks tat-toroq.

Il-bażi ġuridika u l-objettivi

It-Titolu VI tat-Trattat ta’ Lisbona u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma l-bażi ġuridika għall-ħolqien ta’ żona ta’ sikurezza fit-toroq, li l-għan tagħha huwa li ttejjeb is-sikurezza fit-toroq u tikkontribwixxi għall-mobbiltà sostenibbli. Fl-2010, l-Unjoni Ewropea ġeddet l-impenn tagħha favur it-titjib tas-sikurezza fit-toroq billi stabbiliet objettiv biex tnaqqas l-imwiet fit-toroq b’50% sal-2020, meta mqabbel mal-livelli tal-2010. Biex il-mira tal-UE għall-2020 tkun tista’ tintlaħaq, kien hemm bżonn tnaqqis annwali ta’ 6.7% tul il-perjodu 2010-2020. Madankollu, mill-2010 ’l hawn, l-imwiet fit-toroq fl-UE naqsu bi 19%, u dan ifisser tnaqqis annwali medju ta’ 3.4% biss. Peress li l-imwiet ma rnexxilhomx jonqsu bir-ritmu meħtieġ, bejn l-2017 u l-2020 kien hemm bżonn tnaqqis annwali ta’ 11.4% biex l-UE tilħaq l-objettiv tagħha. Skont il-Konferenza dwar ir-Riżultati tas-Sikurezza fit-Toroq tal-UE tal-2021, kien hemm 42 mewta fit-toroq għal kull miljun abitant fl-UE matul l-2020 (li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 17% meta mqabbel mal-2019).

Il-kisbiet

A. Kummenti ġenerali

F’Ġunju 2003, il-Kummissjoni ppubblikat it-tielet Programm Ewropew ta’ Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq 2003-2010 bil-għan li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mwiet fit-toroq fl-Istati Membri sa tmiem l-2010. Għalkemm ma rnexxilux jilħaq dan il-għan fil-limitu ta’ żmien stabbilit, il-programm kiseb suċċess fit-tnaqqis tan-numru ta’ vittmi tal-inċidenti stradali, kif muri fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 bit-titolu “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (COM(2010)0389).

Fil-White Paper tagħha tal-2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011)0144), ippubblikata fit-28 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni mexxiet id-data fil-mira għat-tnaqqis bin-nofs tan-numru ta’ mwiet fit-toroq għall-2020. Stabbiliet ukoll l-2050 bħala d-data biex nersqu eqreb lejn l-għan aħħari ta’ żero fatalitajiet. Fl-orjentazzjonijiet ta’ politika tagħha, il-Kummissjoni esponiet ukoll seba’ objettivi li għalihom kien biħsiebha tadotta miżuri fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, f’konformità mal-prinċipji ta’ responsabbiltà kondiviża u sussidjarjetà. Dawn l-objettivi jinkludu: titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-toroq kif ukoll il-kontroll tal-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq; titjib fis-sikurezza tal-infrastrutturi tat-toroq kif ukoll dik tal-vetturi; promozzjoni tal-użu ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti (STI), pereżempju permezz tas-sistema ta’ allarm f’każ ta’ emerġenza abbord “eCall”; titjib fis-servizzi ta’ emerġenza u ta’ kura tal-feruti; u l-ħarsien ta’ utenti vulnerabbli bħall-persuni mexjin fit-triq u ċ-ċiklisti.

F’Mejju 2018, bħala parti mit-tielet pakkett dwar il-mobbiltà, il-Kummissjoni ppubblikat id-deskrizzjoni ta’ qafas ta’ politika dwar is-sikurezza fit-toroq għall-perjodu mill-2021 sal-2030 kif ukoll pjan ta’ azzjoni strateġiku. F’Ġunju 2019, hija ppubblikat dettalji dwar kif biħsiebha tpoġġi fil-prattika l-pjan ta’ azzjoni strateġiku tagħha dwar is-sikurezza fit-toroq (SWD(2019)0283). L-ewwel lista ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tas-sikurezza (KPIs) ġiet elaborata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u għandha tiġi mmonitorjata fl-UE kollha biex tappoġġa l-isforzi biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 50% fil-fatalitajiet u l-korrimenti serji sal-2030.

Barra minn hekk, bħala parti mill-istrateġija ta’ mobbiltà intelliġenti u sostenibbli 2020, il-Kummissjoni ħabbret għadd ta’ inizjattivi biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, inkluża r-reviżjoni tad-direttiva dwar l-infurzar transfruntier tar-regoli tat-traffiku; ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan biex tindirizza l-innovazzjoni teknoloġika, inklużi l-liċenzji tas-sewqan diġitali. Inizjattivi oħra biex titjieb is-sikurezza fit-toroq jinkludu gwida ġdida potenzjali dwar kwistjonijiet bħall-kontenut massimu permess ta’ alkoħol fid-demm għas-sewwieqa ta’ vetturi bil-mutur u dwar l-użu ta’ interlocks tal-alkoħol; evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġu proposti regoli għall-awditjar, l-ispezzjoni u r-rappurtar dwar il-kwalità tal-infrastruttura għall-pontijiet jew infrastruttura sensittiva oħra (2023); l-adattament tal-qafas legali tal-eCall għal teknoloġiji ġodda tat-telekomunikazzjoni; u estensjoni possibbli tal-eCall biex tkopri vetturi motorizzati b’żewġ roti, trakkijiet, karozzi tal-linja u tratturi agrikoli. F’Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar is-sikurezza fit-toroq li kien jinkludi reviżjoni ta’ xi wħud minn dawn l-inizjattivi. L-għan ġenerali ta’ dan il-pakkett huwa li jtejjeb is-sikurezza fit-toroq għall-utenti kollha tat-toroq, iħejji għal vetturi b’emissjonijiet żero u jilħaq il-viżjoni tal-UE li ma jkunx hemm imwiet fit-toroq tal-UE sal-2050. Miżuri aktar speċifiċi jinkludu l-infurzar aħjar tal-iskwalifiki tas-sewqan madwar l-UE, it-titjib tal-iskambju transfruntier tal-informazzjoni dwar ir-reati tat-traffiku u l-aġġornament tar-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan.

B. Il-kundizzjoni teknika tal-vetturi

Fl-2014, l-UE adottat pakkett ġdid ta’ miżuri leġiżlattivi, magħruf bħala l-“pakkett dwar l-affidabbiltà stradali”. It-tliet Direttivi li jikkostitwixxu l-pakkett dwar l-affidabbiltà stradali huma d-Direttiva 2014/45/UE dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali, id-Direttiva 2014/47/UE dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabbiltà stradali ta’ vetturi kummerċjali u d-Direttiva 2014/46/UE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi. Fl-2023, il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta reviżjoni tal-pakkett tal-affidabbiltà stradali. Il-vetturi fl-UE qed isiru aktar kumplessi minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi u regolatorji. Għalhekk, reviżjoni tal-pakkett se tiffoka fuq l-adattament tal-ispezzjonijiet tal-vetturi għal dawn l-iżviluppi u t-titjib tal-iskambju tad-data dwar l-affidabbiltà stradali tal-vetturi fil-livell tal-UE.

Rigward l-użu obbligatorju taċ-ċinturini tas-sigurtà fil-vetturi li jiżnu inqas minn 3.5 tunnellati, id-Direttiva 2003/20/KE tat-8 ta’ April 2003 stabbiliet l-użu obbligatorju tat-trażżin għat-tfal u ċ-ċinturini tas-sigurtà għall-okkupanti kollha bilqiegħda fil-karozzi tal-linja u l-kowċis li huma mgħammra bihom (ħlief għat-trasport lokali f’żoni urbani).

Id-Direttiva 92/6/KEE tal-10 ta’ Frar 1992 stabbiliet l-obbligu li jiġi installat apparat li jillimita l-veloċità f’vetturi li jiżnu ’l fuq minn 3.5 tunnellati. Id-Direttiva 2002/85/KE tal-5 ta’ Novembru 2002 estendiet l-obbligu li jintuża apparat li jillimita l-veloċità għall-vetturi kollha tal-merkanzija kif ukoll għall-vetturi tal-passiġġieri li jiżnu bejn 3.5 u 12-il tunnellata b’aktar minn tmien sedili (eskluż ix-xufier).

Rigward sistemi ta’ sikurezza attiva, ir-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq stabbilixxa wkoll ċerti rekwiżiti għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni frontali, f’każ ta’ ħabta ma’ quddiem ta’ vettura oħra. Dan stabbilixxa li t-teknoloġija li tista’ tgħin biex jiġu evitati ħabtiet ma’ ċiklisti u ma’ persuni mexjin fit-triq ma tkunx suġġetta għal dawn ir-rekwiżiti. Stabbilixxa wkoll l-installazzjoni ta’ sistema approvata ta’ assistenza fl-ibbrejkjar (Brake Assist System – BAS).

Fl-aħħar nett, is-sikurezza tal-utenti tat-toroq ittejbet bit-tnaqqis tal-partijiet mhux viżibbli (“blind spots”). Id-Direttiva 2003/97/KE tal-10 ta’ Novembru 2003 stabbiliet li l-vetturi ġodda tal-merkanzija fiċ-ċirkolazzjoni fl-UE kellu jkollhom mirja retroviżuri addizzjonali għall-“blind spots” (mirja b’angolu wiesa’, mirja għall-ittrakkar u oħrajn iħarsu ’l quddiem). Id-Direttiva 2007/38/KE tal-11 ta’ Lulju 2007 stabbiliet li l-flotta eżistenti kellha tkun ukoll mgħammra b’tali strumenti. Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jirrevoka d-Direttiva 2003/97/KE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2014 u bis-saħħa tiegħu l-vetturi rreġistrati barra l-UE jridu jkunu mgħammra bl-istess tipi ta’ mirja retroviżuri. Fl-2011, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar l-inċidenti kkawżati minn “blind spots” u f’Ġunju 2012 ippreżentat ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/38/KE, li enfasizza li l-inċidenti li jinvolvu vetturi tqal tal-merkanzija wasslu għal aktar minn 1 200 każ ta’ mewt fis-sena u li għalhekk kien neċessarju li jitkomplew l-isforzi maħsuba biex jimpedixxu inċidenti ta’ dan it-tip.

C. It-trasport ta’ merkanzija perikoluża

Id-Direttiva 94/55/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 estendiet ir-regoli stabbiliti mill-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) għall-qasam tat-traffiku nazzjonali. Ġiet imħassra bid-Direttiva 2008/68/KE tal-24 ta’ Settembru 2008, li stabbiliet sistema komuni għall-aspetti kollha tat-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi fl-UE, mhux biss bit-triq, iżda wkoll bil-ferrovija u permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/45/UE tat-3 ta’ Diċembru 2012 allinjat dan mal-aħħar verżjoni tal-ADR, li jiġi aġġornat kull sentejn. Dan l-aħħar l-ADR ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/1485/UE.

D. Sistemi ta’ trasport intelliġenti (STI) u l-inizjattiva eSafety

Fis-16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni nediet pjan ta’ azzjoni għall-użu ta’ STI fil-qasam tat-trasport bit-triq. Dan il-pjan ta’ azzjoni kien ibbażat fuq serje ta’ inizjattivi (pereżempju l-inizjattiva eSafety, li tnediet fl-2006) u stabbilixxa azzjonijiet prijoritarji. Bl-istess mod, id-Direttiva 2010/40/UE tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-STI fit-trasport bit-triq għandha l-għan li tiżgura l-varar ikkoordinat u koerenti tas-servizzi ta’ STI interoperabbli fl-UE. L-STI jinkludu, pereżempju, tagħmir ta’ aġġustament awtomatiku tal-veloċità, mekkaniżmi li jassistu lis-sewwieq biex iżomm mal-karreġġjata, apparat li jwissi lis-sewwieq dwar possibbiltà ta’ ħabta u sistemi awtomatiċi ta’ sejħiet ta’ emerġenza f’każ ta’ inċident. Il-Forum dwar is-Sikurezza Elettronika (eSafety), li nħoloq mill-Kummissjoni fl-2003 u li mill-2011 beda jissejjaħ iMobility, huwa pjattaforma konġunta għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti fis-sikurezza fit-toroq intiża biex tħeġġeġ u timmonitorja l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza elettronika u biex tappoġġa l-varar u l-użu tas-sistemi ta’ sikurezza tal-karozzi. F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 2010/40/UE bil-għan li tħaffef u tikkoordina l-varar tas-STI biex tittejjeb, fost ħwejjeġ oħra, is-sikurezza fit-toroq billi jiġi żgurat varar aktar koerenti tas-STI fl-UE kollha. F’Novembru 2022 ittieħdet deċiżjoni tal-kumitat biex jinbdew negozjati interistituzzjonali.

Wara d-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli madwar l-UE kollha, l-Istati Membri kellhom l-obbligu li sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2017 jistabbilixxu ċentri li jirċievu t-telefonati ta’ emerġenza (PSAP) meħtieġa biex l-eCalls ikunu jistgħu jiġu ttrattati. eCall hija sistema li awtomatikament iċċempel 112 f’każ li vettura tkun involuta f’inċident serju. Il-Kummissjoni adottat id-Direttiva Delegata (UE) 2021/1716 f’Ġunju 2021 biex perjodikament tispezzjona s-sistema tal-eCall f’ċerti vetturi.

Il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta regolament delegat biex tadatta r-rekwiżiti għaċ-ċentri tat-telefonati ta’ emerġenza biex jirċievu u jipproċessaw l-eCalls fuq in-networks 4G/5G.

F’Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni intitolata “Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM(2016)0766). Il-Kumitat tal-Parlament għat-Trasport u t-Turiżmu (il-Kumitat TRAN) wieġeb billi fassal rapport fuq inizjattiva proprja dwar it-tema, li ġie adottat fis-sessjoni plenarja tat-13 ta’ Marzu 2018. F’Marzu 2019, il-Kummissjoni ppreżentat regolament delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE (C(2019)1789). Il-Parlament ma kienx kontra r-regolament iżda l-Kunsill kien kontra, u fl-aħħar mill-aħħar l-att delegat ġiet rifjutat. Il-proċedura ta’ kodeċiżjoni issa tlestiet.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat strateġija intitolata “Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur”. Peress li t-teknoloġija qed tiżviluppa malajr, l-UE qed tipprova tiżgura regoli komuni. Bl-awtomatizzazzjoni u bil-konnettività dejjem akbar, li jagħmlu possibbli li l-vetturi “jkellmu” lil xulxix, il-mobbiltà qiegħda taqsam fruntiera – diġitali – ġdida. Il-mobbiltà awtomatizzata għandha l-potenzjal li tagħmel it-trasport aktar sikur, aktar aċċessibbli u sostenibbli. Madankollu, jeħtieġ li tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ miżuri ta’ sikurezza.

Ir-Regolament (UE) 2019/2144 (“ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Vetturi”) jistabbilixxi qafas regolatorju għal sistemi avvanzati obbligatorji ta’ assistenza għas-sewwieqa biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u jinħoloq qafas legali għall-aċċettazzjoni ta’ vetturi kompletament awtomatizzati u mingħajr sewwieq. Dan jistabbilixxi regoli ġenerali u tekniċi dwar is-sikurezza (bħar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà) li jeħtieġ li jiġu segwiti qabel ma dawn it-tipi ta’ vetturi jkunu permessi fis-suq tal-UE.

E. Is-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq

Id-Direttiva 2004/54/KE tad-29 ta’ April 2004 stabbiliet il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini tan-Network Trans-Ewropew tat-Toroq. Id-Direttiva tistipula li l-mini kollha itwal minn 500 metru, kemm jekk diġà jkunu operattivi, kemm jekk ikunu fil-fażi tal-kostruzzjoni u kemm jekk ikunu għadhom qed jiġu ddisinjati, għandhom ikunu suġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ sikurezza armonizzati. Fid-dawl tal-aktar inċidenti frekwenti, bħal nirien, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-aspetti organizzattivi, strutturali, tekniċi u operazzjonali tal-operat ta’ dawk il-mini. Id-Direttiva 2008/96/KE tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq timmira li tiżgura li s-sikurezza fit-toroq tiġi kkunsidrata, permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt, fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni, operazzjoni jew modifika sostanzjali tat-toroq. Għal dan il-għan, id-direttiva stabbiliet verifiki sistematiċi tas-sikurezza għall-proġetti ta’ infrastruttura. Stabbiliet ukoll dispożizzjonijiet għall-ispezzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq fl-operazzjoni u għall-identifikazzjoni ta’ sezzjonijiet ta’ toroq b’konċentrazzjoni għolja ta’ inċidenti. Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha (COM(2018)0274) biex temenda d-direttiva bil-għan li jitnaqqsu l-fatalitajiet u l-korrimenti serji fit-toroq fin-networks tat-toroq tal-UE billi tittejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq. Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f’April 2019 u l-Kunsill adotta l-att f’Ottubru 2019. L-att finali ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fis-26 ta’ Novembru 2019 (id-Direttiva (UE) 2019/1936).

F’Jannar 2023, il-Kummissjoni stabbiliet linji gwida dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq. Dawn il-linji gwida mhumiex vinkolanti iżda jappoġġaw lill-Istati Membri fit-twettiq tal-valutazzjonijiet kif meħtieġ skont id-Direttiva (UE) 2019/1936.

F. L-istatistika u l-prevenzjoni tal-inċidenti minħabba l-effett tal-alkoħol fis-sewqan

Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/704/KE, inħolqot il-bażi tad-data CARE dwar l-inċidenti stradali li jirriżultaw f’mewt jew f’korriment, bil-għan li tiġbor data bbażata fuq statistika nazzjonali u li xxerred tali data permezz tal-Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza tat-Triq. Bħala parti mill-politika tal-UE intiża biex ittejjeb l-imġiba fis-sewqan, il-Kummissjoni tirrekjedi li l-Istati Membri jwettqu sistema ta’ testijiet każwali bl-analiżi tan-nifs u imponiet il-konformità ma’ livelli massimi ta’ alkoħol fid-demm. Il-persuni ssuspettati li jkunu qed isuqu fis-sakra huma suġġetti għal testijiet każwali ta’ alkoħol fin-nifs (ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 2001/115 tas-17 ta’ Jannar 2001 u 2004/345/KE tas-17 ta’ April 2004). Bl-għan li ssaħħaħ is-sikurezza fit-toroq, il-Kummissjoni introduċiet kodiċi armonizzat li jirregola t-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol, li diversi Stati Membri adottawh (ara d-Direttiva (UE) 2015/653 tal-24 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan).

Fl-2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda d-Direttiva (UE) 2022/2561 u r-Regolament (UE) 2018/1724 u tħassar id-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan bl-objettiv ewlieni li ttejjeb is-sikurezza fit-toroq. L-aktar miżuri importanti tal-proposta jinkludu perjodu ta’ prova ta’ mill-inqas sentejn għas-sewwieqa ġodda u regola ta’ tolleranza żero dwar is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, li ż-żgħażagħ ikunu permessi joqogħdu għat-test tas-sewqan tagħhom mill-età ta’ 17-il sena sabiex is-sewwieqa jitħejjew aħjar għall-preżenza ta’ utenti vulnerabbli tat-triq matul it-taħriġ u l-ittestjar, u evalwazzjoni aktar immirata tal-istat mediku tas-sewwieqa.

G. Ir-repressjoni transfruntiera ta’ reati kontra s-sikurezza fit-toroq

Id-Direttiva (UE) 2015/413 tal-11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE (Titolu VI “It-Trasport”). Din id-Direttiva tissostitwixxi d-Direttiva 2011/82/UE (imħassra mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Mejju 2014). L-għan jibqa’ l-istess: jintemm l-anonimat tas-sewwieqa mhux residenti u jittellgħu quddiem il-ġustizzja r-reati tat-traffiku kommessi fi Stat Membru ieħor barra minn dak fejn il-vettura inkwistjoni tkun ġiet reġistrata. L-Istati Membri jistgħu jkollhom aċċess għad-data nazzjonali ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ta’ xulxin permezz ta’ proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali. Fil-prattika, ikun f’idejn l-Istat Membru fejn ikun ġie kommess ir-reat li jiddeċiedi jibdiex proċedimenti jew le. B’hekk, l-awtur preżunt ta’ reat ikun jista’, permezz ta’ ittra standard li jkun fiha d-dettalji tar-reat, jiġi infurmat bl-ammont tal-multa li jkun irid iħallas, bil-proċeduri tal-ħlas, kif ukoll bir-rimedji. Filwaqt li d-data personali hija mħarsa, id-Direttiva tiżgura li s-sewwieqa mhux residenti jkunu penalizzati b’mod konsistenti għal reati serji fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq.

Id-Direttiva 2006/22/KE tistabbilixxi qafas għal sistema nazzjonali ta’ klassifikazzjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/695 biex tiżgura li l-Istati Membri jużaw formula komuni meta jkunu qed jikkalkulaw il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tat-trasport bit-triq tal-UE.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/403 jispjega ksur serju li jwassal biex l-operaturi tat-trasport bit-triq jitilfu r-reputazzjoni tajba tagħhom. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/694 f’Mejju 2022 biex tiżgura li l-Istati Membri jivvalutaw dan il-ksur b’mod armonizzat.

F’Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat reviżjonitad-Direttiva (UE) 2015/413 dwar l-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni sabiex tindirizza n-nuqqasijiet tad-Direttiva. Ir-reviżjoni tiffoka fuq li l-awtoritajiet tal-infurzar ikunu permessi jirċievu aċċess għar-reġistri nazzjonali tal-liċenzji tas-sewqan, u li jissaħħaħ ir-rwol tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali stabbiliti biex tittejjeb il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar meta jkunu qed jinvestigaw lit-trasgressuri. Barra minn hekk, din tagħti dettalji dwar aktar reati tat-traffiku, inkluż il-qbiż perikoluż ta’ vetturi oħra u n-nuqqas ta’ żamma ta’ distanza suffiċjenti bejn il-vetturi.

F’Marzu 2023 ukoll, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva ġdida dwar l-iskwalifiki tas-sewqan, li tistabbilixxi qafas li jippermetti l-iskwalifika tas-sewqan fl-UE kollha f’każijiet fejn Stat Membru jkun ipprojbixxa sewwieq minħabba reat tat-traffiku mwettaq fit-territorju tiegħu. Skont ir-regoli attwali, din mhijiex infurzabbli fl-UE kollha.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament adotta bosta riżoluzzjonijiet li jenfasizzaw l-importanza tas-sikurezza fit-toroq.Meta laqa’ t-tielet programm ta’ azzjoni tal-Kummissjoni (2003-2010) fl-2005, diġà kien qed jappella biex jiġi żviluppat pjan fuq terminu twil lil hinn mill-2010 li jistabbilixxi miżuri maħsuba biex jipprevjenu l-imwiet kollha fit-toroq (“Viżjoni Żero”). Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq fil-livell Ewropew għall-perjodu 2011-2020, il-Parlament talab mill-ġdid lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira fit-tul biex jiġu prevenuti l-każijiet kollha ta’ mwiet fit-toroq, iżda rabat dan il-għan mal-użu sistematiku tat-teknoloġija fil-vetturi u l-iżvilupp ta’ networks ta’ STI ta’ kwalità tajba. Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar l-aħjar prattiki fl-Istati Membri rigward l-effetti tal-apparat li jillimita l-veloċità u wera tħassib dwar is-sikurezza tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport. Il-Parlament talab ukoll definizzjoni uniformi tal-kunċetti tas-sikurezza fit-toroq biex b’hekk titjieb ir-riċerka dwar l-inċidenti u tkun żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati. Id-dokument ta’ ħidma dwar il-vittmi ta’ korrimenti serji fit-toroq, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu 2013, irrisponda biss parzjalment għat-talba tal-Parlament biex tiġi estiża l-portata tal-istrateġija fil-qasam tal-inċidenti stradali. Dan id-dokument stabbilixxa l-objettiv li l-għadd totali ta’ vittmi ta’ korrimenti serji jitnaqqas fil-livell tal-UE (għall-perjodu 2015-2020) u indika li sistema operattiva għad-definizzjoni tal-korrimenti serji fl-UE kollha kienet ilha teżisti sa mill-2012. Il-Kumitat TRAN, flimkien mal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, ressaq rapport fuq inizjattiva proprja bit-titolu “Insalvaw il-ħajjiet: Insaħħu s-sikurezza tal-karozzi fl-UE”, li wara ġie adottat bħala riżoluzzjoni tal-Parlament fl-14 ta’ Novembru 2017. Kien ibbażat fuq ir-rapport tal-Kummissjoni (COM(2016)0787).

Fil-11 ta’ Marzu 2014, il-Parlament adotta pożizzjoni fl-ewwel qari dwar l-istandards minimi komuni għal testijiet perjodiċi ta’ affidabbiltà għall-vetturi, id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi u l-ispezzjoni teknika waqt it-traġitt tal-vetturi kummerċjali. It-test finali (id-Direttiva 2014/45/UE) għen biex ittejbu s-sikurezza fit-toroq u r-rikonoxximent transfruntier taċ-ċertifikati validi tal-affidabbiltà stradali. Fis-27 ta’ Frar 2017, il-Kumitat TRAN skrutinizza lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u l-affidabbiltà stradali tal-vetturi bil-mutur; Fis-27 ta’ Frar 2017, iddiskuta r-rapport tal-Kummissjoni (COM(2017)0099) dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/30/KE dwar l-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq biex jiġi stabbilit jekk il-vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-UE humiex tajba għat-triq (perjodu ta’ rapportar 2013-2014). Id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat TRAN iffukaw fuq il-frodi takografiċi u l-manipulazzjoni taċ-ċifri tal-odometri peress li dan jirrappreżenta riskju enormi għas-sikurezza u d-drittijiet tal-konsumatur. Il-Kummissjoni indikat li qed tevalwa l-għażliet għar-reġistrazzjoni tal-odometri, il-liġi kriminali u l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni. Sadanittant, fil-31 ta’ Mejju 2018, il-Parlament adotta rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja bit-titolu “Odometer manipulation in motor vehicles: revision of the EU legal framework” (It-tbagħbis tal-odometri f’vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE). Id-dipartiment tematiku rilevanti tal-Parlament ikkummissjona wkoll studju dwar l-istess tema bit-titolu “Odometer tampering: measures to prevent it” (It-tbagħbis tal-odometri: miżuri għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni), li ġie ppubblikat f’Novembru 2017. Bħala parti mill-aġenda leġiżlattiva tagħha “L-Ewropa Attiva”, il-Kummissjoni qiegħda timmira li temenda r-Regolament (UE) Nru 165/2014 permezz tal-proposta tal-31 ta’ Mejju 2017 (COM(2017)0277) għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi. Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f’April 2019 u l-Kunsill qabel magħha fit-tieni qari f’Lulju 2020 (ir-Regolament (UE) 2020/1054).

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2018 dwar Strateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta’ Trasport Intelliġenti, il-Parlament laqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett. Madankollu, huwa ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tippreżenta skeda ta’ żmien speċifika b’miri ċari għall-2019-2029. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu inkorporati sistemi ta’ salvagwardja matul il-fażi ta’ tranżizzjoni tal-koeżistenza bejn vetturi konnessi u awtomatizzati u vetturi tradizzjonali mhux konnessi. Ir-riżoluzzjoni fiha wkoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll dwar iċ-ċibersigurtà.

F’riżoluzzjoni adottata fil-15 ta’ Jannar 2019 dwar is-sewqan awtonomu fit-trasport Ewropew, il-Parlament ipprovda rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-vetturi konnessi u awtomatizzati. Huwa ssottolinja, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal oqfsa regolatorji xierqa, li jiżguraw operazzjoni sikura u jipprevedu reġim ċar li jirregola r-responsabbiltà.

L-abbozz ta’ rapport tal-Kumitat TRAN bit-titolu “Qafas ta’ Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn “Viżjoni Żero” ġie ppubblikat f’Marzu 2021 u adottat mill-Parlament fis-6 ta’ Ottubru 2021 bħala riżoluzzjoni fis-6 ta’ Ottubru 2021.

F’April 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-aspetti tas-sikurezza fit-toroq tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali. Il-Parlament jinnota li l-pakkett għen biex titjieb il-kwalità tal-ispezzjonijiet tekniċi perjodiċi, il-livell ta’ kwalifiki tal-ispetturi, u l-koordinazzjoni u l-istandards tal-Istati Membri relatati mal-ispezzjoni mal-ġenb tat-triq tal-vetturi sabiex tissaħħaħ is-sikurezza fit-toroq. Min-naħa l-oħra, il-Membri tal-PE jiddispjaċihom dwar il-fatt li l-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali fih xi dispożizzjonijiet mhux obbligatorji, u jenfasizzaw li hija meħtieġa reviżjoni biex jingħelbu n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri.

 

Davide Pernice / Ariane Debyser