Il-Finanzjament tan-Networks Trans-Ewropej

In-Networks Trans-Ewropej (TENs) huma parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u parzjalment iffinanzjati mill-Istati Membri. L-għajnuna finanzjarja mill-UE sservi ta' katalizzatur, peress li l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-finanzjament. Il-finanzjament tat-TENs jista' jiġi kkomplementat ukoll permezz tal-Fondi Strutturali, għajnuna mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew kontribuzzjonijiet mis-settur privat. Fl-2013, bis-saħħa tal-istabbiliment tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ġiet introdotta riforma kbira fit-TENs.

Il-bażi ġuridika

It-Titolu XVI tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li l-Artikolu 171 tiegħu jistipula li tista' tingħata għajnuna tal-UE għal proġetti ta' interess komuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-linji gwida.

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010.

L-objettivi

Il-kontribut għall-istabbiliment ta' Networks Trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni, permezz ta' appoġġ immirat tal-UE (3.5.1).

Il-kisbiet

A. Id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-finanzjament tal-proġetti

B'mod ġenerali, il-finanzjament tal-UE serva ta' katalizzatur għall-proġetti. L-Istati Membri jridu jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-finanzjament, ħlief fil-każ tal-għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni, fejn l-UE tradizzjonalment ikkontribwiet b'mod aktar sostanzjali.

L-ewwel prinċipji li jirregolaw il-finanzjament ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta' Settembru 1995, li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks trans-Ewropej.

1. L-għajnuna tal-UE għall-proġetti ħadet forma waħda, jew aktar, minn dawn li ġejjin:

  • kofinanzjament ta' studji relatati ma' proġetti u miżuri oħra ta' assistenza teknika (b'mod ġenerali ta' mhux aktar minn 50 % tal-kost totali);
  • kontribuzzjonijiet għal tariffi rigward garanziji ta' self mill-Fond Ewropew tal-Investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
  • sussidji tal-interessi għal self mogħti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew minn korpi finanzjarji pubbliċi jew privati oħrajn;
  • għotjiet diretti għal investimenti f'każijiet iġġustifikati debitament.

2. Il-kriterji tal-proġett li ġejjin ġew stabbiliti progressivament:

  • l-għajnuna tal-UE għan-networks tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija ma jistgħux jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn in-negozji fis-settur ikkonċernat;
  • il-proġetti jridu jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tan-networks;
  • il-proġetti jridu jkunu ekonomikament vijabbli;
  • il-maturità tal-proġett, u l-effett ta' stimolu ta' intervent tal-UE;
  • l-effetti diretti jew indiretti fuq l-ambjent u l-impjiegi, inkluż, b'mod progressiv, l-analiżi dejjem aktar kompluta tal-ispejjeż u l-benefiċċji (CBAs), l-analiżi tal-impatt ambjentali (AIAs), eċċ.;
  • il-koordinazzjoni tal-iskedar taż-żmien tal-partijiet differenti tal-proġett, pereżempju fil-każ ta' proġetti transfruntiera.

Il-proġetti ffinanzjati kellhom jikkonformaw mad-dritt tal-UE u mal-politiki tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, il-kompetizzjoni u l-għoti ta' kuntratti pubbliċi. Regolamenti suċċessivi li jistabbilixxu r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-UE introduċew sensiela ta' elementi ġodda, fosthom dawn li ġejjin:

  • programmi pluriennali u annwali fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-UE għall-proġetti magħżula;
  • l-għajnuna tal-UE għall-istudji kienet limitata għal 50 %, irrispettivament mill-proġett, u l-għajnuna għal proġetti ta' prijorità fil-qasam tat-trasport kienet limitata għal bejn 10 % u 30 % (b'massimu ta' 30 % għas-sezzjonijiet transfruntiera ta' proġetti ta' prijorità);
  • il-kapital ta' riskju kien inkluż u interkonness bħala parti mill-għajnuna finanzjarja tal-UE;
  • il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2007-2013 alloka EUR 8,168 miljun għat-TENs, li EUR 8,013-il miljun minnhom marru għat-trasport (TEN-T) u EUR 155 miljun għall-enerġija (TEN-E).

B. Possibilitajiet ta' finanzjament addizzjonali

1. Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tal-UE

Fil-perjodu 2000-2006, dawn il-fondi kkontribwew madwar EUR 26 biljun għal proġetti TEN – b'mod partikolari permezz tal-Fond ta' Koeżjoni fil-Greċja, l-Irlanda (sal-2003), il-Portugall u Spanja u l-Istati Membri tal-UE-10. Dawn tal-aħħar ġew allokati EUR 2.48 biljun f'għajnuna ta' qabel l-adeżjoni, kif ukoll EUR 4.24 biljun mill-Fond ta' Koeżjoni u EUR 2.53 biljun minn fondi strutturali oħra. Minn dan il-finanzjament aggregat ta' qabel l-adeżjoni u ta' koeżjoni, madwar 50 %, jew EUR 3.9 biljun, kienu allokati għall-proġetti TEN-T.

2. L-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Peress li s-self mill-BEI jingħata abbażi ta' kriterji bankarji, li jinkludu l-fattibbiltà finanzjarja (kapaċità ta' ħlas lura), teknika u ambjentali tal-proġett, ma tiġi applikata l-ebda restrizzjoni territorjali. Pereżempju, bejn l-1995 u l-2005, il-BEI ta self għal proġetti TEN li jammonta għal madwar EUR 65 biljun.

C. Il-qafas finanzjarju 2007-2013

Għall-perjodu finanzjarju 2007–2013, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament, inizjalment ipproponiet EUR 20.35 biljun għan-Network trans-Ewropew tat-trasport u EUR 0.34 biljun għan-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija. Madankollu, il-Kunsill insista fuq tnaqqis drastiku, u finalment il-qafas finanzjarju TEN ipprovda EUR 8.01 biljun fil-qasam tat-trasport u EUR 0.16-il biljun fil-qasam tal-enerġija (jiġifieri 40 % biss tal-ammont propost oriġinarjament għall-qasam tat-trasport u 45 % tal-ammont propost għall-enerġija). Minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi, ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 stipula li, sabiex jikkomplementaw is-sorsi nazzjonali (pubbliċi jew privati) ta' finanzjament, ir-riżorsi tal-UE kellhom jiġu ffokati fuq ċerti kategoriji ta' proġetti bl-akbar valur miżjud għan-networks b'mod globali (bħas-sezzjonijiet transfruntiera u l-proġetti mmirati lejn it-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni). Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni għat-TEN-T mill-programmi operazzjonali tal-politika ta' koeżjoni ġenerali adottata mill-Kummissjoni kienet ta' EUR 43 biljun.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Minn Diċembru 2013, daħlet fis-seħħ politika tal-infrastruttura tat-TEN ġdida fl-UE, b'baġit ta' aktar minn EUR 30.4 biljun għall-perjodu sal-2020: il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għandha l-għan li tikseb sinerġiji fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija, biex b'hekk tittejjeb l-effettività tal-azzjoni tal-UE u jingħata lok biex jiġu ottimizzati l-kostijiet tal-implimentazzjoni. Din għandha l-għan li taċċellera l-investiment fil-qasam tan-networks trans-Ewropej u tingrana finanzjament kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, filwaqt li żżid iċ-ċertezza tad-dritt u tirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

A. L-objettivi ġenerali

Il-FNE għandha l-għan li:

  • tappoġġa l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni li jfittxu li jiżviluppaw u jibnu infrastruttura u servizzi ġodda, jew li jtejbu l-infrastruttura u s-servizzi eżistenti, fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija;
  • tgħin biex jiġu appoġġati proġetti b'valur miżjud Ewropew u benefiċċji soċjetali sinifikanti li ma jirċevux finanzjament adegwat mis-suq;
  • tikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020 billi tiżviluppa networks trans-Ewropej li jieħdu kont tal-flussi tat-traffiku mistennija fil-futur u toħloq ambjent li jiffaċilita aktar l-investiment privat, pubbliku jew dak pubbliku-privat;
  • tippermetti lill-UE tikseb il-miri tagħha ta' żvilupp sostenibbli, biex b'hekk tikkontribwixxi għall-objettivi ta' dekarbonizzazzjoni tagħha fuq perjodu ta' żmien medju u twil.

1. Fis-settur tat-trasport, l-appoġġ se jkun limitat għal proġetti ta' interess komuni mmirati lejn:

  • it-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni, il-bini tal-konnessjonijiet nieqsa u, b'mod partikolari, it-titjib tas-sezzjonijiet transfruntiera;
  • l-iżgurar ta' sistemi tat-trasport sostenibbli u effiċjenti fuq perjodu ta' żmien twil, bil-għan li ssir tħejjija għall-flussi tat-trasport mistennija fil-futur, kif ukoll sabiex jingħata lok ħalli l-mezzi kollha tat-trasport jiġu dekarbonizzati; u
  • l-ottimizzazzjoni tal-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tal-mezzi tat-trasport u t-tisħiħ tal-interoperabbiltà tas-servizzi tat-trasport, filwaqt li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi tat-trasport.

2. Fis-settur tal-enerġija, l-appoġġ se jkollu l-għan li:

  • jagħti spinta lill-kompetittività permezz tat-trawwim tal-integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern tal-enerġija u l-interoperabbiltà tan-networks tal-elettriku u tal-gass bejn il-fruntieri;
  • issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE; u
  • jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fin-network ta' trażmissjoni u l-iżvilupp ta' networks intelliġenti tal-enerġija u networks tad-diossidu tal-karbonju.

3. Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, il-FNE se tappoġġa:

  • servizzi ġeneriċi, pjattaformi ta' servizzi ewlenija u azzjonijiet ta' appoġġ għall-programmi li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' għotjiet u/jew akkwist;
  • azzjonijiet fil-qasam tan-networks tal-broadband li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' strumenti finanzjarji;

B. Il-baġit tal-FNE 2014–2020

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-FNE għall-perjodu 2014-2020 inizjalment kien stabbilit għal aktar minn EUR 33.2 biljun. Madankollu, fl-2015 dan l-ammont inizjali tnaqqas għal EUR 30.4 biljun b'riżultat tat-trasferiment ta' EUR 2.8 biljun għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) li kien għadu kif inħoloq. Il-baġit tal-FNE hu mqassam kif ġej:

  • is-settur tat-trasport: EUR 24.05 biljun, li minnhom EUR 11.3-il biljun ġew ittrasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni sabiex jintefqu, f'konformità mar-Regolament dwar il-FNE, esklużivament f'dawk l-Istati Membri eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni;
  • is-settur tat-telekomunikazzjoni: EUR 1.04 biljun;
  • is-settur tal-enerġija: EUR 5.35 biljun.

Bejn 80 % u 85 % tal-baġit ġenerali tal-FNE jiġi allokat għal proġetti bbażati fuq programmi pluriennali (fil-kurituri tan-network ewlieni u li jikkorrispondu għall-prijoritajiet orizzontali), filwaqt li bejn 15 % u 20 % se jintużaw biex jintlaħqu l-objettivi tal-programmi annwali (jiġifieri ta' natura b'terminu iqsar, bil-possibbiltà li jiġu aġġustati fuq bażi annwali).

Il-maġġoranza tal-proġetti jiġu kofinanzjati mill-FNE permezz ta' għotjiet allokati b'segwitu għal sejħiet għal proposti kompetittivi. Fl-istess ħin, mhux iktar minn 8.4 % tal-baġit totali tal-FNE jista' jintuża għall-proġetti kofinanzjati permezz ta' strumenti finanzjarji innovattivi bħal garanziji u bonds tal-proġetti (l-istrument tad-dejn tal-FNE). B'mod ġenerali, l-istrumenti finanzjarji użati fl-ambitu tal-FNE jridu jindirizzaw ħtiġijiet tas-suq speċifiċi fir-rigward ta' azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew ċar, u ma għandhomx jeskludu l-finanzjament privat. Huma jridu jtejbu l-effett ta' ingranaġġ tal-infiq tal-baġit tal-UE u jiksbu effett multiplikatur ogħla biex jiġi attirat finanzjament mis-settur privat.

Fis-settur tat-trasport, il-biċċa l-kbira tal-baġit tal-FNE, jiġifieri EUR 22.5 biljun, għandu jitqassam lill-promoturi tal-proġetti permezz ta' għotjiet.

C. Il-Baġit għall-FNE 2021–2027

Fil-qafas tal-baġit tal-UE għall-2021-2027, fis-6 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni pproponiet li l-programm FNE jiġi estiż lil hinn mill-2020 bil-għan ġenerali li jiġi appoġġat l-investiment fin-networks Ewropej tal-infrastruttura fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni (COM(2018)0438). Il-baġit totali propost għall-FNE jammonta għal EUR 42.3 biljun (fi prezzijiet attwali) u speċifikament jalloka EUR 30.6 biljun għat-trasport, EUR 8.65 biljun għall-enerġija u EUR 3 biljun għan-networks diġitali. Is-sinerġiji bejn it-tliet setturi u l-kooperazzjoni transfruntiera msaħħa fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli huma fost l-oqsma ewlenin li għandhom jiġu mmirati mill-FNE ta' wara l-2020 biex jiġu aċċellerati d-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiddedika 60 % tal-baġit totali tal-FNE għal objettivi klimatiċi.

Fit-trasport, il-FNE għandha l-għan li taċċellera l-ikkompletar taż-żewġ saffi tat-TEN-T, il-varar tas-sistemi Ewropej ta' ġestjoni tat-traffiku, bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-proġett tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), u li tappoġġa t-tranżizzjoni lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, inklużiva, sikura u sigura, billi tintroduċi network Ewropew ta' infrastruttura tal-iċċarġjar għal fjuwils alternattivi. Il-proposta tipprevedi li l-FNE l-ġdida tappoġġa wkoll l-infrastruttura tat-trasport b'użu doppju ċivili/militari biex tadatta n-networks tat-trasport tal-Ewropa għar-rekwiżiti militari u ttejjeb il-mobbiltà militari fl-UE.

B'rispons għall-pandemija tal-COVID-19, fis-27 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta aġġustata tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) (COM(2020)0442). Madankollu, il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew f'Lulju 2020 wasslet għal tnaqqis fil-finanzjament propost għall-baġit tat-trasport tal-FNE (EUCO 22/20). Il-Parlament Ewropew, fis-16 ta' Diċembru 2020, ta l-kunsens tiegħu għar-regolament dwar il-QFP 2021-2027.

F'Marzu 2021, in-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament laħqu ftehim proviżorju, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lulju 2020, biex jaqsmu l-finanzjament kif ġej:

  • is-settur tat-trasport: EUR 25.81 biljun, inklużi EUR 11.29-il biljun għall-pajjiżi li jibbenefikaw mill-Fond ta' Koeżjoni;
  • is-settur tal-enerġija: EUR 5.84 biljun;
  • is-settur diġitali: EUR 2.06 biljun.

Fil-qasam tat-trasport, il-FNE 2.0 se tippromwovi networks interkonnessi u multimodali għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji, tat-toroq, tal-passaġġi fuq l-ilma interni u dik marittima, kif ukoll mobbiltà sikura u sigura. Se tingħata prijorità lill-iżvilupp ulterjuri tan-networks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T), b'enfasi fuq konnessjonijiet nieqsa u proġetti transfruntiera b'valur miżjud tal-UE. EUR 1.56 biljun mill-baġit tat-trasport se jiffinanzjaw proġetti ferrovjarji ewlenin bejn il-pajjiżi tal-Fond ta' Koeżjoni.

Il-ftehim għandu jiġi approvat formalment kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Bħala appoġġ għat-TENs, il-Parlament talab b'mod konsistenti li aktar mezzi tat-trasport favur l-ambjent jingħataw prijorità f'termini ta' finanzjament, u għalhekk alloka aktar minn 50 % tal-finanzjament għall-infrastruttura lill-proġetti ferrovjarji (inkluż it-trasport kombinat) u stabbilixxa limitu massimu ta' 25 % għall-proġetti tat-toroq. Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza b'mod konsistenti l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-proġetti ffinanzjati permezz ta' kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE, mill-BEI, mill-Fond ta' Koeżjoni, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew minn strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE.

Wara li l-Kunsill, fi tmiem l-2005, qabel li jnaqqas b'mod sostanzjali l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, il-Parlament waqt negozjati sussegwenti dwar l-aspetti finanzjarji tal-proposta talab li l-ammont allokat għat-TENs jiżdied. Fil-ftehim finali mal-Kunsill, il-Parlament kiseb żieda ta' EUR 500 miljun, kif ukoll finanzjament supplimentari mill-BEI, għall-bini tat-TENs.

Fis-7 ta' Ġunju 2011, bħala parti mir-rieżami tar-regoli tat-tassazzjoni tat-trasport bit-triq (id-Direttiva "Eurovignette"), il-Parlament approva l-kompromess mal-Kunsill li jipprevedi li mill-inqas 15 % tad-dħul mit-tariffi għall-kosti esterni u t-tariffa għall-infrastruttura ta' kull Stat Membru jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti TEN-T sabiex tittejjeb is-sostenibbiltà tat-trasport. Dan il-perċentwal huwa mistenni jiżdied b'mod gradwali maż-żmien.

Bl-involviment tiegħu fit-tfassil tar-Regolament tal-FNE (sforz kollaborattiv minn tliet rapporteurs, żewġ kumitati parlamentari u l-gruppi politiċi kollha), il-Parlament ħa rwol importanti fl-iżgurar ta' ammont kbir ta' fondi mill-UE għat-TENs għall-perjodu 2014-2020.

Fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-baġits annwali tal-UE, il-Parlament ħa ħsieb l-approprjazzjonijiet allokati kemm lill-FNE kif ukoll lil Orizzont 2020. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2016, il-Parlament laqa' l-mobilizzazzjoni tal-Marġini Globali għall-Impenji biex jiġu ffinanzjati parzjalment it-EUR 8 biljun tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS, minflok ma dan jiddependi biss fuq it-tnaqqis tal-FNE u ta' Orizzont 2020. Madankollu, il-Parlament fakkar fl-għan aħħari tiegħu li jimminimizza, kemm jista' jkun, l-impatt fuq iż-żewġ programmi. Għaldaqstant, huwa insista fuq it-tpaċija ulterjuri tat-tnaqqis ta' Orizzont 2020 u tal-FNE sabiex dawk il-programmi jkunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ l-objettivi tagħhom.

Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2017, il-Parlament tenna l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-programm Orizzont 2020 u l-FNE permezz tal-proċedura baġitarja annwali, sabiex jikkumpensa kemm jista' jkun għat-tnaqqis tal-FNE maqbul waqt in-negozjati dwar il-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Bi tweġiba għall-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-FNE wara l-2020, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) u dak għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) ħejjew abbozz ta' rapport konġunt. It-tliet rapporteurs qablu li l-proposta tal-Kummissjoni kienet nieqsa mill-ambizzjoni f'termini tal-allokazzjoni tal-FNE għat-trasport u enfasizzaw il-ħtiġijiet ta' investiment tas-settur, minbarra l-benefiċċji li l-konnettività mtejba tista' twassal għall-UE. Fost punti oħrajn, huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati aktar ir-regoli dwar il-FNE u l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi fondi tal-UE li jappoġġaw proġetti fis-settur tat-trasport, fis-settur tal-enerġija u fis-settur diġitali. Ir-rapporteurs ġibdu l-attenzjoni għall-ħtieġa li jissaħħaħ l-iskrutinju parlamentari tal-prijoritajiet tal-FNE u li jittejjeb il-mod ta' kif din tiġi mmonitorjata.

F'Novembru 2018 iż-żewġ kumitati adottaw ir-rapport konġunt li inkluda żieda ta' madwar 10 % fil-baġit allokat lil proġetti tat-trasport. Il-Parlament adotta d-deċiżjoni fl-ewwel qari f'April 2019 u l-proċess ta' kodeċiżjoni għadu għaddej (2018/0228(COD)).

Fi Frar 2019, il-Parlament approva r-rapport leġiżlattiv dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-miżuri tat-TEN-T 2018/0138(COD)), li fih orjentazzjonijiet dwar l-assistenza finanzjarja. Dispożizzjoni ġdida hawnhekk tqis ir-rispett għall-iskadenzi stabbiliti mir-Regolament dwar il-FNE bħala wieħed mill-kriterji ta' selezzjoni għall-proġetti sottomessi lill-FNE. In-negozjati interistituzzjonali nfetħu f'Settembru 2019 u ntlaħaq ftehim fis-17 ta' Ġunju 2020.

F'Lulju 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fejn laqa' l-ftehim dwar miżuri b'rispons għall-pandemija tal-coronavirus bħala pass pożittiv, iżda esprima d-dispjaċir tiegħu dwar it-tnaqqis tal-komponent tal-għotjiet tal-fond għall-irkupru, fost affarijiet oħra.

 

Frédéric Gouardères / Ariane Debyser / Davide Pernice