Il-Finanzjament tan-Networks Trans-Ewropej

In-Networks Trans-Ewropej (TENs) huma ffinanzjati b'mod konġunt mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri. L-għajnuna finanzjarja mill-UE sservi ta’ katalizzatur, filwaqt li l-Istati Membri jipprovdu l-maġġorparti tal-finanzjament. Il-finanzjament tat-TENs jista’ jiġi kkomplementat permezz ta’ assistenza mill-Fondi Strutturali, għajnuna mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew permezz ta’ kontribuzzjonijiet mis-settur privat. Fl-2013, b’tiġdid fl-2021, ġiet introdotta riforma kbira fit-TENs bl-istabbiliment tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).

Il-bażi ġuridika

It-Titolu XVI tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 171 tiegħu jistipula li tista’ tingħata għajnuna tal-UE għal proġetti ta’ interess komuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-linji gwida.

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

L-objettivi

L-objettivi ġenerali tal-FNE jinkludu l-bini, l-iżvilupp, l-immodernizzar u t-tlestija tan-networks trans-Ewropej fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali (3.5.1) u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, b’kont meħud tal-impenji ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul u tal-għanijiet għaż-żieda fil-kompetittività Ewropea. F’konformità mal-objettiv tal-Unjoni li l-azzjonijiet klimatiċi jiġu integrati, il-FNE tikkontribwixxi 60% tal-baġit tagħha għall-objettivi klimatiċi permezz tal-azzjonijiet tagħha.

Il-kisbiet

A. Id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-finanzjament tal-proġetti

B’mod ġenerali, il-finanzjament tal-UE serva ta’ katalizzatur għall-proġetti. L-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu l-parti l-kbira tal-finanzjament, ħlief fil-każ tal-għajnuna mill-Fond ta’ Koeżjoni, fejn l-UE tradizzjonalment ikkontribwiet b’mod aktar sostanzjali.

L-ewwel prinċipji li jirregolaw il-finanzjament ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta’ Settembru 1995, li elenka regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks trans-Ewropej.

1. L-għajnuna tal-UE għall-proġetti ħadet forma waħda, jew aktar, minn dawn li ġejjin:

  • Il-kofinanzjament ta’ studji relatati ma’ proġetti u miżuri oħra ta’ assistenza teknika (sa 50%);
  • Il-kontribuzzjonijiet għal tariffi rigward garanziji ta’ self mill-Fond Ewropew tal-Investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
  • Is-sussidji tal-interessi għal self mogħti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew minn korpi finanzjarji pubbliċi jew privati oħrajn;
  • Varjetà ta’ tipi oħrajn ta’ strumenti finanzjarji minbarra għotjiet: ekwità u dejn; garanziji għal self u kapital ta’ riskju, u faċilitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet u kondiviżjoni tar-riskju;
  • L-għotjiet diretti għal investimenti f’każijiet debitament iġġustifikati.
  • Kompetizzjoni bejn offerenti kwalifikati u permezz ta’ għażla bbażata kemm fuq kunsiderazzjonijiet ta’ kostijiet kif ukoll ta’ kwalità.

2. Il-kriterji tal-proġett li ġejjin ġew stabbiliti progressivament:

  • L-għajnuna tal-UE għan-networks tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija ma jridux jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn in-negozji fis-settur ikkonċernat;
  • Il-proġetti jridu jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tan-networks stabbiliti fil-linji gwida rispettivi għat-TEN-T (ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013) u t-TEN-E (ir-Regolament (UE) 2022/869);
  • Il-proġetti jridu jkunu ekonomikament vijabbli;
  • Il-maturità tal-proġett u l-effett ta’ stimolu tal-intervent tal-UE;
  • L-effetti diretti jew indiretti fuq il-klima, l-ambjent u l-impjiegi, inkluż b’mod progressiv l-analiżi dejjem aktar kompluta tal-kostbenefiċċji, l-analiżi tal-impatt ambjentali, il-verifika tar-reżiljenza klimatika tal-proġetti, eċċ.;
  • Il-koordinazzjoni tal-iskedar taż-żmien tal-partijiet differenti tal-proġett, pereżempju fil-każ ta’ proġetti transfruntiera.
  • Il-proġetti ffinanzjati għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-UE u mal-politiki tal-UE, b’mod partikolari rigward il-ħarsien tal-ambjent, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Regolamenti suċċessivi li jistabbilixxu r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-UE introduċew sensiela ta’ elementi ġodda. Il-qafas finanzjarju għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 alloka EUR 29.4 biljun għat-TENs, li EUR 24 biljun minnhom marru għat-trasport (TEN-T) u madwar EUR 5.4 biljun għall-enerġija (TEN-E).

Wara l-proposta tal-Kummissjoni fl-2020 biex jiġi rivedut ir-Regolament (UE) 347/2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (TEN-E), ir-Regolament (UE) 2022/869 ikkontribwixxa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030, l-objettiv tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050, u biex jiġu żgurati l-interkonnessjonijiet, is-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq u tas-sistema, il-kompetizzjoni li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri kollha, u prezzijiet tal-enerġija affordabbli. Fil-parti l-kbira tagħhom, il-linji gwida jtemmu l-appoġġ tal-UE għal proġetti ġodda tal-gass naturali u taż-żejt u jintroduċu kriterji obbligatorji ta’ sostenibbiltà għall-proġetti kollha ta’ interess komuni (PCIs).

Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat proposta leġiżlattiva (COM(2021)0812) li tirrevedi l-linji gwida tan-network trans-Ewropew tat-trasport biex tallinjahom mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-miri klimatiċi tal-Liġi tal-UE dwar il-Klima. Ir-regolament propost ifittex li jikkoordina l-kurituri Ewropej tat-trasport u l-prijoritajiet orizzontali. Għandu l-għan ukoll li jiżgura li jsir progress f’kull kuritur u prijorità orizzontali u li dan iseħħ b’mod koerenti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkun meħtieġa tfittex l-opinjoni tal-Koordinaturi Ewropej għall-kurituri tan-network ewlieni meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-Unjoni taħt il-FNE għal kull kuritur tat-trasport jew kull prijorità orizzontali Ewropea fi ħdan il-mandat tal-Koordinatur Ewropew. Il-Koordinaturi Ewropej għandhom jivverifikaw jekk il-proġetti proposti mill-Istati Membri għall-kofinanzjament tal-FNE humiex konsistenti mal-prijoritajiet tal-pjan ta’ ħidma tal-kurituri.

Fis-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata biex tirrifletti l-kuntest ġeopolitiku modifikat, inkluża estensjoni ta’ erba’ Kurituri tat-Trasport Ewropej lejn l-Ukrajna u l-Moldova. Il-mandat ta’ negozjar tal-Parlament mal-Kunsill ġie adottat f’April 2023 bl-għan li jintlaħaq ftehim finali matul il-leġiżlatura attwali qabel l-elezzjonijiet tal-2024.

B’reazzjoni għall-instabbiltà u t-tfixkil fis-suq globali tal-enerġija kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, f’Mejju 2022 il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan REPowerEU bl-għan doppju li tindirizza l-kriżi klimatika u ttemm id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili mir-Russja, li qed jintużaw bħala arma ekonomika u politika. Il-miżuri proposti jiffukaw fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija (inkluża l-importazzjoni tal-LNG) u l-introduzzjoni aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli (inkluż l-idroġenu ekoloġiku). Il-pjan kien fih xi investimenti addizzjonali fl-infrastruttura tal-gass, stmati għal madwar EUR 10 biljun, biex jikkomplementaw il-lista eżistenti tal-PCIs. Barra minn hekk, introduzzjoni aktar rapida tal-PCIs tal-elettriku tqieset essenzjali għall-adattament tal-grilja tal-elettriku għall-ħtiġijiet futuri u se tiġi appoġġjata permezz tal-FNE.

B. Il-possibilitajiet ta’ finanzjament addizzjonali

1. Il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE

Fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020, aktar minn EUR 6 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u EUR 25.95 biljun mill-Fond ta’ Koeżjoni saru disponibbli fi ħdan l-Objettiv Tematiku 7 “Il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-titjib tal-infrastrutturi tan-network” biex jipprovdu kofinanzjament mill-UE għall-appoġġ ta’ Żona Unika Ewropea tat-Trasport multimodali permezz ta’ investiment fin-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Barra minn hekk, ġew stabbiliti riżorsi u strumenti addizzjonali mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (aktar tard imsejjaħ InvestEU), Orizzont 2020 (issa Orizzont Ewropa), u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jitrawmu opportunitajiet ta’ investiment fit-TEN-T.

2. L-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Peress li s-self mill-BEI jingħata abbażi ta’ kriterji bankarji, li jinkludu l-fattibbiltà finanzjarja (kapaċità ta’ ħlas lura), teknika u ambjentali tal-proġett, ma tiġi applikata l-ebda restrizzjoni territorjali.

C. Il-qafas finanzjarju 2021-2027

Fl-2018, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Din ġiet segwita minn proposti leġiżlattivi għal 37 programm settorjali. Minbarra l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE, il-fondi Orizzont Ewropa u InvestEU jipprovdu finanzjament komplementari għat-TEN, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija nadifa, it-trasport u t-teknoloġiji diġitali. B’reazzjoni għall-kriżi bla preċedent ikkawżata mill-COVID-19, fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet l-istrument temporanju ta’ rkupru NextGenerationEU, b’baġit ta’ EUR 750 biljun, kif ukoll rinforzi mmirati għall-baġit tal-UE għall-2021-2027. Finalment, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE laħqu ftehim politiku f’Lulju 2020, u l-Parlament u l-Kunsill approvawh f’Novembru 2020.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Minn Diċembru 2013 daħlet fis-seħħ politika tal-infrastruttura tat-TEN ġdida fl-UE, b’baġit ta’ aktar minn EUR 30.4 biljun għall-perjodu sal-2020 (UE-27), u ta’ aktar minn EUR 33.7 biljun għall-perjodu 2021-2027: il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).

A. L-objettivi ġenerali

Il-FNE għandha l-għan li:

  • tibni, tiżviluppa, timmodernizza u tlesti n-networks trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u ta' dak diġitali u li tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, b’kont meħud tal-impenji ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul u tal-għanijiet għaż-żieda fil-kompetittività Ewropea;
  • tikseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
  • tippromwovi l-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika;
  • u li ssaħħaħ l-aċċess għas-suq intern u l-integrazzjoni tiegħu, b’enfasi fuq l-iffaċilitar tas-sinerġiji bejn is-setturi tat-trasport, tal-enerġija u ta' dak diġitali.

1. Fis-settur tat-trasport, l-appoġġ se jkun limitat għal proġetti ta’ interess komuni mmirati lejn:

  • it-trawwim ta’ networks effiċjenti, interkonnessi u multimodali u infrastruttura għal mobilità intelliġenti, interoperabbli, sostenibbli, inklużiva, aċċessibbli, sikura u sigura, f’konformità mal-linji gwida tat-TEN-T (Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013); kif ukoll
  • l-adattament ta’ partijiet tan-network tat-TEN-T għall-użu doppju tal-infrastruttura tat-trasport bil-għan li jittejbu kemm il-mobilità ċivili kif ukoll dik militari.

2. Fis-settur tal-enerġija, l-appoġġ se jkollu l-għan li:

  • jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ulterjuri ta’ suq intern tal-enerġija effiċjenti u kompetittiv, l-interoperabbiltà tan-networks bejn il-fruntieri u s-setturi, jiffaċilita d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, jippromwovi l-effiċjenza enerġetika u jiżgura s-sigurtà tal-provvista; kif ukoll
  • jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-enerġija, inkluż l-enerġija rinnovabbli.

3. Fis-settur diġitali, il-FNE se tappoġġja:

  • il-varar ta’ networks diġitali sikuri u siguri b’kapaċità għolja ħafna, inkluż ta’ sistemi 5G u l-aċċess għalihom, u ż-żieda fir-reżiljenza u fil-kapaċità tan-networks ċentrali diġitali fit-territorji tal-Unjoni billi jgħaqqadhom ma’ territorji fil-madwar, kif ukoll għad-diġitalizzazzjoni tan-networks tat-trasport u tal-enerġija.

B. Il-Baġit għall-FNE 2021-2027

Fil-qafas tal-baġit tal-UE għall-2021-2027, fl-2018 il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-programm FNE lil hinn mill-2020 bil-għan ġenerali li jiġi appoġġjat l-investiment fin-networks Ewropej tal-infrastruttura fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni (COM(2018)0438). Il-baġit totali propost għall-FNE ammonta għal EUR 42.3 biljun (fi prezzijiet attwali) u speċifikament alloka EUR 30.6 biljun għat-trasport, EUR 8.65 biljun għall-enerġija u EUR 3 biljun għan-networks diġitali. Is-sinerġiji bejn it-tliet setturi u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli huma fost l-oqsma ewlenin li għandhom jiġu trattati mill-FNE ta’ wara l-2020 bil-għan li jiġu aċċellerati d-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE.

Fit-trasport, il-FNE għandha l-għan li taċċellera l-ikkompletar taż-żewġ saffi tat-TEN-T, il-varar tas-sistemi Ewropej ta’ ġestjoni tat-traffiku, bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju u l-proġett tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew, u li tappoġġja t-tranżizzjoni lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, inklużiva, sikura u sigura, billi tintroduċi network Ewropew ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar għal fjuwils alternattivi. Il-proposta tipprevedi li l-FNE l-ġdida tappoġġja wkoll l-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju ċivili/militari biex tadatta n-networks tat-trasport tal-Ewropa għar-rekwiżiti militari u ttejjeb il-mobbiltà militari fl-UE. Wara dan, il-Kummissjoni adottat ukoll “Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0” f’Novembru 2022 biex tiżgura mobilità militari konnessa aħjar u aktar sigura.

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta aġġustata tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) (COM(2020)0442). Madankollu, il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew f’Lulju 2020 wasslet għal tnaqqis fil-finanzjament propost għall-baġit tat-trasport tal-FNE (EUCO 22/20). Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għar-regolament dwar il-QFP 2021-2027.

F’Marzu 2021, in-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament laħqu ftehim proviżorju, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lulju 2020, biex jaqsmu l-finanzjament kif ġej:

  • Is-settur tat-trasport: EUR 25.81 biljun, inklużi EUR 11.29 biljun għall-pajjiżi li jibbenefikaw mill-Fond ta’ Koeżjoni u EUR 1.69 biljun għal azzjonijiet relatati mal-mobbiltà militari;
  • Is-settur tal-enerġija: EUR 5.84 biljun;
  • Is-settur diġitali: EUR 2.06 biljun.

Il-Kunsill laħaq pożizzjoni komuni fis-16 ta' Ġunju 2021 u l-ftehim ġie adottat mill-Parlament fit-tieni qari fis-7 ta' Lulju 2021.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

B’appoġġ għat-TENs, il-Parlament talab b’konsistenza biex jingħataw prijorità modalitajiet ta’ trasport aktar ekoloġiċi f’termini ta’ finanzjament, u alloka aktar minn 50% tal-finanzjament għall-infrastruttura lill-proġetti ferrovjarji (inkluż it-trasport kombinat) u stabbilixxa limitu massimu ta’ 25% għall-proġetti tat-triq. Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-proġetti ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE, mill-BEI, mill-Fond ta’ Koeżjoni, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew minn strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE.

Fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-baġits annwali tal-UE, il-Parlament ħa ħsieb l-approprjazzjonijiet allokati kemm għall-FNE kif ukoll għall-programmi Orizzont. Bi tweġiba għall-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-FNE ta’ wara l-2020, il-Kumitati għat-Trasport u t-Turiżmu u għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ħejjew abbozz ta’ rapport konġunt, li nnota n-nuqqas ta’ ambizzjoni f’termini tal-allokazzjoni tal-FNE għat-trasport u enfasizza l-ħtiġijiet ta’ investiment tas-settur, minbarra l-benefiċċji li konnettività mtejba tista’ twassal għall-UE. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati aktar ir-regoli tal-FNE u l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi fondi tal-UE li jappoġġjaw proġetti fis-settur tat-trasport, fis-settur tal-enerġija u fis-settur diġitali. Ir-rapporteurs irrimarkaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-iskrutinju parlamentari tal-prijoritajiet tal-FNE u li jittejjeb il-mod ta’ kif din tiġi mmonitorjata. Ir-rapport konġunt inkluda żieda ta’ madwar 10% fil-baġit allokat lil proġetti tat-trasport. Madankollu, iż-żieda prevista fil-baġit tal-FNE ma setgħetx tiġi akkomodata fil-baġit pluriennali sottostanti għall-perjodu 2021-2027. L-att finali (ir-Regolament (UE) 2021/1153) ġie ppubblikat f’Lulju 2021.

F’Lulju 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li fiha laqa’ l-ftehim dwar miżuri b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 bħala pass pożittiv, iżda esprima d-dispjaċir tiegħu, fost affarijiet oħra, dwar it-tnaqqis tal-komponent tal-għotjiet tal-fond għall-irkupru.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-infiq u l-għażla tal-PCIs jikkonformaw mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

Fil-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-Regolament TEN-E rivedut, il-Parlament żgura finanzjament għal proġetti li jagħtu skop ġdid lill-infrastruttura attwali tal-gass naturali għat-trasport u l-ħżin tal-idroġenu għal perjodu tranżitorju (sal-aħħar ta’ Diċembru 2029).

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-suġġetti, jekk jogħġbok ara s-siti web tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

 

Davide Pernice / Kristi Polluveer