L-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) taħdem biex tiggarantixxi sistema internazzjonali ta’ kummerċ ibbażata fuq ir-regoli. Minkejja l-intopp fin-negozjati kummerċjali, qed jiġu esplorati modi ħalli jiġu modernizzati r-regoli tad-WTO u jiġu indirizzati sfidi globali ġodda. Fl-ambitu tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament jilleġiżla b’mod konġunt mal-Kunsill, jeħtieġlu japprova kwalunkwe tibdil jew ftehimiet tad-WTO ġodda u għandu rwol ta’ skrutinju importanti dwar il-politika kummerċjali internazzjonali.

Fl-ewwel deċennji tas-seklu 20, kwistjonijiet kummerċjali wasslu lill-pajjiżi biex jimpenjaw ruħhom f’interazzjonijiet dejjem aktar kumplessi, u b’hekk inħolqot il-ħtieġa ta’ pjattaforma li tiffaċilita u tirregola r-relazzjonijiet kummerċjali. Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1947 (GATT), li kien ir-riżultat ta’ dan, mhux biss ipprovda forum ta’ diskussjoni madwar mejda, biex b’hekk inħoloq approċċ multilaterali għall-kummerċ, iżda stabbilixxa wkoll sistema ta’ regoli dwar il-kummerċ rikonoxxuti fil-livell internazzjonali. L-idea sottostanti kienet li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-membri kollha permezz ta’ “tnaqqis sostanzjali fit-tariffi u ostakoli oħra għall-kummerċ, u l-eliminazzjoni tat-trattament diskriminatorju fil-kummerċ internazzjonali”[1].

Hekk kif il-kummerċ internazzjonali żviluppa lil hinn minn prodotti tanġibbli biex jinkludi servizzi u ideat, il-GATT ġie ttrasformat u istituzzjonalizzat bħala l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Din l-organizzazzjoni ġiet stabbilita fl-1995 bħala riżultat taċ-Ċiklu tal-Urugwaj ta’ negozjati kummerċjali, u inkorporat ftehimiet kummerċjali preċedenti, bħall-GATT innifsu, il-Ftehim dwar il-Biedja u l-Ftehim dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ, kif ukoll ftehimiet ġenerali oħra. Il-ftehimiet ġodda l-aktar sinifikanti kienu l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS). Fi Frar 2017, daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li kien l-ewwel ftehim multilaterali konkluż mindu twaqqfet id-WTO. Fl-2022, wara li ġie pospost darbtejn minħabba r-restrizzjonijiet li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, intlaħaq ftehim dwar is-sussidji tas-sajd u emenda għat-TRIPS għall-vaċċini kontra l-COVID-19 fit-12-il Konferenza Ministerjali f’Ġinevra. Madankollu, sabiex inlaħħqu mal-iżviluppi reċenti f’ambjent tal-kummerċ li qed tinbidel malajr, ħafna membri, inkluża l-UE, jemmnu li għadha meħtieġa riforma fundamentali tad-WTO, pereżempju fl-oqsma tal-kummerċ u s-saħħa, l-enerġija, il-kummerċ elettroniku, l-aġevolar tal-investiment u s-sussidji industrijali.

Id-WTO taħdem biex tippromwovi kummerċ ħieles, b’mod partikolari billi tiżgura li l-pajjiżi jżommu r-ritmu fit-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ fit-taħditiet kummerċjali. Attwalment, żewġ terzi tal-membri tad-WTO huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, fatt li jippermetti lill-ekonomiji fi tranżizzjoni u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) jużaw il-kummerċ miftuħ biex javvanzaw l-isforzi tagħhom favur l-iżvilupp.

Il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim kummerċjali

Waħda mill-kisbiet l-aktar importanti tad-WTO hija l-konsolidazzjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim, li għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar tilwim kummerċjali u li jara li d-deċiżjonijiet tiegħu jiġu infurzati. Dan il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jaħdem fuq il-bażi ta’ regoli definiti minn qabel li jippermettu lill-membri tad-WTO, indipendentement mis-saħħa politika jew forza ekonomika tagħhom, iressqu lmenti dwar allegat ksur tar-regoli tad-WTO u jfittxu riparazzjoni. Dan il-mekkaniżmu wassal għal tnaqqis fl-użu tal-miżuri ta’ difiża unilaterali, li preċedentement kienu jintużaw mill-pajjiżi u li spiss ipprovokaw ritaljazzjoni mill-pajjiżi fil-mira, u xi kultant dan wassal għal gwerer kummerċjali veri u proprji.

Sa issa, is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO serviet biex tiggarantixxi li l-membri aktar b’saħħithom ma jipprevalux fuq dawk aktar dgħajfa, u pprovdiet regoli ċari dwar il-miżuri ta’ ritaljazzjoni. Madankollu, il-Korp tal-Appell effettivament m’għadux jeżisti peress li l-membri tiegħu waslu fl-aħħar tal-mandati tagħhom u l-postijiet vakanti ma mtlewx. Biex tingħeleb din is-sitwazzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-25 membru tad-WTO, tat bidu għal inizjattiva għal mekkaniżmu alternattiv imsejjaħ l-arranġament proviżorju ta’ arbitraġġ tal-appell bejn bosta partijiet (MPIA) li jikkonsisti f’10 arbitri li se jisimgħu l-appelli tar-rapporti tal-bord tad-WTO fl-ambitu tal-MPIA.

Sa mill-ħolqien tad-WTO, l-UE kienet waħda mill-ikbar utenti tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. Bejn l-1995 u l-2022, l-Unjoni kienet involuta f’203 każ għas-soluzzjoni tat-tilwim, 110 bħala lmentatur u 93 bħala konvenut[2]. F’216-il każ ieħor, din talbet l-istatus ta’ parti terza, ħaġa li tippermetti lill-membri tad-WTO jissorveljaw it-tilwim li jinvolvi partijiet oħra. L-UE, li hija rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, sikwit fittxet li ttejjeb u tiċċara l-ftehimiet tad-WTO billi titlob deċiżjonijiet mingħand il-bordijiet jew il-Korp tal-Appell tagħha.

Il-Parlament Ewropew isegwi mill-qrib l-iżvilupp tat-tilwim li jinvolvu lill-UE. Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament jippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar it-tilwim kummerċjali permezz ta’ rapporti, seduti ta’ smigħ pubbliċi u mistoqsijiet orali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

Iċ-Ċiklu ta’ Doha u lil hinn minnu

Mill-2001, il-membri tad-WTO kienu impenjati f’ċiklu wiesa’ ta’ negozjati kummerċjali multilaterali magħrufa bħala ċ-Ċiklu ta’ Doha jew l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA), bil-għan ewlieni jkun li l-iżvilupp jitpoġġa fil-qalba tas-sistema tal-kummerċ dinji. It-taħditiet ta’ Doha jfittxu li jagħtu rwol dejjem akbar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mill-kummerċ internazzjonali u jgħinuhom jiġġieldu l-faqar.

Sa mill-bidu, id-DDA kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ “impenn uniku”[3], u għadha miftuħa.

Madankollu, it-taħditiet staġnaw fuq kwistjonijiet ewlenin, prinċipalment dawk relatati mal-aċċess għas-suq. L-aktar differenzi sinifikanti huma dawk bejn il-pożizzjonijiet tal-pajjiżi emerġenti l-kbar u dawk tal-pajjiżi jew blokki industrijalizzati rigward il-mod li bih għandha tissawwar mill-ġdid is-sistema kummerċjali internazzjonali.

L-UE appoġġjat il-varar ta’ ċiklu wiesa’ u ambizzjuż. Hija qieset li dan kien l-aħjar mod kif jitwettaq it-tkabbir ekonomiku u jsiru gwadanji fl-iżvilupp għall-parteċipanti kollha u jitħallew marġini għall-kompromessi meħtieġa. Madankollu, minkejja l-isforzi konsiderevoli ta’ għadd ta’ parteċipanti (b’mod partikolari l-UE), il-possibbiltà ta’ konklużjoni b’suċċess tan-negozjati għada ’l bogħod. Fl-11-il Konferenza Ministerjali f’Diċembru 2017, gruppi ta’ membri tal-istess fehma tad-WTO ħarġu dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-avvanz tad-diskussjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku, dwar l-iżvilupp ta’ qafas multilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment, dwar it-tnedija ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) u dwar l-avvanz tat-taħditiet li għaddejjin dwar ir-regolamentazzjoni domestika tal-kummerċ fis-servizzi. Dawn in-negozjati plurilaterali tal-inizjattiva ta’ dikjarazzjoni konġunta huma miftuħa għall-membri kollha tad-WTO.

Fis-17 ta’ Ġunju 2022, it-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO laħqet ftehim storiku dwar it-tmiem tas-sussidji mhux sostenibbli tas-sajd, wara aktar minn 20 sena ta’ negozjati. Dan huwa l-ewwel ftehim multilaterali li qatt sar iffukat fuq is-sostenibbiltà u l-ewwel ftehim ġdid tad-WTO mill-2013 ’il hawn. Il-ftehim huwa pass kruċjali biex jiġi żgurat li s-sussidji tas-sajd ifittxu s-sostenibbiltà bħala l-objettiv ewlieni tagħhom u jevitaw li jagħmlu ħsara lill-oċeani u lill-istokkijiet tal-ħut, peress li dawn huma indispensabbli għall-għajxien tal-komunitajiet kostali madwar id-dinja.

Barra minn hekk, ġew miftiehma l-passi speċifiċi li jmiss lejn riforma tad-WTO, inkluż ir-restawr ta’ rwol ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jiffunzjona bis-sħiħ għall-organizzazzjoni. Ġiet adottata wkoll dikjarazzjoni ministerjali dwar ir-rispons tad-WTO għall-pandemija u l-istat ta’ tħejjija għall-pandemiji futuri, flimkien ma’ eżenzjoni ta’ ċerti obbligi ta’ proprjetà intellettwali b’rabta mal-vaċċini kontra l-COVID-19. F’rispons konġunt għas-sitwazzjoni drammatika attwali tal-ikel li tirriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-membri tad-WTO qablu li jeżerċitaw trażżin fuq ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u li jeżentaw ix-xiri umanitarju tal-Programm Dinji tal-Ikel minn tali restrizzjonijiet. Fl-aħħar nett, intlaħaq ftehim biex il-moratorju fuq id-dazji doganali fuq il-kummerċ elettroniku jiġi estiż sal-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss.

Wara l-inizjattiva tal-UE, il-biċċa l-kbira tal-membri tennew is-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna. L-UE rawmet ukoll aktar kooperazzjoni dwar l-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Il-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO, organizzata b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari, regolarment toffri opportunità għal parteċipazzjoni kostruttiva (ara aktar ’l isfel jekk trid aktar informazzjoni dwar din il-konferenza). Il-Parlament, f’diversi okkażjonijiet, talab li jitkomplew in-negozjati, filwaqt li enfasizza l-importanza taċ-Ċiklu ta’ Doha għall-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku dinji.

Il-Parlament kien ukoll involut mill-qrib ukoll fin-negozjati għal ftehimiet aktar limitati, bħan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku. Huwa jattendi l-Konferenzi Ministerjali tad-WTO, bħala parti mid-Delegazzjoni tal-UE. Il-Parlament qed ikompli jsegwi l-iżviluppi fid-WTO, b’mod partikolari t-tħejjija għat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC 13) li se ssir fis-26-29 ta’ Frar 2024 f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda.

L-UE u d-WTO

Sa issa, l-UE kellha rwol ċentrali fl-iżvilupp tas-sistema kummerċjali internazzjonali sa mit-Tieni Gwerra Dinjija. Attwalment, l-UE qed tesplora l-possibbiltà li timmodernizza d-WTO[4].

Bħall-GATT (u aktar tard, id-WTO), l-UE nnifisha oriġinarjament kienet maħsuba biex tneħħi l-ostakli doganali u tippromwovi l-kummerċ bejn l-Istati Membri tagħha. Is-suq uniku tal-UE kien imnebbaħ parzjalment mill-prinċipji u l-prattiki tal-GATT. L-Unjoni dejjem kienet fost il-promoturi ewlenin ta’ kummerċ internazzjonali effettiv imsejjes fuq l-istat tad-dritt. Tali sistema tgħin biex jiġi żgurat li n-negozji tagħha jgawdu aċċess ġust għas-suq lil hinn mill-fruntieri tagħha, u għaldaqstant tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, kemm domestikament kif ukoll f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari f’pajjiżi anqas żviluppati.

Il-politika kummerċjali komuni tal-UE hija wieħed mill-oqsma li fihom l-Unjoni bħala tali għandha kompetenza sħiħa u esklużiva. Fi kliem ieħor, l-UE topera bħala attur uniku fid-WTO u hija rrappreżentata mill-Kummissjoni u mhux mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tinnegozja l-ftehimiet kummerċjali u tiddefendi l-interessi tal-UE quddiem il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO f’isem is-27 Stat Membru tagħha. Il-Kummissjoni tikkonsulta u tirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Parlament dwar il-kontenut u l-istrateġija għad-diskussjonijiet multilaterali. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill u l-Parlament huma koleġiżlaturi b’vuċi ugwali dwar kwistjonijiet kummerċjali internazzjonali.

Permezz tad-WTO, l-UE ħadmet ukoll biex tippromwovi qafas multilaterali għan-negozjati kummerċjali, bil-għan li dawn jikkomplementaw in-negozjati bilaterali. Madankollu, l-istaġnar fiċ-Ċiklu ta’ Doha u l-fatt li sħab kummerċjali oħra qed jirrikorru għal ftehimiet bilaterali ġiegħlu lill-UE biex parzjalment terġa’ tikkunsidra l-istrateġija li ilha tħaddan għal żmien twil, u tmur lura għal negozjati reġjonali u bilaterali.

Is-sitwazzjonijiet ta’ ntopp attwali fid-WTO huma wkoll sinjal li s-sistema kummerċjali internazzjonali nbidlet b’mod drammatiku f’dawn l-aħħar 20 sena. Is-sistema evolviet, b’atturi ġodda – essenzjalment pajjiżi fi tranżizzjoni u pajjiżi li qed jiżviluppaw – li jiżvolġu rwol ċentrali. Il-liberalizzazzjoni tas-sistema kummerċjali internazzjonali kienet ta’ benefiċċju għal uħud mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li esperjenzaw fażi mingħajr preċedent ta’ tkabbir ekonomiku sostnut. L-UE hi konxja ferm ta’ din id-dinamika l-ġdida. Hija indikat il-ħtieġa li nmorru lil hinn mill-approċċ ta’ negozjar ta’ dawn l-aħħar snin u nippruvaw approċċi innovattivi biex nindirizzaw l-importanza dejjem akbar ta’ kwistjonijiet regolatorji, meta mqabbla mat-tariffi. Fi Frar 2023, l-UE pproponiet tliet oqsma ewlenin għal deliberazzjoni ffukata[5] fl-MC 13, jiġifieri l-politika kummerċjali u l-intervent mill-Istat biex jiġu appoġġati l-industriji, il-kummerċ u l-isfidi ambjentali globali, kif ukoll il-kummerċ u l-inklużività.

Il-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO

Il-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO hija organizzata b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Unjoni Interparlamentari (IPU) u hija maħsuba biex issaħħaħ id-demokrazija fil-livell internazzjonali billi tintroduċi dimensjoni parlamentari għall-kooperazzjoni kummerċjali multilaterali.

L-ewwel laqgħa formali tad-deputati parlamentari fid-WTO tmur lura għall-Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f’Seattle f’Diċembru 1999. Fl-2001, il-Parlament u l-IPU qablu li jaggregaw l-isforzi tagħhom u jorganizzaw laqgħa parlamentari waqt il-konferenza tad-WTO f’Doha. Din il-laqgħa bniet il-pedamenti ta’ dik li llum hi magħrufa bħala l-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO.

Din il-konferenza tipprovdi forum fejn il-membri parlamentari minn madwar id-dinja jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom il-fehmiet, l-informazzjoni u l-esperjenzi tagħhom fir-rigward ta’ kwistjonijiet kummerċjali internazzjonali. Il-parteċipanti jissorveljaw l-attivitajiet tad-WTO; jippromwovu l-effikaċja tad-WTO u l-atteġġjament ġust tagħha; jippromwovu t-trasparenza fil-proċeduri tad-WTO; jaħdmu biex itejbu d-djalogu bejn il-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili; jinfluwenzaw id-direzzjoni tad-diskussjonijiet fi ħdan id-WTO; u jiżviluppaw il-kapaċità tal-parlamenti nazzjonali fi kwistjonijiet kummerċjali internazzjonali.

Il-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO tiltaqa’ waqt il-Konferenzi Ministerjali tad-WTO. Madankollu, bħala riżultat tal-pandemija, ma kienx possibbli li wieħed jiltaqa’ fil-qafas limitat tat-12-il Konferenza Ministerjali, iżda wieħed jittama li jkun possibbli fit-13-il Konferenza Ministerjali li ġejja.

 

[1]Il-paragrafu introduttorju tal-Ftehim GATT (1947).
[2]Ċifri mill-1 ta’ Ottubru 2023. Is-sit web tad-WTO.
[3]Il-prinċipju ta’ “impenn uniku” essenzjalment ifisser li “mhu miftiehem xejn sakemm ikun miftiehem kollox”.

Wolfgang Igler