L-UE żviluppat politika biex tappoġġja l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni. Fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja saret l-ewwel mis-seba’ pajjiżi li ssieħbet, u l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja għandhom status ta’ pajjiż kandidat. Bdew in-negozjati tal-adeżjoni u nfetħu l-kapitoli mal-Montenegro u mas-Serbja, filwaqt li f’Lulju 2022 bdew in-negozjati mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq, u f’Diċembru 2022 il-Kosovo ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għas-sħubija fl-UE.

Il-bażi ġuridika

  • It-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): L-azzjoni esterna tal-UE;
  • L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): ftehimiet kummerċjali internazzjonali;
  • L-Artikolu 49 tat-TUE: kriterji għall-applikazzjoni u s-sħubija.

L-objettivi

L-UE għandha l-għan li tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku fil-Balkani tal-Punent u tiftaħ il-prospett ta’ integrazzjoni fl-UE.

L-isfond

Fl-1999, l-UE nediet il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA), qafas għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun, kif ukoll il-Patt ta’ Stabbiltà, inizjattiva usa’ li tinvolvi l-atturi internazzjonali ewlenin kollha. Fl-2008, il-Patt ta’ Stabbiltà ġie sostitwit mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali. Il-Kunsill Ewropew tal-2003 f’Thessaloniki tenna li l-pajjiżi kollha tal-PSA kienu kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE. Din il-“perspettiva Ewropea” reġgħet ġiet imtennija fl-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent tal-Kummissjoni fi Frar 2018 u fid-dikjarazzjonijiet ta’ wara s-Summits suċċessivi UE-Balkani tal-Punent.

L-istrumenti

A. Il-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA)

Il-PSA, li tnieda fl-1999, huwa l-qafas strateġiku li jappoġġja t-tqarrib gradwali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn l-UE. Huwa bbażat fuq relazzjonijiet kuntrattwali bilaterali, assistenza finanzjarja, djalogu politiku, relazzjonijiet kummerċjali u kooperazzjoni reġjonali.

Ir-relazzjonijiet kuntrattwali jieħdu l-forma ta’ ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (FSA). Dawn jipprevedu l-kooperazzjoni politika u ekonomika u l-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles mal-pajjiżi kkonċernati. Kull FSA jistabbilixxi strutturi ta’ kooperazzjoni permanenti abbażi ta’ prinċipji demokratiċi komuni, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li jiltaqa’ kull sena fil-livell ministerjali, jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ikkonċernat. Huwa megħjun mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA) jiżgura kooperazzjoni bejn il-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Parlament Ewropew.

Wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA mal-Kosovo f’April 2016, issa hemm fis-seħħ FSAs mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent kollha. Fil-każ tal-Kosovo, l-FSA huwa ftehim għall-UE biss, li ma jeħtieġx ratifika mill-Istati Membri (ħames Stati Membri ma jirrikonoxxux lill-Kosovo bħala Stat indipendenti). L-aspetti kummerċjali u dawk relatati mal-kummerċ tal-FSAs huma inklużi fi ftehimiet interim. Dawn ġeneralment jidħlu fis-seħħ malajr wara li jkunu ġew iffirmati, billi l-kummerċ huwa kompetenza “esklussiva” tal-UE.

B. Il-proċess tal-adeżjoni

L-applikanti għas-sħubija fl-UE jridu jissodisfaw il-kriterji politiċi ta’ Copenhagen (ara l-iskeda informattiva dwar it-Tkabbir tal-Unjoni5.5.1). Ladarba pajjiż ikun ġie rikonoxxut bħala kandidat, jgħaddi mid-diversi fażijiet tal-proċess b’ritmu li jiddependi l-aktar fuq il-mertu u l-progress tiegħu stess.

Il-pajjiż kandidat irid jadotta u jimplimenta l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE (jiġifieri l-acquis communautaire). Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress fir-rapporti annwali tagħha għal kull pajjiż. Kull deċiżjoni importanti tittieħed mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, mill-ftuħ tan-negozjati sal-għeluq tagħhom. It-trattat tal-adeżjoni jrid jiġi approvat mill-Parlament u mill-Kunsill, qabel ma jiġi ratifikat mill-Istati kontraenti kollha.

Il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jirċievu assistenza finanzjarja biex iwettqu r-riformi neċessarji. Mill-2007 lil hawn, l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-UE saret tingħata permezz ta’ strument waħdieni unifikat: l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

Ħafna mill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jistgħu jipparteċipaw ukoll fi programmi tal-UE.

C. Il-kooperazzjoni reġjonali

L-integrazzjoni Ewropea u l-kooperazzjoni reġjonali huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-PSA huwa li jħeġġeġ lill-pajjiżi tar-reġjun jikkooperaw bejniethom fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma, inklużi l-prosekuzzjoni ta’ delitti tal-gwerra, kwistjonijiet dwar fruntieri, ir-rifuġjati u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Komponent speċifiku tal-IPA huwa ddedikat għall-kooperazzjoni reġjonali u l-programmi transfruntiera.

Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), ibbażat f’Sarajevo, jopera skont il-gwida tal-Proċess ta’ Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa (SEECP). Il-KKR għandu l-għan li jappoġġja l-aspirazzjonijiet Ewropej u Ewro-Atlantiċi tal-membri tiegħu li mhumiex membri tal-UE, u li jiżviluppa kooperazzjoni f’oqsma bħall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-enerġija u l-infrastrutturi, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, is-sigurtà, il-bini tal-kapital uman u r-relazzjonijiet parlamentari. L-UE u ħafna Stati Membri individwali jappoġġjaw lill-KKR u jipparteċipaw fih.

Inizjattiva reġjonali importanti oħra hija l-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jieħdu sehem f’għadd ta’ oqfsa reġjonali.

D. Eżenzjoni mill-viża tal-ivvjaġġar

Minn Diċembru 2009, iċ-ċittadini ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (issa r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq), tal-Montenegro u tas-Serbja bdew jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-viża fiż-żona Schengen filwaqt li din l-eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bożnija-Ħerzegovina daħlet fis-seħħ f’Novembru 2010. F’Jannar 2012, tnieda djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo. F’Lulju 2018, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Kosovo kien issodisfa l-kriterji kollha. Wara negozjati interistituzzjonali prolongati u votazzjoni finali tal-Parlament Ewropew f’April 2023, il-Kosovari se jkunu jistgħu jgawdu minn ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen sa mhux aktar tard minn Jannar 2024.

Is-sitwazzjoni attwali

A. L-Albanija

L-Albanija applikat għas-sħubija fl-UE fit-28 ta’ April 2009. F’Ottubru 2013, il-Kummissjoni rrakkomandat b’mod inekwivokabbli li l-Albanija tingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE, li fil-fatt kisbet f’Ġunju 2014. Fid-dawl tal-progress tal-Albanija, il-Kummissjoni ripetutament irrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni. F’Ġunju 2018, il-Kunsill qabel dwar il-ftuħ possibbli tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-Albanija f’Ġunju 2019, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ġew issodisfati. F’Marzu 2020, il-Kunsill fl-aħħar iddeċieda li japprova l-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni, sakemm jiġi ssodisfat sett ta’ kundizzjonijiet. F’Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz ta’ qafas ta’ negozjar – l-ewwel wieħed li qies il-“metodoloġija riveduta għat-tkabbir tal-Balkani tal-Punent” u li ġie ppubblikat fi Frar 2020 – lill-Istati Membri. In-negozjati ta’ adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq, trattati b’mod konġunt minħabba rakkomandazzjoni pożittiva kondiviża mill-Kummissjoni, infetħu formalment f’Lulju 2022 wara dewmien twil li kien prinċipalment ikkawżat minn kwistjonijiet bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bulgarija b’rabta mal-identità, il-lingwa u l-istorja.

B. Il-Bożnija-Ħerzegovina

F’Ġunju 2008 diġà kien ġie nnegozjat u ffirmat FSA mal-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), iżda d-dħul fis-seħħ tiegħu ġie ffriżat, l-aktar minħabba li l-pajjiż naqas milli jeżegwixxi sentenza fundamentali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-“approċċ imġedded” tal-UE fil-konfront tal-pajjiż, li jpoġġi aktar enfasi fuq il-governanza ekonomika, ippermetta d-dħul fis-seħħ, li kien ilu li skada, tal-FSA fl-1 ta’ Ġunju 2015. Il-pajjiż ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal sħubija fil-15 ta’ Frar 2016. F’Mejju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-opinjoni tagħha, inkluża lista ta’ 14-il prijorità ewlenija li għandhom jiġu ssodisfati mill-BIH biex ikunu jistgħu jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni. Dawn jinkludu l-iżgurar tal-funzjonament xieraq tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA), id-dimensjoni parlamentari tal-FSA (prijorità ewlenija 3). Fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 2023, kważi tmien snin wara l-ewwel laqgħa tal-SAPC li falliet f’Novembru 2015, it-tielet laqgħa sħiħa tal-KPSA UE-BiH saret b’suċċess f’Sarajevo. Dan wassal lill-Kummissjoni biex fir-rapport tagħha tal-2023 dwar il-pajjiż, tikkonkludi li l-prijorità ewlenija kellha implimentazzjoni tajba. B’riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u d-deċiżjoni tal-UE, f’Ġunju 2022, li tagħti status ta’ pajjiż kandidat lill-Moldova u lill-Ukrajna, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti wkoll l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-BiH f’Diċembru 2022. Fit-8 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni rrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mal-BiH “ladarba jintlaħaq il-livell meħtieġ ta’ konformità mal-kriterji tas-sħubija”.

C. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (issa r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq) applikat għas-sħubija fl-UE f’Marzu 2004 u ngħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE f’Diċembru 2005. Madankollu, għal ħafna snin, il-pajjiż ma setax jiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni, l-aktar minħabba t-tilwim mal-Greċja dwar l-użu tal-isem “Maċedonja”. Din it-tilwima ġiet riżolta b’suċċess permezz tal-“Ftehim ta’ Prespa” dwar l-isem il-ġdid tal-pajjiż – ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (jew sempliċiment il-Maċedonja ta’ Fuq) – li daħal fis-seħħ fi Frar 2019. Mill-2009 lil hawn, il-Kummissjoni, bl-appoġġ sod tal-Parlament Ewropew, dejjem irrakkomandat li jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni. F’Ġunju 2018, il-Kunsill qabel dwar il-possibbiltà li f’Ġunju 2019 jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ġew issodisfati. F’Marzu 2020, il-Kunsill fl-aħħar iddeċieda li japprova l-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni, mingħajr ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni ulterjuri. F’Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tal-qafas ta’ negozjar – l-ewwel wieħed li qies il-“metodoloġija riveduta għat-tkabbir tal-Balkani tal-Punent” – lill-Istati Membri. In-negozjati ta’ adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija, trattati b’mod konġunt minħabba rakkomandazzjoni pożittiva kondiviża mill-Kummissjoni, infetħu formalment f’Lulju 2022 wara dewmien twil li kien prinċipalment ikkawżat minn kwistjonijiet bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bulgarija b’rabta mal-identità, il-lingwa u l-istorja.

D. Il-Kosovo

Il-Kosovo huwa kandidat potenzjali għall-adeżjoni fl-UE. Huwa ddikjara b’mod unilaterali l-indipendenza tiegħu fi Frar 2008. Ħames Stati Membri tal-UE (Ċipru, il-Greċja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja) u żewġ pajjiżi fir-reġjun (is-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina) ma rrikonoxxewx l-indipendenza tal-Kosovo. F’Lulju 2018, sitt snin wara li nħareġ pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Kosovo kien issodisfa l-kriterji kollha. Wara negozjati interistituzzjonali prolongati u votazzjoni finali tal-Parlament Ewropew f’April 2023, il-Kosovari se jkunu jistgħu jgawdu minn ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen sa mhux aktar tard minn Jannar 2024. Wara li f’April 2013 intlaħaq ftehim storiku dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina (il-“Ftehim ta’ Brussell”), f’Ġunju 2013 il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ negozjati dwar FSA mal-Kosovo, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2016. L-integrazzjoni futura tal-Kosovo mal-UE – bħal dik tas-Serbja – tibqa’ marbuta mill-qrib mad-djalogu iffaċilitat mill-UE, bejn il-Kosovo u s-Serbja, li għandu jwassal għal ftehim komprensiv legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom. Il-Kosovo (bħas-Serbja) għad irid jibda jimplimenta l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn ftehim imġedded tal-bidu tal-2023 li huwa maħsub biex jerġa’ jqajjem id-djalogu.

E. Il-Montenegro

Il-Montenegro, li kiseb l-indipendenza fl-2006, applika għas-sħubija fl-UE f’Diċembru 2008. Dan ingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat f’Diċembru 2010 u n-negozjati ta’ adeżjoni nfetħu f’Ġunju 2012. F’konformità mal-“approċċ il-ġdid” fil-konfront tal-proċess tal-adeżjoni, il-kapitoli kruċjali dwar l-istat tad-dritt – il-Kapitolu 23 dwar ir-riforma ġudizzjarja u d-drittijiet fundamentali u l-Kapitolu 24 dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja – infetħu f’fażi bikrija tan-negozjati, f’Diċembru 2013. Sal-lum, it-33 kapitolu ta’ negozjar taħt skrutinju kollha nfetħu, u minnhom, tlieta biss ingħalqu proviżorjament. L-aħħar kapitolu ewlieni li fadal (dwar il-politika tal-kompetizzjoni) infetaħ f’Ġunju 2020. Madankollu, it-taqlib politiku u l-instabbiltà fil-Montenegro wasslu għall-waqfien tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-pajjiż fl-UE f’dawn l-aħħar snin.

F. Is-Serbja

Is-Serbja ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-UE f’Diċembru 2009 u f’Marzu 2012 ingħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat wara li Belgrad u Pristina laħqu ftehim dwar ir-rappreżentanza reġjonali tal-Kosovo. In-negozjati ta’ adeżjoni mas-Serbja nfetħu formalment fil-21 ta’ Jannar 2014. L-ewwel żewġ kapitoli, fosthom dak dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, infetħu f’Diċembru 2015. Il-Kapitoli 23 u 24, li huma l-kapitoli ewlenin dwar l-istat tad-dritt, infetħu fit-18 ta’ Lulju 2016. Sal-lum infetħu 22 minn 35 kapitolu ta’ negozjar, li minnhom tnejn biss ingħalqu proviżorjament. L-erba’ kapitoli li jikkostitwixxu ir-“Raggruppament Erbgħa” – dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli – infetħu f’Diċembru 2021 wara perjodu ta’ sentejn mingħajr ftuħ ta’ kapitoli ġodda. Minn dak iż-żmien ’l hawn ma nfetħu ebda kapitoli jew raggruppamenti ġodda. L-integrazzjoni futura tas-Serbja mal-UE – bħal dik tal-Kosovo –tibqa’ marbuta mill-qrib mad-djalogu iffaċilitat mill-UE bejn is-Serbja u l-Kosovo, li għandu jwassal għal ftehim komprensiv legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom. Is-Serbja (bħall-Kosovo) għad irid jibda jimplimenta l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn ftehim imġedded tal-bidu tal-2023 li huwa maħsub biex jerġa’ jqajjem id-djalogu.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament jinsab involut bis-sħiħ fil-PSA u l-approvazzjoni tiegħu hija meħtieġa għall-konklużjoni ta’ kull FSA (l-Artikolu 218(6) tat-TFUE). Jeħtieġ ukoll li huwa jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kwalunkwe adeżjoni ġdida mal-UE (l-Artikolu 49 tat-TUE). Barra minn hekk, permezz tas-setgħat baġitarji tiegħu, għandu influwenza diretta fuq l-ammonti allokati għall-IPA. Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament jaħtar rapporteurs permanenti għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha. Il-Parlament jesprimi l-pożizzjonijiet tiegħu dwar it-tkabbir fil-forma ta’ riżoluzzjonijiet annwali b’rispons għar-rapporti annwali tal-pajjiż l-aktar reċenti tal-Kummissjoni. F’Ġunju 2020, wara s-Summit ta’ Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent (li sar online), il-Parlament ħareġ ukoll sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-Balkani tal-Punent. Fit-23 ta’ Novembru 2022, huwa adotta rakkomandazzjonijiet addizzjonali dwar strateġija ġdida tal-UE għat-tkabbir. Il-Parlament għandu wkoll relazzjonijiet bilaterali regolari mal-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent permezz tad-delegazzjonijiet tiegħu, li jiltaqgħu regolarment mal-kontropartijiet tagħhom tal-Balkani tal-Punent biex jiddiskutu kwistjonijiet rilevanti għall-SAPs u l-proċessi ta’ adeżjoni fl-UE, fuq medja ta’ darbtejn fis-sena. Meta jiġi mistieden, il-Parlament josserva l-maġġoranza tal-elezzjonijiet fil-Balkani tal-Punent u diġà għamel dan fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Huwa żviluppa ukoll sensiela ta’ attivitajiet u programmi dwar id-demokrazija parlamentari u l-bini tal-kapaċitajiet li huma mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-parlamenti sħab tal-Balkani tal-Punent. Fil-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja, il-Parlament qed jiffaċilita wkoll it-tqarrib bejn il-partiti politiċi.

 

André De Munter